Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0024(01)

    Is-Sirja: Il-każ ta’ Muhannad al-Hassani Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta' Settembru 2009 dwar is-Sirja: il-każ ta’ Muhannad al-Hassani

    ĠU C 224E, 19.8.2010, p. 32–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.8.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 224/32


    Il-Ħamis, 17 ta’ Settembru 2009
    Is-Sirja: Il-każ ta’ Muhannad al-Hassani

    P7_TA(2009)0024

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2009 dwar is-Sirja: il-każ ta’ Muhannad al-Hassani

    2010/C 224 E/09

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1998,

    wara li kkunsidra l-Ftehima Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li kienet irratifikata mis-Sirja fl-1969,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Kastigi Oħrajn Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984, li ġiet irratifikata mis-Sirja fl-2004,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 11(1) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 177 tat-Trattat tal-KE, li jistabbilixxu l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bħala objettiv tal-politika komuni barranija u ta’ sigurtà,

    wara li kkunsidra l-Linji-Gwida tal-Unjoni Ewropea għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-2004,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, b’mod partikolari dawk tat-8 ta' Settembru 2005 (1), tal-15 ta' Ġunju 2006 (2), u tal-24 ta’ Mejju 2007 (3),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli tiegħu ta’ Proċedura,

    A.

    konxju mill-importanza tar-rabtiet politiċi, ekonomiċi u kulturali li hemm bejn l-Unjoni Ewropea u s-Sirja; billi s-Sirja għandha rwol importanti x’tilgħab biex jinstabu l-paċi u l-istabilità dejjiema fil-Lvant Nofsani; billi l-ġrajjiet prożittivi f’dan ir-rigward li jagħtu bażi għat-tnedija mill-ġdid tal-isforzi mmirati lejn il-konklużjoni tal-Ftehima ta’ Assoċjazzjoni,

    B.

    billi l-Ftehima ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, min-naħa l-oħra, għadha trid tiġi ffirmata u rratifikata; billi l-Artikolu 2 ta’ din il-Ftehima jistipula li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi jiggwidaw il-politika interna u internazzjonali tal-partijiet u jikkostitwixxu element essenzjali tal-Ftehima,

    C.

    billi Muhannad al-Hassani, avukat tad-drittijiet tal-bniedem u President tal-Organizzazzjoni Sirjana tad-Drittijiet tal-Bniedem (Swasiah), kien arrestat mill-awtoritajiet Sirjani fit-28 ta’ Lulju 2009; billi sar riferiment għalih fil-Palazz tal-Ġustizzja f’Damasku, fejn kien interrogat u formalment akkużat li kien qiegħed “idgħajjef is-sentimenti nazzjonali” u “jxerred aħbarijiet foloz”, f’sessjoni bil-magħluq li għaliha l-avukat tiegħu ma tħalliex jidħol,

    D.

    billi Muhannad al-Hassani kien involut fil-monitoraġġ tal-kondizzjonijiet ta’ detenzjoni fis-Sirja u, l-aktar, tal-prattiki legali fil-Qorti Suprema għas-Sigurtà Statali, fejn il-ġurijiet ma jilħqux l-istandards internazzjonali skont ir-rapport ta’ Frar tal-2009 tal-Human Rights Watch; billi kien interrogat bosta drabi qabel l-arrest, f' liema interrogazzjonijiet sar fokus fuq l-azzjonijiet tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-difiża tal-priġunieri politici,

    E.

    billi l-Parlament u l-President tiegħu ġa intervjenew bosta drabi biex jiksbu r-rilaxx ta’ difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, parlamentari u politiċi oħrajn detenuti f’ħabsijiet Sirjani, inkluż Michel Kilo u Mahmoud Issa; billi l-Parlament Ewropew jilqa’ l-inizjattivi kollha ta’ suċċess meħudin minn Sirjani u oħrajn internazzjonali mmirati lejn ir-rilaxx tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

    F.

    billi l-Liġi tal-Emerġenza li ilha fis-seħħ mill-1964 fil-fatt tillimita liċ-ċittadini fl-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili u politiċi tagħhom; billi l-awtoritajiet Sirjani ġa preċedentement ma ħallewx lis-Sur Muhannad al-Hassni u avukati oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem isiefru biex jieħdu sehem f’laqgħat tad- drittijiet tal-bniedem u seminars ta’ taħriġ; billi huwa atteġjament ripetut u ormaj stabbilit tal-awtoritajiet Sirjani li jaqbdu mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jikkastigawhom,

    1.

    Jespirmi l-aktar tħassib serju dwar id-detenzjoni tas-Sur al-Hassani, li donnha għandha bħala mira l-kastig tal-attivitajiet tiegħu favur id-drittijiet tal-bniedem, l-aktar f'dak li għandu x'jaqsam mal-monitoraġġ tal-Qorti Suprema għas-Sigurtà Statali u l-kondizzjonijiet ta' detenzjoni fis-Sirja;

    2.

    Jistieden lill-awtoritajiet Sirjani jirrilaxxjaw minnufih lis-Sur Muhannad al-Hassani u kif ukoll jiggarantixxu f’kull ċirkostanza l-inkolumità fiżika u psikoloġika tiegħu;

    3.

    Jesprimi l-aktar tħassib serju tiegħu dwar ir-repressjoni sinifikanti li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja għad qed ikollhom iħabbtu wiċċhom magħhom u l-assenza ta’ progress f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet Sirjani; għandu fiduċja l is-Sirja tista’ tilgħab rwol importanti fil-paċifikazzjoni fir-reġjun, se ttejjeb u tappoġġja d-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni fil-pajjiż;

    4.

    Jistieden lill-awtoritajiet Sirjani jwaqqfu din il-politika ta’ persekuzzjoni u li jaqbdu mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-familji tagħhom u li jirrilaxxjaw minnufih lill-priġunieri kollha tal-kuxjenza, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi Anwar al-Bunni u Kamal Labwani, u lill-attivisti tal-paċi;

    5.

    Jistieden lill-awtoritajiet Sirjani jiżguraw il-funzjonament trasparenti tas-sistema ġudizzjarja, b’mod speċjali l-Qorti Suprema għas-Sigurtà Statali;

    6.

    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani jottempraw ruħhom b’mod strett mal-Konvenzjoni tan-NU msemmija hawn fuq kontra t-Tortura u Trattamenti jew Kastigi Oħra Inumani jew Degradanti u ma’ dokumenti u standards internazzjonali pertinenti oħrajn li jiżguraw li d-detenuti fil-ħabsijiet Sirjani:

    (a)

    jiġu ttrattati tajjeb u ma jiġux assoġġettati għat-tortura jekk maltrattamenti oħra,

    (b)

    jingħataw aċċess mill-ewwel, regolari, u mingħajr restrizzjoni għall-familji, l-avukati, u t-tobba tagħhom;

    7.

    Jiddikjara għal darb’ oħra l-konvinzjoni tiegħu li l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem hija waħda mill-pilastri li jżommu r-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Sirja; jilqa’ d-djalogu kontinwat bejn l-Unjoni Ewropea u s-Sirja u jittama li l-isforzi kontinwi jwasslu għal titjib mhux biss fil-qagħda ekonomika u soċjali fis-Sirja imma wkoll politikament u fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Presidenza Svediża, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jadottaw pjan, qabel il-firma tal-Ftehima ta’ Assoċjazjoni, li jartikolar b’mod ċar it-titjib speċifiku fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li hu mistenna mill-awtoritajiet Sirjani;

    8.

    Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja.


    (1)  ĠU C 193 E, 17.8.2006, p.349.

    (2)  ĠU C 300 E, 9.12.2006, p.519.

    (3)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p.485.


    Top