Wybierz funkcje eksperymentalne, które chcesz wypróbować

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 32010A0603(03)

    Opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' Konverġenza aġġornat tar-Rumanija, 2009-2012

    ĠU C 144, 3.6.2010, str. 12—16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Status prawny dokumentu Obowiązujące

    3.6.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 144/12


    OPINJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-programm ta' Konverġenza aġġornat tar-Rumanija, 2009-2012

    2010/C 144/03

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

    Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    TA DIN L-OPINJONI:

    (1)

    Fis-26 ta’ April 2010 l-Kunsill eżamina l-programm ta’ konverġenza aġġornat tar-Rumanija, li jkopri l-perijodu mill-2009 sal-2012.

    (2)

    B'rata ta' tkabbir annwali medja ta' 6,8 % tal-PDG bejn l-2004 u l-2008, ir-Rumanija kienet waħda mill-Istati Membri bl-iktar tkabbir rapidu. It-tkabbir kien ir-riżultat ta' qabża fid-domanda domestika kemm għall-konsum kif ukoll għall-investiment, li kienet xprunata minn tisħiħ finanzjarju rapidu, dħul kbir ta' kapital u aspettattivi ta' dħul ikbar li maż-żmien baqgħu jiżdiedu b'ritmu sod. Dan, flimkien ma' inflazzjoni għolja tal-pagi, wassal għaż-żieda f'daqqa fl-iżbilanċ tal-kontijiet kurrenti għal 12,3 % tal-PDG fl-2008. Barra minn hekk, snin ta' linji politiċi baġitarji pro-ċikliċi wasslu għal deterjorament mdaqqas fil-pożizzjoni fiskali sottostanti, bi żbilanċ strutturali (jiġifieri l-bilanċ ċikliku nett aġġustat ta’ miżuri ta’ darba u oħrajn temporanji) li jitla' għal 8,5 % tal-PDG fl-2008. Iż-żieda f'daqqa fil-biża’ mit-teħid tar-riskji matul il-kriżi finanzjarja ġiegħlet lis-swieq jitħassbu aktar dwar dawn l-iżbilanċi. L-influssi ta' kapital niżlu u l-pressjonijiet fuq ir-rata tal-kambju żdiedu, u wasslu għal deprezzament kumulattiv ta' madwar 30 % tal-leu meta mqabbla mal-euro bejn Awwissu 2007 u Jannar 2009. In-niżla fl-influssi ta' kapital, l-effetti tal-karta tal-bilanċ tad-deprezzament tal-munita u n-niżla f'daqqa fid-domanda għall-esportazzjonijiet wasslu għal riċessjoni kbira lejn l-aħħar tal-2008 u l-ewwel nofs tal-2009, li ġie rifless fit-tnaqqis ta' 7,1 % tal-PDG fl-2009. Il-Bank Nazzjonali tar-Rumanija naqqas ir-rata ewlenija tiegħu b'total ta' 325 punt bażi għal 7,0 % bejn Frar 2009 u Frar 2010. L-iżbilanċ tal-kont kurrenti laħaq kważi 4,25 % tal-PDG fl-2009.

    (3)

    Minħabba t-tensjonijiet li ġġeneraw dawn l-iżviluppi, l-awtoritajiet iddeċidew li jfittxu appoġġ finanzjarju (2) estern filwaqt li jimplimentaw programm komprensiv tal-poltika ekonomika immirat mhux biss lejn in-nuqqas ta' bilanċi fiskali u esterni msemmija hawn fuq, iżda wkoll lejn ir-restrizzjonijiet strutturali li jillimitaw il-kompetittività u l-progress f'termini ta' konverġenza reali. Minħabba l-pożizzjoni fiskali tal-pajjiż li kull ma tmur dejjem qed tiħżien, fis-7 ta' Lulju 2009, il-Kunsill iddeċieda li jeżisti żbilanċ eċċessiv fir-Rumanija u rrakkomanda li jiġi kkoreġut sal-2011. Fis-16 ta' Frar 2010, il-Kunsill ikkonkluda li r-Rumanija ħadet azzjoni effettiva biex tikkoreġi l-iżbilanċ eċċessiv u, minħabba li l-attività ekonomika fl-2009 ħadet daqqa 'l isfel iktar ħarxa milli kien mistenni, estenda l-iskadenza għall-korrezzjoni sal-2012.

    (4)

    Għalkemm il-biċċa l-kbira mid-deterjorament fil-PDG assoċjat mal-kriżi ekonomika u finanzjarja huwa ċikliku, il-livell fil-produzzjoni potenzjali ġie wkoll affettwat b'mod negattiv. Barra minn hekk, il-kriżi tista’ taffettwa wkoll it-tkabbir potenzjali fuq il-medda medja ta' żmien minħabba inqas investimenti, restrizzjonijiet fuq id-disponibbiltà ta' kreditu u żieda fil-qgħad strutturali. Barra minn hekk, l-impatt tal-kriżi ekonomika ser ikompli jaggrava l-effetti negattivi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq il-produzzjoni potenzjali u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. F’dan il-kuntest ser ikun essenzjali li jitħaffef il-pass tar-riformi strutturali bil-għan li jiġi sostnut it-tkabbir potenzjali, li għandu jgħin ukoll biex il-finanzi pubbliċi jerġgħu jkunu sostenibbli bħal qabel. B'mod partikolari, għar-Rumanija, huwa importanti li tadotta u timplimenta l-abbozz tar-riforma tal-pensjoni kif ukoll ir-riformi tal-governanza fiskali u strutturali previsti fil-programm ta' għajnuna għall-bilanċ tal-pagamenti. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu miżuri konkreti biex jitħaffef ir-ritmu tal-assorbiment tal-Fondi Strutturali tal-UE, għaliex dan jkun jista' jippermetti żieda fl-investiment għat-tkabbir fit-tul mingħajr ma jipperikola l-ksib tal-miri maqbula tal-iżbilanċ tal-baġit.

    (5)

    Ix-xenarju makroekonomiku sottostanti tal-programm jipprevedi li t-tkabbir reali tal-PDG għandu jsir wieħed pożittiv fl-2010 (1,3 %) u gradwalment jaċċellera għal 3,7 % sal-2012. Dan ix-xenarju, meta jiġi vvalutat bl-informazzjoni disponibbli bħalissa u b'mod partikolari bir-riżultati agħar milli mistennija tal-aħħar kwart tal-2009, jidher li huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet ta' tkabbir kemxejn favorevoli għall-2010. Ix-xenarju makroekonomiku għall-2011-2012 jidher li huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet plawżibbli ta' tkabbir. Barra minn hekk, l-iżbilanċi esterni u fiskali li kkontribwew għas-severità tar-riċessjoni fir-Rumanija huma mistennija li jkomplu jxolju rwieħhom. Madankollu, il-projezzjonijiet tal-programm għall-inflazzjoni (3,7 % fl-2010, 3,2 % fl-2011 u 2,8 % fl-2012) jidhru li huma kemxejn baxxi meta wieħed iqis l-iżviluppi pproġettati fit-tkabbir tal-pagi u tal-produttività tax-xogħol, l-irkupru riċenti fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija, u iktar żidiet possibbli fil-prezzijiet amministrati. Min-naħa l-oħra, il-pressjonijiet inflazzjonarji jistgħu jiġu kkumpensati bil-possibbiltà ta' tisħiħ tal-leu meta mqabbel mal-euro. It-tnaqqis mistenni fir-rata tal-qgħad minn 8,4 % fl-2009 sa 7,7 % fl-2010 jidher kemxejn diffiċli biex jintlaħaq f'dan l-istadju bikri tal-irkupru ekonomiku.

    (6)

    Il-programm jistma li l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern fl-2009 kien ta' 8 % tal-PDG, li huwa kemxejn 'il fuq mill-mira (7,8 %) minħabba żieda fil-ħlasijiet arretrati tal-gvern. Id-deterjorament sinifikanti minn 5,5 % tal-iżbilanċ tal-PDG irreġistrat fl-2008 jirrifletti sew l-impatt tal-kriżi fuq il-finanzi tal-gvern. Id-deterjorament tal-iżbilanċ kien dovut prinċipalment għal nuqqas fid-dħul, bl-ikbar nuqqasijiet osservati fl-irċevuti tal-VAT u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Barra minn hekk, l-assorbiment tal-fondi tal-UE u tad-dħul li mhux ġej mit-taxxa kien inqas milli mistenni. Mil-lat tal-infiq, fl-2009, il-gvern għamel sforz ta' konsolidazzjoni fiskali sostanzjali biex irażżan iż-żieda fl-iżbilanċ. Il-miżuri inkorporaw ir-ristrutturar tal-aġenziji tal-istat u tnaqqis fl-infiq tal-prodotti u s-servizzi. Madankollu, l-impatt ta' dawn il-miżuri kien inqas minn dak ibbaġitjat fil-bidu tas-sena. B'riżultat ta' dan, kellhom jittieħdu miżuri addizzjonali, bħall-obbligu għall-ħaddiema fis-settur pubbliku biex jieħdu għaxart ijiem ta' liv bla ħlas. Dawn il-miżuri rriżultaw f'titjib ta' 1 % tal-PDG fil-bilanċ strutturali tal-2009. Minħabba r-restrizzjonijiet baġitarji iebsa, l-impatt baġitarju stmat tal-miżuri ta' stimolu adottati skont il-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku (PERE) kien limitat, u ammonta għal 0,2 % tal-PDG kemm fl-2009 kif ukoll fl-2010. F'konformità mal-istrateġija ta' ħruġ rrakkomandata mill-Kunsill, u bil-ħsieb li jiġi kkoreġut l-iżbilanċ eċċessiv sal-2012, il-linji politiċi mmirati għall-konsolidazzjoni fiskali huma ppjanati biex ikomplu fis-snin li ġejjin.

    (7)

    Il-baġit tal-2010 adottat mill-Parlament f'Jannar 2010 jimmira għal żbilanċ ta' 6,3 % tal-PDG. F’konformità mal-kondizzjonijiet ta’ politika skont il-programm ta’ għajnuna għall-bilanċ tal-pagamenti, l-aġġustament ippjanat huwa prinċipalment immexxi min-nefqa: il-miżuri jimplikaw tnaqqis fl-infiq ta' madwar 2,2 % tal-PDG. It-tnaqqis tal-infiq ewlieni huwa: l-iffriżar tal-pagi tas-settur pubbliku u t-tnaqqis fl-impjieg tas-settur pubbliku li jikkontribwixxu għal tnaqqis ta' 0,8 % tal-PDG mill-kont tal-pagi pubbliċi; t-tnaqqis fl-infiq pubbliku fuq prodotti u servizzi li jikkontribwixxi għal tnaqqis ta' 0,5 % tal-PDG fil-konsum intermedjarju mis-settur tal-gvern ġenerali; l-iffriżar tal-pensjonijiet, li jikkontribwixxi għal tnaqqis ta' 0,8 % tal-PDG fi ħlasijiet soċjali; u tnaqqis fis-sussidji ekwivalenti għal 0,2 % tal-PDG. L-impatt ta' dawn il-miżuri huwa parzjalment ikkumpensat b'żidiet ta' infiq f'setturi oħra li jwasslu għal tnaqqis nett tal-proporzjon tal-infiq primarju b'1.3 punti perċentwali tal-PDG. B'mod partikolari, l-infiq fl-investiment għandu jiżdied b'0,2 % tal-PDG, ukoll minħabba ż-żieda ppjanata fl-użu tal-fondi strutturali tal-UE. Il-proporzjon tad-dħul tal-gvern tal-PDG għandu jiżdied b'madwar 0,6 punti perċentwali tal-PDG, inkluż id-dħul (ta' darba) mir-rimborż tal-arretrati tat-taxxi (il-bond Rompetrol) b'valur ta' 0,5 % tal-PDG. Il-ksib tat-tnaqqis nett tal-infiq u ż-żidiet tad-dħul deskritti hawn fuq jimplikaw 1,7 % tat-titjib fil-PDG tal-bilanċ tal-gvern ġenerali fl-2010 (meta titqies żieda fil-ħlasijiet tal-imgħax ta' 0,3 % tal-PDG matul is-sena preċedenti). Jekk titqies iż-żieda fid-differenza bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali, din tikkorrispondi għal titjib notevoli fil-bilanċ strutturali, ta' 2,25 % tal-PDG (kif ikkalkulat mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni skont il-metodoloġija bi ftehim komuni abbażi tal-informazzjoni provduta fil-programm).

    (8)

    L-għan ewlieni tal-istrateġija għal medda medja ta' żmien fil-programm ta' konverġenza huwa li l-iżbilanċ jinżel għal inqas mill-valur referenzjali ta' 3 % tal-PDG sal-2012, f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tas-16 ta' Frar 2010. Il-programm jistabbilixxi pjan gradwali biex iniżżel l-iżbilanċ nominali minn 6,3 % tal-PDG fl-2010 għal 4,4 % tal-PDG fl-2011 u 3,0 % tal-PDG fl-2012. Il-bilanċ primarju jsegwi direzzjoni simili. Il-bilanċ strutturali (kkalkulat mill-ġdid) juri aġġustament iktar ikkonċentrat fil-bidu tal-perijodu. Skont il-programm, l-isforz fiskali medju annwali fis-snin 2010-2012 għandu jammonta għal madwar 1,75 % tal-PDG, li jikkonforma mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont il-Proċedura ta' Żbilanċ Eċċessiv. Fil-biċċa l-kbira tiegħu, l-aġġustament huwa bbażat fuq l-infiq, bl-infiq primarju mistenni li jinżel gradwalment minn 37,6 % tal-PDG fl-2009 għal 33,3 % tal-PDG fl-2012. Id-dħul tal-gvern huwa pproġettat li jiżdied minn 31,1 % tal-PDG fl-2009 għal 31,7 % tal-PDG fl-2010 u li jistabbilizza ruħu minn hemm 'il quddiem. Il-miżuri strutturali ta' konsolidazzjoni meħuda biex jilħqu l-mira baġitarja tal-2010 ser jiffaċilitaw ukoll il-ksib tal-miri fiskali tal-2011 u l-2012. Kif ikkomunikat mill-awtoritajiet, l-għan fil-medda medja ta' żmien (Medium Term Objective - MTO) għar-Rumanija huwa żbilanċ strutturali ta' 0,7 % tal-PDG. Fid-dawl tal-projezzjonijiet u l-livell tad-dejn, l-MTO jirrifletti l-għanijiet tal-Patt. Madankollu, il-programm ma jipprevedix li l-MTO jinkiseb fi żmien il-perijodu tal-programm.

    (9)

    Ir-riżultat tal-iżbilanċ għall-2010 jista' jkun agħar minn dak ipproġettat fil-programm minħabba li xi miżuri mmirati li jnaqqsu l-infiq, bħat-tnaqqis fl-impjiegi pubbliċi, huma diffiċli biex jitwettqu soċjalment u politikament. Barra minn hekk, jista' jkun diffiċli li jinġabar id-dħul ta' darba mir-rimborż tal-bond tar-Rompetrol, li huwa stmat li jdaħħal dħul addizzjonali ekwivalenti għal 0,5 % tal-PDG. Madankollu, il-Gvern Rumen ikkommetta ruħu fil-qafas tal-programm ta' għajnuna għall-bilanċ tal-pagamenti li jimplimenta miżuri addizzjonali fil-każ li dawk li attwalment hemm ftehim fuqhom ma jfaddlux biżżejjed biex tintlaħaq il-mira għall-iżbilanċ baġitarju għal din is-sena. Bl-istess mod, jista' ma jkunx faċli li jintlaħqu l-miri tal-programm fis-snin lil hinn mill-2010, partikolarment fid-dawl ta' impatt potenzjalment negattiv taċ-ċiklu tal-elezzjoni fuq il-finanzi pubbliċi. Riskju potenzjali ieħor fil-medda medja taż-żmien huwa l-akkumulazzjoni tal-arretrati mill-intrapriżi pubbliċi li jekk din ma tissolviex jista' jkollha konsegwenzi negattivi għall-baġit jekk il-gvern ikollu jintervjeni f'xi stadju. Finalment, il-programm ma jispeċifikax il-miżuri li għandhom jittieħdu biex iniżżlu l-iżbilanċ minn 6,3 % tal-PDG fl-2010 għal 3,0 % tal-PDG fl-2012. Din l-informazzjoni hija mistennija li tiġi inkluża fil-Qafas Baġitarju ta' Nofs it-Terminu (Medium-Term Budgetary Framework - MTBF) għall-2011-2013, li għandu jiġi adottat sa Mejju 2010.

    (10)

    Skont il-program ta' konverġenza, id-dejn gross tal-gvern huwa stmat li kien ta' 23 % tal-PDG fl-2009, li tela' mit-13,6 % tas-sena ta' qabel. Il-muturi ewlenin taż-żieda fil-proporzjon tad-dejn mal-PDG kienu ż-żieda f'daqqa tal-iżbilanċ, it-tnaqqis fil-PDG, iż-żieda fil-ħlasijiet tal-imgħax u l-effett tal-valutazzjoni ġej mid-deprezzament tar-rata tal-kambju. Filwaqt li baqa' sew taħt il-valur referenzjali tat-Trattat, il-proporzjon tad-dejn huwa pproġettat li jiżdied b'6,7 punti perċentwali oħra fuq il-perijodu tal-programm, għal 29,7 % tal-PDG fl-2012, l-biċċa l-kbira minnu ġej mill-iżbilanċi għolja tal-gvern. L-evoluzzjoni pproġettata tal-proporzjon tad-dejn tista' tkun inqas favorevoli jekk il-miri baġitarji ffissati fil-programm ma jintlaħqux.

    (11)

    Il-projezzjonijiet tad-dejn fil-medda medja taż-żmien sal-2020 jassumu li r-rati ta' tkabbir tal-PDG u l-proporzjonijiet tat-taxxa ser jirkupraw biss gradwalment għall-valuri proġettati qabel il-kriżi. Dan jimplika li l-istrategija bagitarja prevista fil-programm, meħuda fuq il-valur nominali u mingħajr l-ebda bidla fil-politika, mhijiex biżżejjed biex tistabbilizza l-proporzjon tad-dejn sal-2020.

    (12)

    L-impatt baġitarju fit-tul tat-tixjiħ jaqbeż b'mod ċar il-medja tal-UE, prinċipalment minħabba żieda kbira pproġettata fl-infiq għall-pensjonijiet. Kif ġie stmat fil-programm, il-pożizzjoni baġitarja fl-2009 tkompli tkabbar l-impatt baġitarju ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ fuq il-lakuna fis-sostenibbiltà. It-tnaqqis tal-iżbilanċ primarju fuq medda medja ta' żmien, kif previst fil-programm, u l-implimentazzjoni tal-abbozz tar-riforma tal-pensjoni maqbula flimkien mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali fil-kuntest tal-programm ta' assistenza tal-bilanċ tal-pagamenti għar-Rumanija, li huwa mmirat li jrażżan iż-żieda sostanzjali fl-infiq marbut mal-età, ser jikkontribwixxu biex jitnaqqsu r-riskji għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi li ġew ivvalutati bħala għolja fir-Rapport ta' Sostenibbiltà tal-Kummissjoni (3) tal-2009.

    (13)

    Bejn l-2004 u l-2008 meta kienet teżisti domanda qawwija, il-politika fiskali kienet proċiklika ħafna, u żiedet l-isbilanċi naxxenti mis-settur privat bir-riżultat li kien hemm aktar pressjoni fuq ekomomija diġà mgħobbija żżejjed. Dan kien il-biċċa l-kbira ġej minn qafas globali ta' governanza baġitarja dgħajfa, li rriżulta f'ippjanar u eżekuzzjoni baġitarji dgħajfa. Id-dħul mhux ippjanat tipikament intefaq permezz ta’ proċess ta’ rettifiki baġitarji kull sena u ma tħallew ftit li xejn riżervi għal żminijiet aktar diffiċli. In-nuqqas ta' kapaċità amministrattiva fl-ippjanar u l-eżekuzzjoni ta' proġetti ta' investiment pubbliku kkontribwixxa wkoll għal eżekuzzjoni insuffiċjenti rikorrenti ta' pjanijiet għall-infiq kapitali. L-awtoritajiet Rumeni, sabiex isaħħu l-qafas fiskali tagħhom, impenjaw ruħhom taħt il-programm tal-UE ta' għajnuna għall-bilanċ tal-pagamenti biex itejbu l-governanza fiskali. L-abbozz tal-Liġi ta' Responsabbiltà Fiskali ġie ppreżentat lill-Parlament għall-approvazzjoni. L-abbozz tal-liġi jistabbilixxi qafas baġitarju vinkolanti fil-medda medja ta' żmien, jistabbilixxi limiti fuq ir-reviżjonijiet tal-baġit matul is-sena, jintroduċi regoli fiskali sodi, u joħloq kunsill fiskali li jkun jipprovdi skrutinju indipendenti rigward kwistjonijiet ta' finanzi pubbliċi. Ġew stabbiliti d-dati tal-mira biex jitwaqqaf il-kunsill fiskali (l-aħħar ta' April) u biex jiġi ppreżentat il-Qafas Baġitarju ta' Nofs it-Terminu (MTBF) għall-2011-2013 (l-aħħar ta' Mejju).

    (14)

    Priorità u sfida ġenerali għall-Gvern hija li jtejjeb l-effiċjenza u l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika, kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f'dak lokali. L-analiżi tal-problemi, il-qafas tal-governanza fiskali, l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-baġit kif ukoll l-infurzar tal-linji politiċi qed jittejbu fil-kuntest tal-assistenza multilaterali mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. Madankollu, irid isir aktar progress sabiex jiġi evitat id-deterjorament tal-kwalità jew tal-aċċess għas-servizzi pubbliċi kif ukoll l-ambjent tan-negozju b'mod aktar ġenerali. Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi tal-prestazzjoni fil-ministeri individwali kif ukoll il-problemi sistemiċi li jeħtieġu approċċ fil-livell governattiv, dalwaqt ser tinbeda reviżjoni funzjonali dwar l-amministrazzjoni pubblika. Barra minn hekk, huma previsti miżuri speċifiċi biex tittejjeb l-effiċjenza tal-immaniġġjar tat-taxxa u biex jissaħħaħ il-kontroll tal-gvern ċentrali fuq l-infiq mill-awtoritajiet lokali u l-intrapriżi tal-istat. L-awtoritajiet adottaw pjan biex jitrattaw ix-xogħol mhux iddikjarat, li jiffoka fuq miżuri li jżidu l-effiċjenza tal-ispezzjoni tax-xogħol. L-awtoritajiet qed jaħdmu wkoll fuq it-titjib tal-effettività u l-effiċjenza tal-infiq fuq l-edukazzjoni pubblika u fuq ir-R&Ż. Finalment, il-Gvern beħsiebu jieħu miżuri konkreti biex iżid ir-rata baxxa tal-assorbiment tal-Fondi Strutturali tal-UE.

    (15)

    Kollox ma' kollox, l-istrateġija baġitarja għall-2010 stipulata fil-programm hija ġeneralment konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7). Minkejja dan, l-iżbilanċ tal-gvern jista' jirriżulta agħar milli pproġettat fl-2010 notevolment minħabba d-diffikulta politika u soċjali biex jitwettqu xi wħud mir-riformi previsti. Jekk dawn ir-riskji jimmaterjalizzaw, il-miżuri ta' kontinġenza li bħalissa qed jiġu mfassla mill-awtoritajiet ser jeħtieġ li jiġu implimentati. Mill-2011 'l hemm, filwaqt li jiġi meqjus in-nuqqas ta' miżuri speċifiċi ta' konsolidazzjoni fil-programm, l-istrateġija baġitarja tista' ma tkunx konsistenti għal kollox mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7). B'mod partikolari, il-programm ma jipprovdix dettalji dwar il-miżuri addizzjonali ta' konsolidazzjoni li jridu jittieħdu fl-2011 u l-2012 sabiex jintlaħqu l-miri fiskali. Tali informazzjoni hija mistennija dalwaqt fil-Qafas Baġitarju ta' Nofs it-Terminu (MTBF) għall-2011-2013, li għandu jiġi adottat sal-aħħar ta' Mejju 2010. Għall-perijodu inġenerali 2010-2012, ix-xenarju baġitarju fil-programm jimplika sforz annwali fiskali medju ta' 1,75 %, li jikkonforma mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7), iżda soġġett għall-istess riskji bħall-miri tal-baġit.

    (16)

    Fir-rigward tar-rekwiżiti għad-dejta speċifikati fil-kodiċi ta’ kondotta għal programmi ta’ stabbiltà u konverġenza, il-programm għandu xi lakuni fid-dejta fakultattiva (4). Barra minn hekk, is-suppożizzjonijiet bażiċi sottostanti tal-programm mhumiex ippreżentati f'tabella għaliha kif issuġġerit fil-kodiċi ta' kondotta. Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 126(7) tas-16 ta' Frar 2010 bil-ħsieb li tinkiseb il-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv sal-2012, il-Kunsill stieden ukoll lir-Rumanija biex tiddedika kapitolu separat fl-aġġornamenti tal-programm ta' konverġenza Rumen għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill. L-aġġornament attwali tal-programm jinkludi taqsima separata dwar l-applikazzjoni tal-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv fil-każ tar-Rumanija.

    Il-konklużjoni ġenerali hi li, skont kif jidher, il-pjan ta' konsolidazzjoni pproġettat fil-programm ta' konverġenza huwa adatt u konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE. Madankollu, l-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri ta' konsolidazzjoni prevista għall-2010 hija essenzjali biex tintlaħaq il-mira tal-iżbilanċ. Barra minn hekk, il-programm ma jispeċifikax biżżejjed il-miżuri ta' konsolidazzjoni li jridu jittieħdu fl-2011 u l-2012. Il-Gvern Rumen impenja ruħu li jieħu miżuri ta' kontinġenza, jekk meħtieġ, biex tintlaħaq il-mira tal-iżbilanċ stabbilita għall-2010. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tar-riformi tal-governanza fiskali li ġiet deċiża fil-kuntest tal-programm tal-UE tal-għajnuna għall-bilanċ tal-pagamenti għar-Rumanija għandha tgħin biex jintlaħqu l-miri għal-2011 u l-2012. Fl-aħħar nett, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-abbozz tar-riforma tal-pensjoni ser tkun kruċjali biex ittejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

    Fid-dawl tal-valutazzjoni ta’ hawn fuq u wkoll tar-rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE tas-16 ta’ Frar 2010 u minħabba l-ħtieġa li tkun żgurata konverġenza sostenibbli, ir-Rumanija hija mistiedna biex:

    (i)

    timplimenta rigorożament il-miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali għall-2010 miftiehma bħala parti mill-kuntest tal-programm ta' għajnuna għall-bilanċ tal-pagamenti u tieħu iktar azzjoni korrettiva, jekk ikun hemm il-ħtieġa, biex tintlaħaq il-mira tal-iżbilanċ tal-gvern ġenerali għall-2010. L-awtoritajiet Rumeni huma mistiedna wkoll jispeċifikaw, fil-kuntest tal-Qafas Baġitarju ta' Nofs it-Terminu li jrid jitħejja sal-aħħar ta' Mejju 2010, il-miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali meħtieġa biex jintlaħqu l-miri baġitarji tal-programm fl-2011 u l-2012;

    (ii)

    ittejjeb il-qafas fiskali billi tadotta u timplimenta l-liġi tar-responsabbiltà fiskali. B'mod partikolari, tqis l-analiżi tal-Kunsill Fiskali fit-tfassil u t-tmexxija tal-politika fiskali;

    (iii)

    tadotta u timplimenta l-abbozz tal-liġi dwar il-pensjonijiet li għandha tikkontribwixxi biex titjieb b'mod sinifikanti s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

    Tqabbil tal-projezzjonijiet makroekonomiċi u baġitarji ewlieni

     

    2008

    2009

    2010

    2011

    2012

    PDG Reali

    (bidla f’%)

    PK Marzu 2010

    7,3

    –7,0

    1,3

    2,4

    3,7

    COM Nov 2009

    6,2

    –8,0

    0,5

    2,6

    m.d.

    PK Ġunju 2009

    7,1

    –4,0

    0,1

    2,4

    m.d.

    Inflazzjoni HICP

    (%)

    PK Marzu 2010

    7,9

    5,6

    3,7

    3,2

    2,8

    COM Nov 2009

    7,9

    5,7

    3,5

    3,4

    m.d.

    PK Ġunju 2009

    7,9

    5,8

    3,5

    3,2

    m.d.

    Differenza fil-produzzjoni reali u potenzjali (5)

    (% tal-PDG potenzjali)

    PK Marzu 2010

    9,5

    –1,7

    –3,3

    –3,7

    –2,7

    COM Nov 2009 (6)

    10,0

    –2,2

    –4,4

    –4,3

    m.d.

    PK Ġunju 2009

    8,7

    0,5

    –2,5

    –2,9

    m.d.

    Tislif/self nett fir-rigward tal-bqija tad-dinja

    (% tal-PDG)

    PK Marzu 2010

    –11,2

    –3,9

    –3,9

    –3,9

    –3,7

    COM Nov 2009

    –11,8

    –5,0

    –5,1

    –5,2

    m.d.

    PK Ġunju 2009

    –11,9

    –6,3

    –5,4

    –5,2

    m.d.

    Dħul tal-gvern ġenerali

    (% tal-PDG)

    PK Marzu 2010

    32,8

    31,1

    31,7

    31,9

    31,8

    COM Nov 2009

    32,8

    31,6

    31,8

    32,0

    m.d.

    PK Ġunju 2009

    33,1

    33,2

    33,7

    34,2

    m.d.

    Nefqa tal-gvern ġenerali

    (% tal-PDG)

    PK Marzu 2010

    38,4

    39,1

    38,1

    36,4

    34,8

    COM Nov 2009

    38,4

    39,4

    38,6

    37,9

    m.d.

    PK Ġunju 2009

    38,5

    38,3

    37,8

    37,0

    m.d.

    Bilanċ tal-gvern ġenerali

    (% tal-PDG)

    PK Marzu 2010

    –5,5

    –8,0

    –6,3

    –4,4

    –3,0

    COM Nov 2009

    –5,5

    –7,8

    –6,8

    –5,9

    m.d.

    PK Ġunju 2009

    –5,4

    –5,1

    –4,1

    –2,9

    m.d.

    Bilanċ primarju

    (% tal-PDG)

    PK Marzu 2010

    –4,8

    –6,5

    –4,5

    –2,6

    –1,6

    COM Nov 2009

    –4,8

    –6,2

    –5,0

    –3,9

    m.d.

    PK Ġunju 2009

    –4,7

    –3,6

    –2,4

    –1,4

    m.d.

    Bilanċ aġġustat ċiklikament (5)

    (% tal-PDG)

    PK Marzu 2010

    –8,5

    –7,5

    –5,2

    –3,2

    –2,1

    COM Nov 2009

    –8,5

    –7,1

    –5,5

    –4,6

    m.d.

    PK Ġunju 2009

    –8,2

    –5,3

    –3,3

    –2,0

    m.d.

    Bilanċ strutturali (7)

    (% tal-PDG)

    PK Marzu 2010

    –8,5

    –7,5

    –5,2

    –3,2

    –2,1

    COM Nov 2009

    –8,5

    –7,1

    –5,5

    –4,6

    m.d.

    PK Ġunju 2009

    –8,2

    –5,3

    –3,3

    –2,0

    m.d.

    Dejn gross tal-gvern

    (% tal-PDG)

    PK Marzu 2010

    13,6

    23,0

    28,3

    29,4

    29,7

    COM Nov 2009

    13,6

    21,8

    27,4

    31,3

    m.d.

    PK Ġunju 2009

    13,6

    18,0

    20,8

    22,0

    m.d.

    Programm ta' konverġenza (PK); It-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2009 (COM); Il-kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. Id-dokumenti msemmija f'dan it-test jinsabu fuq il-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/economy_finance/sgp/index_en.htm

    (2)  Fuq sfond ta' stress finanzjarju dejjem jiżdied, fis-6 ta' Mejju 2009, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2009/459/KE biex ir-Rumanija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha self finanzjarju fuq medda medja ta' żmien li jlaħħaq għal EUR 5 biljun skont il-faċilità tal-bilanċ tal-pagamenti (BoP) għall-Istati Membri. B’mod parallel mal-għajnuna tal-UE, se jiġi pprovdut self lir-Rumanija mill-FMI (EUR 13-il biljun), mill-Bank Dinji (EUR 1 biljun), mill-BEI u mill-BERŻ (EUR 1 biljun).

    (3)  Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Novembru 2009 dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi “l-Kunsill jappella lill-Istati Membri biex jiffokaw l-attenzjoni fuq strateġiji orjentati lejn is-sostenibbiltà fil-programmi ta' stabbiltà u konverġenza li ġejjin” u jkompli billi “jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Kumitat għall-Politika Ekonomika u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, biex jiġu żviluppati ulterjorment metodoloġiji għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq medda twila ta' żmien fil-ħin għar-rapport ta' Sostenibbiltà li jmiss,” li huwa previst fl-2012.

    (4)  B'mod partikolari, id-dejta dwar l-impjiegi f'termini ta' sigħat maħdumin u l-infiq tal-gvern ġenerali skont il-funzjoni mhijiex provduta.

    (5)  Lakuni fil-produzzjoni u bilanċi aġġustati ċiklikament skont il-programmi kif ikkalkulati mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni fuq il-bażi tat-tagħrif fil-programmi.

    (6)  2 Ibbażat fuq it-tkabbir potenzjali stmat ta’ 5,1 %, 3,4 %, 2,9 % u 2,5 % rispettivament fil-perijodu 2008-2011

    (7)  Bilanċ aġġustat ċiklikament bl-esklużjoni ta' miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħrajn.

    Sors:

    Programm ta' konverġenza (PK); It-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2009 (COM); Il-kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.


    Góra