Wybierz funkcje eksperymentalne, które chcesz wypróbować

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument C2010/144/12

    Sejħa għal proposti – EACEA/12/10 – Il-Programm “Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni” – Azzjoni 4.5 – Appoġġ għal attivitajiet ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ u għal dawk attivi fil-ħidma maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ

    ĠU C 144, 3.6.2010, str. 35—37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.6.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 144/35


    SEJĦA GĦAL PROPOSTI – EACEA/12/10

    Il-Programm “Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni”

    Azzjoni 4.5 – Appoġġ għal attivitajiet ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ u għal dawk attivi fil-ħidma maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ

    2010/C 144/12

    1.   Objettivi u deskrizzjoni

    L-għan ta’ din is-sejħa għal proposti huwa li tappoġġja proġetti, li jippromwovu azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni b’dimensjoni Ewropea li huma mmirati għaż-żgħażagħ u l-mexxejja taż-żgħażagħ. Il-proġetti proposti għandhom itejbu t-tixrid ta’ informazzjoni ta’ kwalità u jżidu l-aċċess taż-żgħażagħ għal informazzjoni u għal diversi mezzi ta’ informazzjoni kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak Ewropew. Fuq medda ta’ żmien twil, il-proġetti huma maħsuba biex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja pubblika u biex jiffaċilitaw il-ksib tal-potenzjal tagħhom bħala ċittadini Ewropej attivi u responsabbli.

    Din is-sejħa tipprovdi għotjiet għal proġetti.

    Sejra tingħata preferenza lil dawk il-proġetti li jirriflettu bl-aħjar mod il-prijoritajiet permanenti tal-Programm “Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni”:

    il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ;

    id-diversità kulturali;

    iċ-ċittadinanza Ewropea;

    l-inklużjoni ta’ żgħażagħ b’inqas opportunitajiet.

    Sejra tingħata wkoll preferenza għal proġetti li jirriflettu l-prijoritajiet annwali li ġejjin tas-sejħa:

    il-litteriżmu tal-midja;

    kwistjonijiet globali li jaffettwaw liż-żgħażagħ, bħat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli, l-emigrazzjonijiet, u l-Miri ta’ Żvilupp għall-Millenju (1).

    Il-benefiċjarji finali ta’ dawn il-proġetti huma żgħażagħ u nies li jaħdmu fis-settur taż-żgħażagħ, jew f’organizzazzjonijiet u strutturi taż-żgħażagħ jew inkella f’awtoritajiet reġjonali u lokali.

    2.   Applikanti eliġibbli

    Il-proposti għandhom jiġu sottomessi minn organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt. Dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jkunu:

    organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs);

    korpi pubbliċi fuq livell reġjonali jew lokali; jew

    Kunsilli nazzjonali taż-Żgħażagħ.

    L-applikanti għandhom – fid-data tal-iskadenza speċifikata għas-sottomissjoni tal-proposti tagħhom – ikunu ġew irreġistrati legalment għal mill-inqas sentejn f’wieħed mill-Pajjiżi tal-Programm. Il-Pajjiżi tal-Programm huma dawn li ġejjin:

    l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (2): l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, ir-Renju Unit;

    dawk il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li jagħmlu parti mill-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE): l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja;

    pajjiżi kandidati li għalihom tkun ġiet stabbilita strateġija ta’ qabel l-adeżjoni, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fil-ftehimiet ta’ qafas konklużi ma’ dawn il-pajjiżi bil-għan tal-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi tal-UE: it-Turkija.

    Il-proġetti għandhom jinvolvu msieħba minn mill-inqas żewġ (2) Pajjiżi differenti tal-Programm (inkluża l-organizzazzjoni applikanta), li mill-inqas wieħed (1) minnhom għandu jkun Stat Membru tal-UE.

    Din is-sejħa għal proposti hija miftuħa għal organizzazzjonijiet privati li joperaw fil-qasam tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, diment li dawn l-organizzazzjonijiet jieħdu sehem fil-proġett fuq bażi ta’ nuqqas ta’ profitt. Huwa mifhum li dawn l-entitajiet privati jistgħu jieħdu sehem biss bħala ko-benefiċjarji (imsieħba) f’din is-sejħa għal proposti u ma jistgħux jissottomettu applikazzjonijiet bħala koordinaturi (applikanti).

    3.   Azzjonijiet u proposti eliġibbli

    Il-proġett għandu jinkludi attivitajiet ta’ natura li ma għandhomx l-għan li jagħmlu profitt u li huma relatati mal-qasam taż-żgħażagħ u l-edukazzjoni mhux formali.

    Il-proġetti għandhom jibdew bejn l-1 ta’ Jannar 2011 u l-31 ta’ Marzu 2011. Dawn għandu jkollhom perjodu minimu ta’ 12-il xahar u perjodu massimu ta’ 18-il xahar.

    Sejrin jiġu kkunsidrati biss dawk il-proposti ttajpjati li jiġu sottomessi f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE, bl-użu tal-formola tal-applikazzjoni uffiċjali, mimlija kollha, u mibgħuta sad-data tal-iskadenza speċifikata (10 ta’ Settembru 2010). L-applikazzjoni għandha tintbagħat f’pakkett wieħed uniku u bħala kopja waħda (id-dokument oriġinali). Din għandha tkun iddatata u ffirmata (il-firem oriġinali meħtieġa) mill-persuna awtorizzata biex tidħol f’impenji legalment vinkolanti f’isem l-organizzazzjoni applikanta.

    Il-formola tal-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn ittra uffiċjali mill-organizzazzjoni applikanta, dokumenti li jattestaw il-kapaċità finanzjarja u operattiva tagħha, u d-dokumenti l-oħrajn kollha msemmija fil-formola tal-applikazzjoni.

    L-applikanti għandhom jissottomettu baġit li jkun bilanċjat f’termini ta’ nfiq u dħul u għandhom jikkonformaw mal-ogħla limitu ta’ kofinanzjament tal-Komunità, li huwa stabbilit għal 80 % tal-ispejjeż eliġibbli totali tal-proġett, u mal-ammont massimu tal-għotja stabbilit għal EUR 100 000.

    4.   Il-kriterji tal-għoti

    L-applikazzjonijiet eliġibbli sejrin jiġu evalwati fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:

    Kriterji kwalitattivi

    Il-kriterji kwalitattivi sejrin jirrappreżentaw 80 % tal-punti disponibbli fi ħdan il-proċedura ta’ evalwazzjoni (koeffiċjent 4).

    —   Ir-rilevanza tal-proġett fir-rigward tal-objettivi u l-prijoritajiet tas-sejħa (30 %)

    F’dan ir-rigward, sejrin jiġu evalwati l-aspetti li ġejjin:

    (a)

    il-proġett jissodisfa l-objettivi ġenerali tal-Programm “Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni”;

    (b)

    il-proġett jissodisfa l-objettivi u l-prijoritajiet ta’ din is-sejħa għal proposti.

    —   Il-kwalità tal-proġett u tal-metodi ta’ ħidma li jinkludi (50 %)

    F’dan ir-rigward, sejrin jiġu evalwati l-aspetti li ġejjin:

    (a)

    l-iskop tal-proġett; fi kliem ieħor, l-effett multiplikatur tiegħu u, b’mod partikolari, l-impatt sostenibbli tiegħu, kif ukoll il-vijabbiltà fit-tul tiegħu;

    (b)

    il-kwalità għolja tal-programm ta’ ħidma f’termini tal-kontenut u l-metodoloġija, iċ-ċarezza u l-konsistenza tiegħu;

    (c)

    il-karattru transnazzjonali u multilingwali tal-attivitajiet u l-prodotti żviluppati;

    (d)

    l-involviment attiv taż-żgħażagħ fil-proġett;

    (e)

    il-viżibilità tal-proġett u l-kwalità tal-miżuri mmirati lejn it-tixrid u l-isfruttar tar-riżultati tal-proġetti;

    (f)

    il-kwalità tal-isħubija, u b’mod partikolari ċ-ċarezza tal-kompiti, deskrizzjoni tal-irwol attwali tal-imsieħba fil-kooperazzjoni, kif ukoll l-esperjenza u l-motivazzjoni tal-imsieħba biex jistabbilixxu l-proġett;

    (g)

    il-konsistenza tal-baġit mal-attivitajiet ippjanati fil-programm ta’ ħidma.

    Kriterji kwantitattivi

    Il-kriterji kwantitattivi sejrin jirrappreżentaw 20 % tal-punti disponibbli fi ħdan il-proċedura ta’ evalwazzjoni (koeffiċjent 1).

    —   Il-profil u n-numru ta’ parteċipanti u ta’ promoturi involuti fil-proġett (20 %)

    (a)

    in-numru ta’ msieħba involuti fil-proġett u n-numru ta’ pajjiżi koperti mis-sħubija;

    (b)

    in-numru ta’ żgħażagħ u ħaddiema żgħażagħ involuti direttament fil-proġett.

    5.   Baġit

    Il-baġit totali allokat għall-kofinanzjament tal-proġetti taħt din is-sejħa għal proposti huwa stmat għal EUR 1 000 000.

    L-assistenza finanzjarja mill-Aġenzija ma għandhiex tingħata għal aktar minn 80 % tal-ispejjeż eliġibbli totali ta’ proġett. L-għotja massima ma għandhiex taqbeż l-ammont ta’ EUR 100 000.

    L-Aġenzija żżomm id-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.

    6.   Skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet

    L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu mhux aktar tard mill-10 ta’ Settembru 2010 fl-indirizz li ġej:

    L-Aġenzija Eżekuttiva tal-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura

    Il-programm “Iż-Żgħażagħ fl-azzjoni” – EACEA/12/10

    BOUR 4/029

    Avenue du Bourget 1

    1140 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    bil-posta, bid-data skont it-timbru tal-posta,

    permezz ta’ kumpanija b’servizz ta’ kurrier express, bid-data tal-irċevuta mill-kumpanija b’servizz ta’ kurrier li tittieħed bħala prova tal-postaġġ (kopja tal-irċevuta oriġinali bid-data tad-depożitar għandha tkun inkluża fil-formola tal-applikazzjoni).

    L-applikazzjonijiet li jintbagħtu b’fax jew b’e-mail ma jiġux aċċettati.

    7.   Informazzjoni addizzjonali

    Il-Linji Gwida dettaljati tal-Applikanti u l-formoli tal-applikazzjoni jistgħu jinstabu fuq l-Internet fl-indirizz li ġej: http://eacea.ec.europa.eu/youth/funding/2010/call_action_4_5_en.php

    L-applikazzjonijiet għall-għoti għandhom jużaw il-formola tal-applikazzjoni mfassla speċifikament għal dan il-għan u għandhom jinkludu l-annessi u l-informazzjoni kollha meħtieġa.


    (1)  Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq: http://www.undp.org/mdg/basics.shtml

    (2)  Persuni minn pajjiżi u territorji barranin u, jekk applikabbli, istituzzjonijiet pubbliċi jew privati bbażati hemmhekk, huma eliġibbli taħt il-Programm “Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni”, jiddependi fuq ir-regoli tal-programm u dawk li huma applikabbli fl-Istat Membru li miegħu huma konnessi. Lista ta’ dawn il-pajjiżi u territorji tingħata fl-Anness 1A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta’ Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Komunità Ewropea (“Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni tal-Pajjiżi Barranin” - “Overseas Association Decision”) ĠU L 314, 30.11.2001: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:2001D0822:20011202:EN:PDF


    Góra