EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0512

Evalwazzjoni tal-ftehima PNR Awstralja — UERakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehima bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-rekords tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-servizz doganali Awstraljan (2008/2187(INI)

ĠU C 15E, 21.1.2010, p. 46–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 15/46


L-Erbgħa, 22 ta' Ottubru 2008
Evalwazzjoni tal-ftehima PNR Awstralja — UE

P6_TA(2008)0512

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehima bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-rekords tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-servizz doganali Awstraljan (2008/2187(INI))

2010/C 15 E/09

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomondazzjoni lill-Kunsill minn Sophia in't Veld f'isem il-Grupp ALDE dwar il-Ftehima bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-rekords tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-servizz doganali Awstraljan (B6-0383/2008),

wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6, 24, 29 u 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li huma l-bażi legali għal zona Ewropea ta' libertà, sigurtà u ġustizzja kif ukoll għal negozjati internazzjonali ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet fir-rigward tal-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fi kwistjonijiet kriminali;

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/651/CFSP/JHA tat-30 ta' Ġunju 2008 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Ftehima bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-rekords tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Doganali Awstraljan (1), u wara li kkunsidra l-istess Ftehima,

wara li kkunsidra l-fatt li skont l-Artikolu 24(5) tat-TUE, dik il-Ftehima qed attwalment torbot biss fuq bażi proviżorja lil dawk l-Istati Membri li ma joħorġux dikjarazzjonijiet li juru li kellhom jikkonformaw mal-proċedura kostituzzjonali tagħhom stess, kif għamlu l-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, il-Latvja, l-Ungerija, Malta, l-Olanda, il-Polonja u l-Finlandja (2)

wara li kkunsidra li minħabba l-bażi legali magħżula għad-Deċiżjoni tal-Kunsill t'hawn fuq, b'mod partikolari l-Artikoli 38 u 24 tat-TUE (tal-aħħar jirreferi għar-relazzjonijiet esterni), l-Artikolu 21 tat-TUE teħtieġ li l-Presidenza tikkonsulta lill-Parlament dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kwistjoni tal-PNR (3)

wara li kkunsidra l-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (ECHR) u l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE tad-29 ta' April 2004 dwar l-obbligu tat-trasportaturi li jikkomunikaw l-informazzjoni dwar il-passiġġieri (4)

wara li kkunsidra l-prinċipji bażiċi tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet, li jimplikaw li l-Parlament se jkun infurmat u kkonsultat bis-sħiħ, u wara li kkunsidra l-fatt li l-Parlament lanqas biss kien infurmat dwar in-negozjati pendenti mill-Kummissjoni u/jew il-Kunsill, b'kuntrarju għal dak li ġara fil-każ ta' Ftehimiet oħra relatati mal-PNR u wkoll matul l-ewwel stadju ta' negozjati mal-Awstralja fl-2003/2004 (5)

wara li kkunsidra li minkejja n-nuqqas ta' rieda tal-istituzzjonijiet l-oħra, il-Parlament għandu jieħu pożizzjoni dwar kwistjoni li taffettwa d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u li hija wkoll attwalment diskussa bħala suġġett possibbli għal-leġiżlazzjoni tal-UE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 114(3), u l-Artikoli 83(5), u (94) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0403/2008),

1.

Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet u l-osservazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

Dwar aspetti proċedurali

a)

iqis li l-proċedura segwita għall-konklużjoni tal-Ftehima hi nieqsa mill-leġittimità demokratika, għaliex fl-ebda stadju ma kien hemm skrutinju demokratiku sodisfaċenti jew approvazzjoni Parlamentari; jinnota li l-Kunsill b'mod regolari jagħżel din il-proċedura għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali li jaffettwaw id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea;

b)

jinnota li minkejja t-talbiet ripetuti tiegħu, il-Parlament fl-ebda stadju ma kien infurmat jew ikkonsultat dwar l-adozzjoni tal-mandat, l-andament tan-negozjati jew il-konklużjonijiet tal-Ftehima; u minħabba f'hekk, iqis li l-proċedura segwita mill-Kunsill ma tikkonformax mal-prinċipji tal-koperazzjoni leali;

c)

jinnota li l-approvazzjoni parlamentari fil-livell nazzjonali hija meħtieġa f'biss għaxra mis-27 Stat Membru tal-UE, mingħajr ma jkun hemm ebda possibilità li jiġu proposti xi modifiki; iqis din il-proċedura bħala waħda totalment mhux adegwata; u jinnota li modifiki futuri tat-termini tal-Ftehima se jsiru mingħajr l-approvazzjoni parlamentari fil-livell nazzjonali;

d)

jibqa' fid-dubju dwar il-bażi legali magħżula mill-Kunsill għal ftehima internazzjonali li tikkonċentra biss fuq il-bżonnijiet interni ta' sigurtà ta' pajjiż terz u li m'għandha l-ebda valur miżjud fir-rigward tas-sigurtà tal-UE, tal-Istati Membri tagħha jew taċ-ċittadini tal-UE; għalhekk iżomm id-dritt tiegħu li jidher quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-każ li parti terza turi dubji dwar il-leġittimità tal-Ftehima;

e)

jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinvolvu lill-Parlament u lill-parlamenti nazzjonali b'mod sħiħ fl-adozzjoni ta' mandat għal negozjati u fil-konklużjoni ta' kwalunkwe ftehim futur dwar it-trasferiment ta' data personali, b'mod partikolari d-diskussjonijiet attwali mal-Korea t'Isfel dwar it-trasferiment tad-data PNR;

Dwar l-ambitu u l-għan

f)

jinnota li fit-test kollu tal-Ftehima tissemma lista sħiħa ta' raġunijiet, u jintużaw termini differenti wieħed ħdejn l-ieħor:

il-ġlieda kontra t-terroriżmu u delitti relatati kif ukoll delitti serji oħra, inkluż id-delitti organizzati li huma tranżnazzjonali fin-natura tagħhom (introduzzjoni),

strettament għall-iskop tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u delitti relatati (Artikolu 5(1)(i)) u delitti serji oħra, inkluż id-delitti organizzati li huma tranżnazzjonali fin-natura tagħhom (Artikolu 5(1)(ii)),

l-evażjoni fil-każ ta' mandat ta' arrest jew ta' detenzjoni fir-rigward tad-delitti msemmija hawn fuq (Artikolu 5(1)(iii)),

il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika u l-infurzar tal-liġi (introduzzjoni),

dwana, immigrazzjoni u delitti (referenzi għall-Atti rispettivi fl-introduzzjoni),

“fuq bażi ta' każ b'każ” fejn hu meħtieġ għall-protezzjoni tal-interess vitali għas-suġġett tad-dejta jew persuni oħra, b'mod partikolari fir-rigward tar-riskju ta' mewt jew korriment serju lis-suġġett tad-dejta jew oħrajn (Artikolu 5(2)),

riskju sinifikanti tas-saħħa pubblika (Artikolu 5(2)),

sorveljanza u responsabilità tal-amministrazzjoni pubblika, inklużi r-rekwiżiti skont l-Att tal-Libertà tal-Informazzjoni, l-Att tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Opportunitajiet Ugwali, l-Att tal-Privatezza, l-Att tal-Awditur Ġenerali, jew l-Att tal-Ombudsman (Artikolu 5(3));

g)

għalhekk iqis li l-limitazzjoni tal-iskop hija totalment inadegwata, li tagħmilha impossibbli li jiġi stabbilit jekk il-miżuri humiex ġustifikati u proporzjonati; u li b'riżultat ta' dan, il-Ftehima jista' ma jikkonformax mal-istandards tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE u dawk internazzjonali, jew li tikkonforma mal-Artikolu 8 tal-ECHR, li jeħtieġ limitazzjoni preċiża tal-iskop; iqis li din tista' tesponi lill-Ftehima għall-kuntestazzjoni legali;

Dwar il-Protezzjoni tad-Dejta

h)

jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Att dwar il-Privatezza Awstraljan għandu japplika bħala test sħiħ għaċ-ċittadini tal-UE, imma hu mħasseb dwar xi eċċezzjonijiet u eżenzjonijiet li jistgħu jħallu liċ-ċittadini tal-UE bi protezzjoni legali mhux kompleta; jemmen li l-Ftehima għandha tkun konformi għal kollox, mhux biss mal-liġijiet tal-protezzjoni tad-dejta Awstraljani, imma wkoll u b'mod primarju mal-liġijiet tal-UE; jinsisti li sempliċi konformità mal-Ftehima ma tistax tieħu post sejba formali tal-adegwatezza, u li mhuwiex biżżejjed li l-liġijiet, il-politiki u l-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta tal-Unjoni Ewropea u tal-Awstralja jaqsmu bejniethom bażi komuni;

i)

jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni li d-dejta tkun svelata biss bil-kwantità meta tkun anonima;

j)

jinnota, fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti u d-dejta li tikkonċernahom, li skont il-Ftehima l-Awstralja għandha tipprovdi sistema, aċċessibbli għall-individwi, tkun xi tkun in-nazzjonalità jew il-pajjiż ta' residenza, biex dawn l-individwi jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom; sabiex ikunu infurmati l-passiġġieri, hi milqugħa b'sodisfazzjon ir-rieda tas-servizz tad-Dwana Awstraljan li tinforma lill-pubbliku dwar l-ipproċessar tad-dejta PNR;

k)

jirrimarka li, bid-differenza tal-Ftehima bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' dejta mir-rekord tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tal-Homeland Security tal-Istati Uniti (2007 Ftehima PNR) (6), fil-każ li tinqala' tilwima bejn il-partijiet minħabba l-Ftehima Awstraljana, hemm dispożizzjoni għal mekkaniżmu biex jissolva l-kunflitt, u fejn ikun hemm ċans kbir li jkun hemm ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehima, l-awtoritajiet tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta jistgħu jeżerċitaw is-setgħat eżistenti tagħhom biex jissospendu l-ħruġ ta' dejta sabiex jiġu protetti l-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom;

l)

jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta għar-reviżjoni konġunta, imma jisgħobbih li għadha ma saret l-ebda skadenza fissa għal reviżjoni bħal din; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jitolbu għal reviżjoni qabel Ġunju 2010, u biex jippreżentaw is-sejbiet ta' dik ir-reviżjoni lill-Parlament;

m)

jilqa' b'sodisfazzjon, fir-rigward ta' trasferimenti sussegwenti, il-fatt li hemm possibilitajiet limitati għal dawn it-trasferimenti, b'mod partikolari ladarba trasferimenti sussegwenti jsiru biss fuq bażi ta' każ b'każ u s-servizz tad-Dwana Awstraljan iżomm reġistru tal-iżvelar kollu;

n)

jinnota li skont l-Artikolu 2(2), l-ebda dejta m'hi ser tinżamm, imma li perjodu ta' żamma ta' ħames snin u nofs jissemma fl-Anness, punt 12; għalkemm dan hu iqsar milli hemm fil-ftehimiet mal-Istati Uniti, il-Parlament iqis li l-proporzjonalità ta' perjodu ta' żamma ta' ħames snin u nofs ma tistax tiġi stabbilita għax ir-raġunijiet li għalihom id-dejta tal-passiġġier qed tinżamm mhumiex speċifikati b'mod suffiċjenti;

o)

jirrimarka, fir-rigward ta' dejta sensittiva, li s-servizz tad-Dwana Awstraljan ddikjarat b'mod speċifiku li ma tridx u m'għandhiex bżonn dejta sensittiva, li jwassal għall-mistoqsija għaliex ġurisdizzjonijiet oħra bħal ma huma l-Kanada u l-Istati Uniti għandhom bżonnha, u jagħti assigurazzjoni ikbar li s-servizz tad-Dwana Awstraljan attwalment tiffiltra u tħassar dejta sensittiva li hija tista' tirċievi; madankollu, il-fatt li r-responsabilità tal-kontrollur tad-dejta biex jiffiltra dejta sensittiva maħruġa mill-UE tingħata lill-benefiċjarji tad-dejta, per eżempju s-servizz tad-Dwana Awstraljan, hija konsistenti mal-istandards tal-protezzjoni tad-dejta aċċettati, bħal ma huma dawk tal-Konvenzjoni 108 tat-28 ta' Jannar 1981 tal-Kunsill tal-Ewropa (7) u tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali u tal-moviment ħieles ta' din id-dejta (8)

p)

jinsisti li l-iskambju ta' noti diplomatiċi biex tkun emendata l-lista ta' dipartimenti u aġenziji li jista' jkollhom aċċess għad-data PNR, hu metodu inaċċettabbli;

q)

jikkundanna l-fatt li, waqt li jitqiesu l-kategoriji ta' dejta ttrasferita lis-servizz tad-Dwana Awstraljan, id-dejta mitluba hija tal-istess kategoriji ta' dejta bħal dik tal-Ftehima tal-Istati Uniti tal-2007 imsemmija hawn fuq (l-34 qasam ta' dejta kienu miġbura f'19-il kategorija ta' dejta, biex tingħata l-impressjoni li l-ammont ta' dejta trasferibbli kien naqas sew, li fil-fatt ma kienx il-każ); ġabra daqshekk wiesgħa ta' dejta mhix ġustifikata u għandha tkun meqjusa bħala sproporzjonata;

2.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-parlamenti nazzjonali li attwalment qegħdin jikkunsidraw din il-Ftehima u/jew dik mal-Istati Uniti (il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Spanja, l-Ungerija, l-Olanda, il-Polonja) biex iqisu l-osservazzjonijiet/ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq;

3.

Ifakkar lill-Kunsill li, fl-eventwalità ta' dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona, il-ftehimiet kollha dwar il-PNR għandhom ikunu riveduti b'assoċjazzjoni mal-Parlament Ewropew fuq bażi ekwa;

*

* *

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament Awstraljan.


(1)  ĠU L 213, 8.8.2008, p. 47.

(2)  Ftit mill-Istati Membri adottaw dikjarazzjonijiet speċifiċi ppubblikati fil-Minuti tal-Kunsill u li huma aċċessibbli fl-indirizz li ġej: http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/08/st10/st10439.en08.pdf.,

(3)  Riżoluzzjonijiet tal-Parlament tat-13 ta' Marzu 2003 dwar it-trasferiment ta' data personali mil-linji tal-ajru fil-każ ta' titjiriet transatlantiċi (ĠU C 61 E, 10.3.2004, p. 381), Riżoluzzjoni tad-9 ta' Ottubru 2003, dwar it-trasferiment ta' dejta personali mil-linji tal-ajru fil-każ ta' titjiriet transatlantiċi: is-sitwazzjoni tan-negozjati mal-Istati Uniti (ĠU C 81 E, 31.3.2004, p. 105), tal-31 ta' Marzu 2004 dwar l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-livell adegwat ta' protezzjoni provdut mid-dejta personali misjuba fir-Rekords tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNRs) trasferiti lejn il-“Bureau of Customs and Border Protection” tal-Istati Uniti (ĠU C 103 E, 29.4.2004, p. 665), rakkomondazzjoni lill-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2006 dwar in-negozjati għal ftehima mal-Istati Uniti dwar l-użu tad-data tar-rekords tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali, inkluż l-kriminalità organizzata (ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 250) u l-pożizzjoni tal-Parlament tas-7 ta' Lulju 2005 dwar il-ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-gvern Kanadiż dwar l-ipproċessar tad-dejta tal-passiġġieri tal-ajru (API/PNR) (ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 464).,

(4)  ĠU L 261, 6.8.2004, p. 24.,

(5)  Il-Kumitat għal-Libertajiiet Ċivili, Ġustizzja u Affarijiet Interni ħa nota wkoll ta' dawn in-negozjati fuq il-bażi tal-opinjoni tal-Grupp tal-Artikolu 29 ta' Ħidma għall-Protezzjoni tad-Data dwar dan is-suġġett. Ara: http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/docs/wpdocs/2004/wp85_en.pdf.,

(6)  ĠU L 204, 4.8.2007, p. 18.

(7)  Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-28 ta' Jannar 1981 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku tad-dejta personali u emendi sussegwenti tagħha.

(8)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.;


Top