Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XC1204(09)

    Notifika ta' tnedija avviż ta’ ftuħ ta’ proċediment ta' antidumping rigward importazzjonijiet ta' aċetat tal-vinil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika

    ĠU C 327, 4.12.2010, p. 23–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 327/23


    Notifika ta' tnedija avviż ta’ ftuħ ta’ proċediment ta' antidumping rigward importazzjonijiet ta' aċetat tal-vinil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika

    2010/C 327/14

    Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet tal-aċetat tal-vinil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika, qegħdin ikunu l-oġġett ta' dumping u b'hekk qegħdin joħolqu ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni.

    1.   L-ilment

    L-ilment ġie mressaq fit-22 ta’ Ottubru 2010 mill-produttur tal-Unjoni Ineos Oxide Ltd, (“il-kwerelant”) li jirrappreżenta proporzjon prinċipali, f’dan il-każ aktar minn 25 % tal-produzzjoni sħiħa tal-Unjoni tal-aċetat tal-vinil.

    2.   Il-prodott li qed jiġi investigat

    Il-prodott li hu soġġett għal din l-investigazzjoni huwa l-aċetat tal-vinil (il-prodott fl-investigazzjoni).

    3.   L-Allegazzjoni ta' dumping  (2)

    Il-prodott li allegatament qed ikun oġġett ta' dumping huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika (“il-pajjiż ikkonċernat”), u li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2915 32 00. Dan il-kodiċi NM qed jingħata biss għall-informazzjoni.

    L-allegazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil tal-prezzijiet domestiċi mal-prezzijiet tal-esportazzjoni (fil-livell tal-ħruġ tax-xogħol mill-fabbrika) tal-prodott li qed jiġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

    Fuq din il-bażi il-marġini ta’ dumping li ġie kkalkulat huwa sinifikanti għall-pajjiż esportatur ikkonċernat.

    4.   Allegazzjoni ta' ħsara

    Il-kwerelant ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b’mod ġenerali kemm f’termini assoluti kif ukoll f’termini ta’ sehem mis-suq.

    L-evidenza prima facie li pprovda l-kwerelant turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott impurtat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa u fuq is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, bir-riżultat ta’ effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali, is-sitwazzjoni finanzjarja u fuq is-sitwazzjoni tal-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni.

    5.   Il-proċedura

    Billi ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat bidu ta’ proċediment, il-Kummissjoni b'dan qiegħda tniedi investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

    L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qiegħed jiġi investigat u li joriġina mil-pajjiż ikkonċernat hux qiegħed ikun oġġett ta’ dumping u jekk dan id-dumping ikkawżax ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet jikkonfermaw li dan hu minnu, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta' miżuri tmurx kontra l-interessi tal-Unjoni.

    5.1.    Proċedura għad-determinazzjoni tad-dumping

    Il-produtturi esportaturi (3) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna li jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    5.1.1.   Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

    Biex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħrufa fil-pajjiż ikkonċernat, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat. Il-produtturi esportaturi u l-assoċjazzjonijiet kollha tal-produtturi esportaturi huma mistiedna li jikkuntattjaw lill-Kummissjoni immedjatament, bil-faks jew b'ittra elettronika mhux iktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, biex jippreżentaw irwieħhom u biex jitolbu kwestjonarju.

    Il-produtturi esportaturi u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi għandhom jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-kwestjonarju mimli jkun fih tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpannija/i tal-produttur esportatur, l-attivitajiet tal-kumpannija/i marbuta mal-prodott fl-investigazzjoni, l-ispejjeż tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-prodott fl-investigazzjoni fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat u l-bejgħ tal-prodott fl-investigazzjoni fl-Unjoni.

    5.1.2.   L-investigazzjoni ta' impurtaturi mhux relatati  (4)  (5)

    Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ impurtaturi mhux relatati involuti f’dan il-proċediment u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita għal għadd raġonevoli l-impurtaturi mhux relatati li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ it-teħid ta’ kampjuni, u jekk ikun hekk, biex tagħżel kampjun, l-impurtaturi kollha mhux relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, b’dan qed jintalbu jippreżentaw rwieħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu hekk fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu t-tagħrif li ġej dwar il-kumpannija jew il-kumpanniji tagħhom lill-Kummissjoni:

    l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks u l-persuna ta’ kuntatt,

    l-attivitajiet preċiżi tal-kumpannija fir-rigward tal-prodott fl-investigazzjoni,

    il-fatturat totali matul il-perijodu mill-1 ta' Ottubru 2009 sat-30 ta' Settembru 2010, li se jkun il-perijodu ta' investigazzjoni tal-prodott impurtat fl-investigazzjoni li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat,

    il-volum f'tunnellati u l-valur f'EUR ta' importazzjonijiet u bejgħ mill-ġdid fl-Unjoni matul il-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2009 sat-30 ta' Settembru 2010.

    l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanniji relatati kollha (6) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat,

    kull tagħrif rilevanti ieħor li jista' jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

    Bl-għoti tat-tagħrif li ssemma hawn fuq, il-kumpannija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpannija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan jimplika li trid timla kwestjonarju u li taċċetta żjara fil-post fejn tinsab biex jiġi vverifikat ir-rispons tagħha (“verifika fuq il-post”). Jekk kumpannija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, ser jitqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għall-impurtaturi li ma jikkooperawx huma msejsa fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għall-parti milli kieku tkun ikkooperat.

    Biex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li hu meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ impurtaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ impurtaturi.

    Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti ieħor rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra t-tagħrif mitlub hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-impurtaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-impurtaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet tal-impurtaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpanniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

    Biex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-impurtaturi mhux relatati li qegħdin fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ impurtaturi. Dawn il-partijiet għandhom jippreżentaw il-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju mimli għandu jkun fih tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpannija/i tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpannija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat u dwar il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

    5.2.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-ħsara

    Ħsara tfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni, jew theddid ta’ ħsara materjali lill-industrija, jew dewmien materjali fl-istabbiliment ta’ din l-industrija. Id-determinazzjoni ta’ ħsara hija msejsa fuq evidenza pożittiva u tinvolvi determinazzjoni oġġettiva tal-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Biex ikun stabbilit l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx ħsara materjali, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott fl-investigazzjoni huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    5.2.1.   L-investigazzjoni ta' produtturi tal-Unjoni

    Biex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni magħrufa u lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi tal-Unjoni. Il-produtturi u l-assoċjazzjonijiet kollha tal-produtturi tal-Unjoni huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, bil-faks jew b’ittra elettronika, iżda mhux iktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, biex jippreżentaw rwieħhom u biex jitolbu kwestjonarju.

    Il-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni għandhom jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju mimli għandu jkun fih it-tagħrif dwar, fost oħrajn, l-istruttura tal-kumpannija/i tagħhom, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpannija/i tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpannija/i fir-rigward tal-prodott fl-investigazzjoni, l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott fl-investigazzjoni.

    5.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

    Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ħsara kkawżata minħabba f’hekk, sejra tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri tal-antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku. Il-produtturi tal-Unjoni, l-impurtaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-utenti u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi huma mistiedna jippreżentaw rwieħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Biex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi għandhom juru, fl-istess limitu ta' skadenza, li hemm konnessjoni oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott fl-investigazzjoni.

    Il-partijiet li jippreżentaw rwieħhom fil-limitu ta’ żmien stipulat hawn fuq jistgħu jipprovdu t-tagħrif lill-Kummissjoni dwar jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tkunx fl-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Dan it-tagħrif jista’ jingħata kemm f’format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, it-tagħrif imressaq skont l-Artikolu 21 jitqies biss jekk ikun sostnut minn evidenza fattwali meta jitressaq.

    5.4.    Sottomissjonijiet oħra bil-miktub

    Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-avviż, il-partijiet interessati kollha huma b'dan mistiedna juru fehmiethom, iressqu t-tagħrif u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, dan it-tagħrif u l-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    5.5.    Il-possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

    Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Minn dakinhar 'il quddiem, kull talba għal smigħ għandha titressaq fil-limiti ta' żmien iffissati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    5.6.    Il-proċedura biex isiru sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlijin u korrispondenza

    Is-sottomissjonijiet kollha, inkluż it-tagħrif sottomess għall-għażla tal-kampjuni, il-kwestjonarji mimlija u l-aġġornamenti tagħhom, li jsiru mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub kemm fuq karta kif ukoll f’format elettroniku, u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numru tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Jekk parti interessata ma tkunx tista’ tipprovdi s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f’format elettroniku għal raġunijiet tekniċi, din għandha tgħarraf lill-Kummissjoni minnufih.

    Is-sottomissjonijiet kollha, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan l-avviż, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikun mmarkati “Ristrett” (7).

    Il-partijiet interessati li jipprovdu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu s-sommarji mhux kunfidenzjali tiegħu skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li għandhom ikunu mmarkati “For inspection by interested parties”. Dawn is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u tal-kwalità mitluba, din l-informazzjoni kunfidenzjali tista’ tiġi injorata.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate H

    Office: N-105 04/092

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    Fax +32 22956505

    6.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni

    F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fl-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    Fejn jinstab li kwalunkwe parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista' tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

    Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet għalhekk ikunu msejsa fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

    7.   Uffiċjal tas-Seduti ta' Smigħ

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-DĠ Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet minn terzi persuni għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet għad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jiġu eżerċitati b’mod sħiħ.

    Talba għal smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha issir bil-miktub u għandha tispeċifika għal liema raġunijiet tkun qiegħda titressaq. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba tista’ titressaq fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ għandha titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    L-Uffiċjal tas-Seduta jipprovdi wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, id-dumping, il-ħsara, ir-rabta kawżali u l-interess tal-Unjoni. Tali smigħ, bħala regola, isir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba’ ġimgħa wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji.

    Għal aktar informazzjoni u dettalji ta’ kuntatt il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-internet tal-Uffiċjal tas-Seduti tas-Smigħ fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċ: (http://ec.europa.eu/trade/issues/respectrules/ho/index_en.htm).

    8.   Skeda tal-investigazzjoni

    L-investigazzjoni se tiġi konkluża, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku fi żmien 15-il xahar mid-data ta' pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    9.   L-ipproċessar ta’ dejta personali

    Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-dejta (8).


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  Id-dumping huwa l-prattika ta' bejgħ ta’ prodott għall-esportazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) bi prezz aktar baxx mill-“valur normali” tiegħu. Il-valur normali ġeneralment jitqies bħala prezz komparabbli għall-prodott “simili” fis-suq domestiku tal-pajjiż li jesporta. It-terminu “prodott simili” huwa interpretat li jfisser prodott li jixbah fl-aspetti kollha lill-prodott ikkonċernat jew, fin-nuqqas ta’ tali prodott, prodott li jixbah ħafna lill-prodott.

    (3)  Produttur esportatur huwa kull kumpannija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott taħt investigazzjoni lejn is-suq tal-Unjoni kemm direttament kif ukoll permezz ta’ terza parti, inkluż kull kumpannija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ intern jew fl-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat. L-esportaturi li mhumiex produtturi normalment ma jkunux intitolati għal rata ta’ dazju individwali.

    (4)  L-impurtaturi li ma jkunux relatati mal-produtturi esportaturi biss jistgħu jintgħażlu għall-kampjun. L-impurtaturi li jkunu relatati mal-produtturi esportaturi għandhom jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota 6 f'qiegħ il-paġna.

    (5)  Id-dejta pprovduta minn impurtaturi li mhumiex relatati tista' tintuża wkoll fir-rigward ta' aspetti ta' din l-investigazzjoni għajr id-determinazzjoni tad-dumping.

    (6)  Skont l-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta' xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament tippossjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-ishma jew ta' kwoti ta' ishma li jivvutaw jew tat-tnejn; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jinsabu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien, direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk ikollhom ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess żewġ ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna naturali jew legali.

    (7)  Dan id-dokument huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009 p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (8)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    Top