Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009TA1218(02)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja li ntemmet fil- 31 ta’ Diċembru 2008 , flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

    ĠU C 310, 18.12.2009, p. 9–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.12.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 310/9


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2008, flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

    2009/C 310/02

    WERREJ

     

    Paragrafu

    Paġna

    INTRODUZZJONI …

    1-5

    10

    ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI …

    6-15

    10

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA …

    16-20

    11

    Nuqqas ta’ rispett tal-prinċipju baġitarju tal-annwalità …

    16-17

    11

    L-implimentazzjoni tal-baġit …

    18-20

    11

    KWISTJONIJIET OĦRAJN …

    21-31

    11

    Is-sistemi ta’ kontroll intern …

    21-25

    11

    Ir-rikonoxximent tal-attiv …

    26-27

    12

    Ir-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta …

    28

    12

    Ħlas tard tal-kontribuzzjonijiet tas-sħubija …

    29

    12

    Ir-Rapport ta’ Attività Annwali …

    30-31

    12

    Tabella …

    13

    Ir-risposti tal-Impriża Konġunta

    15

    INTRODUZZJONI

    1.

    L-Impriża Konġunta SESAR twaqqfet fi Frar 2007 (1) sabiex iġġesti l-attivitajiet tal-proġett SESAR (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru tas-Sema Uniku Ewropew). Iċ-ċentru prinċipali tal-Impriża Konġunta qiegħed fi Brussell.

    2.

    Il-proġett SESAR jimmira li jimmodernizza l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) fl-Ewropa u huwa maqsum fi tliet fażijiet:

    a)

    Il-“Fażi ta’ definizzjoni” bdiet fl-2005 u tmexxiet mill-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru (Eurocontrol), b’kofinanzjament mill-baġit tal-Komunità permezz tal-programm tan-Netwerk tat-Trasport Trans Ewropew. Ir-riżultat huwa l-Pjan Regolatorju tal-ATM Ewropew, li jiddefinixxi l-pjanijiet għall-kontenut, għall-iżvilupp u għat-twaqqif tal-ġenerazzjoni ta’ sistemi ATM li tmiss.

    b)

    Il-“Fażi ta’ żvilupp” (2008-2013) ġestita mill-Impriża Konġunta SESAR (ara wkoll it-Tabella) u li twassal għall-produzzjoni ta’ sistemi teknoloġiċi, komponenti u proċeduri operazzjonali ġodda definiti fil-Pjan Regolatorju ATM Ewropew.

    c)

    Il-“Fażi ta’ twaqqif” (2014-2020) li għandha titmexxa mill-industrija u mill-partijiet interessati, għall-produzzjoni u l-implimentazzjoni fuq skala kbira tal-infrastruttura tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru l-ġdida.

    3.

    L-Impriża Konġunta hija mfassla bħala sħubija pubblika-privata. Il-membri fondaturi huma l-Komunità Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, u l-Eurocontrol rrappreżentata mill-Aġenzija tagħha. Wara sejħa għall- espressjonijiet ta’ interess, ħmistax-il intrapriża pubblika u privata mill-industrija tan-navigazzjoni tal-ajru huma membri kandidati tal-Impriża Konġunta. Dawn jinkludu fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, l-industrija tal-manifattura tal-art u tal-ajruspazju, manifatturi tal-ajruplani, awtoritajiet tal-ajruport u manifatturi ta’ tagħmir għal operazzjonijiet tal-ajru.

    4.

    Il-baġit għall-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR huwa ta’ 2,1 biljun euro, li jrid jingħata f’partijiet ugwali mill-Komunità, mill-Eurocontrol u mill-imsieħba pubbliċi u privati parteċipanti. Il-kontribuzzjoni Komunitarja hija ffinanzjata mis-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku u mill-programm tan-Netwerk tat-Trasport Trans Ewropew. Madwar 90 % tal-finanzjament mill-Eurocontrol u mill-partijiet interessati l-oħrajn se jieħu l-għamla ta’ kontribuzzjonijiet mhux finanzjarji.

    5.

    L-Impriża Konġunta SESAR bdiet taħdem b’mod awtonomu fl-10 ta’ Awwissu 2007.

    ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    6.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 248 tat-Trattat il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (2) tal-Impriża Konġunta Sesar, li jikkonsistu fir-“rendikonti finanzjarji” (3) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2008 u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    7.

    Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (5).

    Ir-responsabbiltà tad-Direttur

    8.

    Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta (6) li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu u fi ħdan il-limiti tal-approprijazzjonijiet awtorizzati (7). Id-Direttur huwa responsabbli mit-twaqqif tal-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri tal-ġestjoni u l-kontroll interni rilevanti biex jiġu ppreparati kontijiet finali li huma ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti

    9.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom.

    10.

    Il-Qorti wettqet il-verifika tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika u l-Kodiċi tal-Etika tal-IFAC u l-ISSAI (8). Dawk l-istandards jitolbu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti tal-etika u li tippjana u twettaq il-verifika biex tikseb assigurazzjoni raġonevoli dwar jekk il-kontijiet humiex ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi humiex legali u regolari.

    11.

    Il-verifika tal-Qorti tinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri sabiex tinkiseb evidenza tal-verifika dwar l-ammonti u t-tagħrif fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq l-evalwazzjoni tagħha fil-verifika tar-riskji u inkluża l-evalwazzjoni ta’ dikjarazzjoni żbaljata materjali fil-kontijiet jew ta’ tranżazzjonijiet illegali jew irregolari, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball. Meta tagħmel dawk l-evalwazzjonijiet tar-riskju, il-kontroll intern rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-entità jiġi kkunsidrat sabiex jitfasslu proċeduri tal-verifika li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi. Il-verifika tal-Qorti tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politika tal-kontabilità użata, tar-raġonevolezza tal-estimi tal-kontabilità magħmula mill-maniġment u kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni tal-kontijiet inġenerali.

    12.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza tal-verifika miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet t’hawn taħt.

    L-opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    13.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-Kontijiet Annwali tal-Impriża Konġunta SESAR jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2008 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u tal-likwidità tagħha għas-sena li ntemmet, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha.

    L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    14.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2008, fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari.

    15.

    Il-kummenti li ġejjin ma jpoġġux f’diskussjoni l-opinjonijiet tal-Qorti.

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

    Nuqqas ta’ rispett tal-prinċipju baġitarju tal-annwalità

    16.

    Ir-Regolament Finanzjarju strutturali jgħid li l-approprijazzjonijiet imdaħħla fil-baġit huma awtorizzati għal sena finanzjarja waħda li tkun tgħodd mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru. L-Istatuti tal-Impriża Konġunta jikkonfermaw li s-sena finanzjarja tikkorrispondi mas-sena kalendarja.

    17.

    Madankollu, l-Artikolu 5 tar-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta jgħid li l-ewwel perijodu tar-rappurtar finanzjarju jibda meta l-Impriża Konġunta tibda l-ħidma awtonoma tagħha fl-2007 u jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2008. Il-Bord Amministrattiv adotta l-baġit finali li jkopri l-perijodu Awwissu 2007 sa Diċembru 2008 f’April 2008. Din id-deċiżjoni ma kinitx tirrispetta l-prinċipju tal-annwalità mniżżel fir-Regolament Finanzjarju strutturali u fl-Istatuti tal-Impriża Konġunta.

    L-implimentazzjoni tal-baġit

    18.

    Il-baġit finali adottat mill-Bord Amministrattiv f’April 2008 kien jinkludi approprijazzjonijiet għall-impenji ta’ 1 463 miljun euro u approprijazzjonijiet għall-pagamenti ta’ 38 miljun euro. Ftit kienu l-attivitajiet tal-proġett li bdew sa tmiem l-2008 u għalhekk il-baġit kien irrealistiku ħafna. Dan jintwera mir-rati ta’ utilizzazzjoni tal-approprijazzjonijiet għall-impenji u għall-pagamenti, ta’ 1 % u 17 % rispettivament.

    19.

    Filwaqt li r-rata ta’ utilizzazzjoni għall-approprijazzjonijiet tal-pagamenti kienet baxxa ħafna, id-dħul għas-sena ammonta għal 124,2 miljun euro u d-depożiti fil-kontijiet tal-bank fi tmiem is-sena ammontaw għal 116-il miljun euro. Il-prinċipju baġitarju tal-ekwilibriju ma kienx irrispettat.

    20.

    Skont ir-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta, il-pjan ta’ stabbiliment tal-persunal kien imissu ġie adottat mill-Bord Amministrattiv flimkien mal-baġit. Madankollu, għall-perijodu 2007 sal-2008, dan ma sarx.

    KWISTJONIJIET OĦRAJN

    Is-sistemi ta’ kontroll intern

    21.

    L-Impriża Konġunta hija fil-fażi tal-bidu u ma kinitx implimentat għal kollox is-sistemi ta’ kontroll intern u ta’ informazzjoni tal-ġestjoni tagħha sa tmiem l-2008. Il-proċessi tan-negozju ta’ bażi ma kinux ġew formalizzati u lanqas validati mill-Uffiċjal tal-Kontabilità kif meħtieġ mir-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta.

    22.

    L-Impriża Konġunta għad m’għandhiex sistema finanzjarja li tintegra l-kontabilità ġenerali u dik tal-baġit. Sistema ta’ informazzjoni finanzjarja sħiħa hija ppjanata li tkun implimentata biss fi tmiem l-2009.

    23.

    L-unità tal-kuntratti u tal-akkwist għadha ma żviluppatx sistemi tal-kontroll intern adegwati. L-Impriża Konġunta għadha ma żviluppatx pjan ta’ rkupru għad-diżastri u lanqas politika dwar il-protezzjoni tad-data.

    24.

    Skont ir-Regolament Finanzjarju tagħha, l-Impriża Konġunta għandha jkollha servizz tal-verifika interna li trid tikkonforma ma’ standards internazzjonali rilevanti. Iżda, dan l-element importanti tas-sistema ta’ kontroll intern ma ddaħħalx fis-seħħ qabel Jannar 2009.

    25.

    L-ittestjar mill-Qorti ta’ kampjun ta’ 36 tranżazzjoni identifika bosta każijiet fejn il-kontrolli interni ma kinux ħadmu sew. Pereżempju, f’sitt każijiet, l-Impriża Konġunta għamlet impenji għall-baġit biss wara li kienet diġà daħlet f’obbligi legali. Barra dan, il-kuntratti tal-assigurazzjoni tal-persunal kienu ffirmati mingħajr ma saret il-proċedura tal-akkwist meħtieġa. F’dawn il-każijiet, l-impenji għall-baġit kienu ffirmati wkoll wara li daħlet għall-impenn legali, u l-kuntratti kienu awtorizzati minn uffiċjal li ma kellux is-setgħat meħtieġa.

    Ir-rikonoxximent tal-attiv

    26.

    L-Impriża Konġunta se jkollha l-pussess tal-attiv tanġibbli u intanġibbli kollu li hija toħloq jew li huwa ttrasferit lilha għall-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR skont ftehimiet speċifiċi mal-membri tagħha (9).

    27.

    Madankollu, l-Impriża Konġunta għadha ma żviluppatx politika tal-kontabilità fir-rigward tal-attiv li jista’ jirriżulta mill-fażi ta’ żvilupp tal-proġett. M’hemm l-ebda sistema ta’ informazzjoni tal-ġestjoni stabbilita biex tippermetti l-allokazzjoni tal-ispejjeż lil pakketti tax-xogħol speċifiċi jew biex tidentifika l-għajn tal-finanzjament tal-ispejjeż operazzjonali. Dan ixekkel l-evalwazzjoni tajba tal-attiv. Għalkemm dan ma jolqotx il-kontijiet tal-2008, peress li kien hemm attività operazzjonali limitata, se jkollu impatt sinifikanti mill-2009 ’l quddiem.

    Ir-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta

    28.

    Ir-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta, adottat mill-Bord Amministrattiv f’Lulju 2007, għandu jkun skont ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet Komunitarji. B’mod partikolari, għandhom jitlestew id-dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-baġit u l-preżentazzjoni tal-kontijiet, dwar il-proċeduri tal-akkwist u dwar il-funzjoni tal-verifika interna. Barra dan, l-Impriża Konġunta ma adottatx ir-regoli implimentattivi għar-Regolament Finanzjarju tagħha.

    Ħlas tard tal-kontribuzzjonijiet tas-sħubija

    29.

    Skont l-Istatuti, il-membri fondaturi għandhom iħallsu kontribuzzjoni minima inizjali ta’ 10 miljun euro fi żmien sena mit-twaqqif tal-Impriża Konġunta. Il-Eurocontrol ħallset il-kontribuzzjoni tal-bidu tagħha fil-21 ta’ Awwissu 2008, filwaqt li l-Impriża Konġunta twaqqfet fit-3 ta’ Marzu 2007. Il-Kummissjoni kienet diġà ħallset il-kontribuzzjoni Komunitarja fl-1 ta’ Awwissu 2007.

    Ir-Rapport ta’ Attività Annwali

    30.

    Skont l-Artikoli 7 u 16 tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta, u l-Artikolu 40 tar-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet Komunitarji, id-Direttur Eżekuttiv huwa meħtieġ iħejji rapport ta’ attività annwali. Ir-rapport għandu juri l-progress tal-proġett SESAR, partikolarment rigward l-iskeda ta’ żmien, l-ispejjeż u l-prestazzjoni. Ir-rapport għandu jkun fih informazzjoni finanzjarja u ta’ ġestjoni rilevanti, li tindika r-riżultati tal-operazzjonijiet tal-Impriża Konġunta b’referenza għall-objettivi stabbiliti, ir-riskji assoċjati mal-operazzjonijiet, l-użu li sar mir-riżorsi mogħtija u l-effiċjenza u l-effettività tas-sistema ta’ kontroll intern. Mhux aktar tard mill-15 ta’ Ġunju wara tmiem is-sena finanzjarja, il-bord amministrattiv għandu jibgħat lill-awtorità tal-baġit u lill-Qorti tal-Awdituri analiżi u evalwazzjoni tar-rapport annwali tal-Uffiċjal li Jawtorizza.

    31.

    Il-Qorti rċeviet ir-rapport ta’ attività annwali f’Mejju 2009. Għalkemm ir-rapport jagħti informazzjoni finanzjarja u operazzjonali, ma jissodisfax ir-rekwiżiti kollha tar-regolamenti applikabbli. L-ispjegazzjoni tal-progress tal-proġett ma jinkludix evalwazzjoni dettaljata tar-riżultati rigward l-objettivi u l-iskeda ta’ żmien stabbilita. Ir-rapport ma jinkludix evalwazzjoni tal-effiċjenza u l-effettività tas-sistema ta’ kontroll intern kif meħtieġa mir-Regolament Finanzjarju strutturali.

    Dan ir-rapport ġie adottat mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-22 ta’ Ottubru 2009.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President

    Tabella

    L-Impriża Konġunta SESAR (Brussell)

    Oqsma ta’ kompetenza Komunitarja stipulati fit-Trattat

    Kompetenzi tal-Impriża Konġunta kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1361/2008

    Tmexxija

    Riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2007 - 2008

    (l-ewwel sena tal-Impriża Konġunta)

    Prodotti u servizzi prinċipali mogħtija fl-2007 -2008

    Il-politika tat-trasport komuni

    “Il-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċiedi jekk, safejn u b’liema proċedura dispożizzjonijiet opportuni jistgħux jiġu adottati għat-traffiku fil-baħar u fl-ajru.”

    (L-Artikolu 80 tat-Trattat)

    Ir-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku

    “Il-Komunità tista’ toħloq impriżi komuni jew kull struttura oħra neċessarja għall-eżekuzzjoni effiċjenti tal-programmi tar-riċerka ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimonstrazzjoni Komunitarji.”

    (L-Artikolu 171 tat-Trattat)

    Objettivi

    tiżgura l-immodernizzar tas-sistema ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru Ewropew billi tikkoordina u tikkonċentra l-isforzi tar-riċerka u tal-iżvilupp kollha tagħha fil-Komunità;

    twettaq il-Pjan Regolatorju tal-ATM.

    Kompiti

    tmexxi l-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp u validazzjoni tal-proġett SESAR billi tikkombina l-finanzjament mis-settur pubbliku u privat provdut mill-membri tagħha u billi tuża riżorsi tekniċi esterni u b’mod partikolari billi tuża l-esperjenza u l-ħila tal-EUROCONTROL.

    In particular:

    torganizza u tikkoordina l-attivitajiet tal-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR, skont il-Pjan Regolatorju tal-ATM, li jirriżultaw mill-fażi ta’ definizzjoni tal-proġett amministrat mill-Eurocontrol, billi tikkombina u ġġesti taħt struttura unika l-finanzjament tas-settur pubbliku u ta’ dak privat, tiżgura l-finanzjament meħtieġ għall-attivitajiet tal-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR skont il-Pjan Regolatorju tal-ATM,

    tiżgura l-involviment tal-partijiet interessati tas-settur tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa, b’mod partikolari: il-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, l-utenti tal-ispazji tal-ajru, l-assoċjazzjonijiet professjonali tal-persunal, l-ajruporti, u l-industrija tal-manifattura; kif ukoll l-istituzzjonijiet xjentifiċi rilevanti jew il-komunità xjentifika rilevanti,

    torganizza l-ħidma teknika ta’ riċerka u żvilupp, ta’ validazzjoni u studju, li għandha titwettaq taħt l-awtorità tagħha waqt li tiġi evitata l-frammentazzjoni ta’ tali attivitajiet,

    tiżgura s-superviżjoni ta’ attivitajiet relatati mal-iżvilupp ta’ prodotti komuni debitament identifikati fil-Pjan Regolatorju tal-ATM u jekk ikun meħtieġ, torganizza sejħiet speċifiċi għall-offerti.

    1.   Il-Bord Amministrattiv

    Kompożizzjoni

    a)

    rappreżentant minn kull wieħed mill-membri tal-Impriża Konġunta;

    b)

    rappreżentant tal-militar;

    c)

    rappreżentant tal-utenti ċivili tal-ispazju tal-ajru;

    d)

    rappreżentant tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, maħtur mill-organizzazzjoni rappreżentattiva tagħhom fil-livell Ewropew;

    e)

    rappreżentant tal-manifatturi ta’ tagħmir, maħtur mill-organizzazzjoni rappreżentanta tagħhom fil-livell Ewropew;

    f)

    rappreżentant tal-ajruporti;

    g)

    rappreżentant mill-korpi li jirrappreżenta lill-persunal fis-settur tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, maħtur mill-organizzazzjoni rappreżentanta tagħhom fil-livell Ewropew

    h)

    rappreżentant tal-istituzzjonijiet xjentifiċi relevanti jew il-komunità xjentifika relevanti, maħtur mill-organizzazzjoni rappreżentattiva tagħhom fil-livell Ewropew.

    Il-Bord Amministrattiv se jkun ippresedut mir-rappreżentant tal-Komunità.

    Kompiti prinċipali

    (ara r-Regolament tal-Kunsill 219/2007)

    a)

    jadotta l-Pjan Regolatorju tal-ATM approvat mill-Kunsill kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tas-SESAR u japprova kwalunkwe proposta għall-modifika tiegħu;

    b)

    jagħti linji gwida u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-fażi ta’ żvilupp tal-proġett Sesar u jeżerċita kontroll ġenerali fuq l-implimentazzjoni tiegħu;

    c)

    japprova l-programm ta’ xogħol u l-programmi ta’ xogħol annwali tal-Impriża Konġunta kif ukoll il-baġit annwali, inkluż il-pjan ta’ stabbiliment tal-persunal.

    2.   Id-Direttur Eżekuttiv

    Maħtur mill-Bord Amministrattiv fuq proposta mill-Kummissjoni.

    3.   Verifika esterna

    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

    4.   Awtorità ta’ Kwittanza

    Il-Parlament Ewropew fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill

    Baġit finali għall-2007 - 2008

    1 560,21 miljun euro Kontribuzzjoni tal-Komunità 10,3 %.

    Għadd ta’ persunal fil-31 ta’ Diċembru 2008

    Karigi fil-pjan ta’ stabbiliment tal-persunal: 23

    Karigi okkupati: 14

    Karigi oħrajn (kuntratti awżiljarji, esperti nazzjonali ssekondati, persunal lokali): 0

    Għadd totali ta’ persunal: 14

    Persunal issekondat mill-membri tal-Impriża Konġunta bħala parti mill-kontribuzzjoni mhux finanzjarja tagħhom: 8

    assenjati d-doveri li ġejjin:

    Kompiti operazzjonali: 9

    Kompiti amministrattivi u ta’ sostenn: 12

    Kompiti mħallta: 1

    Twaqqif tal-istruttura tal-Impriża Konġunta SESAR inkluż ir-reklutaġġ tal-persunal, it-tħejjija tal-proċeduri, politika u definizzjoni tal-proċessi. Tfassil mill-ġdid tal-istruttura tal-Impriża Konġunta biex tkun allinjata mal-mudell legali l-ġdid tal-JTIs.

    Tħejjija, negozjati, taħdit u tnedija tal-proċess ta’ sħubija bl-involviment ta’ 15-il membru kandidat għat-twettiq ta’ madwar 300 proġett inkwadrat f’16-il Pakkett tax-Xogħol.

    Tħejjija u twaqqif inizjali tal-istruttura tal-Ġestjoni tal-Programm tax-Xogħol.

    Twaqqif tal-qafas għall-koperazzjoni internazzjonali.

    Tnedija ta’ attivitajiet operazzjonali (kuntratt ta’ Sostenn Industrijali, inizjattiva AIRE).

    Tnedija ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni.

    Għadd ta’ proċeduri tal-akkwist għal attivitajiet amministrattivi, tekniċi u operazzjonali differenti: 16

    Sors: Informazzjoni mibgħuta mill-Impriża Konġunta.

    IR-RISPOSTI TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

    Paragrafu 16

    Il-miżura adottata mill-Bord Amministrattiv skont l-Artikolu 5.2 tar-Regolamenti Finanzjarji tal-Impriża Konġunta SESAR (SJU) qieset il-fażi tal-bidu tal-attivitajiet u l-infiq limitat matul l-ewwel xhur tal-ħajja tal-SJU.

    Paragrafu 18

    L-SJU hija responsabbli għall-fażi ta’ żvilupp tal-Programm SESAR li huwa mistenni li jdum sal-2016. Il-programm huwa multi-annwali u, f’dan ir-rigward, sejjer ikun ikkaratterizzat matul il-ħajja tiegħu bi żbilanċ mistenni bejn id-dħul u l-infiq. Barra minn hekk, ir-riżorsi disponibbli fi tmiem l-2008 fl-SJU huma meħtieġa għat-tnedija ta’ madwar 200 proġett tard fl-2009 u kmieni fl-2010.

    Il-ħtieġa li jinbidel l-att bażiku tal-SJU u l-allinjament tal-qafas legali tal-SJU għal dak ta’ korp sħiħ tal-Komunità kellhom impatt fuq il-kapaċità tal-SJU li tniedi l-Programm kif inizjalment mistenni sa tmiem l-2008.

    Paragrafi 20-24

    L-2007-2008 kien perjodu tal-bidu għall-SJU, u r-riżorsi kienu kkonċentrati fuq l-istabbiliment inizjali tal-organizzazzjoni u b’mod speċjali fuq il-konklużjoni tal-ftehimiet mal-kandidati għal sħubija tal-SJU. Barraminhekk, il-bidliet introdotti mir-Regolament tal-Kunsill il-ġdid li jemendaw l-att bażiku tal-SJU, sejrin jippermettu lill-SJU matul l-2009 li tistabbilixxi progressivament sistema adegwata għall-ġestjoni tal-organizzazzjoni fil-futur.

    Fir-rigward tas-sistema finanzjarja, l-SJU qiegħda fil-“lista ta’ stennija tal-KE” għall-implimentazzjoni ta’ ABAC u ta’ SAP, filwaqt li internament, qiegħda taħdem fuq sistema ta’ ġestjoni għall-aspetti operattivi tal-Programm. Madankollu, mhuwiex mistenni li l-SJU jkollha sistema finanzjarja integrata qabel nofs l-2010, u dan ikun jeħtieġ li l-SJU timmaniġġja r-riżorsi tagħha b’kontrolli addizzjonali.

    Paragrafi 25-26

    L-SJU sejra tfittex li tiżviluppa politika tal-kontabilità għar-rikonoxximent tal-assi li jirriżultaw mill-programm sa nofs l-2010. Barra minn hekk, dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-rapportar tal-ispejjeż, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji, eċċ, huma mogħtija fid-dettall fil-Ftehim ta’ Qafas Multilaterali li jirregola l-Programm.

    Paragrafu 27

    Ir-Regoli Finanzjarji tal-SJU, li huma bbażati fuq ir-Regolament ta’ Qafas tal-Kummissjoni Nru 2343/2002, ġew adottati mill-Bord Amministrattiv tal-SJU fit-28 ta’ Lulju 2009.

    Paragrafu 28

    Ir-raġunijiet għall-ħlas differit tal-kontibuzzjoni inizjali tal-EUROCONTROL kienu relatati mal-adozzjoni tal-Istatuti l-ġodda tal-SJU. Filwaqt li l-intenzjoni ta’ EUROCONTROL li tħallas il-kontribuzzjoni kienet stabbilita b’mod ċar, l-SJU kellha tivvaluta l-impatt dettaljat tal-bidla fl-att bażiku tagħha dwar l-istejtus ta’ tali pagament, qabel ma tagħmel it-talba għall-pagament.

    Paragrafi 29-30

    L-SJU tieħu nota tal-kummenti tal-Qorti. Kif diġà ssemma’, l-2007-2008 kienet l-ewwel sena tal-operazzjonijiet tal-Impriża Konġunta u kienet iddedikata l-iktar għall-istabbiliment u għall-organizzazzjoni tal-Isħubija Pubblika-Privata. B’konsegwenza ta’ dan, ir-rapport tal-attività annwali jikkonċentra fuq il-kisbiet fit-twaqqif tal-istruttura u tal-aspetti finanzjarji inizjali. Mill-2009, ir-rapport sejjer jindirizza l-progress miksub lejn il-miri tal-Programm.


    (1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta’ Frar 2007 dwar it-twaqqif ta’ Impriża Konġunta biex tiżviluppa s-sistema l-ġdida ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tas-sema uniku Ewropew (SESAR) (ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1) emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1361/2008 tas-16 ta’ Diċembru 2008 (ĠU L 352, 31.12.2008, p. 12).

    (2)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprijazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti tal-approprijazzjonijiet fost il-partiti varji tal-baġit.

    (3)  Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rendikont tat-tibdil fil-kapital u l-anness għar-rendikonti finanzjarji li jinkludi d-deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

    (4)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

    (5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (6)  Ir-Regolament Finanzjarju tas-SESAR adottat mill-Bord Amministrattiv fit-3 ta’ Lulju 2007.

    (7)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

    (8)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

    (9)  L-Artikolu 18 tal-Istatuti.


    Top