EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XX0605(01)

Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta dwar in-negozjati attwali tal-Unjoni Ewropea dwar Ftehim Kummerċjali Kontra l-Iffalsifikar (ACTA)

ĠU C 147, 5.6.2010, p. 1–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 147/1


Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta dwar in-negozjati attwali tal-Unjoni Ewropea dwar Ftehim Kummerċjali Kontra l-Iffalsifikar (ACTA)

2010/C 147/01

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (1),

Wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (2),

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u dwar il-moviment liberu ta’ tali dejta (3), u b’mod partikolari tal-Artikolu 41 tiegħu,

ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA

I.   DAĦLA

1.

L-Unjoni Ewropea qed tieħu sehem f’negozjati dwar l-abbozzar ta’ Ftehim Kummerċjali Kontra l-Iffalsifikar (ACTA). Dawn in-negozjati tnedew fl-2007 fost grupp inizjali ta’ partijiet interessati u mbagħad tkomplew bejn grupp usa’ ta’ parteċipanti; sa llum dawk jinkludu l-Awstralja, il-Ġappun, l-Iżvizzera, l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Korea, il-Marokk, il-Messiku, New Zealand, Singapur u l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mandat mill-Kunsill biex tibda dawn in-negozjati fl-2008.

2.

L-EDPS jagħraf li l-kummerċ transkonfinali ta’ oġġetti ffalsifikati huwa tħassib li qed jikber u ta’ spiss jinvolvi netwerks kriminali organizzati, u dan jitlob l-adozzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ koperazzjoni xierqa fil-livell internazzjonali biex tkun miġġielda din il-forma ta’ kriminalità.

3.

L-EDPS jispjega li n-negozjati tal-Unjoni Ewropea dwar ftehim multilaterali li l-qofol tiegħu huwa l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jnissel kwistjonijiet sinifikanti fir-rigward tal-impatt tal-miżuri mwettqa biex tkun miġġielda l-falsifikazzjoni fuq id-drittijiet fundamentali tal-individwi, u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta.

4.

F’dan ir-rigward, l-EDPS jiddispjaċih b’mod partikolari li ma kienx ikkonsultat mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-kontenut ta’ tali ftehim. Għaldaqstant, fuq inizjattiva tiegħu stess, l-EDPS adotta l-opinjoni attwali bbażata fuq l-Artikolu 41(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 bil-għan li jipprovdi gwida lill-Kummissjoni dwar l-aspetti relatati mal-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta li għandhom jitqiesu fin-negozjati tal-ACTA.

II.   IS-SITWAZZJONI ATTWALI U L-KONTENUT PREVIST TAL-ACTA

5.

Is-7 sessjoni tan-negozjati seħħet fil-Messiku mis-26 sad-29 ta’ Jannar 2010, bil-għan li jintlaħaq ftehim matul l-2010. Madankollu, sa llum ma nħareġ l-ebda abbozz uffiċjali tal-ftehim.

6.

In-negozjati jimmiraw li jadottaw ftehim multilaterali ġdid imfassal biex isaħħaħ l-infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPR) u biex tkun miġġielda l-falsifikazzjoni. Jekk ikun adottat, dan il-ftehim il-ġdid joħloq standards internazzjonali mtejba rigward kif tkun l-azzjoni kontra l-ksur tal-IPR fuq skala kbira. Id-DĠ Kummerċ tal-Kummissjoni Ewropea spjega b’mod partikolari li “il-fokus maħsub huwa fuq l-attivitajiet ta’ falsifikazzjoni u piratezza li b’mod sinifikanti jaffettwaw l-interessi kummerċjali, aktar milli fuq l-attivitajiet ta’ ċittadini ordinarji” (4).

7.

Rigward il-kontenut tal-ftehim, is-Sommarju tal-elementi ewlenin li qegħdin jiġu diskussi maħruġ mid-DĠ Kummerċ tal-Kummissjoni Ewropea f’Novembru 2009 jindika li l-mira tal-ACTA li tiġġieled il-falsifikazzjoni se tkun segwita permezz ta’ tliet komponenti primarji: (i) il-koperazzjoni internazzjonali, (ii) il-prattiki tal-infurzar, u (iii) id-definizzjoni ta’ qafas legali għall-infurzar tal-IPR f’diversi oqsma identifikati, u b’mod partikolari fl-ambjent diġitali (5). Il-miżuri previsti l-iktar li sejrin jittrattaw il-proċeduri legali (bħall-impożizzjonijiet, il-miżuri provviżorji), l-irwol u r-responsabiltajiet tal-Fornituri tas-Servizz tal-Internet (ISPs) biex jiskoraġġixxu l-ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq l-Internet, u l-miżuri ta’ koperazzjoni transkonfinali biex l-oġġetti ma jitħallewx jaqsmu l-fruntieri. Madankollu, l-informazzjoni li ngħatat lill-pubbliku tagħti biss il-linji ġenerali tal-ftehim u ma tidħolx fid-dettall ta’ miżuri speċifiċi u konkreti.

8.

L-EDPS jinnota li anki jekk l-objettiv intenzjonat tal-ACTA huwa li jsegwi l-ksur tal-liġi fuq skala kbira biss, huwa ma jistax jeskludi li l-attivitajiet taċ-ċittadini ordinarji jistgħu jinqabdu taħt l-ACTA, speċjalment meta l-miżuri tal-infurzar iseħħu fl-ambjent diġitali. L-EDPS jenfasizza li dan sejjer ikun jeħtieġ li jiġu stabbiliti garanziji xierqa biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-individwi. Barra minn hekk, il-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta jkopru lill-individwi kollha nklużi dawk li potenzjalment huma involuti f’attivitajiet ta’ falsifikazzjoni; il-ġlieda kontra l-ksur tal-liġi fuq skala kbira ċertament sejra tinvolvi wkoll l-ipproċessar tad-dejta personali.

9.

F’dan ir-rigward, l-EDPS jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-Kummissjoni Ewropea biex tistabbilixxi djalogu pubbliku u trasparenti dwar l-ACTA, possibbilment permezz ta’ konsultazzjoni pubblika, li jgħin ukoll biex ikun żgurat li l-miżuri li sejrin jiġu adottati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-liġi tal-UE dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta.

III.   IL-FIRXA TAL-KUMMENTI TAL-EDPS

10.

L-EDPS jistieden b’mod qawwi lill-UE, u b’mod partikolari lill-Kummissjoni Ewropea li rċeviet il-mandat biex tasal fi ftehim, biex tikseb bilanċ tajjeb bejn it-talbiet għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u d-drittijiet tal-individwi għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta.

11.

L-EDPS jenfasizza li l-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta huma valuri ċentrali tal-Unjoni Ewropea, rikonoxxuti fl-Artikolu 8 tal-ECHR u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (6) tal-UE skont l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU).

12.

Barra minn hekk, l-EDPS jenfasizza li kwalunkwe ftehim milħuq mill-Unjoni Ewropea dwar l-ACTA jrid ikun konformi mal-obbliġi legali imposti fuq l-UE fir-rigward tal-liġi dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta, kif stabbilit b’mod partikolari fid-Direttiva 95/46/KE, fid-Direttiva 2002/58/KE (7) u fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (8) u tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea (9).

13.

Il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta jridu jitqiesu mill-bidu nett tan-negozjati, mhux meta jkunu ġew definiti u mifthiema l-iskemi u l-proċeduri u għaldaqstant ikun tard wisq biex jinstabu soluzzjonijiet alternattivi konformi mal-privatezza.

14.

Minħabba l-ftit informazzjoni disponibbli pubblikament, l-EDPS jinnota li mhuwiex f’pożizzjoni li jagħti analiżi tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-ACTA. Għaldaqstant, f’din l-opinjoni l-EDPS sejjer jiffoka fuq deskrizzjoni tat-theddida potenzjali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta ta’ miżuri konkreti potenzjali li l-ftehim, kif kien irrapportat, jista’ jistabbilixxi fiż-żewġ oqsma li ġejjin: l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-ambjent diġitali (Kapitolu IV), u l-mekkaniżmi għall-koperazzjoni internazzjonali (Kapitolu V).

IV.   L-INFURZAR TAD-DRITTIJIET TAL-PROPRJETÀ INTELLETTWALI FL-AMBJENT DIĠITALI

IV.1.   Il-ħtieġa li jkunu analizzati l-implikazzjonijiet tal-“politiki ta’ qtugħ tal-konnessjoni mal-Internet wara tliet atti illegali” għall-privatezza/protezzjoni tad-dejta

15.

Skont il-Kummissjoni Ewropea, l-ACTA sejjer joħloq qafas ġuridiku għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni fl-ambjent diġitali (10). Dan il-qafas sejjer jistabbilixxi l-kundizzjonijiet skont liema l-ISPs u intermedjarji (11) oħrajn fuq l-Internet jistgħu jinżammu responsabbli bħala riżultat ta’ ksur tal-liġi rigward materjal kopert mid-dritt tal-awtur permezz tal-faċilitajiet tagħhom. Il-qafas jista’ jipprevedi wkoll miżuri u rimedji li jkunu imposti fuq l-utenti tal-Internet minħabba li jkunu tellgħu jew niżżlu materjal li jikser id-dritt tal-awtur. Waqt li d-dettalji ta’ tali qafas ma ħarġux b’mod uffiċjali, abbażi tal-informazzjoni disponibbli minn kanali differenti, wieħed jista’ jipprevedi li jista’ jkun li jinkludi l-impożizzjoni ta’ obbligi fuq l-ISPs biex jadottaw “politiki ta’ qtugħ tal-konnessjoni mal-Internet wara tliet atti illegali”, li jissejħu wkoll skemi ta’ “rispons gradwat”. Tali skemi jippermettu lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur li jissorveljaw l-utenti tal-Internet u jidentifikaw lil min allegatament jikser il-liġijiet tad-dritt tal-awtur. Wara li jikkuntattjaw l-ISPs ta’ min allegatament ikun qed jikser il-liġijiet tad-dritt tal-awtur, l-ISPs sejrin iwissu lill-utent identifikat bħala li qiegħed jikser il-liġi; huwa jinqata’ mill-aċċess għall-Internet wara li l-ewwel ikun irċieva tliet twissijiet.

16.

Fl-istess waqt tan-negozjati tal-ACTA, politiki ta’ qtugħ tal-konnessjoni mal-Internet wara tliet atti illegali qegħdin jiġu implimentati f’xi Stati Membri bħal Franza. Huma qegħdin jiġu diskussi wkoll f’diversi fora tal-UE bħal ma huwa d-Djalogu tal-Partijiet Interessati rigward l-uplowding u d-downlowding illegali, li qed isir attwalment animat mid-DĠ MARKT, b’rabta mal-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li sseddaq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern (12). Diskussjonijiet dwar dan is-suġġett iseħħu wkoll fil-Parlament Ewropew fl-ambitu tad-dibattitu pendenti dwar l-abbozz ta’ Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern (imsejjaħ ir-“Rapport Gallo”).

17.

Tali prattiki huma invażivi ħafna fl-isfera privata tal-individwi. Huma jinvolvu sorveljanza ġeneralizzata tal-attivitajiet tal-utenti tal-Internet, inklużi dawk perfettament legali. Huma jaffettwaw miljuni ta’ utenti tal-Internet li jsegwu l-liġijiet, inklużi t-tfal u l-adolexxenti. Huma jitwettqu permezz ta’ partijiet privati, mhux mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Barra minn hekk, illum l-Internet għandu rwol ċentrali kważi fl-aspetti kollha tal-ħajja moderna, u b’hekk, l-effetti tal-qtugħ tal-aċċess għall-Internet jistgħu jkunu enormi, bil-qtugħ ta’ individwi mix-xogħol, il-kultura, l-applikazzjonijiet tal-eGovernment, eċċ.

18.

Quddiem dan l-isfond, huwa rilevanti li jkun evalwat sa fejn dawn il-politiki huma konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza, u b’mod aktar partikolari, jekk il-politiki ta’ qtugħ tal-konnessjoni mal-Internet wara tliet atti illegali jikkostitwixxux miżura meħtieġa biex ikunu nfurzati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Barra minn hekk, f’dak il-kuntest, għandu jkun analizzat jekk jeżistux metodi oħra, inqas invażivi.

19.

Għadu mhuwiex ċar jekk il-politiki ta’ qtugħ tal-konnessjoni mal-Internet wara tliet atti illegali humiex sejrin ikunu parti mill-ACTA. Madankollu, dawn il-politiki qed ikunu kkunsidrati wkoll f’oqsma oħrajn u għandhom – potenzjalment – impatt enormi fuq il-protezzjoni tad-dejta personali u l-privatezza. Għal dawn ir-raġunijiet, l-EDPS iħoss li huwa meħtieġ li jiddiskutihom f’din l-opinjoni. Qabel iwettaq l-analiżi li għadha kemm issemmiet, l-EDPS sejjer jiddeskrivi fil-qosor il-qafas legali applikabbli tal-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza.

20.

Għandu jkun innutat li minbarra l-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza, il-politiki ta’ qtugħ tal-konnessjoni mal-Internet wara tliet atti illegali jnisslu tħassib rigward valuri oħrajn bħalma huma l-proċess dovut u l-libertà tal-kelma. Madankollu, din l-opinjoni sejra tindirizza biss dawk il-kwistjonijiet li huma relatati mal-protezzjoni tad-dejta personali u l-privatezza tal-individwi.

IV.2.   Il-politiki ta’ qtugħ tal-konnessjoni mal-Internet wara tliet atti illegali u l-applikazzjoni tal-qafas legali tal-protezzjoni tad-dejta/privatezza tal-UE

Kif jistgħu jkunu stabbiliti l-politiki ta’ qtugħ tal-konnessjoni mal-Internet wara tliet atti illegali

21.

Fil-qosor, taħt il-politiki ta’ qtugħ tal-konnessjoni mal-Internet wara tliet atti illegali, id-detenturi tad-dritt tal-awtur jużaw mezzi tekniċi awtomatizzati, possibbilment fornuti minn partijiet terzi, biex jidentifikaw l-allegat ksur tad-dritt tal-awtur billi jwettqu sorveljanza tal-attivitajiet tal-utenti tal-Internet, pereżempju, permezz tas-sorveljanza tal-forums, il-bloggs jew billi jippużaw ta’ kondiviżuri tal-fajls f’netwerks peer-to-peer biex jidentifikaw il-kondiviżuri tal-fajls li allegatament jiskambjaw materjal kopert bid-dritt tal-awtur (13).

22.

Wara li jidentifikaw l-utenti tal-Internet li allegatament iwettqu vjolazzjonijiet tad-dritt tal-awtur billi jiġbru l-indirizzi tal-Protokoll tal-Internet (indirizzi IP), id-detenturi tad-dritt tal-awtur jibagħtu l-indirizzi IP ta’ dawk l-utenti lill-Fornitur(i) tas-Servizz tal-Internet rilevanti li mbagħad iwissi(u) lill-abbonat b’dak l-indirizz IP rigward it-twettiq potenzjali tiegħu ta’ ksur tad-dritt tal-awtur. Meta jkun ġie mwissi mill-ISP ċertu numru ta’ drabi, dan awtomatikament jirriżulta fit-terminazzjoni jew is-sospensjoni mill-ISP tal-konnessjoni tal-abbonat mal-Internet (14).

Il-qafas legali applikabbli tal-protezzjoni tad-dejta/privatezza tal-UE

23.

Il-politiki ta’ qtugħ tal-konnessjoni mal-Internet wara tliet atti illegali jridu jkunu konformi mar-rekwiżiti li jitnisslu mid-dritt għall-privatezza, kif stabbilit fl-Artikolu 8 tal-ECHR u l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u li jitnisslu mid-dritt għall-protezzjoni tad-dejta kif stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 16 tat-TFEU, u kif elaborat fid-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE.

24.

Fil-fehma tal-EPDS, is-sorveljanza tal-imġiba tal-utenti tal-Internet u aktar ġbir tal-indirizzi IP tagħhom jammontaw għal interferenza fid-drittijiet tagħhom għal rispett tal-ħajja privata tagħhom u tal-korrispondenza tagħhom; fi kliem ieħor, hemm interferenza fid-dritt tagħhom għal ħajja privata. Din il-fehma hija konformi mal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (15).

25.

Id-Direttiva 95/46/KE hija applikabbli (16) minħabba li l-politiki ta’ qtugħ tal-konnessjoni mal-Internet wara tliet atti illegali jinvolvu l-ipproċessar tal-indirizzi IP li – fi kwalunkwe każ taħt iċ-ċirkostanzi rilevanti – għandhom jitqiesu bħala dejta personali. L-indirizzi tal-IP huma identifikaturi li jixbħu sensiela ta’ numri sseparati bit-tikek, bħal 122.41.123.45. Abbonament ma’ fornitur ta’ aċċess għall-Internet jagħti lill-abbonat aċċess għall-Internet. Kull darba li abbonat ikun jixtieq jidħol fl-Internet, huwa jingħata indirizz tal-IP permezz tal-apparat li jkun qiegħed juża biex jidħol fl-Internet (pereżempju, il-kompjuter) (17).

26.

Jekk utent iwettaq attività partikolari, pereżempju jtella’ materjal fuq l-Internet, l-utent jista’ jiġi identifikat minn partijiet terzi permezz tal-indirizz tal-IP li jkun uża. Pereżempju, l-utent li jkun id-detentur tal-indirizz tal-IP 122.41.123.45 tella’ materjal li allegatament jikser id-dritt tal-awtur fuq servizz P2P fit-3 PM fl-1 ta’ Jannar 2010. Wara, l-ISP ikun jista’ jikkonnettja tali indirizz tal-IP mal-isem tal-abbonat li jkun ingħata dan l-indirizz u b’hekk jaċċerta l-identità tiegħu.

27.

Jekk wieħed iqis id-definizzjoni tad-dejta personali mogħtija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46/KE, “kull dejta li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (suġġett tad-dejta); persuna identifikabbli hija waħda li tkun tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità” (18), huwa possibbli biss li wieħed jikkonkludi li l-indirizzi tal-IP u l-informazzjoni rigward l-attivitajiet marbuta ma’ tali indirizzi jikkostitwixxu dejta personali fil-każijiet kollha rilevanti hawnhekk. Tabilħaqq, indirizz tal-IP iservi bħala numru ta’ identitifikazzjoni li jippermetti li jinstab l-isem tal-abbonat li jkun ingħata tali indirizz tal-IP. Barra minn hekk, l-informazzjoni miġbura rigward l-abbonat li jkun id-detentur ta’ tali indirizz tal-IP (“huwa tella’ ċertu materjal fil-Websajt ZS fit-3 PM fl-1 ta’ Jannar 2010”) għandha x’taqsam ma’, jiġifieri hija b’mod ċar dwar l-attivitajiet ta’ individwu identifikabbli (id-detentur tal-indirizz tal-IP), u għaldaqstant għandha wkoll titqies bħala dejta personali.

28.

Dawn il-fehmiet huma kondiviżi b’mod sħiħ mill-Grupp tax-Xogħol tal-Artikolu 29 li, f’dokument dwar kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-dejta relatati mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, iddikjara li l-indirizzi tal-IP miġbura biex ikunu infurzati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, jiġifieri biex ikunu identifikati l-utenti tal-Internet li allegatament kisru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, huma dejta personali sa fejn jintużaw għall-infurzar ta’ tali drittijiet kontra individwu partikolari (19).

29.

Id-Direttiva 2002/58/KE hija applikabbli wkoll, minħabba li l-politiki ta’ qtugħ tal-konnessjoni mal-Internet wara tliet atti illegali jinvolvu l-ġbir tad-dejta tat-traffiku u l-komunikazzjoni. Id-Direttiva 2002/58/KE tirregola l-użu ta’ tali dejta u tipprevedi l-prinċipju tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet imwettqa permezz ta’ netwerks tal-komunikazzjoni pubbliċi u tad-dejta inerenti f’dawk il-komunikazzjonijiet.

IV.3.   Jekk il-politiki ta’ qtugħ tal-konnessjoni mal-Internet wara tliet atti illegali jikkostitwixxux miżura meħtieġa

30.

L-Artikolu 8 tal-ECHR jistabbilixxi l-prinċipju tan-neċessità li skont dan il-prinċipju kwalunkwe miżura li tikser id-dritt tal-privatezza tal-individwi hija permessa biss jekk tikkostitwixxi miżura meħtieġa f’soċjetà demokratika minħabba l-fini leġittima tagħha (20). Il-prinċipju tan-neċessità jista’ jinstab ukoll fl-Artikoli 7 u 13 tad-Direttiva 95/46/KE u fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58/KE (21). Il-prinċipju jirrikjedi analiżi tal-proporzjonalità tal-miżura, li trid tkun evalwata abbażi ta’ bilanċ bejn l-interessi involuti, li jitqiegħed fil-kuntest tas-soċjetà demokratika fl-intier tagħha (22). Barra minn hekk jimplika evalwazzjoni dwar jekk jeżistux miżuri alternattivi li huma inqas intrużivi.

31.

Għalkemm l-EDPS jagħraf l-importanza tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, huwa jqis li l-politika ta’ qtugħ tal-konnessjoni mal-Internet wara tliet atti illegali kif inhi magħrufa attwalment – li tinvolvi ċerti elementi ta’ applikazzjoni ġenerali – tikkostitwixxi miżura sporporzjonata u għaldaqstant tista’ ma titqisx bħala miżura meħtieġa. Barra minn hekk, l-EDPS huwa konvint li jeżistu soluzzjonijiet alternattivi, inqas intrużivi jew li l-politiki previsti jistgħu jitwettqu b’mod inqas intrussiv jew b’firxa aktar limitata. Barra minn hekk, fuq livell ġuridiku aktar iddettaljat, il-mudell ta’ tliet atti illegali jnissel ċerti problemi. Dawn il-konklużjonijiet sejrin jiġu spjegati hawn taħt.

Politiki abbażi tal-mudell ta’ tliet atti illegali huma sproporzjonati

32.

L-EDPS jixtieq jenfasizza n-natura mifruxa tal-miżuri imposti. L-elementi li ġejjin jeħtieġ li jissemmew f’dan ir-rigward:

(i)

il-fatt li s-sorveljanza (mhux innotata) sejra taffettwa miljuni ta’ individwi u l-utenti kollha, irrispettivament minn jekk humiex taħt suspett.

(ii)

is-sorveljanza sejra tinvolvi r-reġistrazzjoni sistematika tad-dejta, li xi partijiet minnha tista’ twassal biex persuni jitressqu quddiem il-qorti ċivili jew anki kriminali; barra minn hekk, xi partijiet mill-informazzjoni miġbura tista’ għaldaqstant tikkwalifika bħala dejta sensittiva taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46/KE li jirrikjedi salvagwardji aktar b’saħħithom.

(iii)

hemm il-probabilità li s-sorveljanza tnissel ħafna każijiet ta’ pożittivi foloz. Il-ksur tad-drittijiet tal-awtur mhijiex kwistjoni ta’ “iva” jew “le” ċari. Il-Qrati ta’ spiss ikollhom jeżaminaw kwantità sinifikanti ħafna ta’ dettalji tekniċi u legali mifruxa fuq għexieren ta’ paġni biex jiddeterminaw jekk seħħx ksur tal-liġi (23).

(iv)

l-effetti potenzjali tas-sorveljanza, li jistgħu jirriżultaw fi qtugħ tal-aċċess għall-Internet. Dan sejjer joħloq interferenza mad-dritt tal-individwi għal-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-informazzjoni u l-aċċess għall-kultura, l-applikazzjonijiet tal-eGovernment, is-swieq, il-posta elettronika, u, f’xi każijiet, l-attivitajet relatati max-xogħol. F’dan il-kuntest huwa partikolarment importanti li wieħed jinduna li l-effetti jinħassu mhux biss minn min allegatament kiser il-liġi, iżda mill-membri kollha tal-familja li jużaw l-istess konnessjoni tal-Internet, inklużi t-tfal tal-iskola li jużaw l-Internet għall-attivitajiet tal-iskola tagħhom.

(v)

il-fatt li l-entità li tagħmel l-evalwazzjoni u li tieħu d-deċiżjoni normalment sejra tkun entità privata (jiġifieri d-detenturi tad-dritt tal-awtur jew l-ISP). L-EDPS diġà ddikjara t-tħassib tiegħu f’opinjoni preċedenti rigward is-sorveljanza tal-individwi mis-settur privat (pereżempju l-ISPs jew id-detenturi tad-dritt tal-awtur), f’oqsma li fil-prinċipju huma fil-kompetenza tal-awtoritajiet (24) tal-infurzar tal-liġi.

33.

L-EDPS mhuwiex konvint li l-benefiċċji tal-miżuri jegħlbu l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali tal-individwi. Il-protezzjoni tad-dritt tal-awtur hija l-interess tad-detenturi ta’ dan id-dritt u tas-soċjetà. Madankollu, il-limitazzjonijiet fuq id-drittijiet fundamentali ma jidhirx li huma ġġustifikati, jekk wieħed jibbilanċja l-gravità tal-interferenza, jiġifieri l-iskala tal-intrużjoni fil-privatezza kif enfasizzata mill-elementi ta’ hawn fuq, mal-benefiċċji mistennija, l-iskoraġġiment tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali magħmul – fil-parti l-kbira – minn ksur tal-liġi tal-proprjetà intellettwali fuq skala żgħira. Kif indikat mill-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Kokott f’Promusicae: “Mhuwiex … ċar li l-kondiviżjoni privata tal-fajls, b’mod partikolari meta sseħħ mingħajr l-intenzjoni li jsir qligħ, thedded il-protezzjoni tad-dritt tal-awtur b’mod tant serju li tiġġustifika r-rikors għal din l-eċċezzjoni. Fil-fatt huwa kkontestat kemm il-kondiviżjoni privata tal-fajls ġenwinament tikkawża danni” (25).

34.

F’dan il-kuntest, jiswa li wieħed jiftakar fir-reazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-“iskemi tat-tliet atti illegali” fl-ambitu tal-analiżi tal-pakkett tat-telekomunikazzjonijiet, b’mod partikolari l-Emenda 138 għad-Direttiva Qafas (26). F’din l-Emenda kien stabbilit li kwalunkwe restrizzjoni tad-drittijiet jew il-libertajiet fundamentali tista’ tkun imposta biss jekk tkun adatta, proporzjonata u meħtieġa f’soċjetà demokratika, u l-implimentazzjoni tagħha għandha tkun soġġetta għal salvagwardji proċedurali adegwati f’konformità mal-ECHR u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, inklużi l-protezzjoni ġuridika effettiva u l-proċess dovut (27).

35.

F’din il-fehma, l-EDPS ikompli jenfasizza li kwalunkwe limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali sejra tkun soġġetta għal skrutinju bir-reqqa kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali. F’dan il-kuntest, jista’ jinġibed parallel mad-Direttiva għaż-Żamma tad-Dejta 2006/24/KE (28), li tidderoga, mill-prinċipju ġenerali tal-protezzjoni tad-dejta, it-tneħħija tad-dejta meta ma tibqax aktar meħtieġa għall-fini li għaliha tkun inġabret. Din id-Direttiva tirrikjedi li d-dejta tat-traffiku tinżamm għall-fini tal-ġlieda kontra r-reati gravi. Wieħed għandu jinnota li ż-żamma hija permessa biss għal “reati gravi”, li ż-żamma hija limitata għad-“dejta tat-traffiku” li fil-prinċipju teskludi l-informazzjoni dwar il-kontenut tal-komunikazzjonijiet, u li jkunu pprovduti garanziji b’mod strett. Madankollu, feġġew dubji dwar il-kompatibilità tagħha mal-istandards tad-drittijiet fundamentali; il-Qorti Kostituzzjonali tar-Rumanija ddeċidiet li żamma totali hija inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali (29), u attwalment hemm kawża pendenti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali tal-Ġermanja (30).

L-eżistenza ta’ mezzi oħrajn, inqas intrużivi

36.

Ir-riżultati ta’ hawn fuq huma msaħħa mill-fatt li jeżistu mezzi inqas intrużivi biex jintlaħaq l-istess skop. L-EDPS jinsisti li tali mudelli inqas intrużivi għandhom ikunu investigati u ppruvati.

37.

F’dan il-kuntest, l-EDPS jiftakar li d-Direttiva 2002/22/KE emendata dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (imsejħa d-“Direttiva tad-Drittijiet taċ-Ċittadini”), li hija parti mill-pakkett tat-telekomunikazzjonijiet irriformat riċentement, fiha ċerti regoli u proċeduri biex ikun limitat il-ksur tal-liġi tad-dritt tal-awtur fuq skala żgħira fost il-konsumaturi (31). Tali proċeduri jinkludu l-obbligu tal-Istati Membri li jipproduċu informazzjoni ta’ interess pubbliku standardizzata dwar diversi suġġetti, li speċifikament issemmi l-ksur tal-liġi tad-dritt tal-awtur u drittijiet irrelatati, u l-konsegwenzi (32) legali ta’ dan. Imbagħad, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-ISPs biex iqassmuha lill-klijenti kollha tagħhom, u biex jinkluduha fil-kuntratti tagħhom.

38.

Is-sistema hija intenzjonata li tinforma u tiskoraġġixxi lill-individwi milli jferrxu informazzjoni li jkollha d-dritt tal-awtur u milli jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ ksur tal-liġi, waqt li tevita s-sorveljanza tal-użu tal-Internet u t-tħassib relatat mal-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta. Id-Direttiva tad-Drittijiet taċ-Ċittadini trid tkun implimentata f’Mejju 2011; b’hekk, tali proċeduri, s’issa għadhom mhumiex fis-seħħ. Għaldaqstant, sa issa għad ma kienx hemm opportunitajiet biex ikunu ttestjati l-benefiċċji tagħhom. B’hekk jidher prematur li wieħed jinjora l-potenzjal ta’ riżultat ta’ benefiċċju minn dawn il-proċeduri ġodda u minflokhom iħaddan “politiki ta’ qtugħ tal-konnessjoni mal-Internet wara tliet atti illegali”, li jillimitaw ħafna aktar id-drittijiet fundamentali.

39.

Minbarra dan ta’ hawn fuq, wieħed għandu jiftakar li d-Direttiva 2004/48/KE tat-28 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tipprevedi diversi għodod għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali quddiem il-qrati (diskussi hawn taħt fil-paragrafi 43 u s.) (33).

40.

Id-Direttiva IPRE kienet trasposta fil-liġijiet tal-Istati Membri riċentement biss. S’issa ma kienx hemm żmien biżżejjed biex ikun evalwat jekk id-dispożizzjonijiet tagħha humiex adatti għall-finijiet tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għaldaqstant, huwa ferm dubjuż il-bżonn li tinbidel is-sistema attwali, ibbażata fuq il-proċeduri fil-qorti, li għadha ma ġietx ittestjata. Dan ta’ hawn fuq inissel il-mistoqsija inevitabbli ta’ għaliex il-ksur tal-liġi eżistenti ma jistax ikun indirizzat b’mod xieraq bil-penali ċivili u kriminali eżistenti għall-ksur tal-liġi tad-dritt tal-awtur. Għaldaqstant, qabel ma tipproponi tali miżuri tal-politika, il-Kummissjoni għandha tipproduċi informazzjoni kredibbli li turi li l-qafas legali attwali naqas milli jipproduċi l-effetti intenzjonati tiegħu.

41.

Barra minn hekk, mhuwiex ċar jekk ingħatatx kunsiderazzjoni serja lil mudelli alternattivi ta’ negozju ekonomiku li ma jkunux jinvolvu s-sorveljanza sistematika tal-individwi. Pereżempju, jekk id-detenturi tad-dritt tal-awtur juru t-telf tagħhom minħabba l-użu tal-P2P, id-detenturi tad-dritt u l-ISPs jistgħu, pereżempju, jippruvaw abbonamenti ta’ aċċess għall-Internet iddifferenzjat, fejn parti mill-prezz ta’ abbonament b’aċċess mingħajr limitu, titqassam lid-detenturi tad-dritt tal-awtur.

Il-possibbiltà li jitwettaq monitoraġġ immirat b’mod inqas intrużiv

42.

Minbarra l-użu ta’ mudelli kompletament differenti, li kif kien indikat għandu jiġi investigat u ttestajt, monitraġġ immirat jista’ fi kwalunkwe każ jiġi operat b’mod inqas intrużiv.

43.

L-għan tal-infurzar tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali jista’ wkoll jinkiseb permezz tal-monitoraġġ ta’ numru limitat biss ta’ individwi ssuspettati li jipparteċipaw fil-ksur mhux trivjali tad-dritt tal-awtur. Id-Direttiva IPRE tipprovdi xi gwida f’dan ir-rigward. Hija tistabbilixxi l-kundizzjonijiet skont liema l-awtoritajiet jistgħu jordnaw li d-dejta miżmuma minn fornituri tal-aċċess għall-Internet tinkixef għal raġunijiet ta’ infurzar tal-propjetà intellettwali. L-Artikolu 8 jipprovdi li l-ISPs jistgħu jiġu ordnati minn awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti biex jipprovdu informazzjoni personali li jżommu dwar dawk allegati li wettqu l-ksur (pereżempju informazzjoni dwar in-netwerks ta’ oriġini u distribuzzjoni tal-merkanija jew servizzi li jiksru dritt tal-propjetà intellettwali) b’risposta għal talba ġġustifikata u proporzjonata f’każijiet ta’ ksur fuq skala kummerċjali  (34).

44.

Għalhekk, il-kriterju tal-“iskala kummerċjali” huwa deċiżiv. Skont dan il-kriterju, il-monitoraġġ jista’ jkun proporzjonat fil-kuntest ta’ sitwazzjonijiet limitati, speċifiċi u ad hoc fejn ikunu jeżistu suspetti b’bażi tajba ta’ abbuż mid-dritt tal-awtur fuq skala kummerċjali. Dan il-kriterju jista’ jinkludi sitwazzjonijiet ta’ abbuż ċar mid-dritt tal-awtur minn individwi privati bl-għan li jinkisbu benefiċċji kummerċjali ekonomiċi diretti jew indiretti.

45.

Fil-prattika, biex dan ta’ hawn fuq ikun effettiv, detenturi tad-dritt tal-awtur jistgħu jipparteċipaw f’monitoraġġ immirat ta’ ċerti indirizzi IP sabiex tiġi vverifikata l-iskala tal-vjolazzjoni tad-dritt tal-awtur. Dan ikun ifisser li detenturi tad-dritt tal-awtur ikunu wkoll permessi jżommu rekord tar-rapporti li jallegaw ksur għall-istess għanijiet. Tali informazzjoni għandha tintuża biss wara li tiġi vverifikata l-importanza tal-ksur. Per eżempju, każijiet ċari ta’ ksur kbir kif ukoll ksur mhux sinifikanti iżda kontinwu, fuq ċertu perijodu ta’ żmien, għall-iskop ta’ vantaġġ kummerċjali jew qligħ finanzjarju. Il-ħtieġa ta’ kontinwità fi ħdan ċerti perijodi ta’ żmien hija enfasizzata u spjegata aktar hawn taħt fid-diskussjoni relatata mal-prinċipju ta’ konservazzjoni.

46.

Dan ifisser li f’tali każijiet, il-ġbir ta’ informazzjoni għall-iskopijiet li jintwera abbuż allegat bl-Internet jista’ jitqies proporzjonat u neċessarju għall-iskopijiet ta’ preparazzjoni ta’ proċedimenti legali, inkluża kawża.

47.

L-EDPS jikkunsidra, bħala garanzija oħra, li l-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-dejta mmirati sabiex jiġbru tali tip ta’ evidenza għandhom jiġu ċċekkjati minn qabel u awtorizzati minn awtoritajiet ta’ protezzjoni tad-dejta nazzjonali. Dawn l-opinjonijiet huma bbażati fuq il-fatt li l-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-dejta jippreżentaw riskji speċifiċi għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ individwi fid-dawl tal-għanijiet tagħhom, jiġifieri li jwettqu azzjonijiet ta’ infurzar li jistgħu eventwalment ikunu kriminali u fid-dawl tan-natura sensittiva tad-dejta miġbura. Il-fatt li l-ipproċessar jinvolvi monitoraġġ ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huwa fattur ieħor li jirrikjedi superviżjoni mtejba.

48.

L-EDPS jikkunsidra li l-“iskala kummerċjali” inkorporata fid-Direttiva IPRE hija element xieraq ħafna biex ikunu stabbiliti l-limiti tal-monitoraġġ sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, ma jidhrix li hemm evidenza affidabbli li turi taħt il-kriterji stabbiliti skont l-IPRE li azzjoni legali effettiva kontra l-ksur tad-dritt tal-awtur tirriżulta mhux possibbli jew ineffettiva. Per eżempju, rapporti bħal mill-Ġermanja, fejn mill-2008, wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva IPRE, kien hemm madwar 3 000 mandat tal-qorti skont liema, l-ISPs kixfu lill-qrati informazzjoni dwar 300 000 abbonat relatata mal-abbonati stess, jidhru li jissuġġerixxu l-oppost.

49.

Fil-qosor, minħabba li d-Direttiva IPRE ilha biss fis-seħħ sentejn, huwa diffiċli li jiġi mifhum għaliex il-leġiżlaturi għandhom jgħaddu mill-kriterji inkorporati f’din id-Direttiva għal metodi aktar intrużivi meta l-UE għadha tibda tittestja dawk adottati riċentament. Għall-istess raġuni huwa wkoll diffiċli li tiġi mifhuma l-ħtieġa li s-sistema attwali bbażata fuq il-qorti tinbidel b’tipi ta’ miżuri oħrajn (flimkien mat-tqajjim ta’ mistoqsijiet fir-rigward ta’ proċess xieraq, li mhumiex indirizzati hawn).

IV.4.   Konformità ta’ qtugħ tal-konnessjoni mal-Internet wara tliet atti illegali b’dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni tad-dejta aktar dettaljati

50.

Hemm raġunijiet legali aktar speċifiċi oħrajn għaliex l-approċċ ta’ tliet atti illegali huwa problematiku mill-perspettiva ta’ protezzjoni tad-dejta. L-EDPS jogħġbu jenfasizza l-bażi legali dubjuża għall-ipproċessar, li huwa meħtieġ mid-Direttiva 95/46/KE, u l-obbligu li jinsab fid-Direttiva 2002/58/KE li jintremew il-log fajls.

Bażi legali għall-ipproċessar

51.

L-iskemi tal-approċċ ta’ tliet atti illegali jinvolvu l-ipproċessar ta’ dejta personali, li xi ftit minnha tintuża għall-proċeduri legali jew amministrattivi għall-qtugħ tal-aċċess għall-Internet lil dawk li jirrepetu l-ksur. Minn din il-perspettiva, tali dejta tikkwalifika bħala dejta sensittiva skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46/KE. L-Artikolu 8(5) jistabbilixxi li “L-ipproċessar ta’ data dwar offiżi, kundanni kriminali jew miżuri ta’ sigurtà jista’ jsir biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali, jew jekk tkun hemm provduta protezzjoni speċifiċa xierqa taħt il-liġi nazzjonali…”

52.

F’dan il-kuntest, huwa pertinenti li wieħed jiftakar fl-Artikolu 29 tad-dokument tal-Grupp ta’ Ħidma msemmi qabel, li jiddiskuti l-kwistjoni tal-ipproċessar ta’ dejta ġudizzjarja (35). Il-Grupp ta’ Ħidma jgħid li “Filwaqt li kwalunkwe individwu ovvjament għandu d-dritt għall-ipproċessar ta’ dejta ġudizzjarja fil-proċess tal-kawża tiegħu/tagħha, il-prinċipju ma jasalx li jippermetti investigazzjoni profonda, ġbir u ċentralizzazzjoni ta’ dejta personali minn pajjiżi terzi, inkluża partikolarment, riċerka sistematika fuq skala ġenerali bħall-iskanjar tal-Internet (…). Tali investigazzjoni taqa’ fi ħdan il-kompetenza ta’ awtoritajiet ġudizzjarji” (36). Filwaqt li l-ġbir ta’ evidenza mmirata u speċifika, b’mod partikolari f’każijiet ta’ ksur serju jista’ jkun neċessarju biex tiġi stabbilita u eżerċitata pretensjoni legali, l-EDPS jaqbel bis-sħiħ mal-opinjonijiet ta’ Artikolu 29 tal-Grupp ta’ Ħidma dwar in-nuqqas ta’ leġittimità ta’ investigazzjonijiet fuq firxa wiesgħa li jinvolvu l-ipproċessar ta’ ammonti massivi ta’ dejta minn utenti tal-Internet.

53.

Id-diskussjoni dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità deskritt hawn fuq u l-kriterju tal-“iskala kummerċjali” huma rilevanti biex ikun stabbilit f’liema kundizzjonijiet il-ġbir ta’ indirizzi IP u l-informazzjoni relatata sejrin ikunu leġittimizzati.

54.

L-ISPs jistgħu jippruvaw jilleġittimaw l-ipproċessar imwettaq mid-detenturi tad-dritt tal-awtur billi jdaħħlu klawżoli fil-kuntratti tal-klijenti tagħhom biex jippermettu l-monitoraġġ tad-dejta tagħhom u l-qtugħ tal-abbonament tagħhom. Bid-dħul f’tali kuntratti, il-klijenti jitqiesu li jkunu qablu mal-monitoraġġ. Madankollu, din il-prattika tqajjem l-ewwel id-domanda bażika dwar jekk l-individwi jistgħux jagħtu kunsens lill-ISPs għall-ipproċessar tad-dejta li jitwettaq mhux mill-ISPs iżda minn terzi msieħba li mhumiex taħt l-“awtorità” tal-ISPs.

55.

It-tieni nett, hemm id-domanda dwar il-validità tal-kunsens. L-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46/KE jiddefinixxi l-kunsens bħala “indikazzjoni speċifika u infurmata tax-xewqa tiegħu mogħtija liberament li biha s-suġġett tad-dejta jaqbel li jsir l-ipproċessar ta’ dejta personali dwaru”. Punt importanti huwa li sabiex ikun validu, il-kunsens, ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi fejn jingħata, għandu jkun indikazzjoni mogħtija liberament, speċifika u infurmata tax-xewqat tas-suġġett tad-dejta, kif definit fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva. L-EDPS għandu dubji serji dwar jekk l-individwi mitluba l-kunsens għall-monitraġġ tal-attivitajiet fuq l-Internet tagħhom ikollhomx l-opportunità li jagħmlu għażla ġenwina – speċjalment għaliex l-alternattiva tkun li ma jkunx hemm aċċess għall-Internet, u b’hekk potenzjalment jiġu pperikolati ħafna oqsma oħrajn ta’ ħajjithom.

56.

It-tielet nett, huwa ferm dubjuż jekk kwalunkwe tali monitoraġġ jistax qatt jiġi kkunsidrat neċessarju għat-twettiq ta’ kuntratt li fih ikun parti s-suġġett tad-dejta, kif meħtieġ mill-Artikolu 7(b) tad-Direttiva 95/46/KE, minħabba li l-monitoraġġ huwa ovvjament mhux oġġett tal-kuntratt li jkun daħal fih is-suġġett tad-dejta, iżda biss mezz biex l-ISP iservi interessi oħrajn.

Rimi ta’ log fajls

57.

Skont id-Direttiva 2002/58/KE, b’mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha, dejta tat-traffiku bħall-indirizzi ISP tista’ biss tinġabar u tinħażen għal raġunijiet direttament relatati mal-komunikazzjoni fiha nfisha, inkluż għal raġunijiet ta’ kontijiet, ġestjoni tat-traffiku u prevenzjoni ta’ frodi. Wara, id-dejta għandha titħassar. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi taħt id-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Dejta li, kif diskuss, tirrikjedi l-konservazzjoni ta’ dejta tat-traffiku u r-rilaxx tagħha lill-pulizija u l-prosekuturi għall-għajnuna fl-investigazzjoni ta’ reat serju biss  (37).

58.

Skont dan ta’ hawn fuq, il-fornituri ta’ servizzi tal-Internet għandhom jarmu kwalunkwe log fajl li jikxef l-attivitajiet ta’ utenti tal-Internet li ma jkunx għadu meħtieġ għall-iskopijiet ta’ hawn fuq. B’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-log fajls mhumiex neċessarji għal skopijiet ta’ kontijiet, jidher li tlieta jew erba’ ġimgħat għandhom ikunu biżżejjed għall-ISPs għal skopijiet ta’ ġestjoni tat-traffiku (38).

59.

Dan ifisser li, meta kkuntattjati minn detenturi tad-dritt tal-awtur, sakemm tali kuntatt seħħ fi ħdan il-perijodu limitat deskritt hawn fuq, l-ISPs ma għandhomx ikollhom il-log fajls li jgħaqqdu l-indirizzi IP mal-abbonati rilevanti. Iż-żamma tal-log fajls wara tali perijodu għandha ssir biss għal raġunijiet iġġustifikati fi ħdan l-iskop tal-għanijiet ipprovduti mil-liġi.

60.

F’termini prattiċi dan ifisser li, sakemm mhux iwettqa b’mod mgħaġġel ħafna, it-talbiet tad-detenturi tad-dritt tal-awtur indirizzati lill-IPS ma jkunux jistgħu jiġu sodisfatti, sempliċement minħabba li l-ISP ma jkunx għad għandu l-informazzjoni. Dan jistabbilixxi minnu stess il-konfini ta’ x’jiġifieri prattiki ta’ monitraġġ aċċettabbli deskritti fis-sezzjoni ta’ hawn fuq.

Riskji ta’ effetti kollaterali

61.

Barra minn hekk, l-EDPS huwa imħasseb mhux biss dwar l-impatt tal-protezzjoni tal-privatezza u d-dejta ta’ politiki ta’ qtugħ ta’ konnessjoni tal-Internet wara tliet atti illegali iżda wkoll dwar l-effetti kollaterali tagħhom. Jekk il-politiki ta’ qtugħ tal-konnessjoni tal-Internet wara tliet atti illegali jiġu permessi, dawn jistgħu jkunu niżla tiżloq għal-leġittimizzazzjoni ta’ sorveljanza saħansitra iktar massiva tal-attivitajiet tal-utenti tal-Internet, f’oqsma differenti u għal skopijiet differenti.

62.

L-EDPS jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-ACTA ma jkomplix u ma jmurx kontra l-għanijiet attwali tal-UE għall-infurzar tal-IPR, li jirrispetta d-drittijiet u libertajiet fundamentali u l-libertajiet ċivili, bħall-protezzjoni tad-dejta personali.

V.   TĦASSIB DWAR IL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA FIR-RIGWARD TAL-MEKKANIŻMI TA’ KOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI

63.

Wieħed mill-mezzi mressqa mill-parteċipanti fl-ACTA sabiex jittrattaw il-kwistjoni tal-infurzar tal-IPR huwa li titjieb il-koperazzjoni internazzjonali, b’numru ta’ miżuri li jippermettu l-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali fil-ġurisdizzjonijiet tal-firmatarji tal-ACTA.

64.

Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, jista’ jiġi previst li numru ta’ miżuri ppjanati biex jiġi żgurat l-infurzar tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali jinvolvu l-iskambju internazzjonali ta’ informazzjoni dwar ksur allegat tal-IPR bejn awtoritajiet pubbliċi (bħal awtoritajiet doganali, pulizija u ġustizzja) iżda wkoll bejn atturi pubbliċi u privati (bħal ISPs u organizzzazzjonijiet detenturi tad-drittijiet tal-IP). Tali trasferimenti ta’ dejta iqajmu numru ta’ kwistjonijiet mill-perspettiva ta’ protezzjoni tad-dejta.

V.1.   L-iskambji tad-dejta kkunsidrati fil-kuntest tal-ACTA huma leġittimi, neċessarji u proporzjonati?

65.

Fl-istat attwali tal-proċess ta’ negozjati li fih numru ta’ elementi għall-ipproċessar ta’ dejta konkreta baqgħu jew mhux definiti jew mhux magħrufa, huwa impossibbli li jiġi vverifikat jekk il-qafas propost ta’ miżuri huwiex skont il-prinċipji ta’ protezzjoni tad-dejta fundamentali u l-liġi tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE.

66.

Jista’ wieħed jistaqsi l-ewwel nett jekk it-trasferimenti tad-dejta għal pajjiżi terzi fil-kuntest tal-ACTA humiex leġittimi. Ir-relevanza tal-adozzjoni ta’ miżuri fuq livell internazzjonali f’dak il-qasam tista’ tiġi kkuntestata sakemm mhemmx qbil fi ħdan l-Istati Membri tal-UE dwar l-armonizzazzjoni tal-miżuri ta’ infurzar fl-ambjent diġitali u t-tipi ta’ sanzjonijiet kriminali li għandhom jiġu applikati (39).

67.

Skont dan ta’ hawn fuq, jidher li l-prinċipji ta’ neċessità u proporzjonalità tat-trasferimenti tad-dejta taħt l-ACTA jintlaħqu aktar faċilment li kieku l-qbil ikun limitat speċifikament għall-ġlieda kontra l-aktar reati serji ta’ ksur tal-IPR, minflok jitħallew trasferimenti tad-dejta bil-massa relatati ma’ kwalunkwe suspett ta’ ksur tal-IPR. Dan jirrikjedi li jiġi definit b’mod preċiż l-iskop ta’ x’jikkostitwixxi l-“aktar reati serji ta’ ksur tal-IPR” li għalihom jistgħu jseħħu trasferimenti tad-dejta.

68.

Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni partikolari għal persuni involuti fl-iskambji tad-dejta, u jekk id-dejta tkunx sejra tiġi kondiviża biss bejn l-awtoritajiet pubbliċi jew jekk hemmx involut ukoll skambji bejn atturi privati u l-awtoritajiet pubbliċi. Kif deskritt qabel f’din l-opinjoni, l-involviment ta’ atturi privati f’qasam li fil-prinċipju huwa taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jqajjem numru ta’ punti ta’ tħassib (40). Il-kundizzjonijiet skont liema s-setturi privati jkunu involuti fil-ġbir u l-iskambju mal-awtoritajiet pubbliċi ta’ dejta personali relatata mal-ksur tal-IPR għandhom ikunu limitati strettament għal ċirkostanzi speċifiċi, b’garanziji xierqa.

V.2.   Liġi ta’ protezzjoni tad-dejta applikabbli li tirregola t-trasferimenti tad-dejta fil-kuntest tal-ACTA

Reġim ġenerali għat-trasferimenti tad-dejta

69.

Il-qafas tal-protezzjoni tad-dejta ġenerali applikabbli fl-UE huwa stabbilit fid-Direttiva 95/46/KE. L-Artikoli 25 u 26 tad-Direttiva 95/46/KE jiddefinixxu l-għanijiet applikabbli għal trasferimenti tad-dejta lil pajjiżi terzi. L-Artikolu 25 jeħtieġ li t-trasferimenti jsiru biss lejn pajjiżi li jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni, jew inkella tali trasferimenti huma fil-prinċipju pprojbiti.

70.

Il-livell ta’ adegwatezza li jista’ jiġi offrut minn pajjiżi terzi huwa vvalutat fuq il-bażi ta’ każ b’każ mill-Kummissjoni Ewropea, li ħarġet diversi deċiżjonijiet li jirrikonoxxu l-adegwatezza lil numru ta’ pajjiżi wara analiżi profonda mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 (41).

71.

L-EDPS jinnota li l-biċċa l-kbira tal-parteċipanti tal-ACTA mhumiex parti mil-lista ta’ pajjiżi li jipprovdu protezzjoni tad-dejta adegwata mfassla mill-Kummissjoni: bl-eċċezzjoni tal-Iżvizzera u – f’ċirkostanzi speċifiċi – il-Kanada u l-Istati Uniti, il-parteċipanti l-oħrajn kollha tal-ACTA mhumiex rikonoxxuti bħala li jipprovdu livell adegwat ta’ protezzjoni. Dan ifisser li biex tiġi trasferita d-dejta mill-UE għal dawn il-pajjiżi waħda mill-kundizzjonijiet tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 95/46/KE għandha tiġi ssodisfata jew inkella għandhom jintużaw salvagwardji xierqa mill-imsieħba fit-trasferiment tad-dejta skont l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva.

Għanijiet speċifiċi għal trasferimenti tad-dejta fil-qasam tal-infurzar tal-liġi kriminali

72.

Filwaqt li d-Direttiva 95/46/KE tikkostitwixxi l-istrument ewlieni għall-protezzjoni tad-dejta fl-UE, l-iskop tagħha huwa attwalment limitat minħabba li hija teskludi speċifikament attivitajiet li jikkonċernaw, inter alia, l-attivitajiet tal-Istat fil-qasam tal-liġi kriminali (Artikolu 3). Skambji ta’ dejta għall-għanijiet ta’ infurzar tal-liġi kriminali għandhom għaldaqstant jaqgħu barra mill-iskop tad-Direttiva 95/46/KE u għandhom ikunu soġġetti għall-prinċipji ta’ protezzjoni tad-dejta ġenerali stabbiliti fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Nru 108 u l-Protokoll addizzjonali li l-Istati Membri tal-UE kollha huma msieħba fih (42). Barra minn hekk, japplikaw ir-regoli adottati mill-UE li jikkonċernaw il-koperazzjoni tal-pulizija u l-ġustizzja fil-qasam ta’ kwistjonijiet kriminali stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Qafas tal-Kunsill 2008/877/JHA (43).

73.

Dawn l-istrumenti joħolqu wkoll bħala prinċipju li għandu jkun hemm livell adegwat ta’ protezzjoni tad-dejta fil-pajjiż terz li lejh għandha tiġi trasferita d-dejta. Hemm ipprovdut numru ta’ derogi, partikolarment meta l-pajjiż terz jipprovdi salvagwardji adegwati. Bħal fl-iskambji tad-dejta skont id-Direttiva 95/46/KE, l-iskambji tad-dejta fil-qasam tal-infurzar tal-liġi kriminali jirrikjedu għaldaqstant li jintużaw salvagwardji xierqa bejn l-imsieħba fit-trasferiment tad-dejta biex tali trasferiment iseħħ.

Lejn għanijiet ġodda għal trasferimenti tad-dejta

74.

Fil-futur qrib, jista’ jkun mistenni li jiġu adottati regoli komuni ġodda għall-protezzjoni tad-dejta applikabbli għall-oqsma kollha tal-attivitajiet tal-UE mill-UE fuq il-bażi tal-Artikolu 16 tat-TFEU. Dan ifisser li fi żmien ftit snin jista’ jkun hemm qafas komprensiv ta’ protezzjoni tad-dejta tal-UE li jistabbilixxi regoli koerenti għall-ipproċessar tad-dejta madwar l-oqsma kollha tal-attivitajiet tal-UE, li jimponi l-istess livell ta’ salvagwardji u garanziji fuq l-attivitajiet ta’ pproċessar tad-dejta kollha. Kif kien deskritt minn Viviane Reding (44), il-Kummissarju għall-Ġustizzja, Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza, dan il-qafas ġdid għandu jaħdem bħala “strument legali modern u komprensiv” uniku għall-protezzjoni tad-dejta fl-UE. Tali qafas huwa partikolarment apprezzat minħabba li jġib miegħu aktar ċarezza u konsistenza rigward ir-regoli applikabbli fl-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta.

75.

F’kuntest internazzjonali, l-EDPS jirrimarka wkoll ir-Riżoluzzjoni dwar l-Istandards Internazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta personali u l-privatezza adottata riċentament mill-awtoritajiet ta’ protezzjoni tad-dejta, li hija l-ewwel pass lejn l-istabbiliment ta’ standards ta’ protezzjoni tad-dejta globali (45). L-Istandards Internazzjonali jinkludu għadd ta’ salvagwardji għall-protezzjoni tad-dejta simili għal dawk iddikjarati fid-Direttiva 95/46/KE u l-Konvenzjoni Nru 108. Għalkemm l-istandards internazzjonali għad ma għandhomx forza vinkolanti, huma jipprovdu gwida bżonnjuża rigward il-prinċipji ta’ protezzjoni tad-dejta li jistgħu jiġu volontarjament applikati minn pajjiżi terzi biex il-qafas legali tagħhom ikun kompatibbli mal-istandards tal-UE. L-EDPS jemmen li l-firmatarji tal-ACTA għandhom iqisu l-prinċipji mfassla fl-Istandards Internazzjonali meta tiġi pproċessata dejta personali mill-UE.

V.3.   Ħtieġa li jiġu implementati salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tat-trasferimenti ta’ dejta mill-UE għal pajjiżi terzi

Liema forom jieħdu s-salvagwardji sabiex jiġu protetti effettivament it-trasferimenti ta’ dejta lejn pajjiżi terzi?

76.

Jekk il-ħtieġa ta’ trasferiment ta’ dejta personali għal pajjiżi terzi tintwera, l-EDPS jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tinnegozja mar-riċevituri ta’ pajjiżi terzi – flimkien mal-qbil dwar l-ACTA fih innifsu – strumenti speċifiċi li fihom garanziji xierqa ta’ protezzjoni tad-dejta biex jirregolaw l-iskambju ta’ dejta personali.

77.

Salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-dejta għandhom normalment jiġu stabbiliti fi qbil vinkolanti bejn l-UE u r-riċevitur tal-pajjiż terz, li permezz tiegħu, il-parti riċevitriċi tintrabat li tirrispetta l-liġi ta’ protezzjoni tad-dejta tal-UE u li tipprovdi lill-individwi bl-istess drittijiet u rimedji kif permess skont il-liġi tal-UE. Il-ħtieġa għal qbil vinkolanti tinbet mill-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 13(3) tad-Deċiżjoni ta’ Qafas u hija barra minn hekk appoġġjata mill-prattika eżistenti tal-UE li tikkonkludi qbil speċifiku sabiex ikunu permessi trasferimenti ta’ dejta speċifiċi lejn pajjiżi terzi (46).

78.

B’mod simili, taħt l-abbozz tal-Istandards Internazzjonali, ir-riċevitur jista’ jintalab li jiggarantixxi li huwa jista’ joffri l-livell meħtieġ ta’ protezzjoni biex it-trasferiment iseħħ. Dawn il-garanziji jistgħu jieħdu l-forma wkoll ta’ impenn kuntrattwali.

Il-kontenut tas-salvagwardji li għandhom jiġu evidenzati mill-firmatarji tal-ACTA rigward it-trasferimenti ta’ dejta personali

79.

L-EDPS jenfasizza partikolarment li l-iskambji internazzjonali ta’ informazzjoni għall-infurzar tal-liġi huma partikolarment sensittivi mill-perspettiva ta’ protezzjoni tad-dejta, minħabba li tali qafas jista’ jilleġittima traferimenti massivi ta’ dejta f’qasam fejn l-impatt fuq l-individwi huwa partikolarment serju, u fejn salvagwardji stretti u affidabbli huma kollha meħtieġa sew.

80.

L-EDPS jiddeskrivi li kundizzjonijiet u salvagwardji speċifiċi jistgħu biss jiġu definiti fuq bażi ta’ każ b’każ fid-dawl tal-parametri kollha tal-iskambji tad-dejta. Għall-iskopijiet ta’ gwida, l-EDPS qiegħed jenfasizza hawn taħt xi wħud mill-prinċipji u salvagwardji li għandhom jintużaw minn riċevituri ta’ parti terza biex iseħħu t-trasferimenti ta’ dejta:

Għandu jiġi vverifikat x’inhi l-ġustifikazzjoni legali skont liema għandhom iseħħu l-attivitajiet ta’ pproċessar tad-dejta (jiġifieri l-operazzjonijiet ta’ pproċessar huma bbażati fuq obbligu legali, fuq kunsens mis-suġġetti tad-dejta, jew fuq kwalunkwe ġustifikazzjoni valida oħra?), u jekk it-trasfrimenti tad-dejta jirrispettawx l-iskop inizjali tal-ġbir tad-dejta. Ebda trasferiment ma għandu jseħħ barra mill-iskop tal-għan speċifikat.

L-ammont u t-tipi ta’ dejta personali x’jiġu skambjati għandhom jiġu speċifikati b’mod ċar u mminimizzati għal dak li huwa strettament neċessarju biex jintlaħaq l-iskop tat-trasferiment. Id-dejta personali miġbura u ttrasferita tista’ b’mod partikolari tinkludi l-indirizz IP tal-utent tal-Internet, id-data u l-ħin tar-reat issuspettat, u t-tip ta’ reat. L-EDPS jirrakkomanda li d-dejta ma tkunx marbuta ma’ kwalunkwe individwu speċifiku waqt il-fażi ta’ investigazzjoni, u jfakkar li l-identifikazzjoni ta’ persuna ssuspettata għandha sseħħ biss skont il-liġi u taħt il-kontroll ta’ mħallef. F’dan ir-rigward, l-EDPS jiddeskrivi li dejta relatata mal-ksur tal-IPR u suspetti ta’ ksur huma kategorija speċjali ta’ dejta li l-ipproċessar tagħha hija normalment ristretta għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u teħtieġ l-applikazzjoni ta’ salvagwardji addizzjonali. Il-persuni awtorizzati li jipproċessaw id-dejta relatata mal-ksur tal-IPR u suspetti ta’ ksur u l-kundizzjonijiet għall-ipproċessar ta’ din id-dejta għandhom għaldaqstant ikunu definiti speċifikament skont il-liġi eżistenti ta’ protezzjoni tad-dejta.

Il-persuni li bejniethom tista’ tiġi skambjata d-dejta għandhom ikunu stabbiliti b’mod ċar u trasferimenti ’l quddiem lil riċevituri oħrajn għandhom fil-prinċipju jiġu pprojbiti, sakemm trasferimenti ’l quddiem ma jkunux neċessarji għal investigazzjoni speċifika. Din il-limitazzjoni hija partikolarment kruċjali minħabba li r-riċevituri nnominati ma għandhomx jiskambjaw bla bżonn informazzjoni ma’ riċevituri mhux awtorizzati.

L-EDPS jippreżumi li l-ACTA mhux sejjer jipprevedi biss koperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, iżda li sejjer jagħti kompiti ta’ infurzar lill-organizzazzjonijiet privati (bħal ISPs, organizzazzjonijiet detenturi tad-dritt tal-awtur, eċċ.). Fil-każ tal-aħħar, il-kundizzjonijiet u l-livell ta’ involviment ta’ organizzazzjonijiet privati fl-infurzar tal-IPR għandhom jiġu vvalutati b’attenzjoni, fis-sens li l-miżuri tal-ACTA ma għandhomx jagħtu dritt de facto lill-organizzazzjonijiet detenturi tad-dritt tal-ISP u l-IP li jissorveljaw l-imġiba tal-utenti online. Barra minn hekk, l-ipproċessar ta’ dejta personali minn organizzazzjonijiet privati fil-kuntest tal-infurzar tal-liġi għandu jseħħ biss fuq bażi legali xierqa. Huwa importanti wkoll li jiġi ċċarat jekk organizzazzjonijiet privati humiex sejrin ikunu obbligati jikkoperaw mal-pulizija u l-limitu ta’ tali koperazzjoni. Dan għandu fi kwalunkwe każ ikun limitat biss għal “reati serji”, li d-definizzjoni tagħhom jeħtieġ ukoll li tiġi stabbilita b’mod preċiż minħabba li mhux il-ksur kollu tal-IPR għandu jiġi kkunsidrat bħala reat serju.

Il-metodu użat għall-iskambju ta’ dejta personali għandu jintgħażel b’mod ċar, b’mod partikolari għandu jiġi speċifikat jekk hux se jseħħ permezz ta’ sistema push – pereżempju organizzazzjonijiet detenturi tad-dritt tal-ISP u l-IP jittrasferixxu taħt il-kontroll tagħhom numru ta’ dejta lil partijiet terzi, bħall-pulizija u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, li jinsabu barra l-pajjiż – jew sistema pull – pereżempju l-pulizija u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkollhom aċċess dirett għal databases ta’ partijiet privati jew għal databases fejn l-informazzjoni tkun iċċentralizzata. Kif diġà ġie deskritt fil-kuntest tal-PNR, sistema push hija l-unika għażla konformi mal-prinċipji ta’ protezzjoni tad-dejta mill-perspettiva ta’ protezzjoni tad-dejta tal-UE minħabba li tintitola lil dak li jibgħat mill-UE, li huwa wisq probabbli l-kontrollur tad-dejta, li jeżerċita kontroll fuq it-trasferiment tad-dejta (47).

Iż-żmien li matulu d-dejta personali tinżamm mir-riċevituri għandu jiġi speċifikat, kif ukoll l-għan li għalih tali żamma hija meħtieġa. Tali perijodu ta’ żamma għandu jkun proporzjonat mal-għan li għandu jintlaħaq, li jfisser li d-dejta għandha titneħħa jew titħassar meta ma tkunx għadha meħtieġa biex jintlaħaq dak l-għan.

L-obbligi imposti fuq il-kontrolluri tad-dejta f’pajjiżi terzi għandhom jiġu stabbiliti b’mod ċar. Mekkaniżmi ta’ superviżjoni u/jew mekkaniżmi ta’ responsabbiltà infurzabbli għandhom jiġu ggarantiti biex ikun hemm rikorsi u sanzjonijiet effettivi kontra l-kontrolluri tad-dejta f’każ ta’ pproċessar bla bżonn jew inċidenti rilevanti oħrajn. Barra minn hekk, għandhom jiġu implimentati mekkaniżmi ta’ rimedju sabiex l-individwi jkunu jistgħu jressqu ilment quddiem awtorità indipendenti ta’ protezzjoni tad-dejta u sabiex ikunu jistgħu jfittxu rimedju effettiv quddiem tribunal indipendenti u imparzjali (48).

L-istrument li jkunu daħlu fih il-partijiet għandu jispeċifika b’mod ċar id-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta fir-rigward tad-dejta personali tagħhom meta tali dejta tkun ipproċessata minn riċevitur ta’ parti terza sabiex jiggarantixxu li għandhom mezzi effikaċi għall-infurzar tad-drittijiet tagħhom rigward ipproċessar imwettaq barra mill-pajjiż.

Barra minn hekk, it-trasparenza hija kruċjali u l-imsieħba fl-istrument għall-protezzjoni tad-dejta għandhom jilħqu qbil dwar kif jinfurmaw lis-suġġetti tad-dejta dwar l-ipproċessar tad-dejta li qiegħda sseħħ kif ukoll dwar id-drittijiet tagħhom u kif jeżerċitawhom.

VI.   KONKLUŻJONIJIET

81.

L-EDPS jinkoraġġixxi bis-sħiħ lill-Kummissjoni Ewropea biex tistabbilixxi djalogu pubbliku u trasparenti dwar l-ACTA, possibbilment permezz ta’ konsultazzjoni pubblika, li tgħin ukoll biex jiġi żgurat li l-miżuri li għandhom jiġu adottati huma konformi mar-rekwiżiti tal-liġi tal-protezzjoni tal-privatezza u tad-dejta tal-UE.

82.

Matul l-andament tan-negozjati dwar l-ACTA, l-EDPS jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex toħloq bilanċ tajjeb bejn domandi għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u d-dritt għall-protezzjoni tal-privatezza u d-dejta. L-EDPS jenfasizza li huwa partikolarment kruċjali li l-protezzjoni tal-privatezza u d-dejta jitqiesu sa mill-bidunett tan-negozjati qabel ma jintlaħaq qbil dwar kwalunkwe miżura sabiex aktar ’il quddiem ma jkunx hemm għalfejn jinstabu soluzzjonijiet alternattivi għall-ilmenti dwar il-privatezza.

83.

Filwaqt li l-proprjetà intellettwali hija importanti għas-soċjetà u għandha tiġi protetta, din ma għandhiex titqiegħed ’il fuq mid-drittijiet fundamentali tal-individwi għall-privatezza, protezzjoni tad-dejta, u drittijiet oħrajn bħall-preżunzjoni ta’ innoċenza, il-protezzjoni ġudizzjarja effikaċi u l-libertà tal-espressjoni.

84.

Minħabba li l-abbozz attwali tal-ACTA jinkludi jew tal-inqas jinkoraġġixxi indirettament il-politiki tal-qtugħ tal-konnessjoni mal-Internet wara tliet atti illegali, l-ACTA jkun qed jirrestrinġi profondament id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet taċ-ċittadini Ewropej, b’mod l-aktar partikolari l-protezzjoni tad-dejta personali u l-privatezza.

85.

L-EDPS huwa tal-fehma li l-politiki tal-qtugħ tal-konnessjoni mal-Internet wara tliet atti illegali mhumiex meħtieġa biex jintlaħaq l-għan tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. L-EDPS huwa konvint li soluzzjonijiet alternattivi u inqas intrużivi jeżistu jew, tal-inqas, li l-politiki kkunisdrati jistgħu jitwettqu b’mod inqas intrużiv jew bi skop inqas limitat, b’mod partikolari permezz tal-forma ta’ monitoraġġ immirat ad hoc.

86.

Il-politiki tal-qtugħ tal-konnessjoni mal-Internet wara tliet atti illegali huma wkoll problematiċi fuq livell legali aktar dettaljat partikolarment minħabba li l-ipproċessar ta’ dejta ġudizzjarja, b’mod partikolari minn organizzazzjonijiet privati, għandhom ikunu bbażati fuq bażi legali xierqa. L-operazzjoni tal-iskemi ta’ tliet atti illegali tista’ barra minn hekk tinvolvi li jinħażnu log fajls għal perjodu ta’ żmien itwal, li jmur kontra l-leġiżlazzjoni eżistenti.

87.

Barra minn hekk, sakemm l-ACTA jinvolvi skambji ta’ dejta personali bejn l-awtoritajiet u/jew l-organizzazzjonijiet privati li jinsabu fil-pajjiżi firmatarji, l-EDPS jistieden lill-UE sabiex timplementa s-salvagwardji meħtieġa. Dawn is-salvagwardji għandhom japplikaw għat-trasferimenti tad-dejta kollha mwettqa fil-kuntest tal-ACTA – irrelevanti minn jekk humiex fil-qasam tal-infurzar tal-liġi ċivili, kriminali jew diġitali – u għandhom ikunu skont il-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta stabbiliti f’Konvenzjoni Nru 108 u d-Direttiva 95/46/KE. L-EDPS jirrakkomanda li tali salvagwardji jieħdu l-forma ta’ ftehim vinkolanti bejn dawk li jibagħtu mill-UE u r-riċevituri minn pajjiżi terzi.

88.

L-EDPS jixtieq ukoll jiġi kkonsultat fuq il-miżuri li għandhom jiġu implementati fir-rigward tat-trasferimenti tad-dejta li jitwettqu skont l-ACTA sabiex tiġi vverifikata l-proporzjonalità tagħhom, u li jiggarantixxu livell adegwat ta’ protezzjoni tad-dejta.

Magħmula fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2010.

Peter HUSTINX

Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(4)  Ara http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2009/november/tradoc_145271.pdf, pġ. 2.

(5)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna ta’ hawn fuq.

(6)  Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1.

(7)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Id-Direttiva fuq il-privatezza u komunikazzjoni elettronika), ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(8)  Li tinterpreta l-elementi u l-kundizzjonijiet ewlenin stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (ECHR) adottata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, minħabba li japplikaw għal diversi oqsma. Ara b’mod partikolari l-każistika msemmija band’oħra f’din l-opinjoni.

(9)  Ara b’mod partikolari: Il-Każ C-275/06, Productores de Música de España (Promusicae), ECR [2008], pġ. I-271 u l-Każ C-557/07, LSG-Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungsschutzrechten, nyr.

(10)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna ta’ hawn fuq.

(11)  L-intermedjarji differenti tal-Internet jistgħu jiġu ddefiniti skont l-irwoli funzjonali tagħhom. Madankollu, fid-dinja reali l-intermedjarji ġeneralment iwettqu diversi minn dawn il-funzjonijiet. L-intermedjarji tal-Internet jinkludu: (a) il-fornituri tal-aċċess: l-utenti jikkonnettjaw man-netwerk billi jikkonnettjaw ma’ server tal-fornitur tal-aċċess; (b) fornituri ta’ netwerk: Huma jipprovdu r-routers, jiġifieri l-faċilitajiet tekniċi meħtieġa għat-trażmissjoni tad-dejta; (c) il-fornituri tal-host: huma jikru l-ispazju fuq is-server tagħhom, fejn l-utenti jew il-fornituri tal-kontenut jistgħu jtellgħu il-kontenut. L-utenti jistgħu jtellgħu jew iniżżlu l-materjal għal servizz fuq l-Internet, bħal ma huma n-netwerks tal-bulletin jew tal-P2P.

(12)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex jisseddaq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern, Brussell, il-11 ta’ Settembru 2009, COM(2009) 467 finali.

(13)  It-teknoloġija P2P hija arkitettura ta’ softwer għall-komputing iddistribwita li tippermetti lil kompjuters individwali li jikkonnettjaw ma’, u jikkomunikaw direttament ma’, kompjuters oħra.

(14)  Eżempji ta’ sanzjonijiet alternattivi jistgħu jinkludu l-limitazzjoni tal-funzjonalità tal-konnessjoni mal-Internet, pereżempju, il-veloċità tal-konnessjoni, il-volum, eċċ.

(15)  Ara b’mod partikolari l-ECHR tas-26 ta’ Ġunju 2006, Weber u Saravia v. Il-Ġermanja (deċ.), Nru 54934/00, il-paragrafu 77 u l-ECHR tal-1 ta’ Lulju 2008, Liberty u oħrajn v Ir-RU, nru 58243/00.

(16)  Il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni wiesgħa rigward l-applikabilità tad-Direttiva 95/46/KE, li d-dispożizzjonijiet tagħha jridu jkunu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 8 ECHR. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Mejju 2003, Rundfunk, każijiet konġunti C-465/00, C-138/01 u C-139/01, ECR [2003], pġ. I-4989, il-paragrafu 68, li “id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE, inkwantu jirregolaw l-ipproċessar tad-dejta personali li potenzjalment jista' jikser il-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għall-privatezza, iridu bi ħtieġa jkunu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali, li, skont il-każistika stabbilita, jiffurmaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-osservanza tiegħu hija assigurata mill-Qorti”.

(17)  L-indirizz tal-IP li l-ISP jagħti lil individwu jista’ dejjem ikun l-istess kull meta jisserfja l-Internet (imsejħa indirizzi IP statiċi). Indirizzi IP oħra huma dinamiċi, li jfisser li l-fornitur tal-aċċess għall-Internet jagħti indirizz tal-IP differenti lill-klijenti tiegħu kull meta huma jikkonnettjaw mal-Internet. Ovvjament, l-ISP jista’ jikkonnettja l-indirizz tal-IP mal-kont tal-abbonat lil min ikun ta l-indirizz (dinamiku jew statiku) tal-IP.

(18)  Premessa 26 tikkumplimenta din id-definizzjoni: “Billi l-prinċipji ta’ protezzjoni għandhom ikunu applikabbli għal kull informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ persuna identifikata jew identifikabbli; billi, biex ikun stabbilit jekk persuna tkunx identifikabbli, għandhom jitqiesu l-mezzi kollha li raġonevolment aktarx jintużaw mill-kontrollur jew minn persuna oħra biex tkun identifikata l-imsemmija persuna; billi l-prinċipji ta’ protezzjoni m’għandhomx ikunu applikati għal dejta mogħtija b’mod anonimu tant illi s-suġġett tad-dejta ma jkunx aktar identifikabbli; …”.

(19)  Il-Grupp tax-Xogħol tal-Artikolu 29, Dokument tax-Xogħol dwar kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-dejta relatati mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (WP 104), adottat fit-18 ta’ Jannar 2005. Dan il-Grupp tax-Xogħol kien stabbilit taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE. Huwa korp konsultattiv Ewropew indipendenti dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza. Il-kompiti tiegħu huma deskritti fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58/KE. Ara wkoll l-opinjoni 4/2007 tal-Grupp tax-Xogħol dwar il-kunċett ta’ dejta personali (WP 136), adottata fl-20 ta’ Ġunju 2007, b’mod partikolari fil-paġni 16.

(20)  Artikolu 8 tal-ECHR jirreferi espressament għar-rekwiżit li kwalunkwe interferenza jew restrizzjoni trid tkun “meħtieġa f’soċjetà demokratika”.

(21)  Artikolu 13 tad-Direttiva 95/64/KE jippermetti restrizzjoni biss meta tikkostitwixxi “miżura meħtieġa li tagħti protezzjoni lil: (a) is-sigurtà nazzjonali; (b) id-difiża; (ċ) is-sigurtà pubblika; (d) il-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali, jew il-ksur ta’ etika ta’ professjonijiet irregolati; (e) l-interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru jew għall-Unjoni Ewropea, magħduda affarijiet monetarji, baġitarji jew tat-tassazzjoni; (f) il-monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, ukoll jekk kull tant, mal-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali fil-każijiet imsemmija f’(ċ), (d) u (e); (g) il-protezzjoni tas-suġġett tad-dejta jew tad-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn”. L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58/KE jeħtieġ li “tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f'soċjetà demokratika biex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (jiġifieri s-sigurtà tal-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew ta' użu mhux awtorizzat tas-sistema ta' komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE”.

(22)  Ara wkoll l-ECHR tat-2 ta’ Awissu 1984, Malone v. Ir-Renju Unit, Serje A Nru 82, pġ. 32, il-paragrafi 81 u s. u l-ECHR tal-4 ta’ Diċembru 2008, Marper v. Ir-Renju Unit [GC], nri 30562/04 u 30566/04, il-paragrafi 101 u s.

(23)  Il-Qrati jista’ jkollhom jevalwaw jekk il-materjal huwiex tabilħaqq protett mid-dritt tal-awtur, liema drittijiet inkisru, jekk l-użu jistax jitqies bħala każ ta’ użu ġust, il-liġi applikabbli, id-danni, eċċ.

(24)  L-Opinjoni tal-EDPS tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni li tistabbilixxi programm Komunitarju multiannwali għall-protezzjoni tat-tfal li jużaw l-Internet u teknoloġiji tal-komunikazzjoni oħra, ĠU C 2, 7.1.2009, p. 2.

(25)  Ara l-Każ imsemmi fin-nota 8 f’qiegħ il-paġna, pt. 106.

(26)  Ara d-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009, ĠU L 337, 18.12.2009, p. 37.

(27)  Il-kliem finali tal-hekk imsejħa emenda 138 jinqara kif ġej: “Artikolu 1.3a. Il-miżuri meħudin mill-Istati Membri fir-rigward tal-aċċess ta’, jew użu minn, utenti aħħarija ta’ servizzi u applikazzjonijiet permezz tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika għandhom jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u mill-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja. Kwalunkwe waħda minn dawn il-miżuri fir-rigward tal-aċċess ta’, jew użu minn, utenti aħħarija ta’ servizzi u applikazzjonijiet permezz tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika li jkollhom il-possibilità li jirrestrinġu dawk id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jistgħu jiġu imposti biss jekk ikunu adegwati, proporzjonati u meħtieġa fi ħdan soċjetà demokratika, u l-implimentazzjoni tagħhom għandha ssir soġġetta għal salvagwardji proċedurali adegwati b’mod konformi mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u mal-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk tal-protezzjoni ġudizzjarja effikaċi u tal-proċess kif dovut. B’mod konformi, dawn il-miżuri jittieħdu biss b’rispett kif dovut għall-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza u għad-dritt tal-privatezza. Għandha tiġi ggarantita, minn qabel, proċedura ġusta u imparzjali, inkluż id-dritt tas-smigħ tal-persuna jew persuni konċernati, soġġett għall-ħtieġa ta’ kundizzjonijiet xierqa u arranġamenti proċedurali xierqa f’każijiet ta’ urġenza ssostanzjati kif dovut konformement mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Għandu jkun iggarantit id-dritt ta’ rieżami ġudizzjarju li jkun effikaċi u tempestiv.”

(28)  Id-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006, ĠU L 105, 13.4.2006, p. 54.

(29)  http://www.legi-internet.ro/english/jurisprudenta-it-romania/decizii-it/romanian-constitutional-court-decision-regarding-data-retention.html

(30)  http://www.bundesverfassungsgericht.de/pressemitteilungen/bvg09-124.html

(31)  Ara d-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009, ĠU L 337, 18.12.2009, p. 11.

(32)  B’mod partikolari, l-Artikolu 21(4) tad-Direttiva 2009/136/KE jipprevedi li “L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li impriżi msemmijin fil-paragrafu 3 jiddistribwixxu informazzjoni ta’ interess pubbliku mingħajr ħlas lill-abbonati eżistenti u ġodda fejn ikun il-każ, permezz tal-istess mezzi li normalment jintużaw minnhom għall-komunikazzjonijiet tagħhom mal-abbonati. F’dak il-każ tali informazzjoni għandha tiġi prodotta mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti f’format standardizzat u għandha, inter alia, tkopri s-suġġetti li ġejjin: (a) l-użu l-aktar komuni ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika biex jidħlu f’attivitajiet illegali jew biex ixerrdu kontenut dannuż, b’mod partikolari fejn huwa jista’ jippreġudika r-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn, inkluż ksur ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, u l-konsegwenzi legali tagħhom (…)”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 20(2), “L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu wkoll li l-kuntratt jinkludi kwalunkwe informazzjoni li tista’ tiġi pprovduta mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti għal dan l-iskop dwar l-użu ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi biex jidħlu f’attivitajiet illegali jew biex ixerrdu kontenut dannuż, u dwar il-mezzi ta’ protezzjoni kontra riskji għas-sigurtà personali, il-privatezza u dejta personali, imsemmija fl-Artikolu 21(4) u rilevanti għas-servizz ipprovdut.”

(33)  ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45 (aktar: Id-Direttiva IPRE).

(34)  Dan huwa kkonfermat aktar fi Premessa 14 tad-Direttiva IPRE.

(35)  Ara paragrafu 28 ta’ din l-Opinjoni.

(36)  Enfasi miżjuda.

(37)  Ara paragrafu 35 ta’ din l-Opinjoni.

(38)  Il-ġestjoni tat-traffiku tinkludi l-analiżi tat-traffiku tan-netwerk tal-kompjuter sabiex tiġi ottimizzata jew iggarantita l-prestazzjoni, latenza iktar baxxa u/jew tiżdied il-firxa tal-banda li tista’ tintuża.

(39)  Proposta dwar is-sanzjonijiet kriminali qiegħda attwalment tiġi diskussa fil-Kunsill, COM(2006) 168 tas-26 ta’ April 2006.

(40)  Ara l-paragrafi 32 u 52 ta’ din l-Opinjoni. Ara wkoll l-Opinjoni tal-EDPS tal-11 ta’ Novembru 2008 dwar ir-Rapport Finali mill-Grupp tal-Kuntatt ta’ Livell Għoli UE-SU dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-protezzjoni tal-privatezza u d-dejta personali, ĠU C 128, 6.6.2009, p. 1.

(41)  Ara d-Deċiżjonijiet ta’ adegwatezza permessi mill-Kummissjoni Ewropea lill-Arġentina, il-Kanada, l-Iżvizzera, is-Safe Harbor tal-Istati Uniti u l-awtoritajiet tal-Istati Uniti fil-kuntest tal-PNR, Guernsey, Isle of Man, u Jersey; disponibbli fuq http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/thridcountries/index_en.htm

(42)  Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta’ Individwi rigward l-Ipproċessar Awtomatiku tad-Dejta Personali, adottata fi Strasburgu fit-28 ta’ Jannar 1981, u l-Kunsill tal-Ewropa, il-Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta’ Individwi rigward l-Ipproċessar Awtomatiku tad-Dejta Personali rigward l-awtoritajiet ta’ superviżjoni u l-flussi transkonfinali tad-dejta, Strasburgu, 8 ta’ Novembru 2001.

(43)  Deċiżjoni ta’ Qafas tal-Kunsill 2008/877/JHA tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tad-dejta personali pproċessata fil-qafas ta’ koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.

(44)  Ara r-Risposti għall-kwestjonarju tal-Parlament Ewropew għall-Kummissarju-nominat Viviane Reding, p. 5, http://www.europarl.europa.eu/hearings/static/commissioners/answers/reding_replies_en.pdf

(45)  Riżoluzzjoni adottata f’Madrid f’Novembru 2009.

(46)  Pereżempju qbil tal-Ewropol u l-Eurojust mal-Istati Uniti, il-qbil PNR, il-qbil Swift, il-qbil bejn l-UE u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment lis-servizz doganali tal-Awstralja ta’ dejta tar-reġistrazzjoni tal-isem tal-passiġġier li jkun ħiereġ mill-Unjoni Ewropea (PNR) permezz tat-trasportaturi bl-ajru.

(47)  Ara l-Artikolu 29 tal-Opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma 4/2003 dwar il-Livell ta’ Protezzjoni żgurat fl-Istati Uniti għat-Trasferiment tad-Dejta tal-Passiġġieri, WP78, 13 ta’ Ġunju 2003.

(48)  Ara l-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta fuq ir-Rapport Finali mill-Grupp tal-Kuntatt ta’ Livell Għoli UE-US dwar l-iskambju tal-informazzjoni u l-protezzjoni tal-privatezza u tad-dejta personali, 11.11.2008.


Top