Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0194

    Kawża T-194/10: Rikors ippreżentat fit- 28 ta’ April 2010 — Ir-Repubblika tal-Ungerija vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 195, 17.7.2010, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.7.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 195/19


    Rikors ippreżentat fit-28 ta’ April 2010 — Ir-Repubblika tal-Ungerija vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża T-194/10)

    2010/C 195/32

    Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

    Partijiet

    Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Ungerija (rappreżentanti: J. Fazekas, M. Fehér u K. Szíjjártó, aġenti)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla l-inklużjoni min-naħa tal-Kummissjoni, fid-database E-Bacchus, f’dak li jirrigwarda s-Slovakkja, tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Vinohradnícka oblast’ Tokaj”, introdotta minflok id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Tokajská vinohradnícka oblast’”, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Ir-rikorrenti tikkontesta, billi tinvoka r-Regolament tal-Kunsill Nru 1234/2007 (1), il-validità tal-inklużjoni min-naħa tal-Kummissjoni, f’dak li jirrigwarda s-Slovakkja, tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Vinohradnícka oblast’ Tokaj” fir-registru elettroniku tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetta tal-inbejjed u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (iktar ’il quddiem ir-“reġistru E-Bacchus”).

    Insostenn tar-rikors tagħha, bħala l-ewwel motiv ir-rikorrenti ssostni li, billi bidlet id-denominazzjonijiet, il-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1234/2007 u dawk tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 607/2009 (2), peress li, permezz tal-bidla inkwistjoni tal-isem li kien oriġinalment jinsab fir-reġistru E-Bacchus, hija żgurat protezzjoni awtomatika, fis-sens tal-leġiżlazzjoni l-ġdida, lil denominazzjoni li ma tistax tiġi kkunsidrata bħala “[i]smijiet ta’ nbejjed protetti eżistenti [denominazzjoni li attwalment tibbenefika minn protezzjoni]”, fis-sens tal-Artikolu 118s tar-Regolament Nru 1234/2007.

    F’dan ir-rigward ir-rikorrenti effettivament tqis li, meta daħlet fis-seħħ il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-Unjoni dwar is-suq tal-inbid, fl-1 ta’ Awwissu 2009, kienet id-denominazzjoni “Tokajská/Tokajské/Tokajský vinohradnicka oblast’” li kienet tibbenefika minn protezzjoni Komunitarja, b’mod partikolari skont il-lista tal-inbejjed tal-mejda b’indikazzjoni ġeografika (3) u skont il-lista ta’ nbejjed ta’ kwalità (4).

    Ir-rikorrenti tkompli tgħid li din il-konklużjoni hija kkonfermata wkoll minn eżami tal-liġi nazzjonali Slovakka, il-liġi Slovakka l-ġdida dwar l-inbejjed adottata fit-30 ta’ Ġunju 2009, li tinkludi d-denominazzjoni “Tokajská vinohradnicka oblast’”. Barra minn hekk, jekk ir-regolamenti applikabbli għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dħul fis-seħħ tal-liġi nazzjonali (fl-1 ta’ Settembru 2009) ukoll huwa importanti fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-protezzjoni eżistenti, għaldaqstant għandu jiġi applikat l-Artikolu 73(2) tar-Regolament Nru 607/2009, jiġifieri li f’dan il-każ, anki d-denominazzjoni skont il-liġi l-ġdida għandha tiġi kkunsidrata bħala “[i]smijiet ta’ nbejjed protetti eżistenti [denominazzjoni li attwalment tibbenefika minn protezzjoni]”, fis-sens tal-Artikolu 118s tar-Regolament Nru 1234/2007.

    Bħala t-tieni motiv tagħha r-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, fiż-żamma u l-amministrazzjoni tar-reġistru E-Bacchus, u b’mod iktar partikolari billi wettqet l-inklużjoni inkwistjoni, kisret il-prinċipji fundamentali ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ ċertezza legali, ipprovduti mid-dritt tal-Unjoni.

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari fid-dawl tal-importanza tar-reġistru inkwistjoni, l-obbligu li tiggarantixxi li dan ikun fih data awtentika, affidabli u eżatta. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward il-Kummissjoni hija obbligata teżamina liema denominazzjonijiet, u abbażi ta’ liema liġi nazzjonali, kienu jikkostitwixxu, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar is-suq tal-inbid, denominazzjonijiet li jistgħu jitqiesu li huma “[i]smijiet ta’ nbejjed protetti eżistenti [denominazzjonijiet li attwalment jibbenefikaw minn protezzjoni]”. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, sa fejn hija, la qabel u lanqas wara, ma informat lill-Gvern Ungeriż dwar il-bdil tal-ismijiet li jinsabu, f’dak li jirrigwarda s-Slovakkja, fir-reġistru E-Bacchus, minkejja li hija kellha tkun taf li dan jista’ jaffettwa l-interessi tal-Ungerija. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li hija fasslet u żammet ir-reġistru b’tali mod li, f’data liema tkun, l-ismijiet li jinsabu fih jistgħu jinbidlu b’effett retroattiv, b’tali mod li ma tistax tiġi ddeterminata d-data preċiża ta’ meta seħħet il-bidla.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, p. 1)

    (2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009, tal-14 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid.

    (3)  Lista ta’ ismijiet ta’ unitajiet ġeografiċi iżgħar mill-Istat Membru kif imsemmija fl-Artikolu 51(1) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 (inbejjed tal-mejda b’indikazzjoni ġeografika) (ĠU 2009, C 187, p. 67).

    (4)  Lista ta’ nbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjuni speċifiċi (ĠU 2009, C 187, p. 1).


    Top