Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XC0427(01)

    Avviż ta' inizjazzjoni ta' reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' furfuraldehyde li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    ĠU C 107, 27.4.2010, p. 10–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.4.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 107/10


    Avviż ta' inizjazzjoni ta' reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' furfuraldehyde li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    2010/C 107/06

    Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ dwar l-importazzjonijiet ta' furfuraldehyde li joriġinaw, fost oħrajn, fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

    1.   Talba għal reviżjoni

    It-talba tressqet fit-28 ta' Jannar 2010 minn żewġ produtturi tal-Unjoni, Lenzing AG u Tanin Sevnica kemicna industrija d.d. (“l-applikanti”), li jirrappreżentaw sehem ewlieni, f'dan il-każ aktar minn 50 % tal-produzzjoni tal-Unjoni ta' furfuraldehyde.

    2.   Prodott

    Il-prodott taħt reviżjoni huwa 2-furfuraldehyde (magħruf ukoll bħala furfuraldehyde jew furfural) li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”), li bħalissa jaqa' fil-kodiċi NM 2932 12 00.

    3.   Miżuri eżistenti

    Il-miżuri li hemm bħalissa fis-seħħ huma dazju definittiv ta' anti-dumping impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 639/2005 (3).

    4.   Raġunijiet għar-reviżjoni

    It-talba hija msejsa fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri aktarx twassal għall-issoktar ta’ dumping u r-rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

    Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, l-applikanti ffissaw il-valur normali għall-produtturi esportaturi mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fuq il-bażi tal-prezzijiet ta' bejgħ f'pajjiż b'ekonomija tas-suq xierqa, kif imsemmi fil-punt 5.1(d) ta' dan l-avviż. L-allegazzjoni ta’ ssoktar ta’ dumping hija msejsa fuq tqabbil tal-valur normali, kif stabbilit fis-sentenza ta’ qabel, mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea taħt is-sistema ta' pproċessar intern.

    Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta' dumping li qed joħorġu mill-kalkolu huma sinifikanti.

    L-applikanti jallegaw ukoll il-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping ta' ħsara. F’dan ir-rigward, l-applikanti ppreżentaw evidenza li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell tal-importazzjoni attwali tal-prodott ikkonċernat probabbilment jiżdied minħabba l-eżistenza ta’ kapaċità mhux użata fil-pajjiż ikkonċernat.

    L-applikanti jallegaw li t-tneħħija tal-ħsara seħħet l-aktar minħabba l-eżistenza tal-miżuri u li kull rikorrenza ta' importazzjonijiet sostanzjali bi prezzijiet ta' dumping mill-pajjiż ikkonċernat aktarx twassal għal rikorrenza ta' ħsara lill-industrija tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

    5.   Proċedura

    Wara li stabbilixxiet, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed provi biex tkun iġġustifikata t-tnedija ta' reviżjoni tal-iskadenza, il-Kummissjoni b'dan tagħti bidu għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

    5.1.    Proċedura għad-determinazzjoni ta’ dumping u ta’ ħsara

    L-investigazzjoni se tistabbilixxi jekk hux probabbli jew le li r-reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri twassal għall-issoktar ta' dumping u r-rikorrenza ta' ħsara.

    (a)   Teħid ta' kampjuni

    Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ partijiet involuti f’dan il-proċediment, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tieħu kampjun, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    (i)   Teħid ta' kampjuni għall-esportaturi/produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    Biex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ li jittieħed kampjun u, jekk dan ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-esportaturi/produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, huma b'dan mitluba li jippreżentaw irwieħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni u jipprovdu t-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(i) u fil-formati indikati fil-punt 7:

    isem, indirizz, indirizz elettroniku, numri tat-telefown u tal-faks u persuna ta' kuntatt,

    il-fatturat fil-munita lokali u l-volum f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Unjoni matul il-perjodu bejn 1.4.2009 sa 31.3.2010 għal kull wieħed mis-27 Stat Membru separatament u kollha flimkien,

    il-fatturat fil-munita lokali u l-volum f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat mibjugħ fis-suq lokali waqt il-perjodu bejn 1.4.2009 sa 31.3.2010,

    il-fatturat fil-munita lokali u l-volum f’tunnellati għall-prodott ikkonċernat mibjugħ lil pajjiżi terzi oħrajn matul il-perjodu bejn 1.4.2009 sa 31.3.2010,

    l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija madwar id-dinja fir-rigward tal-prodott ikkonċernat,

    l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati (4) kollha involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (esportazzjoni u/jew fis-suq lokali) tal-prodott ikkonċernat,

    kull tagħrif rilevanti ieħor li jista' jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

    Meta tipprovdi t-tagħrif ta' hawn fuq, il-kumpanija taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ikun ifisser li trid twieġeb il kwestjonarju u taċċetta investigazzjoni fuq il-post dwar it-tweġibiet li tagħti. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, tiġi meqjusa li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni huma stabbiliti fil-punt 8 hawn taħt.

    Biex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta' esportaturi/produtturi, il-Kummissjoni, barra minn hekk, se tikkuntattja lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u lil kull għaqda magħrufa ta' esportaturi/produtturi.

    (ii)   Għażla aħħarija tal-kampjun

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu kwalunkwe informazzjoni rilevanti fir-rigward tal-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fiż-żmien stipulat fil-punt 6(b)(ii).

    Il-Kummissjoni biħsiebha tagħmel l-għażla aħħarija tal-kampjun wara li tkun ikkonsultat il-partijiet ikkonċernati li jkunu esprimew ir-rieda tagħhom li jkunu inklużi fil-kampjun.

    Il-kumpaniji inklużi fil-kampjun iridu jwieġbu kwestjonarju fiż-żmien stabbilit fil-punt 6(b)(iii) u jridu jikkooperaw fil-qafas tal-istħarriġ.

    Jekk ma tkunx disponibbli kooperazzjoni suffiċjenti, il-Kummissjoni tista’ tibbaża s-sejbiet tagħha, skont l-Artikoli 17(4) u 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-fatti disponibbli. Sejba bbażata fuq il-fatti disponibbli tista’ tkun anqas vantaġġuża għall-parti kkonċernata, kif spjegat fil-punt 8.

    (b)   Kwestjonarji

    Biex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-industrija tal-Unjoni u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi fl-Unjoni, lill-esportaturi/produtturi magħżula għall-kampjun fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ esportaturi/produtturi, lill-importaturi, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur ikkonċernat.

    (c)   Ġbir ta' tagħrif u seduti ta’ smigħ

    Il-partijiet kollha interessati huma b'dan mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, jibagħtu informazzjoni barra mit-tweġibiet għall-kwestjonarju u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Dan it-tagħrif u din l-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(a)(ii).

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li dawn jagħmlu talba fejn juru li hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu. Din it-talba trid issir fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(a)(iii).

    (d)   Għażla tal-pajjiż b'ekonomija tas-suq

    Fl-investigazzjoni ta’ qabel l-Arġentina ntużat bħala pajjiż b'ekonomija tas-suq xierqa għall-għan li jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-Kummissjoni tipprevedi li terġa’ tuża lill-Arġentina għal dan l-għan. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkummentaw dwar kemm hu xieraq dan il-pajjiż, fil-limitu taż-żmien speċifiku stipulat fil-punt 6(c).

    5.2.    Proċedura għall-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni

    Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku u fil-każ fejn il-probabbiltà ta’ ssoktar ta’ dumping u rikorrenza ta' ħsara tkun ikkonfermata, għandu jkun stabbilit jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping hijiex se tmur kontra l-interess tal-Unjoni. Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni tista’ tibgħat kwestjonarji lill-industrija magħrufa tal-Unjoni, l-importaturi, l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti rappreżentattivi u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur. Dawn il-partijiet, inklużi dawk mhux magħrufa mill-Kummissjoni, bil-kundizzjoni li jagħtu prova li hemm rabta oġġettiva bejn l-attività tagħhom u l-prodott ikkonċernat, jistgħu, fil-limiti ġenerali ta' żmien stipulati fil-punt 6(a)(ii), jippreżentaw irwieħhom u jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif. Il-partijiet li jkunu aġixxew f'konformità mas-sentenza preċedenti jistgħu jitolbu seduta ta' smigħ, billi jippreżentaw ir-raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(a)(iii). Ta’ min jinnota li kwalunkwe informazzjoni mressqa skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku titqies biss jekk tkun sostnuta minn evidenza fattwali fil-mument meta titressaq.

    6.   Limiti ta’ żmien

    (a)   Limiti ġenerali ta’ żmien

    (i)   Biex il-partijiet jitolbu kwestjonarju

    Il-partijiet kollha interessati li ma jikkooperawx fl-investigazzjoni li twassal għall-miżuri soġġetti għar-reviżjoni attwali għandhom jitolbu li jingħataw kwestjonarju jew formoli oħrajn ta’ rikjesta mill-aktar fis possibbli, iżda mhux aktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (ii)   Għall-partijiet li jridu jippreżentaw ruħhom, biex jippreżentaw it-tweġibiet tal-kwestjonarju u kull informazzjoni oħra

    Il-partijiet kollha interessati, jekk l-ilmenti tagħhom iridu jitqiesu matul l-investigazzjoni, iridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, iressqu l-opinjonijiet tagħhom u jibagħtu t-tweġibiet tal-kwestjonarju jew kwalunkwe tagħrif ieħor fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Qed tinġibed l-attenzjoni li l-eżerċizzju tal-parti l-kbira tad-drittijiet proċedurali ddefiniti fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-parti tippreżenta ruħha matul il-perjodu msemmi qabel.

    Il-kumpaniji magħżula f'kampjun għandhom iressqu t-tweġibiet tal-kwestjonarju fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(iii).

    (iii)   Seduti

    Il-partijiet kollha interessati jistgħu wkoll japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum.

    (b)   Limitu ta’ żmien speċifiku fir-rigward tat-teħid ta’ kampjuni

    (i)

    L-informazzjoni speċifikata fil-punt 5.1(a)(i) għandha tasal għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, billi l-Kummissjoni għandha l-ħsieb tikkonsulta l-partijiet ikkonċernati li esprimew ir-rieda tagħhom li jkunu inklużi fil-kampjun fl-għażla finali tagħha fi żmien perjodu ta' 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (ii)

    Kull informazzjoni oħra rilevanti għall-għażla tal-kampjun kif imsemmi fil-punt 5.1(a)(ii) għandha tasal għand il-Kummissjoni fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (iii)

    It-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-partijiet inklużi fil-kampjun għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    (c)   Limitu ta’ żmien speċifiku għall-għażla tal-pajjiż b’ekonomija tas-suq

    Il-partijiet fl-investigazzjoni jistgħu jixtiequ jikkummentaw dwar kemm hija xierqa l-għażla tal-Arġentina, li, kif imsemmi fil-punt 5.1(d), hija prevista bħala pajjiż b'ekonomija tas-suq biex ikun stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Dawn il-kummenti għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    7.   Sottomissjonijiet bil-miktub, tweġibiet tal-kwestjonarju u korrispondenza

    Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha magħmula mill-partijiet interessati jridu jsiru bil-miktub (mhux b'format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f’dan l-avviż, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Ristretti” (5) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandhom ikunu akkumpanjati minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate H

    Office: N-105 04/92

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    Fax +32 22956505

    8.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

    F’każijiet fejn xi parti interessata tiċħad l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fiż-żmien preskritt, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, ir-riżultati, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

    Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif jitwarrab u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss b'mod parzjali, u jsir użu mill-fatti disponibbli, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

    9.   Skeda tal-investigazzjoni

    L-investigazzjoni tingħalaq, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    10.   Possibbiltà li tintalab reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

    Billi din ir-reviżjoni ta' skadenza qed titnieda skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet li jirriżultaw minnha mhumiex se jwasslu biex il-livell tal-miżuri eżistenti jiġi emendat iżda se jwasslu biex dawk il-miżuri jiġu revokati jew jinżammu skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

    Jekk xi parti fil-proċediment tqis li tkun meħtieġa reviżjoni tal-livell tal-miżuri biex tippermetti l-possibbiltà li jiġi emendat (jiġifieri miżjud jew imnaqqas) il-livell tal-miżuri, dik il-parti tista' titlob għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

    Il-partijiet li jixtiequ jitolbu reviżjoni ta' din ix-xorta, li ssir indipendentement mir-reviżjoni ta' skadenza msemmija f’dan l-avviż, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz li jidher hawn fuq.

    11.   Ipproċessar ta’ dejta personali

    Ta' min jinnota li kwalunkwe dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tkun ittrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-dejta (6).

    12.   Uffiċjal għas-Seduti ta' Smigħ

    Ta’ min jinnota wkoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom, dawn jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. Dan jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, u joffri, fejn ikun hemm bżonn, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f’din il-proċedura, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajls, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-trattament tas-sottomissjonijiet tal-fehmiet bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar informazzjoni u dettalji ta’ kuntatt il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni fuq l-internet tal-Uffiċjal għas-Smigħ tal-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade).


    (1)  ĠU C 16, 22.1.2010, p. 40.

    (2)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (3)  ĠU L 107, 28.4.2005, p. 1.

    (4)  Għall-gwida dwar it-tifsira ta’ kumpaniji relatati, jekk jogħġbok irreferi għall-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

    (5)  Dan ifisser li d-dokument ikun għal użu intern biss. Huwa protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim Anti-dumping).

    (6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    Top