EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0514

Id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, u il-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni ġdid UE-Vjetnam uRiżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u il-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni ġdid UE-Vjetna

ĠU C 15E, 21.1.2010, p. 58–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 15/58


L-Erbgħa, 22 ta' Ottubru 2008
Id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, u il-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni ġdid UE-Vjetnam u

P6_TA(2008)0514

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u il-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni ġdid UE-Vjetnam

2010/C 15 E/11

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Vjetnam,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Koperazzjoni tal-1995 bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, irratifikat mill-Vjetnam fl-1982,

wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi t-tieni round ta' taħdidiet bejn l-UE u l-Vjetnam saret f'Ħanoj fl-20 u l-21 ta' Ottubru 2008,

B.

billi sar smigħ dwar il-Vjetnam, il-Laos u l-Kambodja mis-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-25 ta' Awwissu 2008,

C.

billi l-laqgħa fil-qafas tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn it-Trojka tal-UE u l-Vjetnam hija ppjanata għal Diċembru 2008,

D.

billi l-Artikolu 1 tal-Ftehim ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam jiddikjara: “Ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi huwa l-bażi għall-koperazzjoni bejn il-partijiet u għat-twettiq tal-Ftehim u li huwa element essenzjali tal-Ftehim”,

E.

billi l-libertà tal-assemblea fil-Vjetnam hija ristretta ħafna: f'Settembru 2008 l-Gvern Vjetnamit nieda l-aktar ripressjoni ħarxa tiegħu f'għexieren ta' snin kontra dimostranti Kattoliċi paċifiċi li kienu qed jipparteċipaw f'tishir ta' talb f'Ħanoj biex jitolbu r-ritorn tal-proprjetajiet tal-knisja kkonfiskati mill-Gvern Vjetnamit,

F.

billi l-libertà tal-istampa fil-Vjetnam hija ristretta ħafna: fl-2008, bosta ġurnalisti Vjetnamiti ġew arrestati jew ikkastigati talli rrappurtaw dwar korruzzjoni uffiċjali u, fid-19 ta' Settembru 2008, il-kap tal-uffiċju ta' Ħanoj tal-Associated Press Ben Stocking ġie arrestat u msawwat mill-pulizija talli rrapporta laqgħa paċifika ta' Kattoliċi Vjetnamiti f'Ħanoj,

G.

billi l-minoranzi etniċi tal-Għoljiet tat-Tramuntana u dawk Ċentrali għadhom suġġetti għal diskriminazzjoni, konfiska tal-art tagħhom u vjolazzjoni tal-libertajiet reliġjużi u kulturali tagħhom; billi la l-organiżżazzjonijiet non-governattivi ndipendenti u lanqas ġurnalisti barranin ma għandhom aċċess bla restrizzjonijiet għall-Għoljiet Ċentrali biex jevalwaw is-sitwazzjoni reali tal-Montagnards, u b'mod partikolari ta' dawk li ġew irripatrijati bil-forza mill-Kambodja; billi mill-2001 aktar minn 300 Montagnard ingħataw sentenzi ta' priġunerija għal attivitajiet politiċi jew reliġjużi paċifiċi,

H.

billi, minkejja l-appelli kostanti u ripetuti mill-komunità internazzjonali, il-patrijarka suprem tal-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam, Thích Qung Đ (ta' 79 sena), rebbieħ tal-Premju Rafto 2006 għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġie mitfugħ il-ħabs bosta drabi mill-1982 u għadu taħt arrest domiċiljarju effettiv,

I.

billi l-Gvern Vjetnamit għadu ma rrikonoxxiex il-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam (UBCV), l-akbar organizzazzjoni ta' Buddisti fil-Vjetnam,

J.

billi l-Vjetnam implimenta leġiżlazzjoni biex jillimita l-libertà tal-aċċess għall-internet, b'kontrolli ta' filtrazzjoni u ta' kontenut, u wettaq arresti ta' ħafna “dissidenti ċibernetiċi” talli użaw l-internet biex ixerrdu l-opinjonijiet tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jew talli pparteċipaw f'diskussjonijiet fuq l-internet dwar id-demokrazija; billi fl-10 ta' Settembru 2008 l-kittieb u attivist tad-demokrazija fuq l-internet Nguyen Hoang Hai, magħruf bil-psewdonimu Đi u Cày, ingħatatlu sentenza ta' priġunerija,

K.

billi membri tal-minoranza etnika Khmer (Khmer Krom) fil-Vjetnam tan-Nofsinhar sofrew persekuzzjoni reliġjuża u konfiska ta' art; billi l-awtoritajiet neżżgħu madwar 20 patri Buddist Khmer Krom minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fi protesta paċifika fi Frar 2007 li talbet li jkun hemm aktar libertà reliġjuża, u bagħtu 5 minnhom il-ħabs; billi l-awtoritajiet Vjetnamiti poġġew lill-patri Buddist Khmer Krom Tim Sakhorn taħt arrest domiċiljarju wara l-ħelsien tiegħu mill-ħabs f' Ġunju 2008; billi l-awtoritajiet użaw forza eċċessiva kontra bdiewa Khmer Krom li kienu qed jippetizzjonaw għal soluzzjoni għall-kunflitti dwar l-artijiet,

1.

Jenfasizza li d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-Unjoni Ewropea u l-Vjetnam irid iwassal għal titjib tanġibbli fil-Vjetnam; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jevaljaw mill-ġdid il-politika ta' koperazzjoni mal-Vjetnam, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu l-Artikolu 1 tal-Ftehim ta' Koperazzjoni tal-1995, li jgħid li l-koperazzjoni hija bbażata fuq ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi benchmarks ċari għall-evalwazzjoni tal-proġetti ta' żvilupp attwali fil-Vjetnam sabiex tiġi żgurata l-konformità tagħhom mal-klawsola tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija nklużi fil-Ftehim hawn fuq msemmi;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, fil-qafas tan-negozjati li hemm għaddejjin għal Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni ġdid bejn l-UE u l-Vjetnam, li se jinkludi klawsola ċara tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija b'mekkaniżmu ta' implimentazzjoni għal dik il-klawsola, biex iqajmu man-naħa Vjetnamita l-bżonn li tieqaf il-vjolazzjoni sistematika attwali tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem qabel il-konklużjoni tal-ftehim u, b'mod partikolari, biex jitolbu lill-Gvern Vjetnamit:

bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, biex jikkoperaw b'mod attiv mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, billi jistiednu lir-Rapporteur Speċjali dwar il-Libertà tar-reliġjon u t-twemmin l-Intolleranza Reliġjuża, li żar lill-Vjetnam l-aħħar fl-1998, u l-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja, li żar il-Vjetnam l-aħħar fl-1994, biex iżiru l-Vjetnam; u biex jipprovdu lill-uffiċjali tan-NU u lir-Rapporteurs Speċjali b'aċċess mhux limitat għar-reġjuni kollha, inklużi l-Għoljiet Ċentrali u tat-Tramuntana, fejn għandhom jitħallew jagħmlu intervisti kunfidenzjali ma' priġunieri u detenuti politiċi u reliġjużi, kif ukoll ma' Montagnards li qed ifittxu ażil li ġew irritornati l-Vjetnam mill-Kambodja;

biex jeħles immedjatament lill-persuni kollha li ntbagħtu l-ħabs jew li huma miżmuma minħabba l-espressjoni paċifika ta' twemmin politiku jew reliġjuż, inklużi aktar minn 300 Kristjan Montagnard, kif ukoll patrijiet Buddisti Khmer Krom, attivisti demokratiċi, petizzjonanti tad-drittijiet tal-art, dissidenti ċibernetiċi, mexxejja tat-trejdjunjins, parruċċani Kattoliċi, u segwaċi tal-Buddiżmu Hòa Ho u r-reliġjon Cao Đài;

biex jipprovdu immedjatament ħelsien sħiħ mill-arrest domiċiljarju lil Thích Qung Đ, u Tim Sakhorn;

biex iħallu lill-organizzazzjonijiet reliġjużi indipendenti jwettqu liberament attivitajiet reliġjużi mingħajr indħil mill-gvern u jħallu lil dawn l-organizzazzjonijiet reliġjużi jirreġistraw b'mod indipendenti mal-gvern jekk jagħżlu li jagħmlu dan; biex jirritornaw il-proprjetajiet tal-knisja u l-pagodas ikkonfiskati mill-Gvern Vjetnamit u biex jerġgħu jistabbilixxu l-istatus legali tal-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam;

biex ineħħu dispożizzjonijiet fil-liġi Vjetnamita li jikkriminalizzaw id-dissidenza u ċerti attivitajiet reliġjużi fuq il-bażi ta' delitti kontra s-“sigurtà nazzjonali” li mhumiex definiti b'mod preċiż biex jiġi żgurat li dawn il-liġijiet ma jkunux jistgħu jiġu applikati kontra dawk il-persuni li eżerċitaw id-drittijiet bażiċi tagħhom għal-libertà tal-espressjoni, tal-assemblea, tal-assoċjazzjoni u tat-twemmin reliġjuż;

biex itemmu ċ-ċensura u l-kontroll tal-Gvern Vjetnamit fuq il-media domestika kollha, inklużi l-internet u l-komunikazzjonijiet elettroniċi, u jawtorizzaw il-pubblikazzjoni ta' gazzetti u rivisti indipendenti u privati;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri tal-ASEAN, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Gvern u l-Parlament tal-Vjetnam.


Top