Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0017

    KE-Taġikistan: Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta' Settembru 2009 dwar il-konklużjoni tal-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Taġikistan, min-naħa l-oħra

    ĠU C 224E, 19.8.2010, p. 12–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.8.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 224/12


    Il-Ħamis, 17 ta’ Settembru 2009
    KE-Taġikistan: Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni

    P7_TA(2009)0017

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-konklużjoni tal-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Taġikistan, min-naħa l-oħra

    2010/C 224 E/03

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Asja Ċentrali, b'mod partikolari dawk tat-23 ta' Ottubru 2003 dwar it-Turkmenistan, li tinkludi l-Asja Ċentrali (1), tal-20 ta' Frar 2008 dwar Strateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali (2), u tal-14 ta' Frar 2006 dwar il-klawsola tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazjia fil-ftehimiet tal-Unjoni Ewropea (3),

    wara li kkunsidra l-posizzjoni tiegħu tat-2 ta' Settembru 2008 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-konklużjoni tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Partenarjat u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda u r-Repubblika tat-Taġikistan, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea (4),

    wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Sħubija u Koperazzjoni (PCAs) konklużi bejn l-UE u l-Uzbekistan, il-Kirgiżtan u l-Każakistan, li kollha ilhom fis-seħħ mill-1999,

    wara li kkunsidra l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem f'dawk il-ftehimiet,

    wara li kkunsidra l-qafas attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Taġikistan, il-Ftehima ta' Kummerċ u Koperazzjoni bejn l-UE u l-ex-Unjoni Sovjetika, li postha se jittieħed minn PCA meta din tkun ratifikata mill-Istati Membri kollha tal-UE u mit-Taġikistan u ladarba l-Parlament jkun ta l-kunsens tiegħu,

    wara li kkunsidra r-ratifika tal-PCA mat-Taġikistan mis-27 Stat Membru kollha tal-UE u mit-Taġikistan,

    wara li kkunsidra l-Ftehima Temporanja dwar il-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tat-Taġikistan, fuq in-naħa l-oħra, iffirmata fil-11 ta' Ottubru 2004 u li daħlet fis-seħħ f'Mejju 2005 (5),

    wara li kkunsidra l-adozzjoni, mill-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2007, ta' Strateġija tal-UE għal Sħubija ġdida mal-Asja Ċentrali,

    wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt dwar il-Progress ta' Ġunju 2008 mill-Kunsill u l-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali u l-evalwazzjoni tiegħu li l-implimentazzjoni tal-istrateġija tinsab fi stadju avanzat,

    wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill Ewropew (2007-2013) għal Politika għall-Enerġija għall-Ewropa, adottat mill-Kunsill Ewropew fit-8 u d-9 ta' Marzu 2007,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2007 bl-isem “Lejn politika barranija Ewropea komuni għall-enerġija” (6),

    wara li kkunsidra l-ewwel laqgħa tad-Djalogu uffiċjali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u t-Taġikistan li saret f'Ottubru 2008 u l-lista ta' rakkomandazzjonijiet li ħarġu mil-laqgħa li huma mistennija li jitqiesu kif mistħoqq f'riformi legali li qed isiru,

    wara li kkunsidra l-ewwel seminar tas-soċjetà ċivili UE-Taġikistan li sar f'Dushanbe fl-10 u l-11 ta' Lulju 2009, u d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem li sar f'Dushanbe fit-23 ta' Settembru 2009,

    wara li kkunsidra l-konferenza internazzjonali dwar id-drogi, sponsorizzata mill-UE, li saret f'Dushanbe f'Ottubru 2008,

    wara li kkunsidra l-iskambju ta' opinjonijiet bejn il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-President Emomali Rahmom tat-Taġikistan fl-10 ta' Frar 2009,

    wara li kkunsidra r-Raba' Laqgħa Interparlamentari tal-Parlament Ewropew u l-Majlisi tat-Taġikistan, li saret f'Dushanbe bejn is-6 u t-8 ta' April 2009,

    wara li kkunsidra l-posizzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 (7) dwar il-konklużjoni ta' PCA mat-Taġikistan,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, fosthom it-Taġikistan, jinsabu f'intersezzjoni importanti bejn l-Ewropa u l-Asja u billi, storikament u tradizzjonalment, irrappreżentaw punt importanti ta' tqarrib u ta' tranżitu bejn iż-żewġ kontinenti,

    B.

    billi l-UE għandha interess mill-qrib dwar is-sigurtà u l-istabilità, l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet demokratiċi u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt fir-reġjun, partikolarment minħabba li l-iżviluppi strateġiċi, politiċi u ekonomiċi u l-isfidi transreġjonali li qed jikbru fl-Asja Ċentrali għandhom ukoll impatt dirett u indirett fuq l-interessi tal-UE nnifisha,

    C.

    billi l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Asja Ċentrali għandha l-għan li ttejjeb id-djalogu politiku u li ssaħħaħ ir-rabtiet bejn l-Ewropa u s-sħab tal-Asja Ċentrali, f'konformità mal-valuri li fuqhom hija mwaqqfa l-UE,

    D.

    billi t-Taġikistan, bi fruntiera komuni mal-Afganistan b'tul ta' aktar minn 1 300 km, hu parteċipant ewlieni f'livell reġjonali u involut b'mod dirett tul il-fruntiera mal-Afganistan fi sforzi tal-UE - u sforzi internazzjoni oħra - fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, l-estremiżmu u t-theddid għas-sigurtà reġjonali,

    E.

    billi l-għanijiet ta' politika tal-UE vis-à-vis t-Taġikistan huma mmirati primarjament lejn appoġġ għat-tnaqqis tal-faqar, għat-tmexxija tajba u r-riformi, u fuq livell reġjonali, għal ġlieda aktar effettiva kontra t-traffikar tad-drogi u l-kriminalità organizzata, u billi l-UE tipprovdi għajnuna għal dan, partikolarment permezz ta' appoġġ għall-ġestjoni tal-fruntiera permezz tal-programmi tagħha ta' Ġestjoni tal-Fruntieri u ta' Azzjoni kontra d-Droga fl-Asja Ċentrali (BOMCA/CADAP),

    F.

    billi l-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni mat-Taġikistan tipprovdi għal impenji u koperazzjoni dwar l-ammissjoni mill-ġid u dwar il-kontroll tal-immigrazzjoni illegali; billi għandha tiġi konkluża ftehima separata li tfassal id-dettalji ta' din il-koperazzjoni,

    G.

    billi l-gwerra ċivili li spiċċat fl-1997 qerdet l-infrastruttura u l-istituzzjonijiet u ħarbtet l-ekonomija tat-Taġikistan, filwaqt li ħallietu l-ifqar fost ir-repubbliki ex-Sovjetiċi; billi, għalkemm it-Taġikistan kellu perjodu li fih irkupra sew fis-snin reċenti, madwar 60 % tal-popolazzjoni għadha tgħix f'faqar kbir, filwaqt li l-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni fl-ifqar zoni għadhom inaċċessibbli; billi t-Taġikin iserrħu ħafna fuq flus li jieħdu minn ħaddiema migranti, imma billi dan id-dħul hu mhedded serjament mill-kriżi ekonomika fir-reġjun, u għalhekk hu ta' l-ikbar importanza li t-Taġikistan jiġi megħjun biex jiżviluppa sistema ekonomika domestika li tkun sostenibbli u solida,

    H.

    billi t-Taġikistan għandu l-għola rata ta' twelid fl-Asja Ċentrali, bi kwazi 40 % tal-popolazzjoni tiegħu ta' 7,3 miljun magħmula minn persuni taħt l-età ta' 15-il sena; billi l-iżvilupp ta' sistema edukattiva tajba huwa kruċjali għall-ġejjieni tal-pajjiż,

    I.

    billi l-muturi ewlenin tal-ekonomija huma l-qoton u l-produzzjoni tal-aluminju, imma billi l-prezzijiet għal dawk il-prodotti qed jonqsu fis-suq dinji; billi t-Taġikistan m'għandux żejt u għandu ftit gass u, minkejja r-riżervi idroelettriċi sostanzjali tiegħu, ġarrab nuqqasijiet serji ta' enerġija,

    J.

    billi l-ambjent istituzzjonali, legali u finanzjarju ma jiffavorixxix l-iżvilupp tan-negożji Taġikin u jeħtieġ inkoraġġiment sinifikanti,

    K.

    billi t-Taġikistan hu dipendenti fuq għajnuna barranija u assistenza umanitarja, u billi kważi nofs il-ħaddiema jaħdmu barra l-pajjiż, l-aktar fir-Russja, u jappoġġjaw lill-familji tagħhom billi jibagħtulhom il-flus,

    L.

    billi x-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika ġab tfixkil tar-relazzjonijiet ekonomiċi tradizzjonali u tas-swieq reġjonali li qed ikompli jżid mal-kriżi ekonomika preżenti; billi l-UE għandha tagħmel kull sforz sabiex terġa tibni l-fiduċja bejn il-pajjiżi tar-reġjun u, b'hekk, tiffaċilita t-tkomplija mill-ġdid tal-koperazzjoni reġjonali,

    M.

    billi, minbarra l-assistenza li jirċievi permezz tal-Istrument ta' Koperazzjoni għall-Iżvilupp, it-Taġikistan jipparteċipa wkoll f'diversi programmi reġjonali li għaddejjin,

    N.

    billi, filwaqt li apparentement għandu l-appoġġ popolari, il-President Rahmon sistematikament rażżan l-oppożizzjoni kollha u effettivament neħħa l-kondiviżjoni tal-poter li kellha tkun garantita permezz tal-ftehima ta' paċi tal-1997,

    O.

    billi r-rapport finali tal-osservazzjoni tal-elezzjoni tal-OSCE/ODIHR (l-Uffiċċju għal Istituzzjonijiet Demokratiċi u Drittijiet tal-Bniedem tal-OSCE) innota nuqqas ta' għażla ġenwina u ta' pluraliżmu serju fl-elezzjoni presidenzjali tal-2006,

    P.

    billi hu magħruf sew li l-korruzzjoni hi endemika u mxerrda fil-livelli kollha, u billi ħafna mill-fondi ta' donazzjoni internazzjonali li jaslu ma jiġux diretti lejn l-iskop proprju tagħhom,

    Q.

    billi s-soċjetà ċivili għadha qed tikber, l-iżvilupp ġenwin tagħha spiss kien imxekkel mill-gvern u għad fadlilha triq twila qabel ma jista' jkollha l-potenzjal biex tħeġġeġ l-iżvilupp tal-bniedem fil-pajjiż; billi xi attivitajiet minn gruppi reliġjużi kienu limitati mir-rekwiżit għal reġistrazzjoni mal-Kumitat tal-Istat għall-Affarijiet Reliġjużi u minn miżuri oħra ristrettivi skont liġi adottata dan l-aħħar dwar il-libertà tal-kuxjenza u tal-assoċjazzjoni reliġjuża,

    1.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li t-Taġikistan għamilha ċara li jrid jimpenja ruħu biex jikkopera mal-UE, li jixtieq itejjeb il-livelli tiegħu ta' kummerċ mal-UE u li jippromovi r-rabtiet edukattivi, u li se jimplimenta miżuri speċifiċi f'oqsma ewlenin, bħall-benessri soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-glieda kontra l-korruzzjoni u t-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, sabiex juri li jieħu dawk l-impenji b'mod serju;

    2.

    Hu konxju mis-sens ta' diżappunt qawwi min-naħa tal-Gvern Taġik li l-PCA ma kenitx konkluża, partikolarment minħabba l-pożizzjoni tal-UE li, għaliex il-kundizzjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali u kundizzjonijiet oħra huma differenti sew fost l-istati tal-Asja Ċentrali, hu assolutament essenzjali għall-UE li tiddifferenzja l-politika tagħha skont il-każ; konsegwentement, jesprimi l-ħsieb tiegħu li jagħti l-kunsens tiegħu, u jistenna bil-ħerqa li l-PCA tkun konkluża malajr kemm jista' jkun;

    3.

    Iqis il-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal-PCA bħala sinjal ta' rieda tajba sabiex ikun hemm djalogu mat-Taġikistan u bħala sinjal ta' inkorraġġiment lit-Taġikistan sabiex jieħu l-passi kollha meħtieġa favur ir-riformi li huma ferm meħtieġa; madankollu, jiġbed l-attenzjoni tat-Taġikistan, fuq kollox, dwar il-kundizzjoni impliċita fil-klawsola tad-drittijiet tal-bniedem/sospensjoni;

    4.

    Hu tal-fehma li l-iżvilupp sħiħ tal-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali għandhom ikunu bbażati fuq evalwazzjoni eżatta u fil-ħin tal-progress li jkun sar fl-oqsma prinċipali u, f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi sensiela ċara ta' punti ta' referenza u ta' kundizzjonijiet;

    Is-sitwazzjoni ekonomika

    5.

    Jinnota d-diffikultajiet ekonomiċi kbar li għandu t-Taġikistan kif ukoll l-infrastruttura fraġli tat-trasport u l-enerġija, u jinsab serjament imħasseb li, minn Mejju 2009, minħabba l-impatt tal-kriżi ekonomika u n-nuqqasijiet fis-settur agrikolu, 1,5 miljun persuna kienu f'sitwazzjoni ta' insigurtà fl-ikel;

    6.

    Iħeġġeġ lill-Gvern Taġik sabiex jindirizza l-għerq tal-problema min-naħa tal-forniment, u sabiex jirrevedi l-politika tiegħu ta' proġetti li huma ambizzjużi ż-żekked li iżda ma jikkontribwixxu xejn biex jindirizzaw il-ħtiġijiet fundamentali u immedjati tal-poplu; fl-istess ħin, jistiednu sabiex isaħħaħ is-swieq reġjonali u jtejjeb il-produzzjoni lokali, u sabiex jimplimenta b'mod urġenti programmi ta' appoġġ għall-ikel u għall-ħolqien tal-impjiegi;

    7.

    Jistieden lill-Gvern Taġik sabiex jindirizza b'mod urġenti l-istat diżastruż tas-setturi tal-edukazzjoni u tas-saħħa, li qed jhedded li joħloq mewġa ta' problemi soċjali fil-ġenerazzjonijiet li ġejjin u li jagħmel ħsara lill-ġejjieni tal-pajjiż;

    8.

    Jinnota wkoll li l-faqar għal perjodu ta' żmien twil jgħin biex iżid il-kummerċ tad-drogi, b'xi rapporti jissuġġerixxu li bejn 30-50 % tal-attività ekonomika tal-pajjiż għandha rabtiet mat-traffikar tan-narkotiċi;

    9.

    Iħeġġeġ lit-Taġikistan biex jisfrutta l-potenzjal enormi tiegħu li jipproduċi enerġija idroelettrika b'mod razzjonali u demokratiku minħabba preokkupazzjonijiet f'pajjiżi downstream li tradizzjonalment jiddependu minn flussi ta' ilma staġonali sikuri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tagħmel kull sforz sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta' proġetti konġunti li jinvolvu lill-parteċipanti reġjonali kollha li huma potenzjalment affettwati u li jkunu konformi mal-istandards tal-UE;

    10.

    Iħeġġeġ lit-Taġikistan biex idaħħal bidliet strutturali sabiex itejjeb l-ambjent ta' investiment għal impriżi barranin;

    11.

    Iħeġġeġ lit-Taġikistan biex jimplimenta bis-sħiħ ir-riformi ekonomiċi meħtieġa, b'enfasi partikolari fuq il-bżonn li jiddaħħlu riformi għall-biedja sabiex ikun possibbli għall-bdiewa li jinħelsu mid-dejn u li mill-monokultura tal-qoton jgħaddu għal forom oħra ta' biedja;

    Is-sitwazzjoni politika

    12.

    Jirrikonoxxi li t-Taġikistan hu pajjiż relattivament stabbli, mingħajr indikazzjoni ta' xi theddida esterna għalissa jew ta' xi rvell organizzat internament; jinnota, madankollu, indikazzjonijiet ta' xi diffikultajiet fir-reġim (per eżempju, fl-2008, każijiet ta' vjolenza u dimostrazzjonijiet fir-reġjun muntanjuż u awtonomu ta' Badakhshan, u operazzjoni reċenti ta' sigurtà fid-distrett tal-Lvant ta' Tavildara bejn il-forzi tal-gvern u gruppi armati tal-oppożizzjoni preċedenti u militanti barranin) li qajmu dubji dwar il-kontroll tal-President fuq is-setgħa; bl-istess mod, jiġbed l-attenzjoni għal biżgħat li l-faqar fuq perjodu ta' żmien twil, il-korruzzjoni rampanti u gvern li qed ikun dejjem iżjed awtoritarju jistgħu jżidu r-riskju ta' instabilità politika, ekonomika u soċjali fil-ġejjieni;

    13.

    Ifakkar lit-Taġikistan fl-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp u fl-appoġġ tal-UE għal sforzi serji biex jinkiseb progess f'dan il-qasam;

    14.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-istruttura parlamentari fit-Taġikistan, li hi dominata mill-grupp propresidenzjali tal-Partit Demokratiku tal-Poplu (PDP); jiddeplora l-fatt li l-partiti tal-oppożizzjoni twarrbu filwaqt li rivali potenzjali ntefgħu l-ħabs jew ġew eżiljati; fid-dawl tal-elezzjonijiet imwiegħda mill-President għall-2010, jistieden lill-Gvern tat-Taġikistan sabiex jonora l-impenji tiegħu fir-rigward tad-demokratizzazzjoni billi jippermetti li jkun hemm sistema politika ġenwina b'ħafna partiti u billi jirrevedi l-Liġi Elettorali (eż. l-osservaturi mhux partiġġjani, il-kanċellazzjoni tal-ħlas ta' reġistrazzjoni għall-kandidati, u iktar trasparenza fl-għadd, it-tabulazzjoni u l-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-votazzjoni);

    15.

    Jikkritika r-restrizzjonijiet imposti fuq organizzazzjonijiet mhux governattivi u n-nuqqas ta' attività influwenti u viżibbli tas-soċjetà ċivili fit-Taġikistan, minħabba li dan in-nuqqas jista' jdgħajjef l-iżvilupp demokratiku ġejjieni, u jtenni l-ħtieġa ta' riforma sinifikanti kif ukoll ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fis-setturi kollha tas-soċjetà;

    16.

    Jinnota li l-korruzzjoni hi magħrufa sew bħala problema kbira fit-Taġikistan, parzjalment minħabba li m'hemmx kultura legali u minħabba li l-pajjiż ma jistax iħallas b'mod xieraq lill-ħaddiema taċ-ċivil; jixtieq jara evidenza li l-Liġi dwar il-Korruzzjoni, l-Aġenzija kontra l-Korruzzjoni u l-istrateġija ambizzjuża kontra l-korruzzjoni għall-2008-2012, li issa daħlu fis-seħħ, mhumiex biss bżar fl-għajnejn;

    17.

    Jistieden lit-Taġikistan sabiex iwaqqaf politika ta' trasparenza sħiħa fis-settur ekonomiku, inkluż fil-kontabilità pubblika fir-rigward tad-dħul kollu li ġej minn impriżi tal-Istat (kemm onshore kif ukoll offshore), bħall-Kumpanija tal-Aluminju tat-Taġikistan Talco u l-kumpanija ta' utilità tal-enerġija Barqi Tojik, kif ukoll trasparenza fl-iffinanzjar tas-settur tal-qoton;

    Kwistjonijiet reġjonali

    18.

    Jenfasizza l-irwol ġeografiku tal-viċinanza tat-Taġikistan vis-à-vis l-Afganistan u l-kwistjonijiet relatati ta' drogi, terroriżmu u estremiżmu, u jinnota l-potenzjal għat-Taġikistan li joħloq stat modern u li jaħdem tajjeb li jkollu l-ħila li jservi ta' lqugħ kontra t-tixrid tal-estremiżmu mill-Afganistan u r-reġjun; jisħaq l-importanza li jkun hemm aktar negozjar mat-Taġikistan bil-għan li l-pajjiż jingħata l-għajnuna sabiex jiffunzjona bħala stat stabbli u funzjonabbli; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-ġlieda kontra t-terroriżmu ma tistax tintuża bħala skuża għar-ripressjoni jew għall-intimidazzjoni ta' forzi tal-oppożizzjoni u għandha titwettaq b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili;

    19.

    Jinnota li l-enerġija u l-ilma huma kwistjonijiet ewlenin għas-sigurtà tal-bniedem u għar-relazzjonijiet bejn l-istati fl-Asja Ċentrali; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għat-tilwima dwar l-enerġija bejn it-Taġikistan u l-Uzbekistan (kif jidher, inter alia, mill-għeluq temporanju u mhux imħabbar tal-fruntiera mill-Uzbekistan, il-qtugħ tal-provvista tal-gass u l-irduppjar tal-prezzijiet) u għat-tilwim dwar l-ilma mal-Uzbekistan u l-Kirgiżtan; f'dan il-kuntest, jitlob sabiex isiru konsultazzjonijiet urġenti u mifruxa mar-reġjun kollu dwar l-użu razzjonali tar-riżorsi tal-enerġija;

    Drittijiet tal-bniedem

    20.

    Jinsab serjament imħasseb minħabba l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fit-Taġikistan, li qed jitwettqu kważi mingħajr impunità u li qed jieħdu diversi forom, fosthom pressjoni fuq il-qrati u l-imħallfin kemm mill-Gvern u kemm minn organizzazzjonijiet kriminali, pressjoni fuq il-mezzi ta' komunikazzjoni, abbuż mifrux tad-drittijiet tan-nisa, ix-xogħol mit-tfal u l-isfruttar ta' studenti, inklużi minorenni, għall-ġbir tal-qoton, ħaddiema li qed jgħixu f'dak li l-Freedom House ibbażata fl-Istati Uniti ddeskriviet bħala “skjavitù finanzjarja”, kundizzjonijiet terribbli ta' detenzjoni, inklużi t-tortura u forom oħra ta' trattament ħażin, u t-traffikar ta' bnedmin;

    21.

    Jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, il-bidu ta' Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem uffiċjali u mmirat lejn ir-riżultati bejn l-UE u t-Taġikistan; iqis il-progress f'dan il-qasam bħala kruċjali għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet bilaterali; jisħaq fuq l-importanza li l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li joperaw fit-Taġikistan jiddaħħlu formalment u sostantivament f'dan id-djalogu;

    22.

    Jiddeplora l-liġi l-ġdida dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, imfassla fuq liġi Russa, li kienet introduċiet reġistrazzjonijiet għolja u rekwiżiti ta' reġistrazzjoni mill-ġdid;

    23.

    Jenfasizza li, minkejja li l-libertà tal-espressjoni u tal-istampa hija ggarantita mil-liġi tat-Taġikistan, l-awtoritajiet spiss jissottomettu lill-individwi li ma jaqblux mal-politika tal-gvern għal intimidazzjoni u jaqtgħulhom qalbhom milli jitkellmu b'mod ħieles u kritiku; jikkritika, barra minn hekk, il-fatt li l-mezzi indipendenti tax-xandir huma suġġetti għal tipi differenti ta' intimidazzjoni u kontroll li jisfurzawhom jipprattikaw l-awtoċensura;

    24.

    Jinsab imħasseb ukoll li qed tonqos il-libertà reliġjuża u li l-liġi l-ġdida dwar ir-reliġjon, iffirmata mill-President fil-25 ta' Marzu 2009, tipprojbixxi bosta prattiki reliġjużi u tista' twassal sabiex ħafna komunitajiet reliġjużi jsiru illegali, billi jiġu sfurzati jipprattikaw bil-moħbi;

    25.

    Jenfasizza li d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra n-nisa għadhom problema mifruxa ħafna; jitlob lill-Kummissjoni biex twaqqaf programmi ad hoc sabiex ittejjeb l-opportunitajiet tan-nisa u tħeġġeġ lill-awtoritajiet Taġikin biex jagħmlu kull sforz biex itemmu l-abbużi kontra d-drittijiet tan-nisa u biex jiffaċilitaw l-aċċess tan-nisa għall-ġustizzja;

    26.

    Jinnota bi tħassib li l-Liġi 2007 dwar l-Osservazzjoni tat-Tradizzjonijiet u r-Ritwali Nazzjonali timponi restrizzjonijiet dwar kif il-poplu tat-Taġikistan jilbes jew jiċċelebra l-ġrajjiet tradizzjonali;

    27.

    Jiddeplora l-użu mifrux tat-tortura; jinnota li d-definizzjoni ta' tortura għadha mhix sħiħa fil-liġijiet tat-Taġikistan u jerġa' jitlob li jkunu adottati l-miżuri kollha meħtieġa biex tkun żgurata l-konformità mal-Konvenzjoni Internazzjonali kontra t-Tortura u Trattament jew Kastig Ieħor Krudili, Inuman jew Degradanti, b'mod partikulari billi jitressqu quddiem il-ġustizzja l-uffiċjali li huma responsabbli għal trattament degradanti jew għal trattament ħażin, kif ukoll li jiġi rratifikat il-protokoll fakultattiv (OPCAT) li jipprevedi l-monitoraġġ ta' postijiet ta' detenzjoni; jitlob, barra minn hekk, l-abolizzjoni totali tal-piena tal-mewt;

    28.

    Jinnota li l-kumitat parlamentari Taġik responsabbli għall-kwistjonijiet legali u d-drittijiet tal-bniedem ġie fdat bil-kompitu li jeżamina l-leġiżlazzjoni dwar il-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, iżda li dan ma tantx kien effettiv;

    29.

    Jilqa' b'sodisfazzjon in-nomina riċenti tal-Ombudsman u jitlob lill-Gvern Taġik biex jiggarantixxi l-indipendenza sħiħa tiegħu;

    Il-komunità internazzjonali

    30.

    Iħeġġeġ lid-donaturi internazzjonali sabiex jieħdu l-passi kollha possibbli ħalli jinkoraġġixxu u jappoġġjaw it-twaqqif ta' soċjetà ċivili li tkun vijabbli u dinamika u sabiex jinkoraġġixxu lill-mezzi ta' komunikazzjoni indipendenti biex ikopru l-kwistjoni tal-korruzzjoni tal-istat kif ukoll il-fluss tal-fondi internazzjonali;

    31.

    Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura, b'koperazzjoni mal-Presidenza tal-Kunsill, li d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem ikunu kkunsidrati sew fil-livelli kollha tad-djalogu tagħha mat-Taġikistan u li l-UE toffri lit-Taġikistan l-għajnuna kollha meħtieġa f'dawk l-oqsma;

    32.

    Jenfasizza l-ħtieġa li aktar fondi jgħaddu b'mod dirett għand l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili, bil-kundizzjoni li jkunu trasparenti u verifikabbli;

    33.

    Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirrapporta lura b'mod regolari lill-Parlament Ewropew dwar żviluppi fl-oqsma tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, u li żżomm lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu infurmat sew bil-progress miksub fil-kuntest tad-djalogu politiku; jistieden lill-Kunsill biex jinvolvih fid-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem mat-Taġikistan;

    34.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex malajr kemm jista' jkun tibda negozjati mal-Gvern Taġik dwar il-konklużjoni ta' ftehimiet implimentattivi għall-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni, bħal dik li tikkonċerna l-ammissjoni mill-ġdid u l-kontroll tal-immigrazzjoni illegali;

    35.

    Iħeġġeġ lill-UE, fid-dawl tal-irwol tat-Taġikistan bħala pajjiż ta' tranżitu għad-drogi mill-Afganistan għar-Russja u l-Ewropa tal-Punent, sabiex issaħħaħ aktar l-appoġġ tagħha favur miżuri li jgħinu fil-ġlieda kontra dawn l-attivitajiet fit-Taġikistan, b'attenzjoni partikolari għall-iffinanzjar tal-Aġenzija għall-Kontroll tad-Droga tat-Taġikistan, mingħajr ma jiġi mdgħajjef il-kummerċ transkonfinali, li huwa essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni tal-fruntiera;

    36.

    Jiġbed l-attenzjoni dwar l-eżistenza ta' bombi tat-tip cluster fit-Taġikistan, li għadhom ma splodewx, u jinsisti sabiex jiżdiedu l-finanzi biex dawn jitneħħew;

    *

    * *

    37.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern tar-Repubblika tat-Taġikistan.


    (1)  ĠU C 82 E, 1.4.2004, p. 639.

    (2)  ĠU C 184E, 6.8.2009, p. 49.

    (3)  ĠU C 290 E, 29.11.2006, p. 107.

    (4)  Testi adottati, P6_TA(2008)0375.

    (5)  ĠU L 340, 16.11.2004, p. 2.

    (6)  ĠU C 219 E, 28.8.2008, p. 206.

    (7)  Testi adottati, P7_TA(2009)0018.


    Top