Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0217

Kawża C-217/10 P: Appell ippreżentat fil- 5 ta’ Mejju 2010 minn Bent Hansen mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fl- 24 ta’ Marzu 2010 fil-Kawża T-6/09: Bent Hansen vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 195, 17.7.2010, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 195/8


Appell ippreżentat fil-5 ta’ Mejju 2010 minn Bent Hansen mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fl-24 ta’ Marzu 2010 fil-Kawża T-6/09: Bent Hansen vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-217/10 P)

2010/C 195/13

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Bent Hansen (rappreżentant: I. Anderson, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellant

L-appellant jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla fl-intier tagħha d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u d-digriet tal-24 ta’ Marzu 2010 li ċaħdu r-rikors tal-appellanti bħala manifestament inammissibbli flimkien mal-ispejjeż.

tiddeċiedi dwar l-appell tal-appellant u tordna lill-Kummissjoni tħallas lill-appellant:

(a)

is-somma ta’ EUR 800 000 jew kwalunkwe somma oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha xierqa u ġusta għal danni passati, preżenti u futuri u għat-tnaqqis mit-tgawdija tal-kwalità tal-ħajja, minħabba dannu serju għas-saħħa tiegħu bħala riżultat tar-rifjut kapriċċuż u illegali tal-Kummissjoni u r-rifjut illegali li tinforza l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/29 (1) għal monitoraġġ mediku ta’ prekawzjoni għall-mard ikkawżat minn radjazzjoni fil-każ tat-timijiet speċjali ta’ intervenzjoni ta’ Thule.

(b)

ħlas lill-appellant jew liċ-ċentri mediċi li jikkurawh jew il-persuni li jieħdu ħsiebu, tal-ispejjeż futuri għal trattamenti mediċi jew mediċini li jtaffu u/jew jitrattaw is-saħħa mdgħajfa tiegħu, li sar riferiment għalihom fil-paragrafu (a) iktar ’il fuq, li mhumiex disponibbli għalih taħt is-sistema soċjali tas-saħħa tal-Istat Membru tiegħu.

(ċ)

spejjeż legali raġonevoli u spejjeż oħra li sostna l-appellant fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u fil-proċeduri preżenti.

Aggravji u argumenti prinċipali

(1)

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ċaħdet bħala inammissibbli l-każ tal-appellant ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali billi żnaturat kemm in-natura tat-talbiet tiegħu kif ukoll l-aggravji tiegħu. Bħala riżultat ta’ tali żnaturament, il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra l-illegalità fil-kuntest tar-raġunijiet kapriċċużi u diżonesti tal-Kummissjoni li ma taġixxix — liema nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni neħħa kull sens mill-istandards uniformi għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali f’każijiet ta’ inċidenti radjoloġiċi kkawżati mill-użu militari tal-enerġija nukleari.

(2)

Nuqqas milli tapplika l-prinċipji legali komuni għall-Istati Membri. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa l-illegalità tan-nuqqas ta’ attenzjoni, diliġenza u amministrazzjoni tajba tal-Kummissjoni b’riferiment għall-prinċipji legali komuni għas-sistemi tal-Istati Membri sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà amministrattiva għal danni kkawżati lil individwi, kif meħtieġ skont l-Artikolu 188 tat-Trattat KEEA.

(3)

Applikazzjoni mhux korretta tas-setgħat uniċi tal-Kummissjoni ta’ eżenzjoni mil-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ lmenti dwar l-istandards tas-saħħa. Il-Qorti Ġenerali żbaljat ukoll meta kkunsidrat l-eżenzjoni militari tal-Kummissjoni tal-inċident radjoloġiku ta’ Thule mill-ħarsien tas-saħħa mogħti mid-Direttiva, fid-dawl tad-diskrezzjoni wiesgħa u unika tal-Kummissjoni li tifformula l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE permezz ta’ eżenzjonijiet diskrezzjonarji ta’ ftehim illegali tal-kummerċ. B’dan il-mod, ġew injorati d-deċiżjonijiet dwar ammissibbiltà ta’ din il-qorti f’oqsma oħra tal-UE fejn il-Kummissjoni ma għandhiex tali diskrezzjoni unika u fejn allegazzjonijiet tan-nuqqas tal-Kummissjoni li taġixxi ma kkunsidrawx talba bħala manifestament inammissibbli.

Il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-Kummissjon ma għandhiex diskrezzjoni unika u illimitata sabiex timplementa l-istandards uniformi għall-ħarsien tas-saħħa peress li t-Trattat KEEA jiddefinixxi b’mod strett is-setgħa tagħha ta’ eżenzjoni — u jipprovdi speċifikament mekkaniżmi għal individwi sabiex jilmentaw dwar in-nuqqasijiet amministrattivi tagħha sabiex jaġixxu f’oqsma fejn ġew stabbiliti mezzi ta’ ħarsien għalihom. Dan jinkludi sitwazzjonijiet fejn ir-rifjut milli taġixxi ġie deċiż fil-konfront ta’ parti oħra.

(4)

Nuqqas milli tikkunsidra jekk ir-rifjut tal-Kummissjoni milli taġixxi marx kontra l-għan tat-Trattat KEEA li jħares is-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali.

Il-Qorti Ġenerali żbaljat ukoll meta naqset milli tinvestiga jekk ir-rifjut tal-Kummissjoni milli taġixxi marx kontra l-għanijiet tat-Trattat KEEA li jwaqqaf u jimplementa l-istandards uniformi għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti. B’dan il-mod, hija injorat id-dmir perentorju tal-Kummissjoni taħt it-Trattat KEEA li tiżgura li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat jiġu applikati b’mod xieraq, inkluż il-prinċipju tiegħu ta’ prekawzjoni.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 96/29/EURATOM, tat-13 ta’ Mejju 1996, li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 291)


Top