Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0213

    Kawża C-213/10: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (Il-Litwanja) fl- 4 ta’ Mejju 2010 — F-Tex

    ĠU C 195, 17.7.2010, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.7.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 195/7


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (Il-Litwanja) fl-4 ta’ Mejju 2010 — F-Tex

    (Kawża C-213/10)

    2010/C 195/12

    Lingwa tal-kawża: il-Litwan

    Qorti tar-rinviju

    Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Litwanja)

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: F-Tex SIA

    Konvenuta: UAB Jadecloud Vilma

    Domandi preliminari

    (1)

    Fid-dawl tas-sentenzi Gourdain u Deko Marty Belgium tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 (1) u l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 (2) għandhom jiġu interpretati fis-sens li

    (a)

    il-qorti li quddiemha jitressqu proċeduri ta’ falliment għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tiddeċiedi actio pauliana li tirriżulta direttament mill-proċeduri ta’ falliment jew li hija strettament marbuta magħha u li tista’ ssir deroga minn din il-ġurisdizzjoni biss abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 1346/2000?

    (b)

    l-actio pauliana li hija ppreżentata mill-uniku kreditur ta’ impriża li fil-konfront tagħha nbdew proċeduri ta’ falliment fi Stat Membru, li

    hija ppreżentata fi Stat Membru ieħor,

    tistrieħ fuq dritt kontra terzi konvenuti li ttrasferit lir-rikorrenti permezz tar-riċevitur tal-falliment b’kuntratt b’titolu oneruż, fejn il-portata tad-drittijiet tar-riċevitur fl-ewwel Stat Membru kienu, minħabba dan il-fatt, limitati, u

    ma tippreżenta ebda riskju għall-kredituri l-oħra eventwali,

    taqa’ taħt il-materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001?

    (2)

    Id-dritt tar-rikorrenti għal rimedju ġudizzjarju, li huwa rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u li huwa ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jinftiehem u jiġi interpretat fis-sens li

    (a)

    il-qrati nazzjonali kompetenti sabiex jiddeċiedu fuq l-actio pauliana skont (abbażi tar-rabtiet ta’ din l-azzjoni mal-proċedura ta’ falliment) l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jew l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jistgħux it-tnejn li huma jirrinunzjaw għall-ġurisdizzjoni tagħhom?

    (b)

    meta qorti ta’ Stat Membru tkun ddikjarat l-actio pauliana bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, il-qorti tal-Istat Membru l-ieħor tista’ ex officio tiddikjara ruħha bħala kompetenti sabiex tiggarantixxi d-dritt tar-rikorrenti għal qorti, minkejja l-fatt li, skont ir-regoli dwar ġurisdizzjoni internazzjonali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, din ma tistax tieħu d-deċiżjoni f’dan is-sens?


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 19).

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).


    Top