Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0427(01)

    Il-kummissjoni amministrattiva għall-kordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali Deċiżjoni Nru H4 tat- 22 ta’ Diċembru 2009 dwar il-kompożizzjoni u l-metodi ta' ħidma tal-Bord ta’ Verifika tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Kordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali (Test b’relevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera)

    ĠU C 107, 27.4.2010, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 09/08/2022; Mibdul minn 32022D0810(01)

    27.4.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 107/3


    IL-KUMMISSJONI AMMINISTRATTIVA GĦALL-KORDINAZZJONI TAS-SISTEMI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI

    DEĊIŻJONI Nru H4

    tat-22 ta’ Diċembru 2009

    dwar il-kompożizzjoni u l-metodi ta' ħidma tal-Bord ta’ Verifika tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Kordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera)

    2010/C 107/03

    IL-KUMMISSJONI AMMINISTRATTIVA GĦALL-KORDINAZZJONI TAS-SISTEMI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI,

    Wara li kkunsidrat l-Artikolu 72 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (1), li permezz tiegħu l-Kummissjoni Amministrattiva għandha tistabbilixxi l-fatturi li għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni għat-tfassil tal-kontijiet li għandhom x'jaqsmu mal-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri skont dan ir-Regolament u biex tadotta l-kontijiet annwali bejn dawk l-istituzzjonijiet, ibbażati fuq ir-rapport tal-Bord ta’ Verifika msemmi fl-Artikolu 74;

    Wara li kkunsidrat l-Artikolu 74 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, li permezz tiegħu l-Kummissjoni Amministrattiva għandha tiddetermina l-kompożizzjoni u l-metodi ta' ħidma tal-Bord ta’ Verifika, li għandu jagħti rapporti u opinjoni motivata għal deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni Amministrattiva skont l-Artikolu 72(g);

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    1.   Il-Bord ta’ Verifika previst fl-Artikolu 74 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali huwa marbut mal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Kordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali.

    2.   Meta jwettaq il-funzjonijiet tiegħu kif stabbiliti fl-Artikolu 74 minn (a) sa (f) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, il-Bord ta’ Verifika għandu jopera skont l-awtorità tal-Kummissjoni Amministrattiva, li minnha għandu jirċievi d-direttivi. Fi ħdan dan il-qafas, il-Bord ta’ Verifika għandu jippreżenta programm fit-tul ta' xogħol lill-Kummissjoni Amministrattiva għall-approvazzjoni.

    Artikolu 2

    1.   Il-Bord ta’ Verifika għandu, bħala prinċipju, jasal għad-deċiżjonijiet tiegħu abbażi tal-evidenza dokumentata. Dan jista’ jitlob mill-awtoritajiet kompetenti kwalunkwe tagħrif jew tweġibiet meqjusa meħtieġa fl-investigazzjoni tal-kwistjonijiet ippreżentati għall-eżami tiegħu. Fejn meħtieġ, fuq approvazzjoni minn qabel tal-President tal-Kummissjoni Amministrattiva, il-Bord ta’ Verifika jista’ jiddelega membru tas-Segretarjat jew ċerti membri tal-Bord ta’ Verifika biex iwettqu, fuq il-post, kull investigazzjoni meħtieġa għat-twettiq ta’ ħidmietu. Il-President tal-Kummissjoni Amministrattiva għandu jinnotifika r-rappreżentant tal-Kummissjoni Amministrattiva tal-Istat Membru kkonċernat li din l-investigazzjoni qed isseħħ.

    2.   Il-Bord ta’ Verifika għandu jiffaċilita l-għeluq finali tal-kontijiet f'każijiet fejn it-twettiq ma jkunx jista’ jintlaħaq fil-perjodu stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (2). It-talba motivata għall-opinjoni tal-Bord ta’ Verifika dwar tilwima skont l-Artikolu 67 (7) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 għandha tiġi riferita lill-Bord ta’ Verifika minn waħda mill-partijiet mhux anqas minn 25 jum ta’ xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa.

    3.   Il-Bord ta’ Verifika jista’ jwaqqaf Panel ta’ Konċiljazzjoni biex jassisti l-ħidma tiegħu meta jkun qed jittratta t-talba motivata għall-opinjoni tal-Bord ta’ Verifika, sottomessa minn waħda mill-partijiet, skont il-punt 2 ta' dan l-Artikolu.

    Id-dettalji tal-kompożizzjoni, it-tul ta' żmien, il-kompiti, il-metodi ta' ħidma kif ukoll is-sistema tal-Presidenza tal-Panel ta' Konċiljazzjoni għandhom ikunu inklużi f'mandat li dwaru tkun ittieħdet deċiżjoni mill-Bord ta’ Verifika.

    Artikolu 3

    1.   Il-Bord ta’ Verifika għandu jkun magħmul minn żewġ rappreżentanti minn kull wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea maħtura mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn l-Istati.

    Kull membru tal-Bord ta’ Verifika li ma jkunx jista’ jattendi jista’ jiġi ssostitwit minn deputat maħtur għal dan il-għan mill-awtoritajiet kompetenti.

    2.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea jew is-sostitut tiegħu fuq il-Kummissjoni Amministrattiva għandu jaġixxi f’kapaċità konsultattiva fi ħdan il-Bord ta’ Verifika.

    3.   Il-Bord ta’ Verifika għandu jkun mgħejjun minn espert indipendenti jew minn tim ta’ esperti b’taħriġ professjonali u b’esperjenza f’affarijiet li jikkonċernaw il-funzjonijiet tal-Bord ta’ Verifika, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħidmiet tiegħu skont l-Artikoli 64, 65 u 69 tar-Regolament 987/2009.

    Artikolu 4

    1.   Il-kariga ta’ President tal-Bord ta’ Verifika għandha tkun f’idejn membru mill-Istat Membru li r-rappreżentant tiegħu fuq il-Kummissjoni Amministrattiva jkollu l-kariga ta’ President ta’ din il-Kummissjoni.

    2.   Il-President tal-Bord ta’ Verifika jista', flimkien mas-Segretarjat, jieħu l-passi kollha meħtieġa biex isolvi mingħajr dewmien il-problemi kollha fi ħdan il-kompetenza tal-Bord ta’ Verifika.

    3.   Bħala regola, il-President tal-Bord ta’ Verifika għandu jippresiedi l-laqgħat tal-partijiet ta’ ħidma stabbiliti biex jeżaminaw problemi li huma fil-kompetenza tal-Bord ta’ Verifika; jekk, iżda, ma jkunx/tkunx f'qagħda li jagħmel/tagħmel dan jew jekk qed jiġu eżaminati ċerti problemi speċifiċi, il-President jista' jkun irrappreżentat minn persuna oħra maħtura minnu/minnha.

    Artikolu 5

    1.   Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’maġġoranza sempliċi, kull Stat Membru b’vot wieħed biss.

    L-opinjonijiet tal-Bord ta’ Verifika għandhom jindikaw jekk intlaħqux b’mod unanimu jew b’maġġoranza. Għandhom, fejn xieraq, jippreżentaw il-konklużjonijiet jew ir-riżervi tal-minoranza.

    Kull darba li opinjoni ma tintlaħaqx b’mod unanimu, il-Bord ta’ Verifika għandu jissottomettiha lill-Kummissjoni Amministrattiva flimkien ma’ rapport li jkun fih b’mod partikolari dikjarazzjoni ta’ u r-raġunijiet għall-fehmiet opposti.

    Għandu wkoll jaħtar relatur responsabbli milli jipprovdi lill-Kummissjoni Amministrattiva bit-tagħrif kollu li din tal-aħħar tqis xieraq sabiex tkun tista’ ssib soluzzjoni għat-tilwima kkonċernata.

    Ir-relatur m’għandux jintgħazel mir-rappreżentanti tal-pajjiżi involuti fit-tilwima.

    2.   Il-Bord ta’ Verifika jista' jiddeċiedi li jadotta deċiżjonijiet u opinjonijiet motivati bl-użu ta' proċedura bil-miktub jekk dwar din il-proċedura jkun intlaħaq ftehim f'laqgħa preċedenti tal-Bord ta’ Verifika.

    Għal dan il-għan il-President għandu jikkomunika t-test li għandu jiġi adottat lill-membri tal-Bord ta’ Verifika. Il-Membri għandhom jingħataw limitu ta' żmien stabbilit ta' mill-inqas għaxart ijiem tax-xogħol li fihom il-Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jistqarru li ma jaqblux mat-test propost jew li jastjenu mill-votazzjoni. Nuqqas ta' tweġiba fil-limitu ta' żmien fiss titqies bħala vot fl-affermattiv.

    Il-President jista' wkoll jiddeċiedi li jniedi proċedura bil-miktub f'każ li ma jkun intlaħaq ebda ftehim minn qabel f'laqgħa tal-Bord ta’ Verifika. F'każ bħal dan, ftehim bil-miktub biss dwar it-test propost għandu jgħodd bħala vot affermattiv u għandu jingħata l-limitu ta' żmien fiss ta' mill-inqas 15-il jum tax-xogħol.

    Il-President, wara li jiskadi l-limitu ta' żmien, għandu jinforma lill-membri dwar ir-riżultat tal-vot. Deċiżjoni li tkun irċeviet l-għadd meħtieġ ta' voti favur tiġi meqjusa li tkun ġiet adottata fl-aħħar jum tal-perjodu li matulu l-membri jkunu ntalbu jirrispondu.

    3.   Jekk membru tal-Bord ta’ Verifika jipproponi matul il-proċedura bil-miktub li t-test jiġi emendat, il-President jagħżel bejn li:

    (a)

    jerġa' jibda mill-ġdid il-proċedura bil-miktub billi jikkomunika l-emenda proposta lill-membri skont il-proċedura fil-paragrafu 2, jew

    (b)

    iħassar il-proċedura bil-miktub biex il-kwistjoni terġa' tiġi diskussa fil-laqgħa li jmiss,

    skont liema proċedura l-President iqis xierqa għall-kwistjoni kkonċernata.

    4.   Jekk membru tal-Bord ta’ Verifika, qabel ma jiskadi l-limitu ta' żmien mogħti għar-risposti, jitlob li t-test propost jiġi eżaminat f'laqgħa mal-Bord ta’ Verifika, il-proċedura bil-miktub titħassar.

    Il-kwistjoni mbagħad tiġi eżaminata fil-laqgħa tal-Bord ta’ Verifika li jkun imiss.

    Artikolu 6

    Il-Bord ta’ Verifika jista' jwaqqaf gruppi ad-hoc komposti minn numru limitat ta' persuni sabiex dawn il-gruppi jħejju u jressqu għall-adozzjoni tal-Bord ta’ Verifika proposti fuq temi speċifiċi.

    Għal kull grupp ad-hoc, il-Bord ta’ Verifika għandu jiddeċiedi min għandu jkun ir-relautur, ix-xogħlijet li jridu jitwettqu, u l-limitu ta' żmien li fih il-grupp ikun irid iressaq ir-riżultati ta' ħidmietu lill-Bord ta’ Verifika. Dawn għandhom ikunu stabbiliti fil-mandat bil-miktub kif deċiż mill-Bord ta’ Verifika.

    Artikolu 7

    1.   Is-Segretarjat tal-Kummissjoni Amministrattiva għandu jħejji u jorganizza l-laqgħat tal-Bord ta’ Verifika u jniżżel il-minuti tagħhom. Għandu jwettaq ix-xogħol meħtieġ għat-tħaddim tal-Bord ta’ Verifika. L-aġenda, id-data u t-tul tal-laqgħat tal-Bord ta' Verifika għandhom jiġu miftiehma mal-President.

    2.   L-aġenda għandha tintbagħat mis-Segretarjat tal-Kummissjoni Amministrattiva lill-membri tal-Bord ta’ Verifika u lill-membri tal-Kummissjoni Amministrattiva mhux anqas minn 15-il jum qabel il-bidu ta’ kull laqgħa. Id-dokumenti relatati mal-punti fuq l-aġenda għandhom ikunu disponibbli mill-inqas għaxart(10) ijiem ta’ xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa. Dan ma japplikax għal dokumenti li jipprovdu tagħrif ġenerali li ma hemmx bżonn li jiġi approvat.

    3.   Noti dwar il-laqgħa li jkun imiss tal-Bord ta’ Verifika għandhom jintbagħtu lis-Segretarjat tal-Kummissjoni Amministrattiva mill-inqas 20 jum ta' xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa. Dan ma japplikax għal dokumenti li jipprovdu tagħrif ġenerali li ma hemmx bżonn li jiġu approvati.

    Noti li jkun fihom l-input għad-Dikjarazzjoni tal-kontijiet annwali stipulata fl-Artikolu 69 (1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 għandhom isegwu l-format u jkunu jinkludu d-dettalji speċifikati mill-espert indipendenti jew mit-tim ta' esperti msemmija fl-Artikolu 3 (3) ta' din id-Deċiżjoni. Kull delegazzjoni għandha tibgħat din in-nota lis-Segretarjat sal-31 ta' Lulju tas-sena ta’ wara dik is-sena inkwistjoni.

    Artikolu 8

    Sa fejn huwa meħtieġ, ir-regoli tal-Kummissjoni Amministrattiva għandhom japplikaw għall-Bord ta’ Verifika.

    Artikolu 9

    Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

    Il-President tal-Kummissjoni Amministrattiva

    Lena MALMBERG


    (1)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

    (2)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.


    Top