EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2010/333/06

Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar Is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Naħdmu flimkien biex niġġieldu l-faqar fl-2010 u lil hinn minnha

ĠU C 333, 10.12.2010, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 333/8


Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar Is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Naħdmu flimkien biex niġġieldu l-faqar fl-2010 u lil hinn minnha

2010/C 333/06

Filwaqt li jfakkar li l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-valuri universali tad-dinjità, il-libertà, l-ugwaljanza u s-solidarjetà tal-bniedem, il-Kunsill jindika l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali bħala prijorità għall-Unjoni. Il-Kunsill jesprimi l-impenn qawwi tiegħu biex jipprevjeni u jnaqqas il-faqar u l-esklużjoni soċjali, u jistieden lill-atturi rilevanti kollha biex jieħdu kont bis-sħiħ ta' din il-prijorità fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020.

1.   Imħeġġin mill-kisbiet tas-Sena Ewropea

Is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) kkontribwiet biex jingħata leħen aktar b'saħħtu lil min hu eskluż. Din għenet biex tintwera realtà li ta' spiss tiġi ssottovalutata jew li ma tinftiehemx f'waħda mir-reġjuni l-aktar sinjuri fid-dinja. Din il-kampanja fl-UE kollha mmobilizzat firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, istituzzjonijiet tal-UE, gvernijiet nazzjonali u subnazzjonali, amministrazzjoniiet ċentrali, reġjonali u lokali, kif ukoll imsieħba soċjali, persuni f'sitwazzjoni ta' faqar u l-NGOs li jappoġġawhom. L-ispinta li nħolqot tmur lil hinn mis-sensibilizzazzjoni; hija wkoll appell għal wirt politiku b'saħħtu li jagħti riżultati konkreti u biex kulħadd jimpenja ruħu għall-bini ta' Ewropa aktar ġusta għal kulħadd.

2.   Nibnu fuq l-Istrateġija Ewropa 2020

L-adozzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 kienet pass kbir 'il quddiem. Għall-ewwel darba, l-UE stabbilixxiet mira ewlenija għaliha nfisha dwar l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar li tikkostitwixxi objettiv komuni li jiggwida l-azzjoni tal-Istati Membri u l-Unjoni: li tneħħi mill-inqas 20 miljun Ewropew mir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali sal-2020. Issa, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw dan l-impenn fil-livell tagħhom. Billi jitneħħa għadd dejjem akbar ta' nies mill-faqar, bil-provvediment ta' protezzjoni soċjali u l-promozzjoni ta' impjiegi ta' kwalità u bil-parteċipazzjoni soċjali attiva, l-Istati Membri ser ikunu qed jikkontribwixxu għal irkupru sostenibbli, distribuzzjoni aktar ġusta tal-mezzi u opportunitajiet u tkabbir inklussiv.

3.   Nippromwovu l-Valuri tal-UE

Ir-rikonoxximent tad-dritt fundamentali tan-nisa, l-irġiel u t-tfal kollha li jgħixu b’dinjità jinsab fil-qofol tal-impenn tal-UE għall-inklużjoni soċjali. Kulħadd għandu jingħata aċċess effettiv għad-drittijiet soċjali, ekonomiċi u kulturali.

4.   Niffaċċjaw l-isfidi futuri

B'kont meħud tat-tagħlim miksub mill-imgħoddi, l-Unjoni Ewropea għandha tagħti tweġibiet konkreti, sodisfaċenti u urġenti għad-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-persuni li jgħixu fil-faqar jew fl-esklużjoni soċjali, bit-tneħħija tal-ostakoli u bl-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-irġiel biex ibiddlu s-sitwazzjoni tagħhom. Il-faqar huwa kwistjoni multidimensjonali u biex dan jiġi miġġieled, ser jinħtieġ il-mobilizzazzjoni tal-politiki, l-għodod u l-livelli ta' gvern kollha rilevanti. Il-politiki biex jiġi ttrattat il-faqar jistgħu jibbenefikaw ukoll minn aktar skambji ta' prattiki tajba dwar l-innovazzjoni soċjali u l-isperimentazzjoni soċjali. Id-deċennju li jmiss ser ikun kruċjali biex jintwera l-impenn tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għat-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.

4.1.

L-inklużjoni attiva hija strateġija ewlenija biex tiġi appoġġata l-mira għat-tnaqqis tal-faqar. L-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija għandha tiġi żviluppata aktar b'mod ekwilibrat fuq it-tliet pilastri (appoġġ adegwat għad-dħul, swieq tax-xogħol inklussivi, u aċċess għal servizzi ta' kwalità) u tkun soġġetta għal monitoraġġ adatt fil-qafas tal-aġenda tal-Ewropa 2020.

Kulħadd, kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel, għandu jiġi inkluż, mhux biss permezz ta' impjieg deċenti u riżorsi materjali adegwati, iżda wkoll permezz ta' aċċess għal firxa ta' ħiliet, għal riżorsi soċjali u kulturali u għas-servizzi kollha meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet bażiċi bħal dar, aċċess għall-ilma u l-enerġija, kura tas-saħħa, edukazzjoni u mobbiltà.

4.2.

Il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal għandha tkun prijorità ewlenija. It-tfal li jitwieldu fil-faqar jiffaċċjaw riskju sostanzjalment ogħla li jibqgħu fih tul l-adolexxenza tagħhom u sa meta jsiru adulti. L-appoġġ lil tfal vulnerabbli u lill-ġenituri tagħhom mit-tfulija bikrija tagħhom 'il quddiem huwa essenzjali biex lil kull tifel u tifla jiġu ggarantiti l-opportunitajiet kollha. Dan ifisser il-prevenzjoni u t-taffija tal-faqar fil-familja, investiment fil-kura u l-edukazzjoni, b'mod partikolari matul l-ewwel snin u l-għoti tas-setgħa lit-tfal, f'konformità mad-drittijiet fundamentali u b'mod partikolari mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

4.3.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-gruppi vulnerabbli bħall-migranti, ir-Rom u l-minoranzi etniċi l-oħra u lill-forom estremi ta' faqar bħall-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar. Ħadd ma għandu jitħalla l-art.

4.4.

Il-politiki ekonomiċi, tal-impjieg u dawk soċjali għandhom issaħħu lil xulxin u jkunu komplimentari. Il-proposti ta' politika kollha għandhom jieħdu kont tal-impatt potenzjali tagħhom fuq il-faqar u l-esklużjoni soċjali. Il-konsolidazzjoni finanzjarja u l-politiki baġitarji għandhom debitament jieħdu kont tal-ħtieġa ta' protezzjoni tan-nies vulnerabbli kollha u l-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali.

L-użu effettiv u adatt tal-Fondi Strutturali, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew, biex ikun hemm koeżjoni soċjali u biex jgħin fil-ġlieda kontra l-faqar f'konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa element ewlieni f'dan ir-rigward.

5.   Niffurmaw il-futur flimkien

Il-wirt tas-Sena Ewropea għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali (2010) ser jiġi żviluppat aktar permezz tal-inizjattiva ewlenija “Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar”. L-inklużjoni attiva u l-ġlieda kontra l-faqar tat-tfal u tal-familji tagħhom għandhom ikunu ċentrali f'dan ir-rigward.

L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jaħdmu flimkien fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u dak lokali fil-ġlieda kontra l-faqar, b'parteċipazzjoni sħiħa tas-soċjetà ċivili inklużi l-imsieħba soċjali, is-settur privat u l-partijiet interessanti rilevanti kollha. Is-sħubiji bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u n-nies f'sitwazzjoni ta' faqar għandhom jiġu inkoraġġuti u għandhom ikomplu jiġu żviluppati b'mod strutturat. F'dan ir-rigward, diġà feġġew diversi inizjattivi, bħal-Laqgħa Ewropea Annwali tan-Nies f'Sitwazzjoni ta' Faqar.

Approċċ wiesa' għall-faqar huwa kruċjali biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri u biex tinkiseb il-viżjoni komuni tagħna: soċjetà ġusta, parteċipattiva u inklussiva – li fiha kulħadd għandu post u fejn il-faqar ma jkunx jeżisti aktar.


Top