Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0710(01)

    Deċiżjoni Nru E2 tat- 3 ta' Marzu 2010 dwar l-istabbiliment ta' proċedura tal-ġestjoni tat-tibdil li tapplika għad-dettalji tal-korpi definiti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li huma elenkati fid-direttorju elettroniku li hu parti inerenti tal-EESSI (Test b’relevanza għaż-ŻEE u għal-Ftehim UE/Żvizzera)

    ĠU C 187, 10.7.2010, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    10.7.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 187/5


    DEĊIŻJONI Nru E2

    tat-3 ta' Marzu 2010

    dwar l-istabbiliment ta' proċedura tal-ġestjoni tat-tibdil li tapplika għad-dettalji tal-korpi definiti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li huma elenkati fid-direttorju elettroniku li hu parti inerenti tal-EESSI

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE u għal-Ftehim UE/Żvizzera)

    2010/C 187/04

    IL-KUMMISSJONI AMMINISTRATTIVA GĦALL-KOORDINAZZJONI TAS-SISTEMI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI

    Wara li kkunsidrat l-Artikolu 72 (d) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali (1), li permezz tiegħu l-Kummissjoni Amministrattiva hija responsabbli għall-adozzjoni ta' regoli strutturali komuni għas-servizzi tal-ipproċessar tad-dejta u għall-iżvilupp ta' dispożizzjonijiet għall-operat tal-parti komuni ta' dawk is-servizzi,

    Wara li kkunsidrat l-Artikolu 88 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), (minn hawn ’il quddiem: Regolament tal-Implimentazzjoni),

    Filwaqt li taġixxi skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 71 (2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004,

    Billi

    (1)

    Wieħed mill-elementi fil-modernizzazzjoni tas-sistema ta' koordinazzjoni bejn l-iskemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali huwa t-twaqqif ta' direttorju elettroniku li jiġbor fih id-dettalji tal-korpi nazzjonali involuti fl-applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 (minn hawn ’il quddiem: Regolament tal-Implimentazzjoni).

    (2)

    L-Istati Membri huma responsabbli għat-tqegħid tal-informazzjoni tal-kuntatt nazzjonali tagħhom stess fid-direttorju elettroniku u għaż-żamma aġġornata ta' din l-informazzjoni.

    (3)

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dejta fir-repliki lokali tagħhom tad-direttorju elettroniku tiġi sinkronizzata ta' kuljum mad-dejta elenkata fil-kopja oriġinali tad-direttorju elettroniku, li huwa ġestit mill-Kummissjoni Ewropea.

    (4)

    Jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura tal-ġestjoni tat-tibdil, li tiżgura li l-bidliet fid-dejta elenkati f'dan id-direttorju elettroniku jiġu proċessati b'mod strutturat u konsistenti, b'mod verifikabbli u f'waqtu.

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    1.

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli għal proċedura tal-ġestjoni tat-tibdil fir-rigward tad-dejta ta' awtoritajiet kompetenti, istituzzjonijiet nazzjonali, korpi ta' kollegament u punti ta' aċċess kif definit fl-Artikolu 1 (m), (q) u (r) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u l-Artikolu (1) (2) (a) u (b) tar-Regolament implimentattiv.

    2.

    Il-proċedura tal-ġestjoni tat-tibdil tapplika għal dejta mniżżla fid-Direttorju Ewlieni tad-direttorju elettroniku, li jiġi amministrat mill-Kummissjoni Ewropea u għar-repliki lokali li jiġu ospitati fl-Istati Membri.

    3.

    Kull Stat Membru għandu jaħtar persuna, li tkun responsabbli għall-introduzzjoni ta' bidliet fil-kopja oriġinali tad-direttorju elettroniku u għall-aġġornament tar-repliki lokali.

    4.

    Kull Stat Membru għandu wkoll jaħtar punt ċentrali ta' kuntatt għall-EESSI għal kull Punt ta' Aċċess (Punt uniku ta' Kuntatt AP minn hawn ’il quddiem: AP SPOC). Dan huwa l-ewwel punt ta' kuntatt għal istituzzjonijiet u l-korpi assoċjati ma' dak il-Punt ta' Aċċess.

    5.

    Kull Stat Membru għandu javża lill-Kummissjoni Amministrattiva bil-bidliet fid-dejta ta' natura sostanzjali fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu, l-istituzzjonijiet nazzjonali, il-korpi ta' kollegament jew il-Punti ta' Aċċess, permezz tas-Segretarjat, mill-inqas xahar kalendarju qabel ma ssir effettiva l-bidla. In-notifika tista' tiġi indirizzata lis-Segretarjat. Jistgħu jiddaħħlu tibdiliet żgħar fid-Direttorju Ewlieni tad-direttorju elettroniku mingħajr ma jsir avviż minn qabel.

    6.

    Għall-iskop ta' din il-proċedura, bidla sostantiva hija definita bħala bidla li taffettwa b'mod negattiv l-applikazzjoni tar-Regolamenti u għalhekk l-koordinazzjoni, peress li tista' tfixkel it-trażmissjoni jew it-tqassim ta' dokumenti elettroniċi strutturati (SEDs) lill-istituzzjoni jew lill-korp ikkonċernati.

    Bidla sostanzjali tinkludi, inter alia:

    (a)

    Bidliet relatati mal-kodiċi ta' identifikazzjoni, mal-funzjoni jew mal-kompetenza ta' korp jew istituzzjoni jew punt ta' aċċess.

    (b)

    L-għeluq ta' korp, istituzzjoni jew punt ta' aċċess

    (c)

    L-amalgamazzjoni ta' korpi jew istituzzjonijiet jew punti ta' aċċess.

    7.

    Fil-każ li bidla sostanzjali tikkonċerna xi waħda mill-bidliet elenkati fil-punt (a), (b) jew (c), l-Istat Membru għandu jindika liema korp, istituzzjoni jew punt ta' aċċess se jieħu f'idejh il-funzjoni jew il-kompetenza kkonċernata fid-data li l-bidla ssir effettiva.

    8.

    Mal-wasla tan-notifika ta' tibdil sostanzjali, is-Segretarjat għandu javża lill-Kummissjoni Amministrattiva u lill-SPOCs tal-AP bil-bidla u meta l-bidliet se jsiru effettivi.

    9.

    Skont l-Artikolu 9 tar-regoli ta' proċedura tal-Kummissjoni Amministrattiva, il-membri tal-Kummissjoni Amministrattíva jkollhom il-possibbiltà li jindikaw li jkunu qed joġġezzjonaw għall-bidla jew li jastjenu milli jivvotaw. Fil-każ li titqajjem oġġezzjoni, il-bidla għandha tiġi diskussa fl-ewwel laqgħa li jkun imiss tal-Kummissjoni Amministrattiva.

    10.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-repliki lokali tas-Servizzi tad-Direttorju jiġu sinkronizzati ta' kuljum mal-kopja oriġinali tad-direttorju elettroniku. Is-sinkronizzazzjoni tar-repliki lokali għandha ssir bejn is-01:00 u t-03:00 am. CET.

    11.

    Fi żmien sena mill-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tevalwa l-esperjenzi tal-Istati Membri bl-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    12.

    Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tkun applikabbli mill-ewwel jum tat-tieni xahar wara l-pubblikazzjoni tagħha.

    Il-President tal-Kummissjoni Amministrattiva

    José Maria MARCO GARCÍA


    (1)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

    (2)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.


    Top