Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0251

Kawża C-251/10 P: Appell ippreżentat fl- 20 ta’ Mejju 2010 minn KEK Diavlos mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Imħallef uniku) fit- 18 ta’ Marzu 2010 fil-Kawża T-190/07, KEK Diavlos vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 195, 17.7.2010, p. 14–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 195/14


Appell ippreżentat fl-20 ta’ Mejju 2010 minn KEK Diavlos mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Imħallef uniku) fit-18 ta’ Marzu 2010 fil-Kawża T-190/07, KEK Diavlos vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-251/10 P)

2010/C 195/20

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellanti: KEK Diavlos (rappreżentant: D. Chatzimichalis, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tilqa’ dan l-appell skont it-talbiet magħmula fih;

tannulla, għar-raġunijiet imsemmija fl-appell, is-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali (Imħallef uniku), tat-18 ta’ Marzu 2010, Kawża T-190/07, sabiex tilqa’ r-rikors ippreżentat mill-kumpannija rikorrenti kontra d-Deċiżjoni C(2006) 465 finali tat-23 ta’ Frar 2006, skont it-talbiet magħmulin fih, u tannulla din id-deċiżjoni u kull att u/jew deċiżjoni oħra relatati tal-Kummissjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż u għall-onorarji tal-avukati għaż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-appell tagħha tal-20 ta’ Mejju 2010, il-kumpannija KEK Diavlos ikkontestat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Imħallef uniku), tat-18 ta’ Marzu 2010, Kawża T-190/07, u talbet l-annullament tagħha sabiex jintlaqa’ l-imsemmi rikors tal-kumpannija kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 465 finali, tat-23 ta’ Frar 2006, skont it-talbiet magħmulin fih, u tannulla din id-deċiżjoni u kull att u/jew deċiżjoni oħra relatati tal-Kummissjoni.

L-annullament tal-imsemmija sentenza qed jintalab għall-aggravji li huma miġbura fil-qosor kif ġej:

 

L-ewwel aggravju: abbażi ta’ motivazzjoni żbaljata u insuffiċjenti, is-sentenza appellata ċaħdet fl-intier tiegħu r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti u l-argumenti kollha li huwa jinkludi, filwaqt li hija kellha tilqa’ r-rikors fl-intier tiegħu jew, sussidjarjament, parzjalment. B’mod partikolari, is-sentenza appellata bl-ebda mod ma tieħu inkunsiderazzjoni l-motiv essenzjali għall-eżitu tal-kawża li abbażi tiegħu l-kumpannija rikorrenti kienet issodisfat l-obbligu kuntrattwali tagħha li tieħu ħsieb tistampa pubblikazzjoni ta’ informazzjoni ta’ 1 000 kopja (għal kull lingwa), li tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-thejjija tat-tfal tal-iskola għat-tranżizzjoni lejn l-euro, billi ppubblikat opuskolu speċifiku ta’ informazzjoni li kien jinkludi bosta paġni (annessi 8, 9 u 10). Għaldaqstant, is-sentenza appellata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-opuskoli ta’ informazzjoni ppubblikati mir-rikorrenti sabiex tissodisfa l-obbligi kuntrattwali tagħha.

 

Il-tieni aggravju: is-sentenza appellata hija vvizzjata, peress li kisret il-liġi u, b’mod partikolari, l-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura, sa fejn ċaħdet il-proposta tal-kumpannija rikorrenti ta’ provi ġodda u, b’mod partikolari, it-terminu mitlub minnha għat-trattazzjoni tal-kawża fis-seduta sabiex tippreżenta dokumenti speċifiċi rigward “irregolaritajiet” ikkunsidrati li jeżistu mill-Kummissjoni, u speċifikatament irregolaritajiet rigward il-perijodu li fih l-ispejjeż ikkontestati tniżżlu fil-kotba tal-kontijiet tagħha sabiex jiġi deċiż li huma “ammissibbli” skont il-kuntratt u l-Anness II tiegħu.

 

Il-tielet aggravju: is-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali (Imħallef uniku), tat-18 ta’ Marzu 2010, ikkundannat b’mod żbaljat lir-rikorrenti għall-ispejjeż tal-Kummissjoni, filwaqt li, skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, hija kellha tqassam l-ispejjeż bejn il-partijiet, jew, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, tikkundanna lir-rikorrenti li tilfet għal parti biss tal-ispejjeż tal-Kummissjoni.


Top