Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XC0618(03)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    ĠU C 158, 18.6.2010, p. 12–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.6.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 158/12


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    2010/C 158/09

    Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

    APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    Applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 9

    “WELSH BEEF”

    Nru tal-KE:UK-PGI-0105-0057-16.04.2007

    IĠP ( X ) DPO ( )

    1.   Intestatura tal-ispeċifikazzjoni affettwata mill-emenda:

    Isem il-prodott

    Image

    Deskrizzjoni

    Żona ġeografika

    Image

    Prova tal-oriġini

    Image

    Metodu ta' produzzjoni:

    Image

    Rabta

    Image

    Tikkettar

    Rekwiżiti nazzjonali

    Oħrajn

    2.   Tip ta' emenda/i:

    Image

    Emenda tad-dokument uniku jew tas-sinteżi

    Emenda tal-ispeċifikazzjoni tad-DPO jew l-IĠP rreġistrati, li għalihom ma ġie ppubblikat l-ebda dokument uniku jew sinteżi.

    Emenda tal-ispeċifikazzjoni li ma teħtieġ l-ebda emenda tad-dokument uniku ppubblikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    Emenda temporanja tal-ispeċifikazzjoni li tirriżulta mill-adozzjoni ta’ miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    3.   Emenda/i:

    L-organizzazzjoni mmexxija mill-industrija Hybu Cig Cymru - Meat Promotion Wales (HCC) hija inkarigata mill-iżvilupp, il-promozzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-laħam aħmar ta' Wales. F'Lulju 2004, fuq talba tal-Gvern tal-Assemblea ta' Wales, l-HCC aċċettat ir-rwol ta' gwardjan tad-denominazzjoni IĠP “Welsh Beef”.

    L-HCC kkonsultat ma' rappreżentanti tal-industrija fir-rigward tal-IĠP “Welsh Beef” biex tikseb fehmiet dwar l-adegwatezza tal-IĠP kurrenti, inklużi l-valur, il-limitazzjonijiet u l-potenzjal għal ġejjieni tagħha. Tfittxew fehmiet dwar l-aħjar mekkaniżmu sabiex jiġi massimizzat il-valur tal-laħam ta' Wales, u kif l-aħjar jintużaw l-IĠP f'dan il-kuntest. Kien hemm qbil dwar il-ħtieġa li l-IĠP tirrifletti s-sitwazzjoni attwali fl-industrija ta' Wales, u li l-emendi jkunu jistgħu jtejbu l-monitoraġġ u l-kontroll tal-IĠP fil-ġejjieni.

    Emendi Proposti

    3.1.   Deskrizzjoni tal-Prodott:

    Emenda

    Spjegazzjoni

    L-inklużjoni ta' “għabajjar (baqar li ma tgħammrux)”

    Sabiex jiġi żgurat li jikkwalifikaw biss l-għabajjar għall-IĠP.

    It-tneħħija ta' “mgħammar” (bred)

    Sabiex titnaqqas il-konfużjoni dwar it-tifsira ta' “mgħammar” (bred)

    L-inklużjoni tal-klassifikazzjoni u l-konformazzjoni tal-karkassa fil-mira għaċ-ċanga ta' Wales

    Sabiex jiġi definit aħjar l-IĠP Welsh Beef billi jiġu enfasizzati l-istandards li għandhom jintlaħqu mill-prodotti taċ-ċanga.

    L-inklużjoni ta'

    “Storikament, il-baqar tradizzjonament imrobbijin f'Wales kienu fil-maġġor parti tagħhom Welsh Black u Hereford. Dawn ir-razez xorta għadhom jiffurmaw is-sisien tal-industrija ta' Wales tal-lum. Iċ-ċanga ta' Wales ġejja minn razez tradizzjonali ta' Wales u mit-taħlit ta' dawn ir-razez bejniethom jew ma' kwalunkwe razza oħra rikonoxxuta”

    Sabiex jiġi enfasizzat li l-IĠP Welsh Beef huwa ġej minn razez tradizzjonali ta' Wales.

    L-inklużjoni ta'

    “Il-baqar jinqatlu u jiġu pproċessati f'biċċeriji/proċessuri approvati mill-iskema ta' verifika tal-HCC sabiex jiġi żgurat li jitħarsu l-marka u l-integrità tal-IĠP Welsh beef”

    Sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tal-marka u l-integrità tal-IĠP Welsh Beef permezz ta' kontroll u monitoraġġ adegwat.

    3.2.   Prova tal-oriġini:

    Emenda

    Spjegazzjoni

    L-inklużjoni ta'

    “HCC hija l-organizzazzjoni mmexxija mill-industrija li hija inkarigata mill-iżvilupp, il-promozzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-laħam aħmar ta' Wales”

    Fuq talba tal-Gvern tal-Assemblea ta' Wales, l-HCC aċċettat ir-rwol ta' gwardjan tad-denominazzjoni IĠP “Welsh Beef”

    L-inklużjoni ta'

    “L-iskema ta' verifika tal-HCC tiżgura li kwalunkwe ċanga mmarkata bħala ‘Welsh Beef’ tilħaq l-ispeċifikazzjonijiet. Il-biċċeriji u l-proċessuri kollha li jixtiequ jużaw id-denominazzjoni Welsh beef għandhom, fuq bażi annwali, juru lill-korp ta' spezzjoni maħtur tal-HCC li ċ-ċanga tilħaq l-ispeċifikazzjonijiet tal-IĠP u li l-impjant ikun qed jopera skont il-linji gwida tal-aqwa prattiki. Din l-approvazzjoni se tkun rappreżentata minn Ċertifikat, li għandu jintwera b'mod prominenti fis-sede tal-intrapriża. L-HCC twettaq ukoll verifiki għalgħarrieda fuq il-post sabiex tivverifika l-approvazzjoni u l-użu tal-liċenzja għall-marka IĠP Welsh beef min-naħa tal-biċċerija/proċessur Il-kriterji tal-iskema ta' verifika tal-HCC se jibqgħu jiġu żviluppati”

    Sabiex jiġi żgurat li l-integrità tal-prodott tinżamm permezz ta' kontroll u monitoraġġ xieraq, l-HCC żżomm id-dritt li timmonitorja l-impjanti kollha li jużaw l-IĠP.

    L-inklużjoni ta'

    “Fl-istadji kollha tal-proċess tal-produzzjoni, jinżammu reġistri dwar it-traċċabbiltà tal-prodott. In-numru tal-qatla, id-data tal-qatla, id-dettalji tal-klassifikazzjoni u l-piż tal-karakassa kiesħa jiġu rreġistrati fil-biċċeriji. Dan it-tagħrif jitwaħħal fuq tikketta mal-karkassa u jkun disponibbli għall-ispezzjoni mill-HCC”

    L-HCC se tispezzjona t-tagħrif fuq it-tikketta, mill-inqas darba fis-sena, sabiex timmonitorja l-IĠP Welsh Beef

    L-inklużjoni ta'

    “Rekwiżiti minimi fir-rigward tat-traċċabbiltà tal-prodott huma:

     

    Baqar imrobbijin estensivament fuq il-ħaxix;

     

    Reġistri veterinarji skont ir-rekwiżiti tal-Gvern;

     

    Traċċabbiltà konformi mal-istandards tal-iskema tal-assigurazzjoni tal-irziezet jew ekwivalenti;

     

    Trasport u identifikazzjoni tal-qatla skont ir-regolamenti tal-Gvern”

    Sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti tat-traċċabbiltà tal-IĠP Welsh Beef jilħqu l-kriterji tal-iskema ta' verifika tal-HCC

    3.3.   Metodu ta' produzzjoni:

    Emenda

    Spjegazzjoni

    L-inklużjoni ta'

    “Il-baqar jinqatlu f'età ta' bejn 24-48 xahar u ma għandhomx ikunu mgħammra”.

    Sabiex tiġi enfasizzata l-firxa tal-età tal-baqar sabiex jikkwalifikaw għall-użu tal-IĠP Welsh Beef. Il-firxa tal-età preċedenti kienet preskrittiva wisq u kienet qed iżżomm annimali taċ-ċanga iktar maturi milli jikkwalifikaw għall-IĠP. Sabiex jiġi evitat li baqar xjuħ jiġu inklużi, l-ispeċifikazzjoni ġiet estiża sabiex tinkludi biss għabajjar (baqar li ma tgħammrux)

    L-inklużjoni ta'

    “Il-laħam għandu jiġi minn baqar imwielda u mrobbija f'Wales”

    Sabiex jiġi enfasizzat li l-IĠP Welsh Beef ġej minn baqar imwielda u mrobbija f'Wales

    L-inklużjoni ta'

    “Il-baqar jinqatlu u jiġu pproċessati f'biċċeriji/proċessuri approvati mill-iskema ta' verifika tal-HCC sabiex jiġi żgurat li jitħarsu l-marka u l-integrità tal-IĠP Welsh beef”

    Sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tal-marka u l-integrità tal-IĠP Welsh Beef permezz ta' kontroll u monitoraġġ adegwat.

    L-inklużjoni ta'

    “Biċċeriji u proċessuri eliġibbli għall-approvazzjoni tal-iskema ta' verifika tal-HCC mhumiex ristretti għaż-żona ġeografika definita – Wales”

    Għaċ-ċarezza fid-definizzjoni tal-IĠP Welsh Beef.

    L-inklużjoni ta'

    “L-annimali jinqatlu u jiġu ppreparati fil-biċċerija skont speċifikazzjonijiet rikonoxxuti tal-industrija jew sabiex jilħqu rekwiżiti leġiżlattivi jew tal-konsumaturi”

    Għaċ-ċarezza fid-definizzjoni tal-IĠP Welsh Beef. L-ispeċifikazzjoni preċedenti dwar il-preparazzjoni kienet tippermetti biss l-ispeċifikazzjoni tal-“Meat and Livestock Commission”, li kienet meqjusa bħala restrittiva wisq

    L-inklużjoni ta'

    “Il-qatgħat kollha jridu jiġu identifikati bħala Welsh beef permezz ta' tikkettar xieraq (ara t-taqsima 4.8)”

    Sabiex jiġi żgurat li l-qatgħat tal-Welsh Beef jiġu tikkettati skont l-IĠP

    3.4.   Rabta:

    Emenda

    Spjegazzjoni

    L-inklużjoni ta'

    “Ir-razez li ntużaw l-iktar kienu indiġeni tar-razza Welsh Black jew Hereford”

    Il-karatterisitiċi li jiddistingwu l-Welsh Beef huma r-riżultat tal-influwenza tar-razez tradizzjonali li jibqgħu s-sisien tal-industrija taċ-ċanga ta' Wales.

    Sabiex jiġi enfasizzat li l-IĠP Welsh Beef huwa ġej minn razez tradizzjonali ta' Wales.

    3.5.   Tikkettar:

    Emenda

    Spjegazzjoni

    L-inklużjoni ta'

    “L-indikazzjoni ġeografika ‘Welsh Beef’ għandha tidher fuq il-karkassi, partijiet tal-karkassi jew qatgħat, flimkien mal-marka kummerċjali rreġistrata tal-HCC għall-Welsh beef u s-simbolu tal-IĠP”

    Sabiex jiġi żgurat li partijiet ta' karkassi u qatgħat ikunu tikkettati b'mod xieraq u sabiex tiġi żgurata l-integrità tal-marka kummerċjali u l-IĠP tal-Welsh beef

    L-inklużjoni ta'

    “Gwida dettaljata dwar it-tikkettar tingħata mill-HCC. Is-sistemi tat-tikkettar se jiffurmaw parti mill-ispezzjoni tal-iskema ta' verifika tal-HCC”

    Sabiex jiġi żgurat li jkun ċar dwar minn fejn il-biċċeriji u l-impjanti tal-laħam jistgħu jiksbu l-gwida dwar it-tikkettar u sabiex jiġi żgurat li l-IĠP ma tiġix rappreżentata ħażin

    DOKUMENT UNIKU

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “WELSH BEEF”

    Nru tal-KE: UK-PGI-0105-0057-16.04.2007

    IĠP ( X ) DPO ( )

    1.   Isem:

    “Welsh Beef”

    2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz:

    Ir-Renju Unit

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

    3.1.   Tip ta' prodott:

    Klassifikazzjoni 1.1. –

    Laħam frisk u l-ġewwieni.

    Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1)

    Welsh Beef huwa l-isem li jingħata lill-karkassi jew qatgħat tal-laħam meħudin minn għabajjar (baqar li ma tgħammrux), imwielda u mrobbija f'Wales. L-għan tal-produtturi tal-Welsh beef huwa li jilħqu klassifikazzjoni tal-karkassa fil-mira ta' konformazzjoni R jew aħjar u kontenut tax-xaħam ta' 4L jew inqas. Ara t-tabella taħt.

    Tabella ta' Klassifikazzjoni EUROP tal-Karkassa fil-Mira għall-Welsh Beef

     

    Klassi tax-xaħam

    1

    2

    3

    4L

    4H

    5L

    5H

    Konformazzjoni

    E

    x

    x

    x

    x

     

     

     

    U +

    x

    x

    x

    x

     

     

     

    – U

    x

    x

    x

    x

     

     

     

    R

    x

    x

    x

    x

     

     

     

    O +

     

     

     

     

     

     

     

    – O

     

     

     

     

     

     

     

    P +

     

     

     

     

     

     

     

     

    – P

     

     

     

     

     

     

     

    x tindika l-klassifikazzjonijiet tal-karkassi fil-mira tal-Welsh beef

    Storikament, il-baqar tradizzjonament imrobbijin f'Wales kienu fil-maġġor parti tagħhom Welsh Black u Hereford. Dawn ir-razez xorta għadhom jiffurmaw is-sisien tal-industrija ta' Wales tal-lum. Iċ-ċanga ta' Wales ġejja minn razez tradizzjonali ta' Wales u mit-taħlit ta' dawn ir-razez bejniethom jew ma' kwalunkwe razza oħra rikonoxxuta.

    Il-baqar jinqatlu f'età ta' bejn 24-48 xahar u ma għandhomx ikunu mgħammra.

    Il-baqar jinqatlu u jiġu pproċessati f'biċċeriji/proċessuri approvati mill-iskema tal-verifika tal-Hybu Cig Cymru – Meat Promotion Wales (HCC) sabiex jiġi żgurat li titħares il-marka u l-integrità tal-IĠP Welsh beef. Din l-iskema ta' verifika tal-HCC tiżgura li kwalunkwe ċanga immarkata bħala “Welsh Beef” tilħaq l-ispeċifikazzjonijiet. Il-biċċeriji u l-proċessuri kollha li jixtiequ jużaw id-denominazzjoni Welsh beef għandhom, fuq bażi annwali, juru lill-korp ta' spezzjoni maħtur tal-HCC li ċ-ċanga tilħaq l-ispeċifikazzjonijiet tal-IĠP u li l-impjant ikun qed jopera skont il-gwida tal-aqwa prattiki. L-HCC twettaq ukoll verifiki għalgħarrieda fuq il-post sabiex tivverifika l-approvazzjoni u l-użu tal-liċenzja għall-marka IĠP Welsh beef min-naħa tal-biċċerija/proċessur

    Wara l-qatla u l-preparazzjoni, iċ-ċanga tista' tinħareġ fuq is-suq bħala ġisem sħiħ, naħa sħiħa, partijiet min-naħat (il-kwart ta' quddiem/kwart ta' wara) jew bħala qatgħat taċ-ċanġa (li jinkludu l-kapuljat taċ-ċanga).

    Il-profili tal-laħam, fil-maġġoranza, ikunu konvessi, bi żvilupp tajjeb tal-muskolu u dahar wiesa' u oħxon li jasal sal-ispalla li tkun ittondjata sew. Meta jintmess, il-laħam jinħass solidu bi struttura ratba u konsistenti, il-muskoli li huma żviluppati sew huma ta' kulur aħmar skur u x-xaħam ikun abjad fl-isfar. Ġeneralment, fid-dehra, il-laħam ikun irħamat sew.

    3.2.   Materja prima:

    3.3.   Għalf (għal prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

    Il-baqar jitrabbew estensivament fuq artijiet tal-ħaxix fiż-żona ġeografika, skont prattiki tradizzjonali tat-trobbija tal-baqar ta' Wales.

    F'okkażjonijiet fejn l-għalf jintuża biex jissupplimenta r-ragħa tal-ħaxix, l-għalf għandu jinkiseb, fejn possibbli, miż-żona ġeografika.

    3.4.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:

    Kull produttur jikkontrolla l-merħla tal-annimali taċ-ċanga tiegħu li jkunu mrobbija l-iktar bir-ragħa tal-ħaxix naturali. L-annimali jinbiegħu jew bħala piż ta' karkassa lill-biċċeriji jew fis-swieq tal-annimali. Il-laħam għandu jkun ġej minn baqar imwielda u mrobbija f'Wales, u maqtula/ipproċessati f'biċċeriji/proċessuri approvati mill-iskema ta' verifika tal-HCC. L-annnimali jinqatlu u jiġu ppreparati fil-biċċerija skont speċifikazzjonijiet rikonoxxuti tal-industrija jew sabiex jilħqu rekwiżiti leġiżlattivi jew tal-konsumatur.

    Biċċeriji u proċessuri eliġibbli għall-approvazzjoni tal-iskema ta' verifika tal-HCC mhumiex ristretti għaż-żona ġeografika definita – Wales.

    Fl-istadji kollha tal-proċess tal-produzzjoni, jinżammu reġistri dwar it-traċċabbiltà tal-prodott. In-numru tal-qatla, id-data tal-qatla, id-dettalji tal-klassifikazzjoni u l-piż tal-karakassa kiesħa jiġu rreġistrati fil-biċċeriji. Dan it-tagħrif jitwaħħal fuq tikketta mal-karkassa u jkun disponibbli għall-ispezzjoni mill-HCC.

    3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, il-ħakk u l-ippakkjar.:

    Mhux applikappli

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it tikkettar:

    L-indikazzjoni ġeografika “Welsh Beef” trid tidher fuq il-karkassi, partijiet tal-karkassi jew qatgħat, flimkien mal-marka kummerċjali rreġistrata tal-HCC għall-Welsh beef u s-simbolu tal-IĠP.

    4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

    Wales kollu.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika:

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

    Hemm ħafna dokumenti dwar l-industrija tal-baqar ta' Wales minħabba l-importanza tagħha sa minn żmien iċ-Ċelti, ir-Rumani, in-Normanni u sal-lum il-ġurnata. Insibu għadd ta' referenzi storiċi għall-baqar ta' Wales mogħtija f'“The Drovers”, “Roads of Wales” u “Medieval Wales” minn Hewitt.

    Il-karatteristiċi li jiddistingwu l-Welsh beef huma l-għalf tal-baqar li jibbaża fuq l-abbundanza tal-ħaxix naturali f'Wales, li jikber ħafna minħabba l-klima moderata u bix-xita u minħabba t-topografija ta' Wales.

    Madwar Wales, hemm xatt ta' 1 200 kilometru u iktar 'il ġewwa pajsaġġ grandjuż fejn jingħaqdu f'armonija muntanji, għoljiet, lagi u widien. Minħabba l-ammont ta' xita li tipikament tinżel fiż-żona, Wales huwa adattat b'mod perfett għall-produzzjoni tal-mergħat naturali. Din it-tapezzerija lewn l-iżmerald, b'firxa wara l-oħra ta' ħaxix aħdar kotran, flimkien ma' ħaxixet il-mikinsa u l-fwieħa tal-ħwawar salvaġġi u indiġeni, jikkontribwixxu għat-togħma distintiva taċ-ċanga ta' Wales.

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

    Sabiex ikollhom il-marka “Welsh Beef”, huma eliġibbli biss il-baqar imwielda u mrobbija f'Wales. Dan jorbot il-prodott direttament maż-żona ġeografika fejn jiġi prodott.

    Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fil-kwalità għall-konsumatur, il-baqar għandhom ikunu għabajjar (baqar li ma tgħammrux) u għandhom jinqatlu ta' età ta' bejn 24-48 xahar. L-għan tal-produtturi tal-Welsh beef huwa li jilħqu klassifikazzjoni tal-karkassa fil-mira ta' konformazzjoni R jew aħjar u kontenut tax-xaħam ta' 4L jew inqas.

    Il-karatterisitika li tiddistingwu l-Welsh Beef hija dovuta għall-influwenza tar-razez tradizzjonali li jibqgħu s-sisien tal-industrija taċ-ċanga ta' Wales, li minnha ġejja iċ-ċanga.

    Il-laħam irid ukoll ikun ġej minn baqar li jinqatlu/jiġu pproċessati f'biċċerji/proċessuri approvati. L-annimali jinqatlu u jiġu ppreparati fil-biċċerija skont speċifikazzjonijiet rikonoxxuti tal-industrija jew sabiex jilħqu rekwiżiti leġiżlattivi jew tal-konsumatur.

    5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP).:

    Iċ-ċanga ta' Wales għandha għadd ta' vantaġġi kompetittivi tal-produzzjoni. Ir-razez tradizzjonali jitrabbew f'ambjent ideali, bl-użu ta' metodi tradizzjonali tal-biedja li ilhom jintużaw u li l-effettività tagħhom hi magħrufa, flimkien ma' metodi tal-biedja kontemporanja. Dan jirriżulta fil-karattru u d-distintività uniċi taċ-ċanga ta' Wales.

    Sena wara l-oħra, ġidd wara ġidd, il-ħiliet singolari tal-bdiewa f'Wales jiġu pprattikati madwar il-pajjiż kollu. F-irziezet żgħar immexxija mill-familji, il-bidwi juża l-għarfien tiegħu tat-trobbija tal-bhejjem u l-manutenzjoni tal-art, flimkien mal-benefiċċji li jagħti l-pajsaġġ naturali, biex jipproduċi ċanga tal-ogħla kwalità. Tul is-sekli, id-dedikazzjoni u l-ħidma bla heda tagħhom raddet standards konsistentement għoljin ta' produzzjoni ta' kwalità bl-aktar mod effiċjenti u ambjentalment sensittiv, filwaqt li ffurmaw il-pajsaġġ, il-kultura u l-identità ta' Wales.

    L-irziezet tar-reġjun normalment ikunu ta' familji li jkunu jżommu kemm nagħaġ kif ukoll baqar. L-azjendi f'Wales ikunu medjament iżgħar minn dawk tar-Renju Unit b'mod ġenerali. Id-daqs medjament iżgħar tal-azjenda jirriżulta fid-daqs iżgħar tal-merħliet taċ-ċanga kif ukoll fl-istruttura tal-ħaddiema. Il-ħiliet tal-bdiewa li jrabbu l-annimali f'Wales għaddew minn ġenerazzjoni għall-oħra. Kull produttur jikkontrolla l-merħla tal-annimali tiegħu taċ-ċanga li jkunu mrobbija l-iktar bir-ragħa tal-ħaxix naturali. L-annimali jinbiegħu jew bħala piż ta' karkassa fil-biċċeriji jew fis-swieq tal-annimali. Fl-istadji kollha tal-proċess tal-produzzjoni, jinżammu reġistri dwar it-traċċabbiltà tal-prodott.

    Il-produzzjoni effiċjenti u l-użu tal-ħaxix huma ċentrali għall-benessri tal-produzzjoni taċ-ċanga ta' Wales.. L-artijiet tal-ħaxix f'bosta reġjuni ta' Wales huma miżgħuda b'ħaxixet il-mikinsa u ħwawar salvaġġi indiġeni li jfuħu, li lkoll jikkontribwixxu għad-distintività taċ-ċanga ta' Wales.. Il-ħiliet tal-ġestjoni tal-artijiet tal-ħaxix tal-bidwi ta' Wales. huma magħrufa mad-dinja u fil-fatt il-bdiewa Welx ta sikwit jirbħu premjijiet għall-ġestjoni tal-artijiet tal-ħaxix tagħom.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott:

    (Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    http://www.defra.gov.uk/foodfarm/food/industry/regional/foodname/products/documents/welsh-beef.pdf


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


    Top