Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XG0526(01)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill tal- 11 ta' Mejju 2010 dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ

    ĠU C 135, 26.5.2010, p. 2–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 135/2


    Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2010 dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ

    2010/C 135/02

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    WARA LI KKUNSIDRA:

    1.

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-14 ta' Novembru 2006, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar l-effiċjenza u l-ekwità fl-edukazzjoni u t-taħriġ (1), li stiednu lill-Istati Membri jiżguraw sistemi ekwi tal-edukazzjoni u t-taħriġ li għandhom l-għan li jipprovdu opportunitajiet, aċċess, trattament u riżultati li huma indipendenti mill-isfond soċjoekonomiku u minn fatturi oħrajn li jistgħu jwasslu għal żvantaġġ fl-edukazzjoni.

    2.

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi prinċipali għat-tagħlim tul il-ħajja (2), li tenfasizza l-importanza li jiġi żviluppat il-provediment tal-kompetenzi prinċipali għal kulħadd u li jkun hemm provediment adatt għal dawk li minħabba żvantaġġi fl-edukazzjoni jeħtieġu appoġġ partikolari sabiex iwettqu l-potenzjal edukattiv tagħhom.

    3.

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2007 dwar ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda (3), li saħqet dwar il-ħtieġa li jkunu antiċipati l-ħtiġijiet ta' ħiliet u li jogħlew il-livelli ta' ħiliet ġenerali, fejn tingħata prijorità lill-edukazzjoni u t-taħriġ ta' dawk b'ħiliet baxxi u fir-riskju ta' esklużjoni ekonomika u soċjali.

    4.

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Novembru 2007 dwar l-immodernizzar tal-universitajiet għall-kompetittività tal-Ewropa f'ekonomija ta' għarfien globali (4), li affermet mill-ġdid l-importanza li jiżdiedu l-opportunitajiet għat-tagħlim tul il-ħajja, li jitwessa′ l-aċċess għall-edukazzjoni għolja biex tinkludi dawk li qed jitgħallmu b'mod mhux tradizzjonali u ta' età adulta u li tiġi żviluppata d-dimensjoni tat-tagħlim tul il-ħajja tal-universitajiet.

    5.

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2008 dwar it-tagħlim għall-adulti (5), li saħqu dwar il-ħtieġa li jogħlew il-livelli tal-ħiliet ta' numru li għadu sinifikanti ta' ħaddiema b'ħiliet baxxi u li ssottolinjaw il-kontribut tat-tagħlim għall-adulti biex jitrawmu l-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku.

    6.

    Id-Deċiżjoni Nru 1098/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) (6), li tiddikjara li n-nuqqas ta' kompetenzi u kwalifiki bażiċi adatti għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol huwa ostakolu kbir għall-inklużjoni fis-soċjetà.

    7.

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-21 ta' Novembru 2008 dwar il-prijoritajiet futuri għall-kooperazzjoni Ewropea msaħħa fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) (7), li ssottolinjaw li l-ETV mhux biss jippromwovu l-kompetittività, il-prestazzjoni tan-negozju u l-innovazzjoni fil-kuntest ta' ekonomija globalizzata, iżda wkoll l-ekwità, il-koeżjoni, l-iżvilupp personali u ċ-ċittadinanza attiva, u li għandha tiġi promossa l-attrattiva tagħhom fost il-gruppi ta' mira kollha.

    8.

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-21 ta' Novembru 2008 dwar it-tħejjija taż-żgħażagħ għas-seklu 21: aġenda għall-kooperazzjoni Ewropea dwar l-iskejjel (8), li stiednu lill-Istati Membri biex jiżguraw l-aċċess għal opportunitajiet u servizzi edukattivi ta' kwalità għolja, b'mod partikolari għat-tfal u ż-żgħażagħ li jistgħu jkunu żvantaġġati minħabba ċirkostanzi personali, soċjali, kulturali u/jew ekonomiċi.

    9.

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-edukazzjoni tat-tfal bi sfond ta' migrazzjoni (9), li stiednu lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri adatti fil-livell rikjest tagħhom ta' responsabbiltà – lokali, reġjonali jew nazzjonali – bil-ħsieb li jkun żgurat li t-tfal kollha jiġu offruti opportunitajiet ġusti u ndaqs, kif ukoll l-appoġġ meħtieġ biex jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom, irrispettivament mill-isfond.

    10.

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018) (10), li stiednet lill-Istati Membri jiżguraw aċċess ugwali għaż-żgħażagħ għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja f'kull livell, u biex jippromwovu rabtiet aħjar bejn l-edukazzjoni formali u t-tagħlim mhux formali,

    U WARA LI KKUNSIDRA B'MOD PARTIKOLARI:

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”) (11), li identifikaw il-promozzjoni tal-ekwità, il-koeżjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva bħala waħda mill-erba′ objettivi strateġiċi tiegħu u li ddefinixxew ħames livelli ta' referenza ta' prestazzjoni Ewropea medja (“punti ta' referenza Ewropej”) li jpoġġu wkoll enfasi qawwija fuq il-kisba tal-ekwità.

    U FID-DAWL TA':

    Il-konferenza dwar l-Edukazzjoni Inklużiva: mod kif nippromwovu l-koeżjoni soċjali li saret f'Madrid fil-11-12 ta' Marzu 2010.

    WAQT LI JINNOTA LI:

    Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE kollha jeħtieġ li jiżguraw kemm l-ekwità kif ukoll l-eċċellenza. It-titjib tal-kisbiet edukattivi u l-forniment ta' kompetenzi essenzjali għal kulħadd huma kruċjali mhux biss għat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività, iżda anki biex jitnaqqas il-faqar u titrawwem l-inklużjoni soċjali.

    L-inklużjoni soċjali permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandha tiżgura opportunitajiet indaqs għall-aċċess għall-edukazzjoni ta' kwalità, kif ukoll l-ekwità fit-trattament, inkluż bl-adattament tal-provediment għall-ħtiġijiet tal-individwi. Fl-istess ħin, hija għandha tiżgura opportunitajiet indaqs biex jinkisbu l-aħjar riżultati, billi tfittex li tipprovdi l-ogħla livell ta' kompetenzi prinċipali għal kulħadd.

    KONXJU LI:

    Is-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-trawwim tal-koeżjoni soċjali, iċ-ċittadinanza attiva u s-sodisfazzjon personali fis-soċjetajiet Ewropej. Huma għandhom il-potenzjal biex jippromwovu l-mobbiltà soċjali 'l fuq u jfarrku ċ-ċiklu tal-faqar, l-iżvantaġġ soċjali u l-esklużjoni. Ir-rwol tagħhom jista' jissaħħaħ aktar billi jiġu adatti għad-diversità tal-isfond taċ-ċittadini f'termini ta' arrikkiment kulturali, għarfien u kompetenzi eżisteni, u ħtiġijiet ta' tagħlim.

    L-edukazzjoni mhijiex l-unika kawża tal-esklużjoni soċjali, u lanqas mhija l-unika soluzzjoni għaliha. Miżuri edukattivi waħedhom x'aktarx li ma jtaffux l-impatt ta' żvantaġġi multipli, u għaldaqstant huma meħtieġa approċċi multisettorjali li jistgħu jartikulaw dawn il-miżuri flimkien ma' linji ta' politika soċjali u ekonomiċi usa′.

    Iż-żieda tal-kompetittività internazzjonali teħtieġ ħiliet professjonali għolja kkombinati mal-abbiltà tal-ħolqien, l-innovazzjoni u l-ħidma f'ambjenti multikulturali u multilingwi. Flimkien mal-pressjoni demografika, dan jagħmilha saħansitra aktar importanti għas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jgħollu l-livelli milħuqa ġenerali, filwaqt li jiżguraw li n-nies kollha, żgħażagħ u adulti – irrispettivament mill-isfond soċjoekonomiku jew iċ-ċirkustanzi personali tagħhom – ikunu megħjuna jiżviluppaw il-potenzjali sħiħ tagħhom permezz tat-tagħlim tul il-ħajja. F'dan ir-rigward, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta' persuni bi bżonnijiet edukattivi speċjali, dawk ta' persuni bi sfond migratorju u dawk tal-komunità Roma.

    Hekk kif l-effetti soċjali tal-kriżi ekonomika jkomplu jinkixfu – u fil-kuntest tas-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) (12), huwa ċar li t-tnaqqis fir-rittmu laqat b'mod qawwi lil dawk l-aktar żvantaġġati, filwaqt li fl-istess ħin ipperikola l-isforzi baġitarji li huma mmirati lejn dawn il-gruppi.

    JIRRIKONOXXI LI:

    Jekk l-Ewropa trid tikkompeti u tipprospera bħala ekonomija bbażata fuq l-għarfien ibbażata fuq livelli għolja sostenibbli ta' impjieg u koeżjoni soċjali msaħħa – kif previst fl-istrateġija Ewropa 2020, ir-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ f'perspettiva ta′ tagħlim tul il-ħajja huwa kruċjali. Il-forniment ta' kompetenzi ewlenin għal kulħadd fuq bażi ta' tagħlim tul il-ħajja ser ikollu rwol kruċjali fit-titjib tal-impjegabbiltà taċ-ċittadini, u l-inklużjoni soċjali u s-sodisfazzjon personali tagħhom.

    Fil-kuntest tal-punti ta' referenza Ewropej maqbula taħt il-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ET 2020, teżisti ħtieġa urġenti li jitnaqqas in-numru attwali ta' dawk b'livell baxx ta' ħiliet bażiċi - partikolarment fil-qari (fir-rigward ta' liema d-data attwali tindika li medja ta' student minn kull erbgħa mhux kapaċi jaqra u jikteb tajjeb) – u li jitnaqqas aktar in-numru ta' dawk li jħallu l-edukazzjoni u t-taħriġ qabel iż-żmien, kif ukoll ħtieġa li tiżdied il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura kmieni fit-tfulija, li jiżdied in-numru ta' żgħażagħ bi kwalifika ta' livell terzjarju, u li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja. Bżonnijiet bħal dawn jinħassu partikolarment fil-każ ta' dawk li ġejjin minn sfond żvantaġġat, li statistikament għandhom tendenza ta' prestazzjoni sinifikattivament inqas tajba meta mqabbla ma' kull wieħed mill-punti ta' referenza. L-objettivi tal-Qafas Strateġiku jistgħu jintlaqgħu tajjeb unikament jekk jiġu indirizzati l-bżonnijiet ta' min jinsab fir-riskju tal-esklużjoni soċjali.

    JIKKUNSIDRA LI:

    Id-differenzi fil-livell tal-inklużjoni soċjali miksub mill-Istati Membri jindika li għad fadal ambitu sinifikati biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi u l-esklużjoni fl-UE, kemm permezz ta' bidliet strutturali kif ukoll permezz ta' appoġġ addizzjonali għall-istudenti fir-riskju tal-esklużjoni soċjali. L-ekwità u l-eċċellenza mhumiex esklużivi reċiproċikament, iżda komplementari u wieħed għandu jfittex li jiksibhom kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew. Filwaqt li s-sitwazzjoni tal-Istati Membri hija differenti, il-kooperazzjoni Ewropea tista' tgħin biex jiġu identifikati modi biex jiġu promossi l-inklużjoni soċjali u l-ekwità mingħajr ma tkun kompromessa l-eċċellenza.

    Is-sistemi li jinvokaw standards għoljin ta' kwalità għal kulħadd u jsaħħu r-responsabbiltà, li jrawmu approċċi personalizzati u inklużivi, li jappoġġaw l-intervent bikri u li jimmiraw b′mod partikolari lejn studenti żvantaġġati, jistgħu jkunu fatturi b'saħħithom fit-trawwim tal-inklużjoni soċjali.

    Skemi għall-appoġġ tal-istudenti bħal għotjiet, self, u benefiċċji addizzjonali mhux finanzjarji jista' jkollhom rwol importanti biex ikun faċilitat l-aċċess indaqs, b'mod partikolari fl-edukazzjoni għolja. Minħabba aktar pressjoni fuq ir-riżorsi finanzjarji għall-edukazzjoni, ser ikun kruċjali li tinkiseb effettività msaħħa għall-investiment pubbliku; l-analiżi tat-tfassil u l-impatt ta' sistemi differenti ta' finanzjament tista' tgħin fl-informazzjoni għall-għażliet.

    IKOMPLI JIKKUNSIDRA LI:

    Fir-rigward tal-edukazzjoni bikrija u skolastika:

    1.

    Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija ta' kwalità għolja fit-tfulija, b'persunal b'ħiliet għoljin u proporzjonijiet adegwati bejn it-tfal u l-personal, tipproduċi riżultati pożittivi għat-tfal kollha u għandha l-ogħla benefiċċji għal dawk l-aktar żvantaġġati. Il-provediment ta' inċentivi u appoġġ adegwati, l-adattament tal-provediment għall-ħtiġijiet u ż-żieda tal-aċċessibbiltà jistgħu jwessgħu l-parteċipazzjoni tat-tfal minn ambjenti żvantaġġati (13).

    2.

    L-iżgurar ta' edukazzjoni ta' kwalità għolja li tipprovdi kompetenzi essenzjali għal kulħadd huwa wieħed mill-modi l-aktar effettivi għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali. Hu meħtieġ appoġġ addizzjonali għall-iskejjel bi proporzjon għoli ta' studenti minn ambjenti żvantaġġati.

    3.

    Il-prevenzjoni b'suċċess tat-tluq qabel iż-żmien mill-iskola teħtieġ l-iżvilupp tal-għarfien dwar gruppi li qegħdin fir-riskju li jabbandunaw l-istudji (pereżempju minħabba ċirkustanzi personali jew soċjoekonomiċi, jew minħabba diffikultajiet biex jitgħallmu) fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali, u sistemi biex jiġu identifikati fi żmien bikri individwi li jinsabu f'tali riskju. Għandhom jiġu implimentati strateġiji transsettorjali komprensivi, li jipprovdu firxa ta' linji ta' politika madwar l-iskejjel u b'mod sistematiku mmirati lejn il-fatturi differenti li jwasslu għat-tluq qabel iż-żmien mill-iskola. L-appoġġ fuq bażi individwali għall-istudenti f'riskju jista' jinkludi l-għoti ta' tagħlim personalizzat, l-għoti ta' pariri, sistemi ta' konsulenza personali u tagħlim privat, appoġġ ta' sigurtà soċjali u attivitajiet barra mill-korsijiet regolari b'appoġġ għat-tagħlim.

    4.

    Fil-livell ta' kull istituzzjoni tal-edukazzjoni, l-istrateġiji għall-inklużjoni jeħtieġu tmexxija b'saħħitha, il-monitoraġġ sistematiku tar-riżultati u l-kwalità, tagħlim innovattiv u ta' kwalità għolja appoġġat minn taħriġ adatt tal-għalliema, ir-responsabbilizzazzjoni tas-setgħa u l-motivazzjoni, il-kooperazzjoni ma' professjonisti oħrajn u l-forniment tar-riżorsi adegwati. Il-provediment ta' appoġġ aktar integrat lill-istudenti fil-bżonn jeħtieġ il-kooperazzjoni mal-ġenituri u l-partijiet interessati fil-komunità, pereżempju f'oqsma bħall-attivitajiet ta' tagħlim mhux formali barra l-ħinijiet tal-iskola.

    5.

    Il-ħolqien tal-kondizzjonijiet meħtieġa għall-inklużjoni b'suċċess ta' tfal bi bżonnijiet speċjali f'ambjenti ġenerali jibbenefika lill-istudenti kollha. Iż-żieda tal-użu ta' approċċi personalizzati, inklużi pjani ta' tagħlim fuq bażi individwali u l-utilizzazzjoni tal-valutazzjoni biex jiġi appoġġat il-proċess tat-tagħlim, il-provediment ta' għalliema b'ħiliet li jiġġestixxu u jibbenefikaw mid-diversità, waqt li jippromwovu l-użu ta' tagħlim kooperattiv u jwessgħu l-aċċess u l-parteċipazzjoni, huma modi kif tiżdied il-kwalità għal kulħadd.

    Fir-rigward tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV):

    Offerta vokazzjonali varjata, b'enfasi aktar qawwija fuq il-kompetenzi prinċipali, inklużi dawk trasversali, tista' tipprovdi rotot meħtiġin ħafna għall-individwi biex itejbu l-kwalifiki tagħhom u b'hekk ikollhom aċċess għas-suq tax-xogħol. Fil-każ ta' gruppi żvantaġġati, ir-relevanza tal-ETV tista' tiżdied billi l-provediment ikun imfassal għall-ħtiġijiet individwali, jissaħħu l-gwida u l-konsulenza, jiġu rikonoxxuti forom differenti ta' tagħlim minn qabel, u jiġu promossi skemi alternattivi għat-tagħlim fuq il-post tax-xogħol. Iż-żieda fil-parteċipazzjoni, b'mod partikolari ta' dawk b'livell baxx ta' ħiliet, fil-kontinwazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali hija ċentrali għal approċċ attiv ta' inklużjoni u biex jiġi limitat il-qgħad f'każijiet ta' bidla industrijali.

    Fir-rigward tal-edukazzjoni għolja:

    1.

    Biex ikun hemm aspirazzjonijiet ogħla u żieda fl-aċċess għall-edukazzjoni għolja għal studenti minn ambjenti żvantaġġati jeħtieġ it-tisħiħ tal-iskemi ta' appoġġ finanzjarju u inċentivi oħra, u t-titjib tat-tfassil tagħhom. Is-self lill-istudenti li huwa abbordabbli, aċċessibbli, adegwat u portabbli kif ukoll għotjiet skont il-mezz jistgħu jżidu b'suċċess ir-rati ta' parteċipazzjoni għal dawk li ma jistgħux iħallsu l-ispejjeż tal-edukazzjoni għolja.

    2.

    Toroq ta' tagħlim aktar flessibbli u diversifikati – pereżempju li jkunu rikonoxxuti t-tagħlim minn qabel, l-edukazzjoni fuq bażi part-time, u tagħlim mill-bogħod – jistgħu jgħinu biex l-edukazzjoni għolja tkun rikonċiljata max-xogħol jew l-impenji tal-familja u biex titħeġġeġ parteċipazzjoni usa′. L-implimentazzjoni ta' miżuri li għandhom l-għan li jimmonitoraw u jżidu r-rata li wieħed jibqa′ fl-edukazzjoni għolja, jipprovdu appoġġ fuq bażi individwali, kif ukoll isaħħu l-gwida, il-konsulenza u t-taħriġ tal-ħiliet – b'mod partikolari matul l-istadji bikrija ta' kors universitarju – tista' ttejjeb ir-rata ta' dawk li jiggradwaw fost l-istudenti żvantaġġati.

    3.

    Huma meħtieġa sforzi speċjali, l-aktar fir-rigward tal-finanzjament, biex ikun żgurat li jittieħed kont sħiħ tal-ħtiġijiet ta' studenti żvantaġġati, li ħafna drabi ma jistgħux jibbenefikaw mill-iskemi ta' mobbiltà disponibbli.

    4.

    Il-ġlieda kontra l-inugwaljanza, il-faqar u l-esklużjoni soċjali tista' tissaħħaħ billi jkun rikonoxxut li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom responsabbiltà soċjali biex jagħtu lura lis-soċjetà l-benefiċċji tal-għarfien, billi jqiegħdu l-għarfien għas-servizz tal-komunità usa′ – kemm fil-livell lokali kif ukoll dak globali – u biex jirrispondu għall-ħtiġijiet soċjali.

    5.

    L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jistgħu wkoll jeżerċitaw responsabbiltà soċjali billi jagħmlu r-riżorsi tagħhom disponibbli għall-istudenti adulti u dawk informali u mhux formali, isaħħu r-riċerka dwar l-esklużjoni soċjali, irawmu l-innovazzjoni u jaġġornaw ir-riżorsi u l-metodoloġija edukattiva.

    Fir-rigward tal-edukazzjoni tal-adulti:

    1.

    It-twessigħ tal-aċċess għall-edukazzjoni tal-adulti jista' joħloq possibbiltajiet ġodda għall-inklużjoni attiva u l-parteċipazzjoni soċjali msaħħa, speċjalment għal dawk b'livell baxx ta' ħiliet, il-qegħda, l-adulti bi bżonnijiet speċjali, l-anzjani, u l-migranti. B'attenzjoni speċifika għal dawn tal-aħħar, it-tagħlim tal-lingwa jew il-lingwi tal-pajjiż ospitanti għandu rwol importanti fil-promozzjoni tal-integrazzjoni soċjali, kif ukoll fit-titjib tal-kompetenzi bażiċi u l-impjegabbiltà.

    2.

    It-tagħlim tal-adulti, offrut f'diversi ambjenti, li jinvolvi partijiet interessati multipli (inklużi s-settur pubbliku u dak privat, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, il-komunitajiet lokali u l-NGOs) u li jkopri t-tagħlim għall-finijiet personali, ċiviċi, soċjali u relatati mal-impjieg, huwa ċentrali biex jintlaħqu l-gruppi żvantaġġati u dawk f'riskju. Rigward speċifikament it-tagħlim relatat mal-impjiegi, in-negozji jistgħu juru responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji billi jantiċipaw aħjar it-tibdil strutturali u jipprovdu opportunitajiet għat-taħriġ mill-ġdid.

    3.

    Il-potenzjal tat-tagħlim interġenerazzjonali jista' jiġi studjat bħala mezz ta' kondiviżjoni ta' għarfien u kompetenza esperta, u ta' inkoraġġaiment għall-komunikazzjoni u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjoni żagħżugħa u dik adulta, b'hekk tiġi indirizzata d-diviżjoni diġitali dejjem tikber u jitnaqqas l-iżolament soċjali.

    F′perspettiva ta′ tagħlim tul il-ħajja:

    Is-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ b'toroq flessibbli, li jżommu l-opportunitajiet miftuħin sakemm huwa possibbli u li jevitaw “waqfien totali” (“dead end”), jgħinu biex jingħeleb l-iżvantaġġ. Huma jgħinu wkoll biex tiġi evitata marġinalizzazzjoni soċjoekonomika jew kulturali u li wieħed jinżamm lura minħabba aspettattivi baxxi. Il-provediment ta' gwida tul il-ħajja u l-validazzjoni ta' ħiliet akkwistati, inkluż ir-rikonoxximent ta' tagħlim u esperjenza minn qabel, id-diversifikazzjoni ta' mudelli ta' ammissjoni għal-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi l-edukazzjoni għolja u t-tagħlim tal-adulti, u l-għoti ta' aktar attenzjoni għall-kwalità u l-attrattiva tal-ambjenti ta' tagħlim, jistgħu jiffaċilitaw it-transizzjonijiet għall-istudenti. Huma meħtieġa modi innovattivi biex titwassal il-gwida u l-kollaborazzjoni ma' servizzi soċjali oħrajn u s-soċjetà ċivili biex jintlaħqu gruppi żvantaġġati barra s-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ.

    GĦALDAQSTANT JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI:

    Fir-rigward tal-edukazzjoni bikrija u skolastika, biex:

    1.

    Jiżguraw aċċess usa′ għal edukazzjoni u kura ta' kwalità għolja fit-tfulija bikrija, sabiex it-tfal kollha – b′mod partikolari dawk minn ambjenti żvantaġġati jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali – jingħataw bidu sod, kif ukoll biex tiżdied il-motivazzjoni biex jitgħallmu.

    2.

    Itejbu l-kwalità tal-provediment fl-iskejjel u jnaqqsu d-differenzi bejniethom u fi ħdanhom, bil-ħsieb li tiġi miġġielda l-marġinalizzazzjoni soċjoekonomika jew kulturali possibbli.

    3.

    Jiffukaw fuq il-kisba ta' ħiliet bażiċi essenzjali, speċjalment il-litteriżmu, in-numerazzjoni u - b′mod partikolari fil-każ ta' studenti bi sfond migratorju – ħiliet lingwistiċi.

    4.

    Iħeġġu attivitajiet ta' netwerking bejn l-iskejjel, sabiex jikkondividu l-esperjenza u eżempji ta' prattika tajba.

    5.

    Jintensifikaw l-isforzi għall-prevenzjoni tat-tluq qabel iż-żmien mill-iskola, abbażi tal-iżvilupp ta' sistemi ta' twissija bikrija li jidentifikaw studenti f'riskju; iħeġġu strateġiji tul l-iskejjel għall-inklużjoni, bl-iffokar fuq il-kwalità u appoġġati bi tmexxija adegwata u t-taħriġ tal-għalliema f'perspettiva tat-tagħlim tul il-ħajja.

    6.

    Jiżviluppaw approċċi aktar personalizzati u risponsi sistemiċi għall-appoġġ tal-istudenti kollha, kif ukoll jipprovdu għajnuna addizzjonali lil dawk bi sfondi żvantaġġati u dawk bi bżonnijiet speċjali.

    7.

    Isaħħu r-rilevanza tal-edukazzjoni fl-iskejjel, bil-għan li jiżdiedu l-aspirazzjonijiet tal-istudenti u jkunu stimulati mhux biss l-abbiltà tagħhom li jitgħallmu iżda wkoll il-motivazzjoni li jitgħallmu.

    8.

    Irendu t-tagħlim bħala professjoni aktar attraenti, jipprovdu taħriġ rilevanti fl-impjieg stess u jiżguraw tmexxija b'saħħitha tal-iskejjel.

    9.

    Irendu l-iskejjel aktar responsabbli lejn is-soċjetà in ġenerali, isaħħu s-sħubiji bejn l-iskejjel u l-ġenituri, in-negozji u l-komunitajiet lokali, u jintegraw ulterjorment l-attivitajiet formali u mhux formali.

    10.

    Jippromwovu approċċi ta' edukazzjoni inklużiva b'suċċess għat-tfal kollha, inklużi dawk bi bżonnijiet speċjali, billi l-iskejjel isiru komunitajiet ta' tagħlim fejn jitrawmu sens ta' inklużjoni u appoġġ reċiproku u fejn jiġu rikonoxxuti t-talenti tat-tfal kollha. Iwettqu monitoraġġ ta' approċċi bħal dawn, b′mod partikolari bil-ħsieb li jiżdiedu r-rati ta' aċċess u ta' dawk li jiggradwaw fost dawk bi bżonnijiet speċjali li qed jitgħallmu fil-livell kollha tas-sistema tal-edukazzjoni.

    Fir-rigward tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, biex:

    1.

    Isaħħu l-kisba ta' kompetenzi ewlenin permezz tat-toroq u l-programmi vokazzjonali, u jindirizzaw aħjar il-ħtiġijiet tal-istudenti żvantaġġati.

    2.

    Jiżviluppaw aktar il-provediment ta' ETV li jippermetti lill-istudenti biex jibnu t-toroq individwalizzati tagħhom.

    3.

    Jistinkaw biex jiżguraw li s-sistemi tal-ETV huma integrati sew fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ ġenerali, inklużi toroq flessibbli li jippermettu lill-istudenti li jbidlu minn settur għall-ieħor, u għall-impjieg.

    4.

    Isaħħu l-attivitajiet ta' gwida u ta' pariri u t-taħriġ rilevanti tal-għalliema, sabiex ikunu appoġġati l-għażliet tal-istudenti fir-rigward tal-karriera tagħhom u t-transizzjonijiet fl-edukazzjoni jew mill-edukazzjoni għall-impjieg. Dan huwa partikolarment importanti għall-integrazzjoni b'suċċess fis-suq tax-xogħol u għall-inklużjoni tal-istudenti bi bżonnijiet speċjali.

    Fir-rigward tal-edukazzjoni għolja, biex:

    1.

    Jippromwovu aċċess aktar mifrux, pereżempju bit-tisħiħ tal-iskema ta' appoġġ finanzjarju għall-istudenti u permezz ta' toroq ta' tagħlim flessibbli u diversifikati.

    2.

    Jiżviluppaw linji ta' politika bil-għan li jżidu r-rati ta' kkompletar tal-edukazzjoni għolja, inkluż permezz tat-tisħiħ ta' appoġġ fuq bażi individwali, gwida u konsulenza għall-istudenti.

    3.

    Ikomplu jeliminaw l-ostakoli, jespandu l-opportunitajiet, u jtejbu l-kwalità tal-mobbiltà tat-tagħlim, inkluż billi jiġu pprovduti inċentivi adegwati għall-mobbiltà tal-istudenti minn ambjenti żvantaġġati.

    4.

    Jippromwovu programmi speċifiċi għall-istudenti adulti u dawk mhux tradizzjonali.

    Fir-rigward tal-edukazzjoni tal-adulti, biex:

    1.

    Isaħħu l-linji ta' politika biex dawk b'livelli baxxi ta' ħiliet, adulti qegħda u, fejn ikun il-każ, ċittadini bi sfond migratorju, jkunu jistgħu jakkwistaw kwalifika jew jagħmlu pass ieħor fil-ħiliet tagħhom (“pass 'il fuq”), u jwessgħu l-provediment tal-edukazzjoni li tagħti ċans ieħor lill-adulti żgħar fl-età.

    2.

    Jippromwovu miżuri biex jiżguraw li kulħadd ikollu aċċess għall-ħiliet bażiċi u l-kompetenzi prinċipali meħtieġa biex jgħix u jitgħallem fis-soċjetà tal-għarfien, b′mod partikolari l-litteriżmu u l-ħiliet tal-ICT.

    U b'mod ġenerali jsaħħu d-dimensjoni soċjali tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ billi:

    1.

    Iżidu l-flessibbiltà u l-permeabbiltà tat-toroq tal-edukazzjoni u jneħħu l-ostakoli għall-parteċipazzjoni u għall-mobbiltà fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u bejniethom.

    2.

    Jiżviluppaw rabtiet eqreb bejn id-dinja tal-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol u s-soċjetà inġenerali, bil-għan li jitjiebu l-impjegabbiltà u ċ-ċittadinanza attiva.

    3.

    Jistabbilixxu sistemi għall-validazzjoni u r-rikonoxximent tat-tagħlim minn qabel, inkluż it-tagħlim informali u mhux formali, u jżidu l-użu tal-gwida tul il-ħajja fost l-istudenti żvantaġġati u ta' ħiliet baxxi.

    4.

    Jevalwaw l-impatt u l-effettività tal-miżuri ta' appoġġ finanzjarju li jimmiraw lejn dawk żvantaġġati, kif ukoll l-effetti tat-tfassil ta' sistemi u strutturi edukattivi fuq dawk żvantaġġati.

    5.

    Jikkunsidraw il-ġbir ta' data dwar eżiti, rati ta' tluq bikri mill-iskola u dwar l-isfond soċjoekonomiku tal-istudenti, b′mod partikolari fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni tal-adulti.

    6.

    Jikkunsidraw l-istabbiliment ta' objettivi kwantifikati fil-qasam tal-inklużjoni soċjali permezz tal-edukazzjoni li huma adatti għas-sitwazzjoni ta' kull Stat Membru.

    7.

    Jikkunsidraw l-iżvilupp ta' approċċ integrat għal dawn l-objettivi, f'koordinazzjoni ma' linji ta' politika oħrajn.

    8.

    Jiddedikaw riżorsi adegwati lill-istudenti u l-iskejjel żvantaġġati, u, skont il-każ, jestendu l-użu tal-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, sabiex titnaqqas l-esklużjoni soċjali permezz tal-edukazzjoni.

    GĦALDAQSTANT JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX:

    1.

    Ikomplu bil-kooperazzjoni fir-rigward tal-prijorità strateġika li jiġu promossi l-ekwità, il-koeżjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva, billi b'mod attiv jintuża l-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni fil-kuntest tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”) u bl-implimentazzjoni tad-dimensjoni soċjali tal-proċess ta' Bologna u dak ta' Kopenħagen u bl-adozzjoni ta' miżuri konformi mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2008 dwar it-tagħlim tal-adulti.

    2.

    Jistinkaw biex jagħmlu użu attiv tal-istrata kollha tal-Programm ta' Tagħlim tul il-Ħajja u, skont il-każ, tal-Fond Soċjali Ewopew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Programm ta' Progress, sabiex tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u jinżamm iffokar b'saħħtu fuq din id-dimensjoni fil-proposti għall-ġenerazzjoni ta' programmi li jmiss.

    3.

    Jippromwovu u jappoġġaw il-parteċipazzjoni akbar ta' studenti minn ambjenti żvantaġġati, jew dawk bi bżonnijiet speċjali, fi skemi, sħubiji u proġetti ta' mobbiltà transnazzjonali, b′mod partikolari dawk stabbiliti taħt il-Programm ta' Tagħlim tul il-Ħajja.

    4.

    Jappoġġaw ir-riċerka komparattiva dwar l-effettività tal-linji ta' politika biex tiżdied l-ekwità fl-edukazzjoni u t-taħriġ, iwessgħu l-bażi tal-għarfien f'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn u jiżguraw tixrid wiesa′ tar-riżultati tar-riċerka.

    5.

    Jippromwovu r-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ bħala l-istrumenti prinċipali għall-kisba tal-objettivi tal-inklużjoni soċjali u l-proċess tal-protezzjoni soċjali.


    (1)  ĠU C 298, 8.12.2006, p. 3.

    (2)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

    (3)  ĠU C 290, 4.12.2007, p. 1.

    (4)  Dok. 16096/1/07 REV 1.

    (5)  ĠU C 140, 6.6.2008, p. 10.

    (6)  ĠU L 298, 7.11.2008, p. 20.

    (7)  ĠU C 18, 24.1.2009, p. 6.

    (8)  ĠU C 319, 13.12.2008, p. 20.

    (9)  ĠU C 301, 11.12.2009, p. 5.

    (10)  ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.

    (11)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

    (12)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 6.

    (13)  Għall-finijiet ta' dan it-test, it-terminu “sfond żvantaġġat” ikopri wkoll, kif adatt, dawk bi ħtiġijiet edukattivi speċjali li qed jitgħallmu.


    Top