Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010A0529(03)

    Opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ stabbiltà aġġornat tal-Ġermanja, 2009-2013

    ĠU C 140, 29.5.2010, p. 12–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    29.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 140/12


    OPINJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-programm ta’ stabbiltà aġġornat tal-Ġermanja, 2009-2013

    2010/C 140/03

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

    Wara li kkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    TA DIN L-OPINJONI:

    (1)

    Fis-26 ta' April 2010 il-Kunsill eżamina l-programm ta' stabbiltà aġġornat tal-Ġermanja, li jkopri l-perjodu mill-2009 sal-2013.

    (2)

    Wara kontrazzjoni qawwija xprunata mill-esportazzjoni fil-bidu tal-2008/09, il-PDG reali reġa’ tela’ sew f'nofs l-2009, bis-saħħa tal-linji ta' politika espansjonarji u żieda fid-domanda estera. Madankollu, telf mill-ġdid tal-momentum lejn tmiem l-2009, issottolinja l-fraġilità tal-irkupru ekonomiku attwali. Filwaqt li s-suq tal-ħaddiema s'issa baqa’ b'saħħtu, b'riflessjoni tal-arranġamenti parzjalment iffinanzjati mill-gvernijiet dwar xogħol b'ħinijiet iqsar, is-settur bankarju ġarrab telf konsiderevoli kif ukoll telf komplet fil-valuri mill-investimenti f'assi strutturati.

    Minħabba l-miżuri fiskali ta’ stimolu mdaqqsa (fl-2009 u l-2010) adottati b'konformità mal-Pjan Ewropew ta’ Rilanċ Ekonomiku (PERE) kif ukoll tnaqqis fid-dħul u nefqa akbar marbutin mal-kriżi, il-baġit tal-amministrazzjoni pubblika qaleb minn pożizzjoni bilanċjata fl-2008 għal żbilanċ ta’ aktar minn 3 % tal-PDG fl-2009. Dawn l-iżviluppi wasslu għall-ftuħ tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv għall-Ġermanja fit-2 ta’ Diċembru 2009 fejn il-Kunsill stipula l-iskadenza tal-2013 għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv. Filwaqt li fit-terminu medju ta’ żmien l-irkupru għandu jkun appoġġat mir-riformi strutturali tal-imgħoddi, notevolment fis-suq tax-xogħol, karti tal-bilanċi sodi korporattivi jew tal-entitajiet domestiċi u pożizzjoni kompetittiva f'saħħitha, sfida ewlenija ser tkun li jiżdied it-tkabbir potenzjali, partikolarment bit-tisħiħ tas-sorsi interni tat-tkabbir. It-tgħaqqid tal-konsolidazzjoni fiskali neċessarja mal-istabilizzazzjoni tas-settur bankarju, l-iżgurar tal-aċċess għall-finanzi mis-settur nonfinanzjarju u aktar titjib fil-kapaċità tas-suq tal-ħaddiema li jaġġusta ruħu, ser ikunu elementi kruċjali biex jappoġġaw l-irkupru ekonomiku.

    (3)

    Minkejja li ħafna mit-tnaqqis osservat fil-PDG attwali fil-kuntest tal-kriżi huwa ċikliku, il-livell tal-produzzjoni potenzjali wkoll kien affettwat b'mod negattiv. Barra minn hekk, il-kriżi tista’ wkoll taffettwa t-tkabbir potenzjali fit-terminu medju ta’ żmien permezz ta’ anqas investiment, limiti ta’ disponibbiltà ta’ kreditu u żieda fil-qgħad strutturali. Barra minn hekk, l-impatt tal-kriżi ekonomika ser jaggrava l-effetti negattivi tax-xjuħija demografika fuq il-prodott potenzjali u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. F'dan l-isfond ser ikun essenzjali li l-pass tar-riformi strutturali jaċċellera bl-għan li jappoġġa t-tkabbir potenzjali. Partikolarment, għall-Ġermanja huwa importanti li tagħmel riformi fl-oqsma tal-kompetizzjoni fis-servizzi, l-integrazzjoni tas-suq tal-ħaddiema u l-edukazzjoni u t-taħriġ.

    (4)

    Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu jibbaża l-programm jipprevedi li wara waqgħa ta’ 5 % fl-2009, it-tkabbir fil-PDG reali ser jiġi rrestawrat, u jitla’ minn 1,4 % fl-2010 għal rata medja ta’ 2 % matul il-bqija tal-perijodu tal-programm. Meta jiġi vvalutat skont l-informazzjoni disponibbli bħalissa (2), dan ix-xenarju jidher li huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet ta’ tkabbir pjuttost favorevoli. Il-previżjonijiet tat-tkabbir fil-PDG reali kemm għall-2010 kif ukoll għall-2011 huma kemmxejn ogħla mill-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2009. Barra minn hekk, il-programm jipprevedi espansjoni kemmxejn akbar tal-konsum privat fl-2011, appoġġata minn xejra aktar favorevoli għall-impjiegi, il-qgħad u ż-żieda fil-pagi. Il-previżjonijiet tal-programm għall-inflazzjoni jistgħu jirriżultaw li jkunu għoljin għall-2011, iżda jidhru li huma realistiċi għall-bqija tal-perijodu tal-programm.

    (5)

    Il-programm jistma li l-iżbilanċ tal-amministrazzjoni pubblika għall-2009 jkun ta’ 3,2 % tal-PDG. Id-deterjorazzjoni sinifikanti minn pożizzjoni baġitarja bilanċjata fl-2008 tirrifletti fil-parti l-kbira tagħha l-impatt tal-istabbilizzaturi awtomatiċi, imma kienet ikkawżata wkoll minn miżuri ta stimolu li jammontaw għal madwar 1,75 % tal-PDG li l-gvern adotta b'konformità mal-PERE. It-tkabbir tal-iżbilanċ kien dovut prinċipalment għan-nefqa minħabba ż-żieda fit-trasferimenti soċjali, investiment pubbliku ogħla u sussidju b'appoġġ għax-xogħol b'ħinijiet iqsar. Skont il-programm, il-politika fiskali hija ppjanata li tibqa’ ta’ appoġġ fl-2010 qabel ma ssir restrittiva fl-aħħar snin tal-programm. Fid-dawl tas-sitwazzjoni baġitarja u ekonomika relattivament favorevoli tal-Ġermanja, l-espansjoni fiskali kontinwa fl-2010 hija adegwata u b'konformità mal-PERE. F'konformità mal-istrateġija ta’ ħruġ sostnuta mill-Kunsill u bil-ħsieb li jiġi kkoreġut l-iżbilanċ eċċessiv sal-2013 u tiġi rrestawrata pożizzjoni sostenibbli fil-finanzi pubbliċi, il-pożizzjoni fiskali espansjonarja fl-2009 u l-2010 hija segwita b'issikkar fiskali konsiderevoli mill-2011 'il quddiem.

    (6)

    Skont il-programm, l-iżbilanċ nominali tal-amministrazzjoni pubblika ser jiżdied minn 3,2 % tal-PDG fl-2009 għal 5,5 % fl-2010, u dan b'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-2 ta’ Diċembru 2009. It-twessigħ ulterjuri l-iżbilanċ fl-2010 huwa xprunat l-aktar mill-miżuri fiskali ta’ stimolu u l-impatt tal-istabilizzaturi awtomatiċi. Id-dħul tal-amministrazzjoni pubblika huwa previst li jiċkien bi kważi 2 % tal-PDG dovuti għal miżuri ta’ għajnuna lill-entitajiet domestiċi (bħat-tnaqqis mit-taxxa tal-kontribuzzjonijiet tal-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul, rati ta’ kontribuzzjoni ridotti għall-assigurazzjoni tas-saħħa, żidiet fl-allokazzjonijiet għat-tfal u allokazzjoni personali bażika ogħla) kif ukoll għal domanda interna aktar dgħajfa. Iż-żieda prevista fin-nefqa tal-amministrazzjoni pubblika b'madwar 0,5 % tal-PDG tista’ tkun attribwita prinċipalment għall-aggravar tas-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol u t-tkomplija tal-investiment fl-infrastruttura pubblika bħala parti mill-istimolu fiskali (madwar 0,25 % tal-PDG skont il-kalkolu tas-servizzi tal-Kummissjoni). Il-perkors tal-politika fiskali fl-2010 ser jibqa’ prinċipalment espansjonarju, kif rifless miż-żieda ta’ 2,5 % tal-PDG fl-iżbilanċ strutturali (ċiklikament aġġustat, nett ta' miżuri ta’ darba u miżuri oħrajn temporanji, kif ikkalkolat mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni fil-programm skont il-metodoloġija miftiehma komunement). Id-deterjorazzjoni qawwija fil-bilanċ strutturali hija primarjament riżultat tal-miżuri ġodda ta’ stimolu introdotti fl-2010 u effetti li baqgħu minn uħud mill-miżuri ta’ stimolu adottati fl-2009 (eż. ir-rata ridotta ta’ kontribuzzjoni għall-assigurazzjoni tas-saħħa, investiment addizzjonali fl-infrastruttura). Il-bidla fl-iżbilanċ strutturali kkalkolat skont il-metodoloġija miftiehma komunement (approċċ minn fuq għal isfel) li tammonta għal – 2,5 % tal-PDG hija differenti mill-bidla spjegata fl-informazzjoni dwar il-miżuri diskrezzjonarji adottati fl-2010 (approċċ minn isfel għal fuq) stmat mis-servizzi tal-Kummissjoni għal madwar – 1,75 % tal-PDG. Din id-diskrepanza tista' tkun assoċjata mal-effetti negattivi tal-kompożizzjoni fuq id-dħul mit-taxxa, partikolarment minħabba l-konsum privat u ż-żieda fil-pagi dgħajfin, u telfiet eventwali fid-dħul minn taxxi marbuta mal-profitti.

    (7)

    L-għan prinċipali tal-istrateġija baġitarja għat-terminu medju ta’ żmien huwa li jiġi kkoreġut l-iżbilanċ eċċessiv sal-2013 b'medja ta' sforz fiskali annwali ta' madwar 0,75 % tal-PDG fl-2011-2013, konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-2 ta’ Diċembru 2009.

    Il-programm jipprevedi li l-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika ser jitjieb mill-2011 'il quddiem. F'termini nominali, il-konsolidazzjoni hija mistennija sseħħ bl-istess dimensjoni fl-2011 u l-2012 – madwar punt (1) perċentwali għal kull sena – segwit minn aġġustament iżgħar ta’ madwar 0,5 punt perċentwali fl-2013. Il-pjan previst għall-aġġustament huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni teknika ta’ konsolidazzjoni xprunata min-nefqa fil-livell federali (b'sikkatura mifruxa ndaqs fil-kategoriji kollha tan-nefqa ħlief għall-ħlasijiet tal-imgħax u t-trasferimenti għal livelli oħra tal-gvern u għall-esteru). Din is-suppożizzjoni teknika hija relatata mar-rekwiżiti ta’ konsolidazzjoni implikati mir-regola nazzjonali baġitarja ġdida. Il-konsolidazzjoni mistennija hija prevista li tiġġarrab prinċipalment mill-gvern Federali (madwar 2 % tal-PDG tul il-perijodu 2011 u 2013) u anqas mil-Länder (madwar 0,5 % tal-PDG). F'termini strutturali (ikkalkolati mill-ġdid skont il-metodoloġija miftiehma komunement), l-iżbilanċ huwa previst li jitjieb b'madwar 0,5 % tal-PDG fl-2011, madwar 1 % tal-PDG fl-2012 u madwar 0,75 % tal-PDG fl-2013. Fid-dawl taż-żieda fil-pagamenti tad-dejn u l-imgħaxijiet, li jiżdiedu lejn tmiem il-programm, il-bilanċ primarju jeħtieġ jittejjeb aktar malajr mil-iżbilanċ nominali. L-għan tal-Ġermanja għat-terminu medju ta’ żmien huwa li l-baġit tal-amministrazzjoni pubblika jitqarreb lejn il-bilanċ f’termini strutturali. Skont il-programm, dan jimplika objettiv tat-terminu medju (OTM) ta’ – 0,5 % tal-PDG. Minħabba l-aktar previżjonijiet u livell tad-dejn reċenti, l-OTM jirrifletti l-objettivi tal-Patt. Madankollu, il-programm ta’ stabbiltà aġġornat ma jipprevedix li jintlaħaq l-OTM fil-perijodu tal-programm.

    (8)

    L-eżiti baġitarji jistgħu jirriżultaw agħar minn dawk previsti fil-programm, partikolarment fis-sena 2011 u wara. Dan huwa relatat man-nuqqas ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni speċifiċi wara l-2010, il-ħtieġa li r-regola baġitarja nazzjonali l-ġdida tiġi implimentata b'mod effettiv fil-livell ta' gvern ċentrali u sottofederali mingħajr ma jiġu posposti r-rekwiżiti ta' konsolidazzjoni għas-snin l-aktar imbiegħda, l-inċertezza dwar l-introduzzjoni possibbli ta’ aktar qtugħ tat-taxxi previst fil-ftehim ta’ Koalizzjoni u r-rikonċiljazzjoni tagħhom mal-awsterità baġitarja neċessarja kif ukoll mas-suppożizzjonijiet kemmxejn favorevoli ta’ tkabbir. Miżuri addizzjonali ta’ stabilizzazzjoni tas-swieq finanzjarji jistgħu jpoġġu aktar piż fuq il-baġit, minkejja li xi spejjeż tal-appoġġ mill-gvern jistgħu jiddaħħlu lura fil-futur.

    (9)

    Id-dejn gross tal-gvern huwa stmat għal 72,5 % tal-PDG fl-2009, żieda minn 65,9 % fis-sena ta’ qabel. Minbarra ż-żieda fl-iżbilanċ u t-tnaqqis fit-tkabbir tal-PDG, aġġustament sinifikanti fil-fluss tal-istokks (madwar 1 % tal-PDG) jirrifletti primarjament l-operazzjonijiet tas-salvataġġ tal-banek li kkontribwew għaż-żieda fil-proporzjon tad-dejn. Il-proporzjon tad-dejn huwa previst li jiżdied b'9,5 punti perċentwali oħra matul il-perijodu tal-programm għal 82 % tal-PDG, prinċipalment xprunat mit-tkomplija tal-iżbilanċi tal-gvern u, kemmxejn anqas, minn aġġustamenti mhux speċifikati fil-flussi tal-istokks li jżidu d-dejn, ta’ madwar 0,5 % tal-PDG kull sena bejn l-2011 u l-2013. Il-previżjoni tad-dejn inkluża fil-programm tibbaża fuq is-suppożizzjoni li l-livell tad-dejn mhuwiex ser jiġi affettwat mill-istabbiliment ta' “banek problematiċi”. Barra r-riskji marbuta mal-perkors tal-iżbilanċ, l-evoluzzjoni tal-proporzjon tad-dejn hija soġġetta għal riskji relatati ma’ aktar piżijiet relatati mal-istabbilizzazzjoni tas-suq finanzjarju. Il-proporzjon tad-dejn gross tal-gvern huwa ogħla mill-valur referenzjali fit-Trattat u tendenzjalment ser jogħla matul il-perijodu kollu tal-programm.

    (10)

    Il-previżjonijiet tad-dejn għall-perijodu medju li jassumu li r-rati ta’ tkabbir tal-PDG ser jirkupraw gradwalment biss sal-valuri previsti qabel il-kriżi, u li l-proporzjonijiet tat-taxxi ser jerġgħu lura għal-livelli ta’ qabel il-kriżi u li jinkludu ż-żieda prevista fl-infiq relatat mat-tixjiħ juru li l-strateġija baġitarja prevista fil-programm, meħuda b'valur nominali u mingħajr ebda bidla oħra ta' politika, ma tkunx biżżejjed biex tistabbilizza l-proporzjon tad-dejn-PDG sal-2020.

    (11)

    L-impatt baġitarju fit-tul tat-tixjiħ huwa ftit ogħla mill-medja tal-UE. Il-pożizzjoni baġitarja fl-2009 kif stmata fil-programm tkompli tkabbar l-impatt baġitarju tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq id-diskrepanza fis-sostenibbiltà. Il-kisba ta' bilanċi pożittivi primarji fit-terminu medju ta’ żmien tkun tikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-riskji għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi li kienu vvalutati bħala medji fir-Rapport tal-Kummissjoni dwar is-Sostenibbiltà 2009 (3).

    (12)

    Il-qafas fiskali tal-Ġermanja ssaħħaħ konsiderevolment permezz tar-regola baġitarja ġdida ċċementata fil-Kostituzzjoni f'Awwissu 2009. Fl-istess linja tal-istruttura tal-mekkaniżmu preventiv tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST), ir-regola l-ġdida hija regola ta’ tqarrib lejn il-bilanċ li għall-iżbilanċ strutturali federali tistipula l-livell ta’ 0,35 % tal-PDG mill-2016 'il quddiem b’perijodu ta’ tranżizzjoni li jibda fl-2011. Il-baġits reġjonali tal-Länder għandom ikunu strutturalment ibbilanċjati mill-2020, iżda l-pjanijiet ta’ konsolidazzjoni rispettivi tagħhom għad mhumiex ċari. Nuqqas ta’ pjanijiet ta’ awsterità fil-livell sottofederali u inċertezzi marbuta mal-bżonnijiet futuri ta’ finanzjament tal-fondi tas-sigurtà soċjali jippreżentaw riskju potenzjali għall-konsolidazzjoni tal-baġit tal-amministrazzjoni pubblika. Madankollu, ir-regola l-ġdida ttejjeb il-kredibbiltà fiskali u tnaqqas konsiderevolment il-manuvrar diskrezzjonarju meta mqabbel mar-regola baġitarja preċedenti li ma kinitx tipprevjeni l-akkumulu tad-dejn fid-deċennji mgħoddija. Il-Kunsill dwar l-Istabbiltà (Stabilitätsrat) maħluq reċentement, magħmul mill-ministri tal-finanzi tal-Bund u tal-Länder, ser jimmonitorja regolarment il-baġits federali u reġjonali, inkluż l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ konsolidazzjoni fil-qafas tal-PST. Madankollu, ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu mhumiex vinkolanti u ma għandux setgħa jimponi sanzjonijiet. Il-qafas il-ġdid huwa ppjanat li jittejjeb aktar permezz tal-qlib minn approċċ minn isfel għal fuq lejn approċċ minn fuq għal isfel tal-ippjanar baġitarju, b'titjib fil-kontroll tan-nefqa mill-Ministeru tal-Finanzi u b'hekk tkun appoġġata l-konformità mal-konsolidazzjoni predeterminata mir-regola baġitarja. Barra minn hekk, il-gvern jippjana riforma gradwali tal-ibbaġitjar federali u s-sistema kontabbli li tiffoka aktar fuq il-valutazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni tad-dħul u l-infiq.

    (13)

    Minkejja l-kwalità kumplessivament tajba tal-finanzi pubbliċi tal-Ġermanja, għad hemm lok għal titjib. Fuq in-naħa tad-dħul, il-kodiċijiet tat-taxxa tal-kumpaniji u tal-introjtu baqgħu kumplessi, u s-sistema tat-taxxa toffri bosta konċessjonijiet fiskali. Minkejja aktar pjanijiet biex jiżdied l-infiq fuq l-edukazzjoni u l-R&Ż, il-proporzjon relattivament baxx ta’ investiment fil-konsum pubbliku jindika li hemm potenzjal għal kompożizzjoni tan-nefqiet orjentata aktar lejn it-tkabbir.

    Filwaqt li l-programm jirrikonoxxi l-importanza ta’ reviżjoni komprensiva tas-sussidji pubbliċi, ma jelenka l-ebda pjan konkret f'dan ir-rigward. Gwadanni addizzjonali fl-effiċjenza jistgħu jseħħu bit-titjib tal-koordinazzjoni baġitarja bejn il-gvernijiet federali u reġjonali u permezz ta’ aktar riorganizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika (eż. użu akbar tal-immaniġġar tal-kwalità, esternalizzazjoni, gvern elettroniku, tnaqqis fl-impjiegi fis-settur pubbliku, eċċ.) (4). Il-ħtieġa għall-konsolidazzjoni fiskali tillimita l-ambitu tas-sussidji għas-sistema tal-pensjonijiet pubbliċi mill-baġit ġenerali. Modifiki riċenti ad hoc tal-formola tal-aġġustamenti tal-pensjonijiet jippreġudikaw il-kredibbiltà tar-riformi tal-pensjonijiet li saru, minħabba li l-korrezzjoni prevista fis-snin ta' wara tista' tkun diffiċli. Rigward l-assigurazzjoni statutorja tas-saħħa, il-gvern stabbilixxa kumitat speċjali fil-livell ministerjali biex jikkunsidra mill-ġdid il-finanzjament tas-sistema tas-saħħa, b'mod partikolari biex jeżamina l-opzjonijiet għall-frid tal-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni tas-saħħa mill-introjtu mill-pagi bil-ħsieb li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ħaddiema li ma joriġinawx mill-pagi. L-ewwel riżultati huma mistennija f'Lulju 2010.

    (14)

    Kumplessivament, fl-2010 l-istrateġija baġitarja stipulata fil-programm hija konsistenti mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(7) tat-2 ta’ Diċembru 2009. Madankollu, mill-2011 'il quddiem, meta jitqiesu r-riskji, l-istrateġija baġitarja ma tistax tkun konsistenti mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(7) tat-2 ta’ Diċembru 2009. B'mod partikolari, il-pjan ta’ konsolidazzjoni mill-2011 'il quddiem mhuwiex sostnut b'xi miżuri konkreti u ma ġiet ipprovduta l-ebda informazzjoni dwar l-implimentazzjoni possibbli tal-miżuri espansjonarji proposti fil-ftehim ta’ koalizzjoni l-ġdid tal-gvern u r-rikonċiljazzjoni tagħhom mal-awsterità baġitarja neċessarja. Ir-regola baġitarja nazzjonali - punt ċentrali tal-pjanijiet ta’ konsolidazzjoni – għad trid tiġi implimentata f'kull livell ta' gvern. Barra minn hekk, jekk l-irkupru ekonomiku jkun aktar kajman milli attwalment mistenni, dan jista’ jippreġudika l-objettivi baġitarji.

    Fid-dawl tar-riskji, il-medja tal-isforzi fiskali annwali tista’ ma tlaħħaqx l-aġġustament irrakkomandat mill-Kunsill taħt l-Artikolu 126(7). Fid-dawl tal-projezzjonijiet tad-dejn ippreżentati fil-programm u r-riskju ta’ aktar miżuri possibbli ta’ stabbilizzazzjoni tas-swieq finanzjarji, l-istrateġija baġitarja mhijiex biżżejjed biex treġġa’ lura għan-niżla l-proporzjon tad-dejn imqabbel mal-PDG. Il-konsolidazzjoni maħsuba xprunata min-nefqa, kif ukoll żidiet pjanati fl-infiq fuq l-edukazzjoni u r-R&Ż, ikunu konsistenti mal-mira tal-appoġġ għall-irkupru tat-tkabbir potenzjali. Madankollu, it-tnaqqis proġettat fil-proporzjon kumplessiv tal-investiment taħt il-livell li kien fl-2009 huwa preokkupanti.

    (15)

    Fir-rigward tar-rekwiżiti tad-data speċifikati fil-kodiċi tal-kondotta għall-programmi ta' stabbiltà u konverġenza, il-programm fih xi biċċiet nieqsa fid-data rikjesta u f'dik fakultattiva (5). Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu taħt l-Artikolu 126(7) tat-2 ta’ Diċembru 2009 bil-ħsieb li s-sitwazzjoni ta’ żbilanċ eċċessiv tinġieb fi tmiemha, il-Kunsill stieden ukoll lill-Ġermanja biex tirrapporta dwar il-progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill f'kapitolu separat fl-aġġornamenti tal-programmi ta’ stabbiltà. It-taqsima rispettiva tal-aġġornament tal-programm tipprovdi biss informazzjoni limitata ħafna dwar kif il-gvern Ġermaniż qed jippjana li jagħmel progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

    Il-konklużjoni kumplessiva hija li b'riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-finanzi pubbliċi tal-Ġermanja ddeterjoraw sostanzjalment minħabba l-istabbilizzaturi awtomatiċi u rispons mifrux fil-wisa' f'konformità mal-PERE b'reazzjoni għall-kriżi. Il-konsolidazzjoni prevista bbażata fuq in-nefqa mill-2011 'il quddiem twassal għal korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv sal-2013. Madankollu, meta jitqiesu r-riskji, l-istrateġija baġitarja mill-2011 'il quddiem tista' ma tkunx konsistenti mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(7) tat-2 ta’ Diċembru 2009. Dan huwa marbut man-nuqqas ta’ miżuri speċifiċi li jsostnu l-pjan propost ta’ awsterità wara l-2010, l-inċertezza dwar l-implimentazzjoni ta’ aktar qtugħ tat-taxxi previst fil-ftehim ta’ koalizzjoni tal-gvern il-ġdid u r-rikonċiljazzjoni tagħhom mal-konsolidazzjoni neċessarja, ir-riskji relatati mal-qawwa tal-irkupru ekonomiku u l-ħtieġa possibbli ta’ aktar miżuri ta’ stabbilizzazzjoni tas-swieq finanzjarji.

    Għaldaqstant, implimentazzjoni sħiħa tal-qafas baġitarju mtejjeb għat-terminu medju ta’ żmien u l-impenn qawwi f'kull livell ta' gvern sabiex jaderixxu miegħu, ser ikunu kruċjali biex tinkiseb il-konsolidazzjoni fiskali prevista. Meta jitqies il-bżonn li tiġi rrikonċiljata l-konsolidazzjoni fiskali neċessarja mat-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija fit-tul, il-konsolidazzjoni prevista bbażata fuq in-nefqa tidher xierqa, bl-istess mod kif tidher iż-żieda ppjanata fl-infiq fuq l-edukazzjoni u r-R&Ż. Fid-dawl tad-dejn pubbliku jiżdied u bidliet ad hoc ripetuti fil-formula tal-aġġustament tal-pensjonijiet kif ukoll inċertezza dwar l-iffinanzjar tal-assigurazzjoni statutorja tas-saħħa, għandha tingħata attenzjoni mill-ġdid lill-miżuri mmirati biex itejbu s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul.

    Fid-dawl tal-valutazzjoni ta’ hawn fuq kif ukoll fid-dawl tar-rakkomandazzjoni taħt l-Artikolu 126(7) TFUE tat-2 ta’ Diċembru 2009, il-Ġermanja hija mistiedna sabiex:

    (i)

    tispeċifika l-miżuri neċessarji biex isostnu l-konsolidazzjoni prevista; timplimenta l-istrateġija baġitarja għall-2011-2013 kif imfisser fil-programm biex jiġi kkoreġut l-iżbilanċ eċċessiv sal-2013; taħtaf kull opportunità lil hinn mill-isforzi fiskali, kif irrakkomandat fil-PŻE, inkluż permezz ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi aħjar, biex taċċellera t-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn gross lura lejn il-valur ta' referenza ta' 60 % tal-PDG;

    (ii)

    tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-regola baġitarja kostituzzjonali ġdida f'kull livell ta' gvern, u treġġa' lura d-devjazzjoni mill-formula tal-aġġustament tal-pensjonijiet fl-2008 kif previst.

    Il-Ġermanja hija mistiedna wkoll tissottometti, fil-waqt għall-valutazzjoni tal-azzjoni effettiva taħt il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv, addendum għall-programm biex tirrapporta dwar il-progress fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(7) tat-2 ta’ Diċembru 2009 u biex tfisser f'ċertu dettall l-istrateġija ta’ konsolidazzjoni li ser tkun neċessarja biex tersaq lejn il-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv.

    Il-Ġermanja hija mistiedna wkoll ittejjeb il-konformità mar-rekwiżiti tad-data tal-kodiċi tal-kondotta.

    Paragun ta' projezzjonijiet ewlenin makroekonomiċi u baġitarji

     

     

    2008

    2009

    2010

    2011

    2012

    2013

    PDG reali

    (% ta' bidla)

    PS Jan 2010

    1,3

    –5,0

    1,4

    2

    2

    2

    COM Nov 2009

    1,3

    –5,0

    1,2

    1,7

    m.d.

    m.d.

    PS Jan 2009

    1,3

    –2,3

    1,25

    1,25

    1,25

    m.d.

    Inflazzjoni tal-IAPK

    (%)

    PS Jan 2010

    m.d.

    m.d.

    m.d.

    m.d.

    m.d.

    m.d.

    COM Nov 2009

    2,8

    0,3

    0,8

    1,0

    m.d.

    m.d.

    PS Jan 2009

    m.d.

    m.d.

    m.d.

    m.d.

    m.d.

    m.d.

    Lakuna bejn il-prodott effettiv u dak potenzjali (6)

    (% tal-PDG potenzjali)

    PS Jan 2010

    3,2

    –2,6

    –2,1

    –1,3

    –1,1

    –0,9

    COM Nov 2009 (7)

    3,0

    –2,9

    –2,6

    –2,2

    m.d.

    m.d.

    PS Jan 2009

    2,2

    –0,9

    –0,7

    –0,7

    –1,0

    m.d.

    Self mogħti/meħud nett vis-à-vis l-bqija tad-dinja

    (% tal-PDG)

    PS Jan 2010

    6,6

    4,5

    4,9

    5

    5,5

    5,5

    COM Nov 2009

    6,6

    4,0

    3,8

    3,7

    m.d.

    m.d.

    PS Jan 2009

    7,1

    7,0

    7

    7

    7

    m.d.

    Dħul ġenerali tal-gvern

    (% tal-PDG)

    PS Jan 2010

    43,7

    44,4

    42,5

    42

    42

    42

    COM Nov 2009

    43,7

    44,6

    43,3

    42,9

    m.d.

    m.d.

    PS Jan 2009

    44

    43,5

    42,5

    42,5

    43

    m.d.

    Nefqa ġenerali tal-gvern

    (% tal-PDG)

    PS Jan 2010

    43,7

    47,6

    48

    47

    46

    45

    COM Nov 2009

    43,7

    48,0

    48,3

    47,5

    m.d.

    m.d.

    PS Jan 2009

    44

    46,5

    46,5

    45,5

    45,5

    m.d.

    Bilanċ ġenerali tal-gvern

    (% tal-PDG)

    PS Jan 2010

    0,0

    –3,2

    –5,5

    –4,5

    –3,5

    –3

    COM Nov 2009

    0,0

    –3,4

    –5,0

    –4,6

    m.d.

    m.d.

    PS Jan 2009

    0

    –3

    –4

    –3

    –2,5

    m.d.

    Bilanċ primarju

    (% tal-PDG)

    PS Jan 2010

    2,7

    –0,6

    –3

    –2

    –0,5

    0,5

    COM Nov 2009

    2,7

    –0,6

    –2,2

    –1,7

    m.d.

    m.d.

    PS Jan 2009

    2,5

    0

    –1

    0

    0,5

    m.d.

    Bilanċ aġġustat ċiklikalment (6)

    (% tal-PDG)

    PS Jan 2010

    –1,6

    –1,9

    –4,4

    –4,1

    –3,1

    –2,3

    COM Nov 2009

    –1,5

    –1,9

    –3,6

    –3,5

    m.d.

    m.d.

    PS Jan 2009

    –1,2

    –2,4

    –3,5

    –2,4

    –2,1

    m.d.

    Bilanċ strutturali (8)

    (% tal-PDG)

    PS Jan 2010

    –1,2

    –1,8

    –4,4

    –3,9

    –3,0

    –2,3

    COM Nov 2009

    –1,1

    –1,9

    –3,6

    –3,5

    m.d.

    m.d.

    PS Jan 2009

    –0,8

    –2,5

    –3,4

    –2,4

    –2,1

    m.d.

    Dejn gross tal-gvern

    (% tal-PDG)

    PS Jan 2010

    65,9

    72,5

    76,5

    79,5

    81

    82

    COM Nov 2009

    65,9

    73,1

    76,7

    79,7

    m.d.

    m.d.

    PS Jan 2009

    65,5

    68,5

    70,5

    71,5

    72,5

    m.d.

    Programm ta’ Stabbiltà (PS); It-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2009 (COM); Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. Id-dokumenti msemmija f'dan it-test jinsabu fuq il-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/economy_finance/sgp/index_mt.htm.

    (2)  Il-valutazzjoni tqis notevolment il-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2009, iżda wkoll informazzjoni oħra li laħqet saret disponibbli minn dakinhar, inkluż il-previżjoni interim tas-servizzi tal-Kummissjoni ta’ Frar 2010.

    (3)  Fil-konklużjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Novembru 2009 dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi “il-Kunsill jappella lill-Istati Membri biex jiffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq strateġiji orjentati lejn is-sostenibbiltà fil-programmi tagħhom li jmiss dwar l-istabbiltà u l-konverġenza” u wkoll “jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Kumitat tal-Politika Ekonomika u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, tiżviluppa aktar il-metodoloġiji għall-evalwar tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi fil-ħin għar-Rapport ta' Sostenibbiltà li jmiss”, li hu previst għall-2012.

    (4)  Ara Bundesrechnungshof (2009), “Chancen zur Entlastung und Modernisierung des Bundeshaushalts”.

    (5)  B'mod partikolari, hija nieqsa d-data dwar introjtu mill-proprjetà, ir-rata ta’ mgħax impliċita fuq id-dejn, kategoriji dettaljati tal-aġġustamenti fil-flussi tal-istokks u l-iżviluppi ċikliċi, filwaqt li l-kategoriji “Kumpens għall-impjegati u konsum intermedju ”u “Ħlasijiet soċjali” jintwerew f'aggregazzjoni differenti. Dan għandu l-effett li jagħmel il-valutazzjoni oġġettivament aktar diffiċli.

    (6)  Lakuni fir-riżultati u bilanċi aġġustati ċiklikament mill-programmi kif ikkalkulati mis-servizzi tal-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni fil-programmi.

    (7)  Ibbażat fuq it-tkabbir potenzjali stmat ta' 1,0 %, 0,7 %, 0,9 % u 1,2 % rispettivament fil-perjodu 2008-2011.

    (8)  Bilanċ aġġustat ċiklikament li jeskludi miżuri ta’ darba biss u miżuri temporanji oħrajn. Miżuri ta’ darba biss u oħrajn temporanji jżidu l-iżbilanċ b'0,4 % tal-PDG fl-2008 u 0,1 % tal-PDG fl-2009 skont l-aktar programm riċenti u b'0,3 % tal-PDG fl-2008 skont il-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni ta' Novembru 2009. Ma hemm l-ebda miżura ta’ darba biss jew oħrajn temporanji għas-snin 2010-2013 skont l-aktar programm reċenti u għas-snin 2009-2011 skont il-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2009.

    Sors:

    Programm ta’ Stabbiltà (PS); It-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2009 (COM); Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.


    Top