Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2010/129/05

Sejħa għall-Proposti – Il-Programm ESPON 2013

ĠU C 129, 19.5.2010, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/12


Sejħa għall-Proposti – Il-Programm ESPON 2013

2010/C 129/05

Fit-3 ta’ Mejju 2010 se tiftaħ Sejħa għall-Proposti fil-qafas tal-Programm ESPON 2013. Se jitnedew żewġ Proġetti ta’ Riċerka Applikata, għadd ta’ Analiżi Mmirati kif ukoll Attivitajiet ta’ Netwerking Transnazzjonali min-Netwerk tal-Punti ta' Kuntatt tal-ESPON. Il-proposti jistgħu jiġu sottomessi sat-28 ta' Ġunju 2010.

Id-dokumentazzjoni kollha konnessa mas-Sejħa, inklużi l-proċedura għall-applikazzjoni, ir-regoli tal-eliġibbiltà, il-kriterji tal-valutazzjoni u l-materjal għas-sottomissjoni, se jkunu disponibbli fil-Websajt tal-ESPON mit-3 ta’ Mejju 2010.

I.

Sejħa għall-Proposti għall-Proġetti ta’ Riċerka Applikata (Prijorità 1 tal-Programm ESPON 2013):

(1)

Ibħra Ewropej fl-iżvilupp territorjali (baġit: EUR 800 000)

(2)

L-indikaturi u l-perspettivi għas-servizzi ta’ interess ġenerali fil-koeżjoni u l-iżvilupp territorjali (baġit: EUR 1 000 000)

Proposta waħdanija se tintgħażel għal kull waħda miż-żewġ temi indikati.

II.

Sejħa għall-Proposti għal Analiżi Mmirati (Prijorità 2 tal-Programm ESPON 2013):

(1)   EITA – ESPON u TIA– Valutazzjonijiet tal-Impatt Territorjali (baġit: EUR 350 000)

(2)   ULYSSES– Użu tar-Riżultati Applikati minn ESPON bħala Referenza għall-Ippjanar u l-Iżvilupp Spazjali Transkonfinali (baġit: EUR 350 000)

(3)   RISE– Identifikazzjoni u Skambju tal-Aqwa Prattika fl-Iżvilupp ta' Strateġiji Reġjonali Integrati fl-Ewropa (baġit: EUR 350 000)

(4)   POLYCE– Il-Metropolizzazzjoni u l-Iżvilupp Poliċentriku fl-Ewropa Ċentrali: Għażliet Strateġiċi Msejsa fuq l-Evidenza (baġit: EUR 350 000)

(5)   TPM– Monitoraġġ tal-Prestazzjoni Territorjali (baġit: EUR 350 000)

(6)   BEST – METROPOLIS– L-Aqwa Kundizzjonijiet ta’ Żvilupp fil-Metropoli Ewropej: Pariġi, Berlin, Varsavja (baġit: EUR 350 000)

(7)   SEMIGRA– Migrazzjoni Selettiva u Proporzjoni Żbilanċjat bejn is-Sessi fir-Reġjuni Rurali (baġit: EUR 350 000)

(8)   SMART-IST– Istituzzjonijiet Intelliġenti għall-Iżviluppi Territorjali (baġit: EUR 350 000)

Tista’ tintgħażel proposta waħdanija għal kull waħda mit-tmien temi indikati.

III.

Sejħa għall-Proposti għal Attivitajiet ta’ Netwerking Transnazzjonali (Prijorità 4 tal-Programm ESPON 2013):

Attivitajiet ta' kapitalizzazzjoni fil-livell transnazzjonali min-Netwerk tal-Punti ta' Kuntatt tal-ESPON (baġit: EUR 1 300 000).

L-Attivitajiet ta’ Netwerking Transnazzjonali għandhom jipprovdu kapitalizzazzjoni transnazzjonali mmirata, iqajmu l-kuxjenza u jxerrdu r-riżultati tal-ESPON bl-għanijiet speċifiċi li (1) jiġu involuti dawk li jfasslu l-politika, il-prattikanti, ix-xjenzati u l-akkademiċi żgħażagħ u (2) titħeġġeġ il-perspettiva Ewropea tal-iżvilupp, il-kompetittività u l-koeżjoni territorjali.

Il-benifiċjarji potenzjali tas-Sejħa għall-Proposti għall-Proġetti ta’ Riċerka Applikata u għall-Analiżi Mmirati huma l-entitajiet pubbliċi u privati. L-istituzzjonijiet ikkonfermati bħala Punti ta’ Kuntatt tal-ESPON biss jistgħu jissottomettu l-proposti u jiġu inklużi bħala msieħba fil-proposti dwar Attivitajiet ta' Netwerking Transnazzjonali.

Il-Programm ESPON 2013 jistieden lill-benefiċjarji potenzjali għall-Jum ta’ Tagħrif dwar is-Sejħiet Ġodda u l-Kafè tal-Imsieħba fit-18 ta’ Mejju 2010 fi Brussell ħalli dawn jiksbu t-tagħrif dwar l-opportunitajiet il-ġodda ta' finanzjament imnedija mis-sejħiet u sabiex jiltaqgħu mal-imsieħba potenzjali fil-proġetti.

Għal aktar tagħrif żur is-sit: http://www.espon.eu


Top