EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0522

Ftehima ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-KE u l-Bożnja ĦerżegovinaRiżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehima ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Bożnja Ħerżegovina, min-naħa l-oħr

ĠU C 15E, 21.1.2010, p. 72–78 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 15/72


Il-Ħamis, 23 ta’ Ottubru 2008
Ftehima ta’ Stabilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni bejn il-KE u l-Bożnja Ħerżegovina

P6_TA(2008)0522

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehima ta’ Stabilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Bożnja Ħerżegovina, min-naħa l-oħra

2010/C 15 E/15

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Tessaloniki (19-20 ta’ Ġunju 2003) kif ukoll l-anness tagħhom intitolat “L-Aġenda ta’ Tessaloniki għall-Balkani tal-Punent: lejn integrazzjoni Ewropea”,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Novembru 2005 biex jinbdew negozjati mal-Bożnja Ħerżegovina bil-għan li tintlaħaq ftehima ta’ Stabilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni (FSA),

wara li kkunsidra l-inizjalar tal-FSA fl-4 ta’ Diċembru 2007 kif ukoll l-iffirmar tagħha fis-16 ta’ Ġunju 2008,

wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehima ta’ Stabilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Bożnja Ħerżegovina, min-naħa l-oħra (8226/2008),

wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viżi ppreżentat mill-Kummissjoni lill-Bożnja Ħerżegovina fil-5 ta’ Ġunju 2008,

wara li kkunsidra l-Ftehima Interim dwar il-kummerċ u l-kwistjonijiet marbuta mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa, u l-Bożnja Ħerżegovina, min-naħa l-oħra, kif ukoll l-Annessi u l-Protokolli tagħha, u d-dikjarazzjoni konġunta u d-dikjarazzjoni mill-Komunità mehmuża mal-Att Finali,

wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-FSA hija l-ewwel ftehima internazzjonali komprensiva bejn il-Bożnja Ħerżegovina u l-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi relazzjoni kuntrattwali bejn iż-żewġ partijiet li se tiffaċilita t-tranżizzjoni tal-Bożnja Ħerżegovina biex issir stat funzjonali għalkollox, stat li l-ġejjieni tiegħu, kif iddikjarat fil-Kunsill Ewropew ta’ Tessaloniki imsemmi hawn fuq, huwa fl-Unjoni Ewropea,

B.

billi l-FSA għandha l-potenzjal li tagħti spinta lill-ekonomija tal-Bożnja Ħerżegovina peress li fiha dispożizzjonijiet li jimpenjaw lill-pajjiż biex jilliberalizza s-suq tiegħu, u għalhekk tiżdied il-kompetittività tan-negozji tiegħu u jiżdied l-investiment, biex jimmodernizza l-qafas legali tiegħu billi jagħmlu aktar effiċjenti u trasparenti u biex gradwalment iqarreb il-liġijiet u r-regolamenti tiegħu lejn l-acquis communautaire,

C.

billi l-Ftehima Interim, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2008, tabolixxi gradwalment il-biċċa l-kbira tar-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ bejn iż-żewġ partijiet, u fil-futur qarib tista’ titfa’ piż fuq l-ekonomija tal-Bożnja Ħerżegovina minħabba l-kompetizzjoni minn prodotti tal-UE u tnaqqis fid-dħul mid-dwana,

D.

billi l-FSA fiha dispożizzjonijiet dwar it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, il-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi,

E.

billi tistipula li l-partijiet għandhom jikkoperaw f’oqsma sensittivi bħall-viżi, il-kontrolli tal-fruntieri, il-kenn u l-migrazzjoni, il-ħasil tal-flus, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata,

F.

billi l-implimentazzjoni tar-riforma miftiehma tal-istrutturi tal-pulizija tal-Bożnja Ħerżegovina għandha tkun parti mill-isforzi tal-pajjiż biex itejjeb il-kapaċità tiegħu li jittratta l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq,

G.

billi t-titjib tal-livell tal-edukazzjoni ġenerali u tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fil-Bożnja Ħerżegovina kif ukoll il-politika taż-żgħażagħ u x-xogħol taż-żgħażagħ, inkluża l-edukazzjoni mhux formali, huwa wkoll objettiv tal-ftehima,

H.

billi jinħtieġu sforzi aktar qawwija sabiex tingħeleb il-firda bejn gruppi etniċi u biex ikun hemm konċiljazzjoni ġenwina bejn il-partijiet; billi dawn l-isforzi għandhom jindirizzaw, b’mod partikulari, liż-żgħażagħ permezz ta’ programmi ta’ edukazzjoni komuni fiż-żewġ entitajiet u permezz ta’ għarfien komuni tal-avvenimenti traġiċi riċenti li seħħew fil-pajjiż,

I.

billi l-Bożnja Ħerżegovina għadha minn ħafna aspetti mifruda skont il-gruppi etniċi, u billi dan huwa ostaklu għat-trasformazzjoni tagħha fi stat u f’demokrazija li jaħdmu verament,

J.

billi l-isħubija tal-Unjoni Ewrope għall-Bożnja Ħerżegovina tikkostitwixxi prospett li jrid iseħħ unikament bħala stat wieħed, u mhux għall-entitajiet tiegħu, li m’ghandhomx sovranità awtonoma; billi huwa għalhekk fl-interess tal-entitajiet li jiżguraw li l-Bożnja u l-Ħerżegovina huwa stat li jiffunzjona bis-sħiħ, u li huwa kapaċi jissodisfa l-kriterji u l-obbligi kollha ta’ sħubija,

K.

billi għad hemm 125 072 persuna rreġistrata uffiċjalment bħala persuni spustjati internament, li minnhom, skont il-Gvern tal-Bożnja Ħerżegovina, 8 000 persuna spustjata internament għadhom qed jgħixu f’ċentri kollettivi, partikolarment minħabba n-nuqqas ta’ djar, infrastruttura u impjiegi xierqa fiz-zoni tal-oriġini tagħhom,

L.

billi twettqet ħidma eċċellenti fil-post mill-NGOs bil-għan li tittejjeb is-sitwazzjoni tal-persuni spustjati internament u tar-refuġjati,

M.

billi hemm ukoll 45 000 persuna rreġistrata uffiċjalment li jeħtieġu l-għajnuna biex jerġgħu lura għar-residenzi tagħhom ta’ qabel il-gwerra,

N.

billi r-reati tal-gwerra għandhom jiġu ttrattati bl-istess determinazzjoni, mezzi u effiċjenza kemm f’livell statali kif ukoll f’livell lokali,

1.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-iffirmar ta’ din il-ftehima importanti u jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jirratifikawha malajr; huwa konvint li din il-ftehima tikkonsolida l-prospetti Ewropej tal-Bożnja Ħerżegovina u tipprovdi opportunità unika biex dan il-pajjiż jikseb il-paċi, l-istabilità u l-prosperità;

2.

Ifakkar lill-mexxejja politiċi, b’mod partikulari, li hija l-aktar ir-responsabilità tagħhom li jisfruttaw din l-opportunità billi juru biżżejjed ħsieb u determinazzjoni biex isiru riformi b’mod konġunt fil-livelli kollha — tal-Istat, tal-entitajiet u lokali — bil-għan li jimmodernizzaw il-pajjiż u jagħmluh aktar effiċjenti u kompatibbli mal-istandards tal-UE, anke billi jabolixxu l-ostakli legali u amministrattivi kollha li mhemmx bżonnhom u billi jirrazzjonalizzaw l-istrutturi amministrattivi; jemmen li l-awtoritajiet tal-Federazzjoni, b’mod partikulari, għandhom iqisu urġentement li jieħdu passi konkreti f’din id-direzzjoni;

3.

Ifakkar f’dan ir-rigward fl-obbligu tal-Bożnja Ħerżegovina, b’konformità mal-FSA u mal-Ftehima Interim, inter alia biex:

a.

tabolixxi gradwalment ir-restrizzjonijiet kwantitattivi kollha fuq il-prodotti tal-UE,

b.

tneħħi t-taxxi tad-dwana skont il-pjanijiet innegozjati,

c.

tissimplifika l-fluss tal-prodotti b’kull mezz ta’ trasport fit-territorju kollu tal-Bożnja Ħerżegovina, u

d.

tfassal inventorju eżawrjenti tal-iskemi kollha ta’ għajnuna fil-pajjiż kollu, biex l-iskemi kollha ta’ għajnuna jsiru konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE u biex twaqqaf awtorità indipendenti għall-għajnuna mill-Istat;

4.

Iqis li l-FSA għandha l-potenzjal li tagħti spinta lill-ekonomija tal-Bożnja Ħerżegovina peress li fiha dispożizzjonijiet li jimpenjaw lill-pajjiż biex jilliberalizza s-suq tiegħu, u għalhekk tiżdied il-kompetittività tan-negozji tiegħu u jiżdied l-investiment, u biex jimmodernizza l-qafas legali tiegħu billi jagħmlu aktar effiċjenti u trasparenti; jinkuraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Bożnja Ħerżegovina biex jieħdu l-passi meħtieġa biex iżidu l-livell tal-investiment dirett barrani fil-pajjiż;

5.

Jemmen li l-miżuri msemmija hawn fuq ifissru li l-kapaċità amministrattiva tal-Bożnja Ħerżegovina trid tissaħħaħ fil-livelli kollha, inkluż fil-livell statali, li se jkollu r-responsabilità li jimmoniterja u jiżgura l-konformità mal-obbligi li joriġinaw mill-FSA, irrispettivament mill-korpi li jkunu responsabbli mill-implimentazzjoni tal-FSA;

6.

Ifakkar li ż-żewġ entitajiet iridu jagħmlu progress fil-proċess ta’ privatizzazzjoni iżda jenfasizza li dan għandu jsir f’kundizzjonijiet ta’ trasparenza u fi ħdan qafas legali u regolatorju xieraq u li d-dħul mill-privatizzazzjoni għandu jkun investit sabiex jitħeġġeġ l-iżvilupp ekonomiku dewwiemi fil-pajjiż;

7.

Jistieden lill-Parlament tal-Bożnja Ħerżegovina biex, b’koperazzjoni mill-qrib mal-parlamenti tal-entitajiet, jimmoniterja l-implimentazzjoni tal-FSA u biex jiffaċilita l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni marbuta mal-FSA u mal-Isħubija Ewropea;

8.

Huwa konvint li d-dispożizzjonijiet dwar il-koperazzjoni f’oqsma bħall-viżi, l-immaniġġjar tal-fruntieri, il-migrazzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, se jipprovdu inċentiv qawwi fil-Bożnja Ħerżegovina biex titkompla r-riforma tal-pulizija adottata riċentement billi tkun imħeġġa aktar koperazzjoni bejn l-istrutturi differenti tal-pulizija u billi tinkiseb armonizzazzjoni akbar tal-proċeduri u l-prattiki; jistieden lill-Missjoni tal-Pulizija tal-UE fil-Bożnja Ħerżegovina biex tiffaċilita dan il-proċess;

9.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-ftehima tirrikonoxxi wkoll il-prinċipju tal-aċċess mhux diskriminatorju għas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali tal-Bożnja Ħerżegovina irrispettivament mis-sess, mill-oriġini etnika jew mir-reliġjon; fil-fatt jemmen li jeħtieġ li jsiru sforzi kbar sabiex jingħelbu l-istutturi segregazzjonisti li attwalment qed jitħaddmu fil-pajiż; iqis li l-edukazzjoni u l-familjarità li tinkiseb billi l-persuni jgħixu flimkien mindu jkunu tfal, huma fatturi ewlenin fil-proċess ta’ rikonċiljazzjoni;

10.

Jemmen li l-UE għandha tippromwovi l-koperazzjoni akkademika u fil-qasam tar-riċerka, inklużi l-iskambji tal-istaff, bejn il-Bożnja Ħerżegovina u l-pajjizi l-oħra tar-reġjun u bejn dawn il-pajjiżi u l-Istati Membri tal-UE; ifakkar f’dan ir-rigward fil-kontribut li l-programmi tal-UE jistgħu jagħtu lil dan l-objettiv u fil-ħtieġa urġenti li titwaqqaf aġenzija nazzjonali inkarigata mill-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi li issa huma miftuħa għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;

11.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet edukattivi fil-Bożnja Ħerżegovina biex iwaqffu l-aġenzija nazzjonali meħtieġa biex iċ-ċittadini tal-Bożnja Ħerżegovina jkunu jistghu jieħdu sehem fil-programmi ta’ mobilità tal-Komunità li, fuq ordni ta’ dan il-Parlament, infetħu għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; huwa tal-fehma li, minbarra li jħeġġu l-mobilità tal-istudenti u tar-riċerkaturi, il-programmi Komunitarji rilevanti għandhom jippromwovu wkoll il-koperazzjoni bejn l-istabbilimenti edukattivi taż-żewġ entitajiet;

12.

Huwa tal-fehma wkoll li, filwaqt li jitqies l-impatt ekonomiku u soċjali li jista’ jirriżulta mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehima Interim, l-Istrument tal-UE għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjon (1) i jrid jipprovdi appoġġ għall-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-pajjiż u tal-leġiżlazzjoni tiegħu dwar ix-xogħol, kif ukoll appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-suq tax-xogħol u għat-trejdjunjins, għall-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tat-trasport tal-Bożnja Ħerżegovina sabiex ikun iffaċilitat l-iżvilupp ekonomiku, kif ukoll għall-politiki ambjentali biex jitnaqqas it-tniġġis, biex l-enerġija tintuża bl-aħjar mod u biex jittejjeb l-immaniġġjar tal-iskart; jilqa’ b’sodisfazzjoni f’dan ir-rigward il-ħatra, wara negozjati mtawla tal-Koordinatur nazzjonali IPA, kif mitlub mill-Kummissjoni;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa miżuri magħmula apposta li jirriflettu l-kundizzjonijiet speċjali fil-Bożnja Ħerżegovina sabiex jgħinu u jiffaċilitaw il-proċess ta’ adeżjoni mal-UE;

14.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tinkludi lill-pajjiż fl-inizjattivi kollha tagħha għall-promozzjoni tal-kuntatti interpersonali, għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u għat-titjib tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Bożnja Ħerżegovina;

15.

Huwa preokkupat minħabba n-nuqqas ta’ progress fir-ritorn tar-refuġjati u tal-persuni spustjati internament, pereżempju f’Posavina fir-Repubblika ta’ Srpska; ifakkar fil-ħtieġa li jkun żgurat li l-awtoritajiet lokali jkunu involuti u impenjati aktar fil-proċess tar-rirorn, fil-ħtieġa li jkunu organizzati attivitajiet immirati ta’ għajnuna sabiex tiżdied l-aċċettazzjoni pubblika tal-persuni li jirritornaw, fil-ħtieġa li jiġu ttrattati rekwiżiti pendenti ta’ infrastruttura u ta’ utilitajiet pubbliċi fil-qasam tar-ritorn, fil-ħtieġa li jinħolqu opportunitajiet ta’ impjieg għall-persuni li jirritornaw, u fil-ħtieġa li jiġu armonizzati l-pensjonijiet, l-assikurazjzoni tas-saħħa u s-sistemi tal-edukazzjoni fil-Bożnja Ħerżegovina kollha, sabiex ikun żgurat li r-ritorni jkunu jistgħu jsiru f’kundizzjonijiet sikuri u dinjitużi, ikunu sostenibbli u jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-proċess ta’ rikonċiljazzjoni;

16.

Ifakkar f’dan ir-rigward fl-impenn biex tiġi implimentata d-Dikjarazzjoni ta’ Sarajevo tal-2005;

17.

Huwa konvint li aktar sforzi biex ikunu ffaċilitati r-ritorni huma ta’ importanza partikulari minħabba l-ħtieġa li sal-2011 irid isir ċensiment ġdid tal-popolazzjoni, ibbażat fuq dejta diżaggregata, sabiex jingħata rendikont aġġornat tal-istruttura tal-popolazzjoni tal-Bożnja Ħerżegovina;

18.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bożnja Ħerżegovina biex jindirizzaw b’mod urġenti l-problemi tat-8 000 resident taċ-ċentri kollettivi li għadhom miftuħa, li għalihom ir-ritorn b’mod sikur u dinjituż jista’ ma jkunx possibbli, u biex iqisu soluzzjonijiet xierqa, dinjitużi u dewwiema għal dawn il-persuni;

19.

Iqis li għandhom isiru aktar sforzi għad-drittijiet tal-minoranzi fil-Bożnja Ħerżegovina, meta jitqies il-progress limitat li sar f’dan il-qasam; jilqa’ b’sodisfazzjon f’dan ir-rigward, l-emenda tal-liġi elettorali ta’ April 2008 li tippermetti li l-membri tal-minoranzi nazzjonali joħorġu għall-elezzjoni; madankollu jiddispjaċih għall-fatt li l-għadd ta’ siġġijiet għall-minoranzi nazzjonali huwa f’idejn il-muniċipalitajiet; barra minn hekk jenfasizza l-ħtieġa li l-kunsilli konsultattivi dwar il-minoranzi li twaqqfu riċentement fir-Republika Srpska u li se jitwaqqfu dalwaqt fil-Federazzjoni tal-Bożnja Ħerżegovina, isiru operattivi; fl-aħħarnett jiddeplora d-diskriminazzjoni persistenti kontra “nies oħra” fil-Kostituzzjoni u fil-liġijiet elettorali tal-Bożnja Ħerżegovina;

20.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-klima ta’ intolleranza kontra nies liżbjani, omosesswali, bisesswali u transesswali (LGBT) fir-rigward, b’mod partikolari, tal-inċidenti li seħħew fil-ftuħ tal-ewwel “Queer Festival” f’Sarajevo fl-24 ta’ Settembru 2008 u jħeġġeġ lill-Istat Bożnijak u l-awtoritajiet lokali biex jadottaw il-miżuri neċessarji ħalli jiżguraw li d-dritt fundamentali li n-nies jinġabru b’mod paċifiku jiġi garantit fis-sħuħija tiegħu wkoll għal nies LGBT fil-Bożnja Ħerżegovina;

21.

Jitlob li jingħata aktar finanzjament sabiex jintlaħaq l-għan tal-Istrateġija Nazzjonali ta’ Azzjoni kontra l-Mini li sal-2009 jitneħħew il-mini kollha fil-Bożnja Ħerżegovina; jiġbed l-attenzjoni li l-isfida ewlenija f’dan il-qasam hija n-nuqqas ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni ta’ dik l-istrateġija, u għalhekk iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex jipprovdu l-finanzjament meħtieġ u jlestu dak il-proġett mill-aktar fis possibbli;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi fondi tal-UE għall-programm tan-NU dwar id-diżarm sabiex il-qerda tal-armi, tat-tagħmir militari u tal-munizzjon żejda tal-forzi armati tal-Bożnja Ħerżegovina tkun tista’ titkompla taħt is-superviżjoni tan-NU u sabiex tieħu l-miżuri li jistgħu jittieħdu biex tiżgura li dawn l-armi ma jkunux jistgħu jinbiegħu lil intermedjarji, pajjiżi jew reġimenti mhux mixtieqa;

23.

Ifakkar f’dan ir-rigward fil-ħtieġa li jkunu implimentati b’mod effettiv id-dispożizzjonijiet dwar ir-restituzzjoni tal-proprjetà li diġà qegħdin fis-seħħ u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bożnja Ħerżegovina biex jegħlbu d-dubji tagħhom f’dan ir-rigward;

24.

Huwa konvint ukoll li għandhom isiru sforzi akbar biex tiġi ttrattata l-kwistjoni tal-persuni neqsin u tal-kumpensi lill-familji tagħhom, u jilqa’ b’sodisfazzjon f’dan ir-rigward ix-xogħol li sar mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Persuni Neqsin u mill-Istitut tal-Persuni Neqsin tal-Bożnja Ħerżegovina; i iħeġġeġ lill-aġenziji korrispondenti fil-livell tal-entitajiet biex jappoġġjaw ix-xogħol tal-entitajiet fil-livell tal-istat billi jibgħatulhom l-informazzjoni relevanti kollha li huma jiġbru;

25.

Huwa tal-fehma li jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni lill-kawżi tar-reati tal-gwerra fil-livell distrettwali u tad-distretti awtonomi (cantons) sabiex ikun iċċarat jekk il-każijiet għandhomx jitqassmu bejn l-Istat u l-ġudikaturi ta’ livell aktar baxx u b’liema mod għandhom jitqassmu, u sabiex ikun żgurat li l-qrati u l-prosekuturi jkollhom ir-riżorsi xierqa, li x-xhieda jkollhom aċċess għal protezzjoi xierqa, li tissaħħaħ il-koperazzjoni transkonfinali bejn il-pulizija u l-ġudikatura, u li jkun armonizzat il-qafas legali applikabbli fil-livell tal-Istat, fil-livell distrettwali u fil-livell tad-distretti awtonomi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jaġixxu sabiex ikun hemm titjib kbir fil-koperazzjoni f’livell reġjonali u internazzjonali f’dan ir-rigward;

26.

Jappoġġja f’dan ir-rigward l-abbozzar attwali tal-Istrateġija tal-Prosekuzzjoni tar-Reati tal-Gwerra tal-Bożnja Ħerżegovina li, billi jikkjarifika l-għadd ta’ każijiet potenzjali ta’ reati tal-gwerra, għandu jgħin biex ikunu identifikati d-deċiżjonijiet u r-riżorsi leġiżlattivi, finanzjarji u politiċi li huma meħtieġa biex dawn il-każijiet jiġu ttrattati;

27.

Huwa preokkupat minħabba l-ambjent ta’ intimidazzjoni tal-midja, tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili b’mod ġenerali li qed jiddomina fir-Republika Srspka u jħeġġeġ lill-mexxejja politiċi biex jagħrfu l-irwol importanti li għandhom il-midja indipendenti u l-NGOs fil-ħajja demokratika tal-entità tagħhom;

28.

Jiddispjaċih għall-fatt li r-Republika Srpska heddet li tirtira unilateralment mill-kumpanija statali ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u li twaqqaf kumpanija tagħha billi tirtira l-appoġġ preċedenti tagħha għar-riforma miftiehma; jiġbed l-attenzjoni li dan l-att kien idgħajjef l-isforzi Bożnijaċi fil-kuntest tal-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni (PSA) tal-pajjiż; iħeġġeġ fl-istess ħin lill-awtoritajiet fil-Federazzjoni biex jadottaw il-liġijiet li ilhom mistennija fil-qasam tal-forniment tal-elettriku;

29.

Jitlob li tittieħed azzjoni xierqa bħala reazzjoni għall-fatt li l-Bożnja Ħerżegovina, b’rabta mal-Qorti Kriminali Internazzjonali, iffirmat ftehima ta’ immunità bilaterali mal-Istati Uniti li mhijiex konformi mal-pożizzjoni komuni u mal-linji gwida tal-UE f’dan il-qasam;

30.

Jiddispjaċih għall-fatt li, minkejja l-isfidi kbar li l-Bożnja Ħerżegovina qed tiffaċċja fil-qasam tal-kontroll tal-korruzzjoni, tal-kriminalità organizzata, tat-traffikar tal-bnedmin, tal-ħasil tal-flus u tat-traffikar tad-droga, il-progress f’dawn l-oqsma huwa mxekkel mill-indħil politiku u minn nuqqas ta’ rieda politika kif ukoll minn nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn l-aġenziji differenti bbażati fuq l-entitajiet u l-forzi tal-pulizija; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bożnja Ħerżegovina biex tieħu azzjonijiet oħra malajr, sabiex issib tarf ta’ dawn il-problemi;

31.

Huwa tal-fehma li d-dibattitu dwar l-istruttura kostituzzjonali futura tal-pajjiż għandu jitmexxa mill-Parlament tal-Bożnja Ħerżegovina; jitlob f’dan ir-rigward li jsir dibattitu pubbliku mmexxi b’mod trasparenti u miftuħ, bl-involviment sħiħ tas-soċjetà ċivili; huwa tal-fehma wkoll li kull ftehim kostituzzjonali jrid ikun ir-riżultat ta’ qbil volontarju bejn il-partiti politiċi differenti fil-Bożnja Ħerżegovina; madankollu jemmen li l-komunità internazzjonali u r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għandhom rwol importanti bħala faċilitaturi u jistedinhom biex, b’koperazzjoni mal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, jipprovdu l-appoġġ meħtieġ biex jitmexxa dan id-dibattitu;

32.

Jistieden lill-politiċi lokali biex jagħrfu l-ħtieġa għal riforma strutturali tal-Istat tal-Bożnja Ħerżegovina; ifakkar madankollu li din ir-riforma tista’ tirnexxi biss jekk tkun ibbażata fuq premessi realistiċi;

33.

Ifakkar li t-tisħiħ tal-Istat ċentrali ma jfissirx li jiddgħajfu l-entitajiet iżda li jinħolqu l-kundizzjonijiet għal amministrazzjoni effiċjenti li taħdem għall-ġid komuni taċ-ċittadini kollha tal-Bożnja Ħerżegovina f’diversi oqsma, pereżempju fit-twaqqif ta’ suq intern wieħed; fl-istess ħin iwissi kontra l-użu tad-dibattitu kostituzzjonali bħala opportunità biex wieħed jippretendi mill-entitajiet poteri u prerogattivi li huma speċifiċi għal stat sovran;

34.

Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Bożnja Ħerżegovina dwar l-obbligu tagħhom li jikkoperaw għalkollox mat-Tribunal Krimiinali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja, partikolarment fir-rigward tal-faċilitazzjoni tal-arrest tal-maħrubin li fadal, tal-identifikazzjoni u tal-protezzjoni tax-xhieda potenzjali u fir-rigward tal-fatt li t-Tribunal jingħata d-dokumenti u evidenza oħra meħtieġa għall-kawżi u l-investigazzjonijiet;

35.

Jiddispjaċih għall-fatt li l-awtoritajiet elettorali naqsu milli jittrattaw ilpreokkupazzjonijiet ta’ dawk iċ-ċittadini tal-Bożnja Ħerżegovina li matul il-gwerra telqu mill-pajjiż iżda li madnakollu jixtiequ jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw; jemmen li għandha tinstab soluzzjoni b’koperazzjoni xierqa mal-pajjiżi ġirien, sabiex dawn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jiġu rreġistrati;

36.

Huwa tal-fehma li l-għeluq tal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli u t-tisħiħ tal-irwol tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għandhom jibqgħu l-objettiv aħħari kemm għall-komunità internazzjonali kif ukoll għall-mexxejja lokali; għalhekk iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi biex jassumu r-responsabiltajiet tagħhom f’dan ir-rigward u biex jagħmlu sforzi kbar biex jintlaħqu l-ħames objettivi u ż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill ta’ Implimentazzjoni tal-Paċi sabiex, permezz ta’ proċess konsenswali, tinkiseb it-tranżizzjoni minn Rappreżentant Għoli għal Rappreżentant Speċjali tal-UE;

37.

Mhuwiex kuntent b’mod partikulari bin-nuqqas ta’ progress fl-iffinalizzar tal-arranġamenti għad-Distrett ta’ Brcko; iwissi lill-mexxejja politiċi tal-Bożnja Ħerżegovina li d-deċiżjoni tat-Tribunal Arbitrarju dwar l-istejtus ta’ Brcko hija finali u ma tistax terġa’ tiġi kkunsidrata;

38.

Jistieden ukoll lill-politiki tal-Bożnja Ħerżegovina biex jagħrfu l-ħtieġa ta’ tqassim raġonevoli tal-proprjetà bejn l-Istat u l-livelli amministrattivi l-oħra, tqassim li huwa wieħed mill-objettivi għall-għeluq tal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli; iħeġġiġhom biex jinnegozjaw serjament sabiex tinstab soluzzjoni għal din il-kwistjoni li ilha teżisti; ifakkar li l-Istat għandu jingħata r-riżorsi meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tiegħu;

39.

Ifakkar lir-rappreżentanti tal-komunità internazzjonali li l-interlokuturi tagħhom fil-Bożnja Ħerżegovina huma l-istituzzjonijiet ta’ dak il-pajjiż, mhux il-mexxejja tal-partiti politiċi ewlenin; jemmen għalhekk li l-istituzzjonijiet tal-Bożnja Ħerżegovina għandhom ikunu involuti u tassew isiru l-parteċipanti ewlenin fil-proċess ta’ riforma li l-pajjiż irid iwettaq;

40.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern tal-Bożnja Ħerżegovina u lir-Rappreżentant Għoli — Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Bożnja Ħerżegovina.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta’ Lulju 2006 li jistabilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA), ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.


Top