EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AA0003

Opinjoni Nru 3/2010 (skont l-Artikolu 322, TFUE) fuq proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej

ĠU C 145, 3.6.2010, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 145/1


OPINJONI Nru 3/2010

(skont l-Artikolu 322, TFUE)

fuq proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej

2010/C 145/01

IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 322 tiegħu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u partikolarment l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-abbozz ta’ regolament (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ir-Regolament Finanzjarju),

Wara li kkunsidrat it-talba tal-Parlament għal opinjoni dwar l-abbozz imsemmi hawn fuq li l-Qorti rċeviet fid-29 ta’ Marzu 2010 u għat-talba tal-Kunsill għal opinjoni dwar l-abbozz imsemmi hawn fuq li l-Qorti rċeviet fil-15 ta’ Marzu 2010,

ADOTTAT DIN L-OPINJONI:

1.

L-abbozz tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li dwaru hemm talba għal opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri, għandu l-mira li jaġġorna r-Regolament Finanzjarju kurrenti biex jitqiesu l-bidliet li jirrizultaw mit-Trattat ta’ Liżbona li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009.

2.

Il-Qorti tikkunsidra li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-emendi proposti jittrasponu perfettament il-bidliet dwar kwistjonijiet baġitarji u finanzjarji introdotti mit-Trattat ta’ Liżbona fir-Regolament Finanzjajru. Madankollu, il-Qorti għandha tħassib dwar waħda mid-dispożizzjonijiet emendati u tipproponi li żżid dispożizzjoni ġdida. Modifiki proposti għat-test jinsabu fit-tabella annessa ma’ din l-opinjoni.

Trasferimenti ta’ approprjazzjonijiet

3.

Jeħtieġ jinbidel l-Artikolu 24 tar-Regolament Finanzjarju minħabba tmiem id-distinzjoni bejn infiq obbligatorju u mhux. Il-Kummissjoni tipproponi s-sostituzzjoni tal-Artikolu 24 b’test ieħor. Il-Qorti għandha żewġ osservazzjonijiet f’dan ir-rigward.

4.

Il-paragrafi 1, 3, 4, u 6 jirreferu speċifikament għall-Kummissjoni. Madankollu, l-Artikoli 22(2) u 22(3) tar-Regolament Finanzjarju jistipulaw li l-proċedura deskritta fl-Artikolu 24 tapplika wkoll għall-istituzzjonijiet l-oħra meta jew fergħa waħda jew l-oħra tqajjem raġunijiet sostanzjati kif dovut għall-oġġezzjoni tal-proposta għal trasferiment jew meta t-trasferiment propost huwa minn titolu għal titolu u jaqbeż limitu speċifikat. Għalhekk jeħtieġ li “Kummissjoni” tkun sostitwita b’“istituzzjonijiet” f’dawk l-erba’ paragrafi.

5.

Il-Kummissjoni tipproponi fil-paragrafu 5(i) li tagħti biss tliet ġimgħat lill-awtorità tal-baġit biex din tikkunsidra proposti ta’ trasferiment li huma fi ħdan ċerti limiti (inqas minn 10 % tal-approprjazzjonijiet tal-linja li minnha ssir it-trasferiment, ammont massimu ta’ EUR 5 miljun). Il-Qorti tiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li, bħalissa, proposti ta’ trasferiment huma kkunsidrati fi ħdan il-Parlament Ewropew mill-Kumitat għall-Baġits, li l-laqgħat tiegħu jsiru kull xahar bejn wieħed u ieħor. Mingħajr ma tadotta fehma rigward il-merti jew xort’oħra ta’ din il-proposta, il-Qorti tinnota li l-implimentazzjoni tagħha kieku tqajjem problema dwar skedar ta’ żmien.

Il-proċedura tal-baġit: l-operat tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni;

6.

Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni stabbilit mill-Artikolu 314(5) tat-TFUE huwa magħmul minn membri tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew u għandu l-kompitu li jilħaq ftehim dwar test konġunt fuq il-baġit annwali tal-Unjoni. Il-Kummissjoni se tieħu sehem fil-proċedimenti tiegħu u għandha l-kompitu li tieħu l-inizjattivi meħtieġa biex tirrikonċilja l-pożizzjonijiet taż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit. Fit-twettiq ta’ dan il-kompitu, il-Kummissjoni tista’ ssib ruħha obbligata li tieħu inizjattivi rigward l-abbozzi ta’ baġits tal-istituzzjonijiet li mhumiex irrappreżentati fil-Kumitat. Għal raġunijiet ta’ trasparenza, huwa xieraq li fir-Regolament Finanzjarju jkun hemm riflessjoni tal-konklużjonijiet tat-trilogu baġitarju tal-25 ta’ Marzu 2010. Għalhekk il-Qorti tipproponi li żżid dispożizzjoni ġdida li ssir l-Artikolu 34a.

L-Artikolu Ġdid 34a

Dawk l-istituzzjonijiet li mhumiex irrappreżentati fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jistgħu jindirizzaw ir-rimarki tagħhom dwar l-impatt tal-pożizzjoni tal-Kunsill u l-emendi tal-Parlament Ewropew direttament bil-miktub lill-Kumitat. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra dawn ir-rimarki meta tifformula kwalunkwe proposta fi ħdan il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni li tista’ tolqot l-abbozzi tal-baġits ta’ dawk l-istituzzjonijiet.

7.

L-Artikolu 34a fil-proposta tal-Kummissjoni jsir l-Artikolu 34b.

Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tad-29 ta’ April 2010.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  COM(2010) 71 finali tat-3 ta’ Marzu 2010.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.


ANNESS

Il-proposta tal-Kummissjoni.

Ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti

L-Artikolu 24

1.   Il-Kummissjoni għandha tissottometti l-proposta tagħha simultanjament quddiem iż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit.

2.   L-awtorità tal-baġit għandha tieħu deċiżjonijiet dwar trasferimenti ta' approprjazzjonijiet kif stipulat fil-paragrafi 3 sa 6, ħlief kif stipulat mod ieħor fit-Titolu I tat-Tieni Parti.

3.   Ħlief f'ċirkostanzi urġenti, il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata, u l-Parlament Ewropew, għandhom jiddeliberaw fuq il-proposta tal-Kummissjoni fi żmien sitt ġimgħat mid-data li fiha ż-żewġ istituzzjonijiet jirċievu l-proposta għal kull trasferiment ippreżentat lilhom.

4.   Il-proposta tat-trasferiment għandha tkun approvata, jekk fi żmien il-perjodu ta' sitt ġimgħat:

iż-żewġ fergħat japprovawha;

waħda miż-żewġ fergħat tapprovaha u l-oħra tonqos milli taġixxi;

iż-żewġ fergħat jastjenu minn kull azzjoni jew ma jkunux ħadu deċiżjoni kuntrarja għall-proposta tal-Kummissjoni.

5.   Il-perjodu ta' sitt ġimgħat imsemmi fil-paragrafu 4 jitnaqqas għal tliet ġimgħat, sakemm waħda mill-fergħat tal-awtorità tal-baġit ma titlobx mod ieħor, meta:

i)

it-trasferiment jirrappreżenta inqas minn 10 % tal-approprjazzjonijiet tal-linja li minnha jsir it-trasferiment u ma jaqbiżx il-EUR 5 miljun;

jew

ii)

it-trasferiment jirrigwarda biss approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet u l-ammont totali tat-trasferiment ma jaqbiżx il-EUR 100 miljun.

6.   Jekk waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit tkun emendat it-trasferiment u l-oħra tkun approvatu jew baqgħet lura milli taġixxi, jew jekk iż-żewġ fergħat ikunu emendaw it-trasferiment, l-ammont iżgħar approvat jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill għandu jitqies bħala approvat, sakemm il-Kummissjoni ma tirtirax il-proposta tagħha.

L-Artikolu 24

1.   L-istituzzjonijiet għandhom jissottomettu l-proposti tagħhom simultanjament quddiem iż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit.

2.   L-awtorità tal-baġit għandha tieħu deċiżjonijiet dwar trasferimenti ta' approprjazzjonijiet kif stipulat fil-paragrafi 3 sa 6, ħlief kif stipulat mod ieħor fit-Titolu I tat-Tieni Parti.

3.   Ħlief f'ċirkostanzi urġenti, il-Kunsill, b'maġġoranza kwalifikata, u l-Parlament Ewropew, għandhom jiddeliberaw fuq proposta ta’ istituzzjoni fi żmien sitt ġimgħat mid-data li fiha jirċievu l-proposta għal kull trasferiment ippreżentat lilhom.

4.   Il-proposta tat-trasferiment għandha tkun approvata, jekk fi żmien il-perjodu ta' sitt ġimgħat:

iż-żewġ fergħat japprovawha;

waħda miż-żewġ fergħat tapprovaha u l-oħra tonqos milli taġixxi;

iż-żewġ fergħat jastjenu minn kull azzjoni jew ma jkunux ħadu deċiżjoni kuntrarja għall-proposta tal-istituzzjoni.

5.   Il-perjodu ta' sitt ġimgħat imsemmi fil-paragrafu 4 jitnaqqas għal tliet ġimgħat, sakemm waħda mill-fergħat tal-awtorità tal-baġit ma titlobx mod ieħor, meta:

i)

it-trasferiment jirrappreżenta inqas minn 10 % tal-approprjazzjonijiet tal-linja li minnha jsir it-trasferiment u ma jaqbiżx il-EUR 5 miljun;

jew

ii)

it-trasferiment jirrigwarda biss approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet u l-ammont totali tat-trasferiment ma jaqbiżx il-EUR 100 miljun.

6.   Jekk waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit tkun emendat it-trasferiment u l-oħra tkun approvatu jew baqgħet lura milli taġixxi, jew jekk iż-żewġ fergħat ikunu emendaw it-trasferiment, l-ammont iżgħar approvat jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill għandu jitqies bħala approvat, sakemm il-Kummissjoni ma tirtirax il-proposta tagħha.

 

L-Artikolu 34a

Dawk l-istituzzjonijiet li mhumiex irrappreżentati fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jistgħu jindirizzaw ir-rimarki tagħhom dwar l-impatt tal-pożizzjoni tal-Kunsill u l-emendi tal-Parlament Ewropew direttament bil-miktub lill-Kumitat. Il-Kummissjoin għandha tikkunsidra dawn ir-rimarki meta tifformula kwalunkwe proposta fi ħdan il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni li tista’ tolqot l-abbozzi tal-baġits ta’ dawk l-istituzzjonijiet.


Top