Tento dokument je výňatkem z internetových stránek EUR-Lex
Dokument 52010XC0814(04)
Publication of an application pursuant to Article 6(2) of Council Regulation (EC) No 510/2006 on the protection of geographical indications and designations of origin for agricultural products and foodstuffs
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
ĠU C 220, 14.8.2010, s. 14—17
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
14.8.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 220/14 |
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
2010/C 220/09
Din il-pubblikazzjoni tagħti dritt għal oġġezzjoni għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.
SINTEŻI
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
“FARINA DI CASTAGNE DELLA LUNIGIANA”
Nru tal-KE: IT-PDO-0005-0525-22.02.2006
DPO ( X ) IĠP ( )
Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott b'għan informattiv biss.
1. Dipartiment responsabbli fl-Istat membru:
Isem: |
Ministero delle politiche agricole e forestali |
|||
Indirizz: |
|
|||
Tel. |
+39 0646655106 |
|||
Fax |
+39 0646655306 |
|||
Posta elettronika: |
saco7@politicheagricole.it |
2. Assoċjazzjoni:
Isem: |
Comitato Promotore D.O.P. «Farina di castagne della Lunigiana» |
||||
Indirizz: |
|
||||
Tel. |
+39 0521484329 |
||||
Fax |
+39 0521494652 |
||||
Posta elettronika: |
farinalunigiana@libero.it |
||||
Kompożizzjoni: |
Produtturi/proċessuri ( X ) oħrajn ( ) |
3. Tip ta' prodott:
Klassi 1.6 – |
Frott, ħaxix u ċereali fl-istat oriġinali jew ipproċessati |
4. Speċifiċikazzjoni:
(sinteżi tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)
4.1. Isem:
“Farina di castagne della Lunigiana”
4.2. Deskrizzjoni:
Id-D.P.O. “Farina di Castagne della Lunigiana” huwa dqiq ħelu li jinkiseb mill-ipproċessar tal-varjetajiet ta' qastan tal-ispeċi Castanea sativa (Mill.) li storikament jikber fiż-żona ta' produzzjoni: Bresciana, Carpanese, Fosetta, Marzolina, Moretta, Primaticcia, Rigola, Rossella, Rossola. Mill-inqas 70 % tal-varjetajiet tal-qastan li jintużaw fil-produzzjoni tal-“Farina di Castagne della Lunigiana” għandu jkun ġej mill-varjetajiet Bresciana, Carpanese u Rossola.
Meta tinħareġ għall-konsum, il-“Farina di Castagne della Lunigiana” tinħass bellusija u tkun fina għall-palat bi granulometrija ta' daqs ta' 0,8 mm jew inqas, li minnhom 80 % jkunu ta' daqs ta' 0,3 mm jew inqas. Il-qamħ huwa ħelu, b'kontenut totali ta' zokkor li mhuwiex inqas minn 20 % u bir-riħa tfuħ tipika tal-qastan mingħajr irwejjaħ ta' moffa jew tnawwir. Il-kulur ivarja bejn l-abjad u abjad minn lewn l-avorju u l-umdità massima hija ta' 8 %.
4.3. Żona ġeografika:
Iż-żona ta' produzzjoni tad-D.P.O. “Farina di Castagne della Lunigiana” tinsab fil-provinċja ta' Massa Carrara u tinkludi t-territorju amministrattiv kollu tal-Komuni ta': Aulla, Bagnone, Casola in Lunigiana, Comano, Filattiera, Fivizzano, Fosdinovo, Licciana Nardi, Mulazzo, Podenzana, Pontremoli, Tresana, Villafranca in Lunigiana u Zeri.
4.4. Prova tal-oriġini:
Kull fażi tal-proċess tal-produzzjoni tiġi mmonitorata billi jiġi ddokumentat kull element li jiddaħħal u kull prodott li joħroġ. It-traċċabbilità tal-prodott tiġi ggarantita b'dan il-mod, u permezz ta' tniżżil f'listi speċifiċi, ġestiti mill-organu ta' spezzjoni, tal-ħbula tal-art fejn issir il-kultivazzjoni skont ir-reġistru tal-artijiet u l-ismijiet tal-produtturi u ta' dawk responsabbli mit-tnixxif, mit-tħin u mill-ippakkjar, kif ukoll permezz tan-notifika immedjata lill-organu ta' spezzjoni tal-kwantitajiet prodotti. Jinżammu wkoll reġistri tal-“gradili” (impjanti tat-tnixxif) li jintuzaw għat-tnixxif tal-qastan, l-imtieħen u s-siti tal-ippakkjar. Il-persuni kollha, fiżiċi jew ġuridiċi, imniżżla fil-listi konċernati, se jkunu soġġetti għal-kontroll mill-organu ta' spezzjoni, skont kif previst mill-ispeċifikazzjoni tal-produzzjoni u tal-pjan ta' kontroll relatat.
4.5. Metodu ta' produzzjoni:
Id-densità tas-siġar waqt il-produzzjoni ma tistax tkun iktar minn 160 unità għal kull ettaru. Ir-rendiment massimu tal-produzzjoni ma jistax jaqbeż it-3 500 Kg għal kull ettaru. Mill-inqas 70 % tal-varjetajiet tal-qastan li jintuża biex issir il-“Farina di Castagne della Lunigiana” għandu jkun ġej mill-varjetajiet ta' Bresciana, Carpanese u Rossola. Il-qtugħ tal-qastan għandu jsir bejn id-29 ta' Settembru u l-15 ta' Diċembru.
Il-qastan jitnixxef fi strutturi magħrufa bħala “gradili”. It-tnixxif tal-qastan għall-produzzjoni tal-“Farina di Castagne della Lunigiana” D.P.O. għandu jsir fuq nar baxx bl-użu esklussiv ta' injam tal-qastan għal perjodu minimu ta' 25 ġurnata. Wara l-proċess ta' tnixxif, il-qastan għandu jitnaddaf mill-qoxra tiegħu bil-makkinarju tradizzjonali ta' tħabbit, imbagħad jiġi mderri (sabiex jitnaddaf mill-ħliefa) b'mod mekkaniku jew bil-metodi tradizzjonali u, fl-aħħar, jiġu kkontrollati bl-idejn sabiex jitneħħew il-partijiet imħassra. Ir-rendiment massimu ta' qastan imqaxxar u niexef ma jistax jaqbeż, bħala proporzjon, 32 % tal-piż tal-qastan nej.
L-imtieħen li jkunu se jintużaw fit-tħin tal-qastan niexef, sabiex minnu ssir il-“Farina di Castagne della Lunigiana” D.P.O., għandhom ikunu tradizzjonali b'maċinaturi tradizzjonali tal-ġebel. L-enerġija għat-tħaddim ta' dawn il-maċinaturi tista' tkun kemm elettrika kif ukoll irdawlika. It-tħin ma jistax isir wara t-30 ta' Jannar tas-sena ta' wara l-qtugħ. Il-mitħna ma tistax titħan iktar minn 500 kg ta' qastan niexef kuljum għal kull maċinatur bl-għan li jiġi evitat ir-riskju li t-tħin veloċi jwaħħal u jsaħħan il-ġebla. Dan jista' jtellef il-karatteristika prezzjuża tal-prodott lest li hija dik li tagħmlu jixbah it-terra fina.
4.6. Rabta:
Id-denominazzjoni protetta ta' oriġini “Farina di Castagne della Lunigiana” hija kkaratterizzata minn togħma partikolarment ħelwa li jiddistingwiha biċ-ċar minn prodotti oħra fuq is-suq. Din it-togħma ġejja primarjament mis-siġar tal-qastan imkabbar, u mill-karatteristiċi tal-klima u tal-ħamrija taż-żona tal-produzzjoni u l-attivitajiet umani li matul is-sekli żammew il-produzzjoni tad-dqiq. Fil-fatt il-konformazzjoni tat-territorju, partikolarment, l-altitudni u l-klima jagħtu kontribut ewlieni lit-togħma ħelwa tal-qastan. L-orografija, il-morfoloġija, l-idrografija u l-klima partikolari ta' Lunigiana jagħmluha ideali għall-produzzjoni ta' qastan ħelu li jikber sew kullimkien, minn qiegħ il-widien sa eluf ta' metri ta' altitudni. Il-konfigurazzjoni partikolari, f'forma ta' “konka”, taż-żona ta' produzzjoni, flimkien mal-esponiment tal-għoljiet lejn il-Lvant u l-Punent, fejn jinsabu l-imsaġar żgħar tal-qastan, it-temperaturi li qatt ma jkunu eċċessivi fl-ebda żmien tas-sena u partikolarment fl-istaġun tat-tkabbir (Ġunju sa Settembru), iż-żiffiet friski tas-sajf li jtaffu mis-sħana qawwija fis-sajf u li jipproteġu s-siġar mill-istress u jiżgura li l-qastan li jintuża għall-produzzjoni tad-dqiq ikun qiegħed il-ħin kollu jiżviluppa livelli għolja ta' zokkor. Mill-aspett morfoloġiku, Lunigiana hija kkaratterizzata minn widien dojoq u fondi, li minnhom jgħaddu nixxigħat torrenzjali, għoljiet, muntanji u widien bi ġnub weqfin minħabba ċediment tal-art. Din il-morfoloġija ħolqot sistema idrografika abbundanti u tipikament torrenzjali li ġiet sfruttata bl-aħjar mod min-nies tal-post bħala sors ta' enerġija għall-bosta mtieħen tal-ilma li jinsabu fiż-żona. Sal-lum, l-imtieħen huma fattur importanti fil-pajsaġġ rurali u għadhom jintużaw għat-tħin tal-qastan niexef. Barra dan, il-maċinaturi tal-ġebel li jinsabu f'dawn l-imtieħen, li qabel kienu jiġu mħaddma bl-ilma u iktar tard bl-elettriku, jippermettu t-tħin bil-mod u kostanti li jevita t-tisħin sabiex jiġi prodott dqiq li jinħass bellusi u li huwa fin għall-palat. Fl-istess waqt, fit-territorju jinsabu wkoll impjanti tat-tnixxif (gradili) li huma mifruxa madwar l-imsaġar kollha tal-qastan li, flimkien mal-imtieħen, jikkaratterizzaw it-territorju ta' Lunigiana u huma xhieda tal-istorja antika tal-ipproċessar tal-qastan fiż-żona. Biżżejjed nieħdu bħala eżempju l-evidenza li tinsab fi kroniki tas-seklu ħmistax ta' Giovanni Antonio da Faie li jisħqu fuq l-importantza tal-qastan għall-ekonomija lokali u l-bżonn li tinżamm il-produzzjoni peress li l-qastan jipprovdi l-għajxien għal żewġ terzi tal-poplu ta' Lunigiana. L-awtur isemmi wkoll kif kien hemm ftit differenza fil-prezz bejn id-dqiq magħmul mill-qamħ u dak magħmul mill-qastan. Flimkien man-natura speċjali taż-żona ġeografika u l-metodi tradizzjonali tat-tħin, huwa xieraq li jissemma wkoll il-fattur uman. Fil-fatt, il-bniedem isegwi kull stadju tal-ipproċessar tad-dqiq, mill-ħsad tal-qastan, sat-tnixxif u t-tħin tagħhom, dejjem skont it-tradizzjonijiet lokali. Sal-lum il-ġurnata, il-perjodu tradizzjonali tal-qtugħ għadu jibda f'jum San Mikiel fid-29 ta' Settembru, li jaħbat maż-żmien meta l-frott jibda jaqa' waħdu u l-kundizzjonijiet klimatiċi jiffavorixxu l-ftuħ tal-qxur tal-varjetajiet l-aktar prekoċi. Wieħed mill-proverbi taż-żona jgħid “per San Michelo la castagna nel panéro” (F'Jum San Mikiel, il-qastan fil-qoffa). Waqt il-ħsad, l-ewwel issir għażla inizjali, fuq is-sit, tal-frott tajjeb u wara jitlestew il-“gradili” fejn jitqiegħed il-qastan għal mill-inqas 25 jum, Matul dan iż-żmien jinżamm nar għaddej taħt superviżjoni kontinwa u li jibqa' jinżamm imqabbad, esklussivament, bl-injam tal-qastan. Wara t-tnixxif, il-qastan jiġi kkontrollat bl-idejn u l-partijiet imħassra jitneħħew qabel il-qastan imur għat-tħin. Ma hemm l-ebda dubju li, biż-żmien, il-produzzjoni u l-ipproċessar tal-qastan kisbu pożizzjoni ta' importanza ekonomika ewlenija f'Lunigiana. Fil-fatt, bejn is-sekli ħmistax u tmintax, il-muniċipalitajiet kollha f'Lunigiana, minn Rocca Sigillina sa Tresana, sa Equi u Moncigoli, minn Gragnola sa Pontremoli, adottaw regoli dettaljati u sanzjonijiet biex jissalvagwardjaw il-qastan li minn dejjem kien preżenti fiż-żona. Riċerka arkeoloġika turi l-preżenza ta' qastan f'Lunigiana sa mill-ewwel seklu wara Kristu u li beda jinfirex sew bejn il-ħames u s-sitt seklu. Il-fdalijiet li nstabu qrib il-parroċċa ta' Sorano (Filattiera), fis-sit ta' insedjament Biżantin li kien mibni fuq art agrikola Rumana li kienet teżisti qabel, huma fost l-eqdem li nstabu ġewwa l-Italja u huma l-evidenza tar-“rivoluzjoni” rapida fl-agrikoltura fejn il-qastna ħadet post il-ballut u, minħabba f'hekk, sabet ambjent ideali u nżammet għal bosta sekli u kienet sors sikur u importanti tal-ikel għall-popolazzjoni. Bħala art antika, Lunigiana żammet l-użanzi u d-drawwiet li jiddistingwuha fil-qasam tal-folkor Taljan. Fil-“Festa della Ricca” (Festa tas-Sinjura), l-iktar mara tad-dar “sinjura” fil-villaġġ toffri xi ħaġa ħafifa tal-ikel u f'Filetto kien jiġi mitlub id-dqiq ħelu tal-qastan. Il-“baladura” jew “ballattura” kienet attività li kienet tikkonsisti fit-tgħaffiġ bis-saqajn tal-qastan parzjalment miftuħ fuq art għad-dirsa bl-għan li jiġi kompletat l-ħruġ mill-fosdqa. Din l-attività kienet tkun propja festa u kienet l-aktar parti ferrieħa u allegra taċ-ċiklu kollu tal-ipproċessar tal-qastan u kienet tkun akkumpanjata mill-kant ta' kanzunetti popolari. F'din l-art ma jonqsux ukoll il-proverbji bid-djalett lokali u l-użanzi soċjali marbuta mat-tkabbir tal-qastan. L-arti kulinarja lokali tipproduċi sensiela sħiħa ta' platti bbażati fuq l-użu tad-dqiq tal-qastan bħall-“pattòna” (polenta magħmula bid-dqiq tal-qastan), “cian” (speċi ta' ftira), “fritei, padléti” (speċi ftira ħafifa tal-isfineġ moqlija), “lasagna bastarda” (lasagna partikolari) u “pane marocca” (ħobż). Dawn il-prodotti gastronomiċi ta' spiss kienu jkunu akkumpanjati bi prodotti tal-ħalib jew zalzett. Fl-aħħar, sabiex wieħed jifhem kemm il-qastan infirex sew fl-art ta' Lunigiana, ikun biżżejjed li wieħed jirrifletti fuq il-fatt li hawn it-tfal ma kinux jitwieldu taħt il-pastard jew jinġabu biċ-ċikonja iżda kienu jinstabu f'zokk vojt ta' siġra qadima tal-qastan.
4.7. Organu tal-kontroll:
Isem: |
Camera di Commercio Industria Artigianato e Agricoltura di Massa Carrara |
|||
Indirizz: |
|
|||
Tel. |
+39 05857641 |
|||
Fax |
+39 0585776515 |
|||
Posta elettronika: |
— |
4.8. Tikkettar:
Id-D.P.O. “Farina di Castagne della Lunigiana” tinħareġ għall-konsum fil-15 ta' Novembru tas-sena ta' produzzjoni, f'boroż żgħar tal-plastik trasparenti b'piż ta' 500 gm, 1 Kg jew 5 Kg. Il-boroż tal-plastik jistgħu jitqiegħdu f'kontenituri tal-karta jew tad-drapp. L-ippakkjar għandu jingħalaq b'siġill li ma jistax jitneħħa b'tali mod li l-kontenut ma jkunx jista' jinħareġ mingħajr ma jinqasam is-siġill. Is-siġill li jista' jintuża darba biss u li jintuża biex jingħalaq kull pakkett għandu jkollu stampat fuqu il-kliem “Farina di Castagne della Lunigiana D.O.P.” kif ukoll is-sena ta' produzzjoni. Il-kulur tas-siġill għandu jvarja skont il-piż: abjad għall-pakkett ta' 500 gm; kannella għal dak ta' 1 Kg u aħmar għal dak ta' 5 Kg. Fuq kull pakkett, għandha titwaħħal ukoll tikketta li turi l-indikazzjonijiet li ġejjin flimkien ma' dawk stipulati bil-liġi: il-logo tal-“Farina di Castagne della Lunigiana” D.P.O, id-data tal-ippakkjar u d-data ta' skadenza li ma tistax taqbeż il-limitu ta' sena.
Il-logo tad-denominazzjoni juri żewġ qastniet fuq xulxin, bil-qastna ta' quddiem tkun inklinata lejn ix-xellug filwaqt li t-tieni waħda tidher b'mod vertikali. Il-qastniet huma t-tnejn kannella b'rifless ta' kannella ċara fuq id-dawra tal-qastan bil-bqija tal-qastan ta' kulur il-ġellewża. L-isfond huwa magħmul minn tliet strixxi ta' dimensjonijiet ugwali bil-kuluri tal-bandiera Taljana: aħdar, abjad u aħmar. Fuq l-istrixxa ħadra tidher il-kitba “Denominazione di Origine Protetta” (Denominazzjoni Protettata tal-Oriġini).
Il-kliem “Farina di Castagne della Lunigiana” għandu jkun bit-Taljan.
(1) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.