EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0213

Il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 2 ta’ April 2009 dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu

ĠU C 137E, 27.5.2010, p. 25–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 137/25


Il-Ħamis, 2 ta’ April 2009
Il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu

P6_TA(2009)0213

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ April 2009 dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu

2010/C 137 E/05

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 260(III)A tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tad-9 ta’ Diċembru 1948 dwar il-ġenoċidju,

wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali (1),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1481 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-25 ta’ Jannar 2006 dwar il-ħtieġa ta’ kundanna internazzjonali tar-reati tar-reġimijiet Komunisti totalitarji,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tiegħu, li ġiet adottata tat-23 ta’ Settembru 2008, dwar il-fatt li it-23 ta’ Awissu jiġi pproklamat bħala l-Jum Ewropew ta’ Tifkira tal-Vittmi tal-Istaliniżmu u tan-Nażiżmu (2),

wara li kkunsidra l-bosta riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet, inklużi dawk tat-12 ta’ Mejju 2005 dwar is-sittin anniversarju tat-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropa fit-8 ta’ Mejju 1945 (3), tat-23 ta’ Ottubru 2008 dwar il-kommemorazzjoni ta’ Holodomor (4), u tal-15 ta’ Jannar 2009 dwar Srebrenica (5),

wara li kkunsidra l-Kummissjonijiet għall-Verità u l-Ġustizzja stabbiliti f’diversi partijiet tad-dinja, li għenu lil dawk li għexu taħt diversi ex reġimi awtoritarji u totalitarji biex jegħlbu d-differenzi tagħhom u jaslu għar-rikonċiljazzjoni,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-President u l-gruppi politiċi tiegħu 70 sena wara l-kolp ta’ stat tal-Ġeneral Franco fi Spanja, fl-4 ta’ Lulju 2006,

wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-istoriċi jaqblu li interpretazzjonijiet totalment oġġettivi tal-fatti storiċi mhumiex possibbli u narrattivi storiċi oġġettivi ma jeżistux; billi, madankollu, storiċi professjonali jużaw għodod xjentifiċi biex jistudjaw l-imgħoddi, u, b’dan, jippruvaw ikunu imparzjali kemm jista’ jkun,

B.

billi l-ebda korp politiku jew partit politiku m’għandu monopolju fuq l-interpretazzjoni tal-istorja, u tali korpi u partiti ma jistgħux jippretendu li huma oġġettivi,

C.

billi interpretazzjonijiet politiċi uffiċjali tal-fatti storiċi m’għandhomx ikunu imposti permezz ta’ deċiżjonijiet bil-maġġoranza fil-parlamenti; billi l-parlament ma jistax jilleġiżla fil-passat,

D.

billi wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea huwa li jiġi żgurat rispett għad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fil-futur, u billi l-mekkaniżmi xierqa għall-kisba ta’ dan il-għan ġew ipprovduti bl-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

E.

billi interpretazzjonijiet ħżiena tal-istorja jistgħu jagħtu lok għal politiki ta’ esklużjoni u b’hekk iqanqlu l-mibegħda u r-razziżmu,

F.

billi l-memorji tal-passat traġiku tal-Ewropa għandhom jinżammu ħajjin sabiex jiġu onorati l-vittmi, jiġu kkundannati dawk il-perpetraturi u jitħejjew il-pedamenti tar-rikonċiljazzjoni bbażati fuq il-verità u t-tifkira,

G.

billi miljuni ta’ vittmi kienu deportati, mitfugħa l-ħabs, ittorturati u maqtula mir-reġimi totalitarji u awtoritarji matul is-Seklu 20 fl-Ewropa; billi l-uniċità tal-Olokawst irid madankollu jiġi rikonoxxut,

H.

billi l-esperjenza storika dominanti tal-Ewropa tal-Punent kien in-Nażiżmu, u billi l-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant kellhom l-esperjenza sew tal-Komuniżmu u tan-Nażiżmu; billi jrid jitħeġġeġ il-fehim tal-wirt doppju tad-dittatorjat ta’ dawn il-pajjiżi,

I.

billi l-integrazzjoni Ewropea mill-bidu tagħha kienet tweġiba għat-tbatija kkawżata miż-żewġ gwerer dinjijin u t-tirannija tan-Nazi li wasslet għall-Olokawst u għat-tifrix tar-reġimi totalitarji u komunisti mhux demokratiċi fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, kif ukoll il-mod li bih jingħelbu qasmiet profondi u ta’ ostilità fl-Ewropa permezz tal-kooperazzjoni u tal-integrazzjoni u t-tmiem ta’ gwerra u għas-sikurezza tad-demokrazija fl-Ewropa,

J.

billi l-proċess tal-integrazzjoni Ewropew kellu suċċess u issa wassal biex Unjoni Ewropea tinkludi pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li għexu taħt sistemi Komunisti mill-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija sal-bidu tas-snin 90, u billi l-adeżjonijiet li saru qabel tal-Greċja, Spanja u l-Portugall, li sofrew taħt reġimi faxxisti għal perjodu twil, kienu ta’ għajnuna sabiex tiġi żgurata d-demokrazija fin-nofsinhar tal-Ewropa,

K.

billi l-Ewropa qatt ma tista’ tkun unita jekk ma jkolliex il-ħila li tifforma dehra komuni tal-istorja tagħha, jekk ma tirrikonoxxix is-Staliniżmu, in-Naziżmu u r-reġimi faxxisti u Komunisti bħala wirt komuni u jekk ma tmexxix dibattitu onest u fil-fond dwar ir-reati tagħhom fis-seklu li għadda,

L.

billi fl-2009 l-Ewropa riunita se tiċċelebra l-20 anniversarju mill-waqgħa tad-dittatorjati Komunisti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u mil-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin, li għandu jagħti l-opportunità biex itejjeb l-għarfien tal-passat u jirrikonoxxi l-irwol tal-inizjattivi taċ-ċittadini demokratiċi, kif ukoll inċentiv biex jissaħħaħ is-sens ta’ għaqda u koeżjoni,

M.

billi huwa importanti wkoll li jitfakkru dawk il-persuni li opponew b’mod attiv il-ħakma totalitarja u li għandhom jibqgħu jiġu mfakkra mill-Ewropej bħala l-eroj tal-era totalitarja minħabba d-dedizzjoni, il-fedeltà lejn l-ideali, l-unur u l-kuraġġ tagħhom,

N.

billi mill-perspettiva tal-vittmi huwa immaterjali liema reġim ċaħħadhom mil-libertà tagħha jew ittorturahom jew qatilhom għal kwalunkwe raġuni,

1.

Jesprimi rispett lejn il-vittmi kollha tar-reġimi totalitarji u mhux demokratiċi fl-Ewropa u juri stima lejn dawk li ġġieldu kontra t-tirannija u l-oppressjoni;

2.

Iġedded l-impenn tiegħu lejn Ewropa paċifika u prospera msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

3.

Jenfasizza l-importanza li jinżammu ħajjin il-memorji tal-passat, minħabba li ma jistax ikun hemm rikonċiljazzjoni mingħajr il-verità u t-tifkira, jikkonferma mill-ġdid il-pożizzjoni magħquda tiegħu kontra t-tmexxija totalitarja minn kull sfond ideoloġiku; jikkonferma mill-ġdid il-pożizzjoni komuni tal-Unjoni Ewropea kontra l-awtoritajiet totalitarji kollha ġejjin minn kwalunkwe sfond ideoloġiku;

4.

Ifakkar li l-aktar reati kontra l-umanità u atti ta’ ġenoċidju riċenti fl-Ewropa kienu għadhom qed iseħħu f’Lulju tal-1995, u li hemm bżonn ta’ viġilanza regolari biex jiġu miġġildin ideat u tendenzi mhux demokratiċi, ksenofobiċi, awtoritarji u totalitarji;

5.

Jenfasizza li, sabiex tissaħħaħ il-kuxjenza Ewropea dwar ir-reati kummessi mir-reġimi totalitarji u mhux demokratiċi, id-dokumentazzjoni u r-rakkonti ta’ xhieda dwar il-passat mimli inkwiet tal-Ewropa għandhom jiġu appoġġjati, minħabba li ma jistax ikun hemm rikonċiljazzjoni mingħajr it-tifkira;

6.

Jiddispjaċih li, wara 20 sena mill-waqgħa tad-dittatorjati Komunisti totalitarji fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, l-aċċess għad-dokumenti li huma ta’ rilevanza personali jew meħtieġa għar-riċerka xjentifika għadu ristrett bla bżonn f’xi Stati Membri; jitlob għal sforz ġenwin fl-Istati Membri kollha biex jinfetħu l-arkivji, inklużi dawk tas-servizzi ta’ sigurtà interna, il-puliżija sigrieta u l-aġenziji ta’ intelliġenza ta’ dari; għalkemm iridu jittieħdu l-passi biex jiġi żgurat li dan il-proċess ma jiġix abbużat għal raġunijiet politiċi;

7.

Jikkundanna bil-qawwa u b’mod ċar ir-reati kollha kontra l-umanità u l-ksur fuq skala kbira tad-drittijiet tal-bniedem li twettaq reġimi totalitarji u awtoritarji kollha; joffri l-kondoljanzi, il-komprensjoni u r-rikonoxximent għat-tbatijiet tagħhom lill-vittmi ta’ dawn ir-reati u lill-membri tal-familji tagħhom;

8.

Jiddikjara li l-integrazzjoni Ewropea bħala mudell għall-paċi u għar-rikonċilajzzjoni jirrapreżenta għażla ħielsa mill-popli tal-Ewropa biex jimpenjaw ruħhom lejn futur kondiviż u li l-Unjoni Ewropea għandha responsabilità partikulari biex tippromwovi u tissalvagwardja d-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll barra minnha;

9.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu aktar sforzi biex jissaħħaħ it-tagħlim tal-istorja Ewropea u biex jiġi aċċentwat il-ksib storiku tal-intregrazzjoni Ewropea u l-kuntrast qawwi bejn il-passat traġiku u l-ordni soċjali paċifiku u demokratiku fl-Unjoni Ewropea tal-lum;

10.

Jemmen li l-preservazzjoni xierqa tal-memorja storika, valutazzjoni komprensiva mill-ġdid tal-istorja Ewropea u r-rikonoxximent mal-Ewropa kollha tal-aspetti storiċi kollha tal-Ewropa modern għandhom isaħħu l-integrazzjoni Ewropea;

11.

Jistieden f’dan ir-rigward, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jappoġġjaw u jiddefendu l-attivitajiet tal-għaqdiet mhux governattivi, bħalma huwa l-mafkar tal-Federazzjoni Russa li huma impenjati b’mod attiv fir-riċerka u l-ġbir ta’ dokumenti relatati mar-reati li twettqu matul il-perjodu Stalinist;

12.

Itenni l-appoġġ konsistenti tiegħu għat-tisħiħ tal-ġustizzja internazzjonali;

13.

Jitlob li tiġi stabbilita Pjattaforma ta’ Memorja u Kuxjenza Ewropea li tagħti appoġġ għan-netwerking u l-kooperazzjoni fost l-istituti nazzjonali ta’ riċerka li jispeċjalizzaw fis-suġġett tal-istorja totalitarja u għall-ħolqien ta’ ċentru/memorjal pan-Ewropew ta’ dokumentazzjoni għall-vittmi tar-reġimi totalitarji;

14.

Jitlob li jkun hemm tisħiħ tal-istrumenti relevanti finanzjarji attwali bil-ħsieb li jingħata appoġġ għar-riċerka storika professjonali dwar il-kwistjonijiet għall-inizjattivi msemmija hawn fuq;

15.

Jitlob għall-proklamazzjoni tat-23 ta’ Awissu bħala Jum ta’ Tifkira mal-Ewropa kollha għall-vittmi ta’ kull reġim totalitarju u awtoritarju, biex dan jiġi mfakkar b’dinjità u imparzjalità;

16.

Jinsab konvint li l-għan aħħari mistenni mill-iżvelar u l-valutazzjoni tar-reati mwettqa mir-reġimi totalitarji Komunisti huwa r-rikonċiljazzjoni, li tista’ tintlaħaq bl-ammissjoni tar-responsabilità, b’talba għall-maħfra u bit-trawwim ta’ tiġdid morali;

17.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi kandidati, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi assoċjati mal-Unjoni Ewropea, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Membri tal-Kunsill tal-Ewropa.


(1)  ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.

(2)  Testi adottati, P6_TA(2008)0439.

(3)  ĠU C 92E, 20.4.2006, p. 392.

(4)  Testi adottati, P6_TA(2008)0523.

(5)  Testi adottati, P6_TA(2009)0028.


Top