Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XC0828(04)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    ĠU C 233, 28.8.2010, p. 20–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.8.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 233/20


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    2010/C 233/08

    Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt ta' oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

    DOKUMENT UNIKU

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “ΣΤΑΦΙΔΑ ΗΛΕΙΑΣ” (STAFIDA ILIAS)

    Nru tal-KE: EL-PGI-0005-0707-27.06.2008

    IĠP ( X ) DPO ( )

    1.   Isem:

    “Σταφίδα Ηλείας” (Stafida Ilias)

    2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz:

    Il-Greċja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew l-oġġett tal-ikel:

    3.1.   Tip ta' prodott:

    Klassi 1.6 –

    Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem fil-punt (1):

    L-iStafida Ilias hija varjetà ta' passolina prodotta mill-għeneb iswed tal-ispeċi Vitis Vinifera, imnixxfa b'mod naturali fix-xemx jew fid-dell. Il-karatteristiċi li ġejjin jiddistingwu lill-iStafida Ilias minn tipi oħra ta' għeneb imnixxef:

    Għandha forma aktar tonda u uniformi u kulur iswed skur.

    Għandha kontenut ogħla ta' zokkor u aċidu tartariku. B'mod speċifiku, il-kontenut minimu taz-zokkor huwa 70 % u l-kontenut minimu tal-aċidu tartariku huwa 1,69 %. Il-perċentwal ta' zokkor u aċidu tartariku jista' jkun ogħla minn dan, skont il-kundizzjonijiet tat-temp.

    Il-kontenut ta' ndewwa jvarja minn 13 sa 18 % u 100 gramma ta' prodott tinkludi bejn 70-80 gramma ta' karboidrati.

    3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

    3.4.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss):

    3.5.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika definita:

    Il-passolina Stafida Ilias titkabbar, tinqata' u titnixxef fiż-żona ġeografika definita tal-Prefettura ta' Ilia.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.:

    3.7.   Regoli speċifiċi dwar l-ittikkettar:

    4.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika:

    Iż-żona ġeografika definita hija l-Prefettura ta' Ilia, fiż-żona tal-Peloponnese li llum tifforma parti mir-reġjun tal-Greċja tal-Punent; id-daqs taż-żona huwa 2 618 km2 Fuq in-naħa tal-Lvant, il-konfini tagħha jmissu mal-Prefettura ta' Arcadia, min-Nofsinhar mal-Prefettura ta' Messinia u min-naħa tat-Tramuntana l-konfini tagħha jmissu mal-Prefettura ta' Achaïa; min-naħa tal-Punent u tal-Lbiċ għandha konfini mal-Baħar Joniku.

    5.   Rabta maż-żona Ġeografika:

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

    Grazzi għat-tieni saff ta' ħamrija u għall-kundizzjonijiet klimatiċi speċifiċi, il-produtturi f'Ilia jipproduċu passolina ta' kwalità unika.

    Analiżi tal-ħamrija li saru f'partijiet differenti tal-Prefettura ta' Ilia wrew li kemm il-ħamrija kif ukoll it-tieni saff ta' ħamrija huma rikki fil-humus, li huwa tajjeb għat-tkabbir u l-produzzjoni tal-iStafida Ilias. Huma wkoll rikki ħafna fil-potassju; dan għandu rwol deċiżiv fil-produzzjoni tal-passolina minħabba li minn fost in-nutrijenti ewlenin, id-dwieli jieħdu l-potassju fi kwantitajiet ħafna ikbar min-nitroġenu. Dan jagħti lill-passolina Stafida Ilias t-togħma ħelwa tagħha (huwa magħruf li nuqqas relattiv ta' potassju jaffettwa l-kwalità tal-għeneb, minħabba li jipproduċi għeneb aħdar li mhux ħelu ħafna).

    Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tat-temp f'Ilia jiffavorixxu l-maturazzjoni tal-frott, li għalhekk ikun jista' jinqata' iktar kmieni (f'Awwissu) milli f'żoni oħra li jipproduċu għeneb niexef. B'mod speċifiku, it-temperaturi baxxi tas-sajf (medja ta' 24 C) u l-umdità relattiva baxxa matul ix-xhur tas-sajf (medja ta' 73 %) jgħinu lill-frott biex jimmatura iktar malajr. L-umdità relattiva baxxa fis-sajf tevita l-iżvilupp ta' mard bħall-moffa tas-siġar li tagħmel ħsara partikolari lill-prodott.

    Fl-aħħar nett, il-metodi speċifiċi użati għat-tkabbir tal-għeneb u għall-ipproċessar tagħhom wara li jinqatgħu, ibbażati fuq l-esperjenza u l-kompetenzi miksuba wara bosta snin, huma kruċjali għall-kwalità tal-prodott. Kemm it-tnixxif b'esponiment dirett għax-xemx, kif ukoll it-tnixxif fid-dell huma metodi naturali għat-tnixxif, minħabba li ma jintuża l-ebda metodu tekniku jew mekkaniku biex jinbeda jew jitħaffef il-proċess. Fiż-żewġ każijiet, l-għeneb jinqata' b'attenzjoni biex ikun żgurat li ma jinqasamx u jinfetaħ. Il-passolina Stafida Ilias ma tiġix mgħaddsa f'soluzzjonijiet tal-alkalin qabel titnixxef.

    Żewġ metodi biss jintużaw għat-tnixxif tal-iStafida Ilias fil-Prefettura ta' Ilia:

    (1)

    Esponiment dirett tal-frott għax-xemx fuq uċuħ speċjali msejħa alonia li jixbhu lil bjut imżerżqa (kull ġenb jiżżerżaq 'l isfel minn fuq, fejn ikun hemm spazju bejniethom).

    (2)

    Tnixxif fid-dell fuq oqfsa speċjali. Dan huwa proċess iktar bil-mod mit-tnixxif fix-xemx iżda jipproduċi passolina b'kulur aħjar. L-għeneb jitpoġġa fuq oqfsa li jikkonsistu f'żewġ tulijiet ta' injam marbutin flimkien permezz ta' tliet jew erba' biċċiet oħra msammrin b'mod perpendikolari magħhom. Fuq l-oqfsa jitpoġġew qasab jew biċċiet irqaq tal-injam, paralleli għall-ġnub ewlenin u l-għeneb jitpoġġa fuqhom biex jinxef. Huma jinxfu b'mod naturali bl-arja.

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

    Minbarra l-karatteristiċi fiżiċi (id-daqs uniformi tal-frott, il-forma tonda u l-kulur iswed skur), il-karatteristiċi speċifiċi li jiddistingwu l-iStafida Ilias minn tipi oħra ta' għeneb niexef huma l-kontenut ogħla ta' zokkor (mill-inqas 70 %) u l-kontenut ta' aċidu tartariku (mill-inqas 1,69 %).

    5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni u karatteristiċi oħra tal-prodott:

    Il-passolina Stafida Ilias hija prodott tal-ambjent naturali tal-Prefettura ta' Ilia u l-kwalitajiet ta' dan il-prodott jirriflettu l-karatteristiċi speċifiċi ta' din iż-żona.

    Il-kulur iswed qawwi u l-livell għoli ta' aċidu tartariku u zokkor huma riżultat tal-kombinazzjoni ta' karatteristiċi tal-ħamrija (ħamrija rikka fil-potassju li tipproduċi passolina b'kontenut ta' zokkor ogħla), klima (maturazzjoni bikrija), metodi ta' tkabbir (ma ssir l-ebda inċiżjoni f'forma ta' ċirku) u l-esperjenza tal-produtturi fit-tnixxif tal-għeneb billi jesponuhom direttament għax-xemx jew inixxfuhom fid-dell fuq oqfsa speċjali, proċess li jdum iktar mit-tnixxif fix-xemx iżda li jipproduċi passolina li hija sewda ħafna.

    Il-karatteristiċi tal-ħamrija u tat-tieni saff ta' ħamrija (livelli għolja ta' humus u potassju) jgħinu sabiex l-iStafida Ilias tingħata kwalitajiet li jiddistingwuha minn għeneb niexef ieħor prodott f'reġjuni oħra, speċjalment kontenut għoli ta' zokkor u aċidu tartariku.

    Il-kundizzjonijiet klimatiċi speċifiċi tal-Prefettura ta' Ilia (eż. l-umdità relattiva medja ta' 73 % fix-xhur tas-sajf) huma tajbin ukoll għall-vitikultura minħabba li jevitaw l-iżvilupp ta' mard li jagħmel il-ħsara bħall-moffa tas-siġar jew il-marda “dead-arm” u ħsara kkawżata mill-insetti jew annimali qerrieda (bħal pereżempju il-“vine mealybugs”). Barra minn hekk, il-klima xotta tiffavorixxi t-tnixxif tal-frott maqtugħ.

    Mhux biss il-passolina Stafida Ilias għandha kwalitajiet speċjali, iżda għandha wkoll reputazzjoni speċjali.

    Il-Prefettura ta' Ilia ilha marbuta mill-qrib mal-produzzjoni tal-iStafida Ilias mill-bidu tas-seklu 14 u sa minn dak iż-żmien il-prodott issemma ħafna drabi fil-kitbiet. Il-kwalità għolja tagħha ilha magħrufa fis-suq Ewropew mis-seklu 19. Fl-ewwel nofs tas-seklu 19, l-esportazzjonijiet wasslu liż-żona biex tispeċjalizza tant li l-iStafida Ilias saret monokultura hekk kif komunità rurali sħiħa ħarġet minn ekonomija ta' awtosuffiċjenza biex tiffoka fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

    Fl-1878 id-domanda għall-iStafida Ilias żdiedet ħafna u l-aktar li saret magħrufa kien meta l-vinji fi Franza ġew attakkati u meqruda mill-phylloxera (Dactulosphaira vitifoliae). Kien f'dak iż-żmien li l-Ewropej, speċjalment il-Franċiżi, akkwistaw il-biċċa l-kbira tal-produzzjoni filwaqt li estendew ir-reputazzjoni tal-prodott.

    Hekk kif il-produzzjoni żdiedet, il-Prefettura ta' Ilia saret iċ-ċentru tal-kummerċ u nbniet linja ferrovjarja bejn Pygros (il-kapitali tal-Prefettura) u l-port ta' Katakolo. Il-linja nbniet sabiex il-passolina tkun tista' tkun ittrasportata iktar malajr u faċilment mill-għelieqi sal-port u wara titgħabba fuq il-vapuri għall-esportazzjoni. Kienet inawgurata fit-3 ta' Frar 1883 u kienet l-ewwel linja ferrovjarja mibnija fil-Greċja.

    Ir-rekords kummerċjali li jsemmu l-kwantitajiet esportati lejn il-pajjiżi Ewropej u l-Amerika mill-1912 'il quddiem huma xhieda tar-reputazzjoni tal-iStafida Ilias.

    Illum għad għandha reputazzjoni għolja u ħafna mill-produzzjoni hija esportata lejn il-pajjiżi Ewropej, inklużi r-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi u anke barra l-UE pereżempju lejn l-Amerika ta' Fuq.

    Referenza tal-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

    http://www.minagric.gr/greek/data/ΠΡΟΔΙΑΓΡΑΦΕΣ%20ΠΡΟΪΟΝΤΟΣ-%2017%2012%202009.zip


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


    Top