EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0213

Kawża T-213/10 P: Appell ippreżentat fl- 10 ta’ Mejju 2010 minn P mis-sentenza mogħtija fl- 24 ta’ Frar 2010 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-89/08, P vs Il-Parlament

ĠU C 195, 17.7.2010, p. 22–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 195/22


Appell ippreżentat fl-10 ta’ Mejju 2010 minn P mis-sentenza mogħtija fl-24 ta’ Frar 2010 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-89/08, P vs Il-Parlament

(Kawża T-213/10 P)

2010/C 195/36

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: P (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: E. Boigelot, avukat)

Appellat: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tal-appellanti

tiddikjara l-appell tagħha bħala ammissibbli u fondat u, konsegwentement,

tannulla s-sentenza appellata mogħtija fl-24 ta’ Frar 2010 mit-Tielet Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża F-89/08, innotifikata lill-appellanti fl-1 ta’ Marzu 2010, li permezz tagħha huwa jiċħad bħala infondat ir-rikors tal-appellanti intiż b’mod partikolari għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament tal-15 ta’ April 2008 li jkeċċiha u għall-kundanna tal-Parlament sabiex iħallasha d-danni li hija tqis li sofriet;

tilqa’ t-talbiet tal-appellanti li hija ressqet quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan l-appell, l-appellanti titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tal-24 ta’ Frar 2010, mogħtija fil-kawża P vs Il-Parlament, F-89/08, li tiċħad ir-rikors li permezz tiegħu l-appellanti kienet b’mod partikolari talbet l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li jxolji l-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal temporanju, u l-ħlas tad-danni allegatament subiti.

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji bbażati fuq:

żball ta’ liġi u motivazzjoni kontradittorja sa fejn it-TSP jqis li l-għarfien tal-motivi ta’ deċiżjoni mis-sempliċi konsultazzjoni tal-fajl personali tagħha huwa suffiċjenti u ma jwassalx għall-annullament tad-deċiżjoni minkejja l-fatt li l-istituzzjoni ma esponietx dawn il-motivi la fid-deċiżjoni ta’ tkeċċija, u lanqas fid-deċiżjoni ta’ ċħid tal-ilment;

ksur min-naħa tat-TSP i) tas-sistema ta’ separazzjoni tal-funzjonijiet u tal-bilanċ istituzzjonali bejn l-amministrazzjoni u l-Qorti, ii) tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u iii) tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sa fejn it-TSP issostitwixxa ruħu għall-Parlament Ewropew meta ħabbar minfloku l-allegati motivi tad-deċiżjoni kkontestata quddiem it-TSP;

motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza kkontestata, sa fejn it-TSP ma semma xejn dwar il-fatt li l-provi tal-fajl li wasslu għad-deċiżjoni kkontestata quddiemu huma kontradittorji — u dan minkejja l-fatt li l-appellanti kienet invokat dawn l-inkoerenzi fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza.


Top