Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009TA1215(25)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mar-risposti tal-Fondazzjoni

    ĠU C 304, 15.12.2009, p. 136–141 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.12.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 304/136


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mar-risposti tal-Fondazzjoni

    2009/C 304/25

    WERREJ

     

    Paragrafu

    Paġna

    INTRODUZZJONI…

    1-2

    137

    ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI…

    3-12

    137

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA…

    13-14

    138

    It-Tabella…

    139

    Ir-risposti tal-Fondazzjoni

    141

    INTRODUZZJONI

    1.

    Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Fondazzjoni”), li tinsab f’Turin, twaqqfet mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1360/90 (1). L-iskop tal-Fondazzjoni huwa li ssostni r-riforma tat-taħriġ vokazzjonali fil-pajjiżi msieħba mal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, hija tassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta’ varji programmi (PHARE, TACIS, CARDS u MEDA) (2).

    2.

    Il-baġit tal-Fondazzjoni għall-2008 ammonta għal 22,4 miljun euro meta mqabbel ma’ 21,1 miljun euro s-sena ta’ qabel. L-għadd ta’ persunal impjegat mill-Fondazzjoni fi tmiem is-sena kien 124 meta mqabbel ma’ 131 is-sena ta’ qabel.

    ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    3.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 248 tat-Trattat il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (3) tal-Fondazzjoni, li jikkonsistu fir-“rendikonti finanzjarji” (4) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2008 u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    4.

    Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (6).

    Ir-responsabbiltà tad-Direttriċi

    5.

    Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttriċi timplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Fondazzjoni li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħha u fi ħdan il-limiti tal-approprijazzjonijiet awtorizzati (7). Id-Direttriċi hija responsabbli mit-twaqqif (8) tal-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri tal-ġestjoni u l-kontroll interni rilevanti biex jiġu ppreparati kontijiet finali (9) li huma ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball, u biex tiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti

    6.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom.

    7.

    Il-Qorti wettqet il-verifika tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika u l-Kodiċi tal-Etika tal-IFAC u tal-ISSAI (10). Dawk l-istandards jitolbu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti tal-etika u li tippjana u twettaq il-verifika biex tikseb assigurazzjoni raġonevoli dwar jekk il-kontijiet humiex ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi humiex legali u regolari.

    8.

    Il-verifika tal-Qorti tinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri sabiex tinkiseb evidenza tal-verifika dwar l-ammonti u t-tagħrif fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq l-evalwazzjoni tagħha tal-verifika inkluża l-evalwazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni żbaljata materjali fil-kontijiet jew ta’ tranżazzjonijiet illegali jew irregolari, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball. Meta tagħmel dawk l-evalwazzjonijiet tar-riskju, il-kontroll intern rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-entità jiġi kkunsidrat sabiex jitfasslu proċeduri tal-verifika li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi. Il-verifika tal-Qorti tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politika tal-kontabilità użata, tar-raġonevolezza tal-estimi tal-kontabilità magħmula mill-maniġment u kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni tal-kontijiet inġenerali.

    9.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza tal-verifika miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet t’hawn taħt.

    L-opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    10.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-Kontijiet Annwali (11) tal-Fondazzjoni jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2008 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u tal-likwidità tagħha għas-sena li ntemmet, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha.

    L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    11.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2008, fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari.

    12.

    Il-kummenti li ġejjin ma jpoġġux f’diskussjoni l-opinjonijiet tal-Qorti.

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

    13.

    Il-proċeduri ta’ reklutaġġ ivverifikati wrew bosta nuqqasijiet. Ir-rapporti inġenerali ppreparati mill-Bordijiet ta’ Evalwazzjoni tar-Reklutaġġ ma jipprovdux biżżejjed informazzjoni dwar il-proċeduri segwiti. Ġustifikazzjonijiet għad-deċiżjonijiet u d-dati ta’ dawn tħallew barra, u b’hekk kien diffiċli li tiġi evalwata r-regolarità tal-proċeduri u dan fixkel it-trasparenza tal-proċeduri.

    14.

    F’mill-inqas żewġ każijiet, aġenti intitolati li jirċievu l-konċessjoni tal-espatrijazzjoni (12) ġew irrifjutati din il-konċessjoni abbażi ta’ interpretazzjoni ħażina tar-regoli fis-seħħ. Il-Fondazzjoni għandha tikkoreġi dawn il-każijiet u twettaq il-verifikazzjonijiet neċessarji sabiex tkun kompletament żgura li aġenti oħrajn mhumiex f’sitwazzjoni simili.

    Dan ir-rapport ġie adottat mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta’ Ottubru 2009.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President

    Tabella

    Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (Turin)

    Oqsma ta’ kompetenza Komunitarja stipulati fit-Trattat

    Kompetenzi tal-Fondazzjoni Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1360/90

    Tmexxija

    Riżorsi disponibbli għall-Fondazzjoni fl-2008

    (data għall-2007)

    Prodotti u servizzi mogħtija fl-2008

    Il-Komunità għandha twettaq, fl-ambitu tal-kompetenza tagħha, miżuri ekonomiċi, finanzjarji u ta’ koperazzjoni teknika ma’ pajjiżi terzi. Tali miżuri għandhom ikunu kumplimentari ma’ dawk imwettqa mill-Istati Membri u konsistenti mal-politika tal-iżvilupp tal-Komunità.

    (L-Artikolu 181 A tat-Trattat)

    Objettivi

    Tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, l-Istati indipendenti tal-Ex-Unjoni Sovjetika li jibbenifikaw mill-programm ta’ għajnuna għar-riforma ekonomika u ta’ rpiljar, u t-territorji u l-pajjiżi terzi Mediterranji li jibbenefikaw minn miżuri finanzjarji u tekniċi li jakkumpanjaw għar-riforma tal-istrutturi ekonomiċi u soċjali tagħhom.

    Tippromwovi l-koordinazzjoni tal-assistenza mogħtija lill-pajjiżi eliġibbli.

    Kompiti

    Skont il-linji gwida ġenerali stabbiliti mill-Komunità, l-ETF topera fil-qasam tat-taħriġ, li jkopri taħriġ professjonali, inizjali u tul il-ħajja u taħriġ mill-ġdid taż-żgħażagħ u adulti permezz tal-kompiti li ġejjin:

    Assistenza biex jiġu identifikati l-bżonnijiet ta’ taħriġ permezz tal-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ assistenza teknika fil-qasam tat-taħriġ u koperazzjoni mal-korpi xierqa maħtura fil-pajjiżi eliġibbli;

    Taġixxi bħala clearing house biex tipprovdi lill-Komunità, lill-Istati Membri tagħha u pajjiżi terzi interessati b’informazzjoni dwar inizjattivi kurrenti u bżonnijiet futuri fil-qasam tat-taħriġ u tipprovdi qafas biex iwassal offerti ta’ assistenza.

    Bord ta’ Tmexxija

    Rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru.

    Tliet rappreżentanti tal-Kummissjoni.

    Presedut mill-Kummissjoni.

    Direttur

    Maħtur mill-Kunsill Amministrattiv fuq proposta tal-Kummissjoni.

    Forum Konsultattiv

    Maħtur mill-Bord ta’ Tmexxija.

    Żewġ esperti minn kull Stat Membru.

    Żewġ esperti minn kull pajjiż eliġibbli.

    Żewġ esperti mill-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew.

    Verifika esterna

    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

    Verifika interna

    Id-dipartiment tal-verifika interna tal-Kummissjoni.

    Awtorità ta’ Kwittanza:

    Il-Parlament Ewropew fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

    Baġit

    19,2 (21,1) miljun euro li minnhom 18-il (19,7) miljun euro ffinanzjati minn sussidju tal-Kummissjoni u 1,2 (1,4) miljun euro ffinanzjati minn korpi oħra bħala dħul assenjat.

    Għadd tal-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2008

    96 (100) kariga temporanja fil-pjan ta’ twaqqif li minnhom 86 (91) kariga okkupata.

    38 (40) persunal ieħor (awżiljarji, aġenti lokali, aġenti kuntrattwali...)

    Persunal totali: 124 (131) assenjati għad-doveri segwenti:

    kompiti operattivi: 64 (72)

    kompiti amministrattivi: 38,5 (40)

    kompiti mħallta: 21,5 (19).

    Attivitajiet

    L-assistenza pprovduta mill-ETF tkopri firxa wiesgħa ta’ oqsma tekniċi li tinkludi: taħriġ vokazzjonali inizjali, tagħlim tul il-ħajja, edukazzjoni (tal-adulti) li tkompli, żvilupp tar-riżorsi umani fil-kumpaniji, politika tal-impjiegi, taħriġ ta’ persuni qiegħda, taffija tal-faqar u inklużjoni soċjali, u taħriġ biex iħeġġeġ l-iżvilupp lokali.

    Sostenn lill-Kummissjoni

    Fl-2008, 111-il talba ġdida diretta għas-sostenn kienu rċevuti mill-Kummissjoni. Il-parti l-kbira ġew minn delegazzjonijiet (49 %). Ir-rata ta’ sodisfazzjon tal-Kummissjoni bir-reazzjoni tal-ETF kienet ta’ 97 %.

    L-applikazzjonijiet l-aktar frekwenti kienu dawk fil-qasam tal-politika u l-kontribuzzjonijiet fil-preparazzjoni tal-Istrumenti Ewropej ta’ Viċinat (32 %), segwiti mill-formulazzjoni (21 %), l-ipprogrammar (11 %), l-identifikazzjoni ta’ proġetti (10 %) u segwitu.

    L-attivitajiet operattivi huma klassifikati fi prodotti (figuri tal-2008) skont dawn il-kategoriji:

     

    Reviżjonijiet u analiżi tal-politika: 73 prodott

    37 (IPA), 20 (ENPI), 8 (DCI), 8 (ILP)

     

    Azzjonijiet ta’ bini tal-kapaċità: 83 prodott

    35 (IPA), 32(ENPI), 16 (DCI)

     

    Sostenn liċ-ċiklu ta’ programmar: 25 prodott

    11 (IPA), 9(ENPI), 5 (DCI)

     

    Tqassim u ħidma bin-netwerk: 32 prodott

    13 (IPA), 9(ENPI), 7 (DCI), 3 (ILP)

     

    Analiżi tal-effettività: 10 prodotti

    6 (IPA), 1(ENPI), 2 (DCI), 1 (ILP)

     

    Total 102 (IPA), 71(ENPI), 38 (DCI), 12 (ILP)

    223 prodott

    Strumenti użati

    IPA:

    :

    Strument għall-Għajnuna ta’ qabel l-Adeżjoni

    ENPI:

    :

    Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija

    DCI:

    :

    Strument għall-Koperazzjoni fl-Iżvilupp

    ILP:

    :

    Programmi ta’ Innovazzjoni u Tagħlim

    Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Fondazzjoni.

    IR-RISPOSTI TAL-FONDAZZJONI

    13.

    L-ETF impenjat ruħha b’reviżjoni fid-dettall tal-proċeduri ta’ reklutaġġ tagħha bħala tweġiba għas-sejbiet ta’ verifika interna li twettqet mill-IAS fl-2008 u implimentat għadd ta’ azzjonijiet, inkluż it-titjib ta’ dokumentazzjoni u trasparenza fil-proċessi ta’ selezzjoni.

    14.

    L-ETF tirrikonoxxi l-opinjoni tal-Qorti dwar il-konċessjoni ta’ espatrijazzjoni u rrevediet il-każijiet individwali kkonċernati u wettqet l-addamenti xierqa.


    (1)  ĠU L 131, 23.5.1990, p. 1.

    (2)  It-Tabella tagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Fondazzjoni. Tiġi ppreżentata għal skopijiet ta’ informazzjoni.

    (3)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprijazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti tal-approprijazzjonijiet fost il-partiti varji tal-baġit.

    (4)  Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rendikont tat-tibdil fil-kapital u l-anness għar-rendikonti finanzjarji li jinkludi d-deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

    (5)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

    (6)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (7)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72)

    (8)  L-Artikolu 38 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

    (9)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-kapitolu 1 tat-Titlu VII tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 652/2008 tad-9 ta’ Lulju 2008 (ĠU L 181, 10.07.2008, p. 23) u huma fil-fatt integrati fir-Regolament Finanzjarju tal-Fondazzjoni.

    (10)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

    (11)  Il-Kontijiet Annwali Finali kienu ppreparati fil-15 ta’ Ġunju 2009 u rċevuti mill-Qorti fit-30 ta’ Ġunju 2009. Il-Kontijiet Annwali Finali, konsolidati ma’ dawk tal-Kummissjoni huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara. Dawn jistgħu jinstabu fuq il-websajt li ġej http://eca.europa.eu jew http://www.etf.europa.eu/Archive

    (12)  Dawn huma persuni ta’ nazzjonalità mhux Taljana u waslu l-Italja matul il-perijodu ta’ referenza definit biex jiġi ddeterminat id-dritt għall-konċessjoni tal-espatrijazzjoni.


    Top