EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0216

Preokkupazzjonijiet rigward is-saħħa marbuta mal-kampi elettromanjetiċi Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 2 ta' April 2009 dwar preokkupazzjonijiet rigward is-saħħa marbuta mal-kampi elettromanjetiċi (2008/2211(INI))

ĠU C 137E, 27.5.2010, p. 38–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 137/38


Il-Ħamis, 2 ta’ April 2009
Preokkupazzjonijiet rigward is-saħħa marbuta mal-kampi elettromanjetiċi

P6_TA(2009)0216

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' April 2009 dwar preokkupazzjonijiet rigward is-saħħa marbuta mal-kampi elettromanjetiċi (2008/2211(INI))

2010/C 137 E/08

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 137, 152 u 174 tat-Trattat tal-KE, li jimmiraw għal livell għoli ta' saħħa għall-bniedem, ta' ħarsien tal-ambjent u ta' ħarsien tas-saħħa u tas-sikurezza tal-ħaddiema,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 1999/519/KE tat-12 ta’ Lulju 1999 dwar il-limitazzjonijiet tal-espożizzjoni tal-pubbliku għal kampijiet elettromanjetiċi (minn oHz sa 300GHz) (1) u r-rapport tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Settembru 2008 dwar l-implimentazzjoni ta' dik ir-Rakkomandazzjoni (COM(2008)0532),

wara li ikkunsidra d-Direttiva 2004/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-ħtiġijiet minimi għas-saħħa u s-sikurezza fir-rigward tal-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jiġu minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi) (2),

wara li ikkunsidra d-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità (3) tagħhom u tal-istandards ta’ sikurezza armonizzati rispettivi għat-telefowns ċellulari u stazzjonijiet bażi,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu f'ċerti limiti tal-voltaġġ (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Settembru 2008 dwar ‘l-evalwazzjoni ta’ nofs il-perjodu tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Ambjent u s-Saħħa 2004-2010 (5),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 1999 dwar il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-limitazzjonijiet tal-espożizzjoni tal-pubbliku għal kampijiet elettromanjetiċi bejn 0 Hz u 300 GHz (6),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel (A6-0089/2009),

A.

billi l-kampijiet elettromanjetiċi (EMFs) jeżistu fin-natura u għalhekk dejjem kienu preżenti fid-dinja; billi, madanakollu, fl-aħħar għexieren ta' snin, l-espożizzjoni ambjentai għal sori ta' EMF magħmula mill-bniedem dejjem kiber, minħabba t-talba għall-elettriku, teknoloġiji bla fili dejjem aktar speċjalizzati, u bidliet fl-organizzazzjoni tas-soċjetà; billi l-effett aħħari huwa li kull individwu issa qed jiġi espost għal taħlita kkumplikata ta' kampijiet elettriċi u manjetiċi ta' frekwenzi differenti, kemm ix-xogħol u kif ukoll id-dar,

B.

billi t-teknoloġija ta’ tagħmir bla fili (telefowns ċellulari, Wi-Fi/WiMAX, Bluetooth, telefown fuq bażi fissa “DECT”) tarmi kampijiet elettromanjetiċi (EMF) li jista’ jkollhom effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem,

C.

billi l-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej, b’mod partikolari ż-żgħażagħ ta’ bejn 10 u 20 sena, jużaw telefown ċellulari, li huwa oġġett utilitarju, funzjonali u tal-moda, u billi għad hemm xi inċertezzi rigward ir-riskji li jistgħu jeżistu għas-saħħa, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ li l-imħuħ għadhom qed jiżviluppaw,

D.

billi l-kontroversja fi ħdan il-komunità xjentifika marbuta mar-riskji possibbli għas-saħħa b’riżultat tal-EMFs kibret mit-12 ta’ Lulju 1999 'l hawn, meta ġew iffissati l-limiti tal-espożizzjoni għall-EMFs bejn 0Hz u 300 GHz skont ir-Rakkomandazzjoni 1999/519/KE,

E.

billi n-nuqqas ta’ konklużjonijiet formali mill-komunità xjentifika ma żammx lura lil ċerti gvernijiet nazzjonali jew reġjonali, fiċ-Ċina, l-Iżvizzera u r-Russja, kif ukoll mill-inqas f'disa’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, milli jiffissaw limiti ta’ espożizzjoni msejħa “preventivi” u għalhekk inferjuri għal dawk proposti mill-Kummissjoni u mill-kumitat xjentifiku indipendenti tagħha u mill-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji tas-Saħħa Emerġenti u Ġodda (7),

F.

billi azzjonijiet li jillimitaw l-espożizzjoni tal-pubbliku ġenerali għal kampijiet elettromanjetiċi għandhom ikunu bbilanċjanti bit-titjib fil-kwalità tal-ħajja, f’dik li hi sikurezza u sigurtà, li jirriżulta mit-tagħmir li jittrażmetti kampijiet elettromanjetiċi,

G.

billi fost il-proġetti xjentifiċi li qajmu kemm interess kif ukoll polemika, insibu l-istudju epidemjoloġiku INTERPHONE, iffinanzjat mill-Unjoni bi spiża ta’ EUR 3 800 000, primarjament fi ħdan il-Ħames Progamm ta' Qafas RTD (8) u li l-konklużjonijiet tiegħu ilhom mistennija sa’ mill-2006,

H.

billi, madankollu, ċertu punti jidher li hemm qbil ġenerali dwarhom, b’mod partikolari l-idea li r-reazzjoni għall-espożizzjoni tal-microwaves tvarja skont l-individwi, il-ħtieġa li, bħala prijorità għandhom isiru testijiet relatati mal-espożizzjoni fil-kundizzjonijiet attwali sabiex jiġu evalwati l-effetti mhux termali marbuta mal-kampijiet tal-Frekwenzi tar-Radju (RF) u l-vulnerabilità kbira tat-tfal f’każ ta’ espożizzjoni għall-kampijiet elettromanjetiċi (9),

I.

billi l-Unjoni stipulat il-limiti ta' espożizzjoni sabiex tħares il-ħaddiema mill-EMFs; billi abbażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni dawn il-miżuri għandhom jittieħdu wkoll għall-partijiet tal-popolazzjoni kkonċernati, bħalma huma r-residenti u l-konsumaturi,

J.

billi r-Rapport Speċjali tal-Ewrobarometru dwar il-Kampijiet Elettromanjetiċi (Nru 272a ta’ Ġunju 2007) jindika li l-maġġoranza taċ-ċittadini ma jħossux li l-awtoritajiet pubbliċi jinfurmawhom b’mod adegwat dwar miżuri li jipproteġuhom kontra l-kampijiet elettromanjetiċi,

K.

billi huwa neċessarju li jitkomplew l-investigazzjonijiet dwar frekwenzi intermedji u baxxi ħafna sabiex ikunu jistgħu joħorġu konklużjonijiet dwar l-effetti tagħhom fuq is-saħħa,

L.

billi l-użu ta’ Immaġini b’Reżonanza Manjetika (MRI) m’għandux jiġi mhedded mid-Direttiva 2004/40/KE peress li t-teknoloġija tal-MRI hija fuq quddiem nett fir-riċerka, id-dijanjosi u l-kura ta’ mard ta’ theddida għall-ħajja tal-pazjenti fl-Ewropa,

M.

billi l-istandard tas-sikurezza tal-MRI IEC/EN 60601-2-33 jistabbilixxi valuri limitu għal kampijiet elettromanjetiċi li ġew stabbiliti biex jiġi eskluż kull periklu għall-pazjenti jew għall-ħaddiema,

1.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-bażi xjentifika u l-adegwatezza tal-limiti EMF skont ir-Rakkomandazzjoni 1999/519/KE u tirrapporta lill-Parlament; jitlob li r-reviżjoni ssir mill-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji tas-Saħħa Emerġenti u Ġodda;

2.

Jitlob li jiġu kkunsidrati b’mod partikolari l-effetti bijoloġiċi fl-evalwazzjoni tal-impatt potenzjali tar-radjazzjoni elettromanjetika fuq is-saħħa, speċjalment peress li xi studji wrew li l-akbar effetti ta’ ħsara jinsabu fil-livelli l-iktar baxxi; jitlob li ssir riċerka attiva sabiex tindirizza l-problemi potenzjali tas-saħħa permezz tal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet li jneħħu jew inaqqsu l-modulazzjoni pulsanti u l-modulazzjoni tal-amplitude tal-frekwenzi użati għal trasmissjoni;

3.

Jenfasizza li, b’mod parallel jew bħala alternattiva għal din l-emenda tal-limiti Ewropej ta;-EMFs, il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-esperti tal-Istati Membri u s-setturi industrijali konċernati (kumpaniji tal-elettriku, operaturi tat-telefonija u manifatturi ta’ apparat elettriku inklużi telefowns ċellulari), għandha tfassal gwida tal-possibiltajiet teknoloġiċi disponibbli li jgħinu fit-tnaqqis tal-espożizzjoni għall-frekwenzi elettromanjetiċi;

4.

Jispeċifika li l-partijiet industrijali interessati kif ukoll il-maniġers tal-infrastruttura u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti diġà jistgħu jinfluwenzaw ċerti fatturi, bħal, pereżempju, il-ħolqien ta’ dispożizzjonijiet fir-rigward tad-distanza bejn is-sit konċernat u t-tagħmir ta' trażmissjoni jew l-għoli tas-sit meta mqabbel mal-għoli tal-istazzjoni bażi, jew id-direzzjoni tal-antenna li titrażmetti meta kkunsidrati l-ambjenti li fihom jgħix n-nies, u tabilħaqq, għandhom jagħmlu dan, ovvjament, sabiex jassiguraw u jħarsu aħjar lin-nies li jgħixu viċin dan it-tagħmir; jappella għall-aħjar ippożizzjonar ta’ arbli u tat-tagħmir li jitrażmetti u jitlob ukoll li l-arbli u t-tagħmir ta' trażmissjoni mqiegħda b’dan il-mod jiġu kondiviżi bejn il-fornituri tas-servizz sabiex titnaqqas il-proliferazzjoni ta’ arbli u ta' tagħmir ta' trażmissjoni ppożizzjonati ħażin. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu gwida adegwata;

5.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex joħolqu punt uniku ta' servizz (one-stop shop) għall-awtorizzazzjoni biex jiġu installati antenni u repetituri, u biex jinkludu pjan reġjonali għall-antenni bħala parti mill-pjanijiet tagħhom tal-iżvilupp urban;

6.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet responsabbli mill-awtorizzazzjoni ta’ siti għal antenni tat-telefowns ċellulari biex jilħqu ftehim, flimkien mal-operaturi f’dan is-settur, dwar il-kondiviżjoni tal-infrastruttura, biex jitnaqqsu l-ammont ta' kampijiet elettromanjetiċi u l-espożizzjoni tal-pubbliku għalihom;

7.

Jirrikonoxxi l-isforzi tat-teknoloġiji tal-komunikazzjonijiet mobbli u teknoloġiji oħra bla fili li jittrażmettu l-EMF biex jevitaw li jagħmlu ħsara ambjentali, u b’mod partikolari biex jindirizzaw t-tibdil fil-klima;

8.

Iqis li minħabba ż-żieda fin-numru ta’ kawżi fil-qorti u fin-numru ta' miżuri minn awtoritajiet pubbliċi li għandhom effett ta' moratorju fuq l-installazzjoni ta' tagħmir li jitrażmetti l-EMFs, huwa fl-interess ġenerali li jiġu inkoraġġuti soluzzjonijiet ibbażati fuq negozjati bejn il-partijiet industrijali interessati, l-awtoritajiet pubbliċi, l-awtoritajiet militari u l-assoċjazzjonijiet tar-residenti fir-rigward tal-kriterji tal-installazzjoni ta’ antenni GSM ġodda jew ta’ kejbils b’vultaġġ għoli, u li tal-inqas jiġi żgurat li l-iskejjel, il-kindergartens, id-djar tal-mistrieħ għall-anzjani u l-istituzzjonijiet tas-saħħa jinżammu mbiegħda, b'distanzi speċifiċi stabbiliti minn kriterji xjentifiċi, minn dan it-tip ta’ tagħmir;

9.

Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, flimkien mal-operaturi fis-settur, mapep li juru l-espożizzjoni għal kejbils ta' vultaġġ għoli, frekwenzi tar-radju u microwaves, u speċjalment dawk ġenerati minn arbli ta’ telekomunikazzjonijiet, repetituri tar-radju u antenni tat-telefowns. Jitlob li dik l-informazzjoni tintwera fuq sit elettroniku sabiex il-pubbliku jkun jista’ jikkonsultaha faċilment, u li din tkun imxerrda fil-midja;

10.

Jipproponi li l-Kummissjoni tikkunsidra l-possibiltà tal-użu ta’ finanzjament min-Netwerks tal-Enerġija Trans-Ewropej biex jiġu investigati l-effetti tal-EMF fuq frekwenzi baxxi ħafna, u b’mod partikolari f’kejbils tal-elettriku;

11.

Jappella lill-Kummissjoni biex matul il-leġiżlazzjoni 2009-2014 tibda programm ambizzjuz ta’ bijokompatibilità elettromanjetika bejn il-mewġ maħluq b’mod artifiċjali u l-mewġ li joħroġ b’mod naturali mill-ġisem tal-bniedem, u eventwalment jiġi identifikat jekk il-microwaves għandhomx konsegwenzi mhux mixtieqa għas-saħħa tal-bniedem;

12.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport annwali dwar il-livell ta’ radjazzjoni elettromanjetika fl-UE, is-sorsi tagħha, u l-azzjonijiet meħuda fl-UE għal protezzjoni aħjar tas-saħħa tal-bnedmin u tal-ambjent;

13.

Jitlob lill-Kummissjoni ssib soluzzjoni sabiex tiġi aċċelerata l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/40/KE u għalhekk tassigura li l-ħaddiema jkunu tabilħaqq imħarsa mill-EMFs, bħalma diġà huma mħarsa, permezz ta’ żewġ atti Komunitarji oħra, mill-istorbju (10) u l-vibrazzjonijiet (11) u tintroduċi deroga għall-Immaġini b’Reżonanza Manjetika skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva;

14.

Jiddeplora l-fatt li, minħabba li l-konklużjonijiet tal-INTERPHONE ġew posposti diversi drabi mill-2006 'l hawn, dawn għad iridu jiġu ppubblikati, meta l-għan ta' dan l-istudju epidemjoloġiku internazzjonali huwa li jistudja jekk hemmx rabta bejn l-użu tat-telefown ċellulari u ċerti tipi ta’ ċancer, b’mod partikolari dawk tal-moħħ, tan-nerv tas-smigħ u tal-glandola parotida (parotid gland);

15.

Jenfasizza f’dan il-kuntest is-sejħa għall-prudenza mill-koordinatriċi tal-istudju INTERPHONE, Elisabeth Cardis li, fuq il-bażi tal-konklużjonijiet attwali, tirrikmanda li t-tfal li jagħmlu użu raġonevoli mill-mowbajl u li jagħtu preferenza lit-telefown fiss;

16.

Iqis madankollu li hija l-Kummissjoni, li kkontribwiet b'mod sostanzjali għall-iffinanzjar ta’ dan l-istudju globali, li għandha titlob lil dawk li għandhom il-proġett f'idejhom ir-raġunijiet il-għala ma ġew ippubblikati ebda sejbiet definittivi u, li jekk tirċievi risposta għandha tinforma b’mod immedjat lill-Parlament u lill-Istati Membri;

17.

Jissuġġerixxi wkoll lill-Kummissjoni, bil-ħsieb li jkun hemm effiċjenza politika u baġitarja, li l-iffinanzjar Komunitarju allokat għall-istudji dwar l-EMFs jinbidel parzjalment sabiex jiffinanzja kampanja globali wiesgħa ta’ ħolqien ta’ kuxjenza fost iż-żgħażagħ Ewropej b’rabta ma’ prattiki tajba fir-rigward tal-użu tat-telefown ċellulari, bħal ngħidu aħna l-użu ta’ hands free kits, telefonati qosra, it-tifi ta' ċellulari meta ma jkunux qed jintużaw (pereżempju waqt il-lezzjonijiet) u l-użu taċ-ċellulari f’żoni li għandhom reception tajba.

18.

Iqis li dawn il-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni għandhom iqajjmu kuxjenza fost iż-żgħażagħ Ewropej mar-riskji tas-saħħa assoċjati ma’ apparat fid-dar u mal-importanza li dan l-apparat jintefa pjuttost milli jitħalla mixgħul fuq “stand-by”;

19.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-iffinanzjar tar-riċerka u l-iżvilupp (R&D) tal-evalwazzjoni tal-effetti negattivi potenzjali fit-tul tal-frekwenzi tar-radju tat-telefonija ċellulari ; Jitlob ukoll li jiżdiedu s-sejħiet tal-appalt pubbliċi għal proposti ta’ investigazzjoni tal-effetti ħżiena ta’ espożizzjoni multipla għal sorsi differenti ta’ EMFs, b’mod partikolari fejn jirrigwarda lit-tfal;

20.

Jipproponi li mal-mandat tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda tiżdied missjoni ta’ evalwazzjoni tal-integrità xjentifika sabiex tgħin lill-Kummissjoni tipprevjeni possibilitajiet eventwali ta’ sitwazzjonijiet riskjużi, ta’ kunflitti ta’ interess, jew kif ukoll possibilitajiet ta’ frodi f’kuntest ta’ kompetizzjoni dejjem tiżdied għar-riċerkaturi;

21.

Jitlob lill-Kummissjoni, bħala rikkonoximent tat-tħassib pubbliku f’ħafna Stati Membri, biex taħdem mal-partijiet interessati rilevanti kollha, bħal esperti nazzjonali, għaqdiet mhux governattivi u setturi industrijali, biex jitjiebu d-disponibilità ta' informazzjoni aġġornata li tinftiehem minn kulħadd, kif ukoll ta' l-aċċess għal din l-informazzjoni, li tirrigwarda t-teknoloġija bla fili u l-istandards li jagħtu protezzjoni;

22.

Jitlob lill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien kontra r-Raġġi Mhux Jonizzati (ICNIRP) u lill-WHO biex ikunu iktar trasparenti u disponibbli għad-djalogu mal-atturi kollha fit-tfassil tal-istandards;

23.

Jikkundnanna ċerti kampanji ta’ kummerċjalizzazzjoni partikolarment aggressivi min-naħa ta' operaturi tat-telefown qabel il-Milied u f'okkażjonijiet speċjali, inklużi pereżempju, telefowns ċellulari indirizzati b’mod esklussiv lejn tfal jew offerti ta' “ħin b'xejn fuq it-telefown” immirati lejn iż-żgħażagħ;

24.

Jipproponi li l-UE tinkludi fil-politika tagħha dwar il-kwalità tal-arja ta' ġewwa, l-istudju ta’ tagħmir domestiku “bla fili” bħall-Wi-Fi għall-aċċess għall-internet u d-digital enhanced cordless telecommunications“DECT”, li dawn l-aħħar snin saru komuni ħafna fil-postijiet pubbliċi u fir-residenzi, u li kontinwament jesponu liċ-ċittadini għall-microwaves;

25.

Jitlob, dejjem bil-ħsieb li jtejjeb it-tagħrif disponibbli għall-konsomaturi, li jkunu emendati l-istandards tekniċi tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika b’mod li jimponu obbligu ta’ tikkettar li juri l-qawwa tal-emissjoni u li fil-każ ta’ kwalunkwe tagħmir li jaħdem “bla fili” jkunu jindikaw li jarmi microwaves;

26.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri u l-Kumitat tar-Reġjuni, biex iħeġġu t-twaqqif ta’ standard uniku sabiex jimminimizza l-espożizzjoni tar-residenti f’każ li tiġi estiża n-netwerk tal-kejbils b’vultaġġ għoli;

27.

Jinsab imħasseb sew dwar kif il-kumpaniji tal-assikurazzjoni għandhom it-tendenza li jeskludu l-kopertura tar-riskji marbuta mal-EMF mill-poloz tar-responsabiltà ċivili, li għaldaqstant ifisser li l-assikuraturi Ewropej diġà qegħdin jinfurzaw il-verżjoni tagħhom tal-prinċipju ta’ prekawzjoni;

28.

Jistieden lill-Istati Membri biex isegwu l-eżempju tal-Iżvezja u jirrikonoxxu persuni li jbatu minn elettroipersensittività bħala nies b’diżabbiltà sabiex jingħataw protezzjoni xierqa kif ukoll opportunitajiet indaqs;

29.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-WHO.


(1)  ĠU L 199, 30.7.1999, p. 59.

(2)  ĠU L 159, 30.4.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10.

(4)  ĠU L 374, 27.12.2006, p. 10.

(5)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0410.

(6)  ĠU C 175, 21.6.1999, p. 129.

(7)  Opinjoni tal-21 ta’ Marzu 2007 adottata waqt is-16-il laqgħa plenarja tal-Kumitat.

(8)  Programm għall-Kwalità tal-Ħajja bin-numru tal-kuntratt QLK4-1999-01563.

(9)  Studju ta’ STOA ta’ Marzu 2001 dwar “l-effetti fiżjoloġiċi u ambjentali tar-radjazzjoni elettromanjetika mhux jonizzanti” PE 297.574.

(10)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/10/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Frar 2003 dwar il-ħtiġijiet minimi ta’ saħħa u sikurezza li jirrigwardaw l-esposizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (ħoss) (ĠU L 42, 15.2.2003, p. 38).

(11)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ħtiġijiet minimi ta’ saħħa u sikurezza li jirrigwardaw l-esposizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (vibrazzjoni) (ĠU L 177, 6.7.2002, p. 13).


Top