Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XG0427(01)

    Avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 356/2010

    ĠU C 107, 27.4.2010, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.4.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 107/17


    Avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 356/2010

    2010/C 107/10

    KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

    L-informazzjoni li ġejja qed tinġieb għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li jidhru fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK (1) u fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 356/2010 (2).

    Il-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit b'segwitu għar-Riżoluzzjoni (UNSCR) 751 (1992) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Somalja, fit-12 ta' April 2010 adotta l-lista ta' persuni u entitajiet li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1, 3 u 7 ta' UNSCR 1844 (2008).

    Il-persuni u l-entitajiet ikkonċernati jistgħu fi kwalunkwe ħin jippreżentaw talba lill-Kumitat tan-NU, flimkien ma' kwalunkwe dokumentazzjoni ġustifikattiva, sabiex id-deċiżjonijiet biex jiġu inklużi fil-lista tan-NU jiġu kkunsidrati mill-ġdid. Din it-talba għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

    United Nations — Focal point for delisting

    Security Council Subsidiary Organs Branch

    Room S-3055 E

    New York, NY 10017

    UNITED STATES OF AMERICA

    Għal aktar tagħrif irreferi: http://www.un.org/sc/committees/751/comguide.shtml

    B'segwitu għad-deċiżjoni tan-NU, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddetermina li l-persuni u l-entitajiet li jidhru fl-Annessi msemmijin hawn fuq għandhom ikunu inklużi fil-listi tal-persuni u l-entitajiet li huma suġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2010/231/PESK u fir-Regolament (UE) Nru 356/2010.

    Qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet ikkonċernati għall-possibbiltà li ssir applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew l-Istati Membri rilevanti kif indikat fis-siti elettroniċi fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 356/2010, sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni biex jintużaw il-fondi ffriżati għal ħtiġijiet bażiċi jew ħlasijiet speċifiċi (ara l-Artikolu 5 tar-Regolament).

    Il-persuni u l-entitajiet ikkonċernati jistgħu jippreżentaw talba biex jiksbu d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-NU, u jindirizzawha lil:

    Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Segretarjat Ġenerali

    Rue de la Loi/Wetstraat 175

    1048 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    Il-persuni u l-entitajiet ikkonċernati jistgħu jippreżentaw talba lill-Kunsill fl-indirizz ipprovdut hawn fuq, flimkien ma' dokumentazzjoni ġustifikattiva, li d-deċiżjoni biex huma jkunu inklużi fil-listi msemmijin hawn fuq għandha terġa' tiġi kkunsidrata.

    Qed tinġibed ukoll l-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet ikkonċernati għall-possibbiltà li jikkontestaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 275 (2) u l-Artikolu 263 (4) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


    (1)  ĠU L 105, 27.4.2010, p 17.

    (2)  ĠU L 105, 27.4.2010, p 1.


    Top