Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009TA1215(24)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mar-risposti tal-Eurojust

    ĠU C 304, 15.12.2009, p. 131–135 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.12.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 304/131


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mar-risposti tal-Eurojust

    2009/C 304/24

    WERREJ

     

    Paragrafu

    Paġna

    INTRODUZZJONI…

    1-2

    132

    ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI…

    3-12

    132

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA…

    13-16

    133

    Tabella…

    134

    Ir-risposti tal-Eurojust

    135

    INTRODUZZJONI

    1.

    Il-Eurojust, li tinsab fl-Aja, ġiet imwaqqfa permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2002/187/JHA (1) bi ħsieb li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata serja. L-għan tagħha hu li ttejjeb il-koordinazzjoni ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet li jkopru t-territorji ta’ bosta Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll dawk ta’ Stati li mhumiex membri (2).

    2.

    Il-baġit tal-Eurojust għall-2008 ammonta għal 24,8 miljun euro meta mqabbel mat-18,9 miljun euro tas-sena ta’ qabel. L-għadd ta’ persunal impjegat mill-Eurojust fi tmiem is-sena kien 222 meta mqabbel ma’ 179 is-sena ta’ qabel.

    ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    3.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 248 tat-Trattat il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (3) tal-Eurojust, li jikkonsistu fir-“rendikonti finanzjarji” (4) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2008 u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    4.

    Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (6).

    Ir-responsabbiltà tad-Direttur

    5.

    Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Eurojust li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu u fi ħdan il-limiti tal-approprijazzjonijiet awtorizzati (7). Id-Direttur huwa responsabbli mit-twaqqif (8) tal-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri tal-ġestjoni u l-kontroll interni rilevanti biex jiġu ppreparati kontijiet finali (9) li huma ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti

    6.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Eurojust u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom.

    7.

    Il-Qorti wettqet il-verifika tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika u l-Kodiċi tal-Etika tal-IFAC u tal-ISSAI (10). Dawk l-istandards jitolbu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti tal-etika u li tippjana u twettaq il-verifika biex tikseb assigurazzjoni raġonevoli dwar jekk il-kontijiet humiex ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi humiex legali u regolari.

    8.

    Il-verifika tal-Qorti tinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri sabiex tinkiseb evidenza tal-verifika dwar l-ammonti u t-tagħrif fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq l-evalwazzjoni tagħha tal-verifika inkluża l-evalwazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni żbaljata materjali fil-kontijiet jew ta’ tranżazzjonijiet illegali jew irregolari, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball. Meta tagħmel dawk l-evalwazzjonijiet tar-riskju, il-kontroll intern rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-entità jiġi kkunsidrat sabiex jitfasslu proċeduri tal-verifika li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi. Il-verifika tal-Qorti tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politika tal-kontabilità użata, tar-raġonevolezza tal-estimi tal-kontabilità magħmula mill-maniġment u kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni tal-kontijiet inġenerali.

    9.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza tal-verifika miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet t’hawn taħt.

    L-opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    10.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-Kontijiet Annwali (11) tal-Eurojust jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2008 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u tal-likwidità tagħha għas-sena li ntemmet, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha.

    L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    11.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2008, fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari.

    12.

    Il-kummenti li ġejjin ma jpoġġux f’diskussjoni l-opinjonijiet tal-Qorti.

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

    13.

    Il-livell tal-approprijazzjonijiet miġjuba ’l quddiem għas-sena ta’ wara, 3,5 miljun euro, kien ħafna aktar baxx milli fl-2007 (minn 25 % għal 13 % tal-approprijazzjonijiet tal-baġit finali), iżda l-livell ta’ kanċellazzjonijiet tal-approprijazzjonijiet miġjuba ’l quddiem mis-sena finanzjarja ta’ qabel, miljun euro (25 % tal-approprijazzjonijiet miġjuba ’l quddiem) kien għoli. Din is-sitwazzjoni ma kinitx tikkonforma mal-prinċipju tal-annwalità.

    14.

    Kif il-Qorti diġà semmiet (12), ir-rata għolja ta’ karigi battala (26 %) għalkemm inqas sinifikanti milli fl-2007 (33 %), għadha tindika nuqqasijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-proċeduri tar-reklutaġġ. Barra minn hekk, dan kellu implikazzjonijiet fuq l-użu tal-approprijazzjonijiet tat-Titolu I, fejn ammont ta’ 1,8 miljun euro kien trasferit mill-approprijazzjonijiet għas-salarji tal-persunal temporanju u kuntrattwali, l-aktar sabiex jiżdiedu (b’238 %) l-approprijazzjonijiet għall-persunal interim. Din is-sitwazzjoni ma kinitx tikkonforma mal-prinċipju tal-ispeċifikazzjoni.

    15.

    Fir-rigward tal-akkwist, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ma sar l-ebda estimu min qabel tal-valur tas-suq qabel ma tnediet il-proċedura. Barra dan, analiżi tar-reġistru tal-eċċezzjonijiet (jiġifieri devjazzjonijiet minn politika, proċeduri jew kontrolli stabbiliti) wriet dgħufijiet rikorrenti u gravi fil-livell tal-monitoraġġ tal-kuntratti u fl-ipprogrammar tal-akkwisti. B’mod partikolari, 14-il eċċezzjoni ġew awtorizzati fl-2008 mid-Direttur, fejn 11 minnhom ippermettew estensjoni irregolari tal-kuntratti (lil hinn mit-tul ta’ żmien permess jew il-limitu massimu tal-baġit iffissat). Din is-sitwazzjoni (13), li diġà saru kummenti dwarha fir-Rapporti Annwali għall-2005, l-2006 u l-2007 (14), b’mod serju tpoġġi f’diskjussjoni l-kapaċità tas-servizzi varji involuti li jikkollaboraw b’mod xieraq u tindika nuqqas ta’ gwida u kontroll mill-uffiċjal li jawtorizza.

    16.

    Għal dak li għandu x’jaqsam mal-proċeduri ta’ għażla tal-persunal, ġeneralment xogħol il-bordijiet ta’ għażla ma kienx iddokumentat b’mod ċar, peress li ta’ sikwit il-minuti jew it-tabelli finali għall-klassifikazzjoni tal-kandidati kienu neqsin. F’każ minnhom, kandidat intern inħatar f’kariga ta’ Kap tal-Unità għalkemm ir-rekwiżiti minimi fir-rigward tal-esperjenza professjonali ma kinux issodisfati. Dawn is-sitwazzjonijiet ma kinux jiżguraw li l-kandidati esterni u interni jiġu ttrattati b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju.

    Dan ir-rapport ġie adottat mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta’ Ottubru 2009.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President

    Tabella

    L-Eurojust (L-Aja)

    Oqsma tal-kompetenza li joħorġu mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

    Kompetenzi tal-Eurojust kif definiti fid-Deċiżjoni ta-Kunsill 2002/187/JHA

    Tmexxija

    Riżorsi disponibbli għall-Eurojust fl-2008

    (Data għall-2007)

    Prodotti u servizzi mogħtija fl-2008

    (Data għall-2007)

    Korp tat-tielet pilastru mwaqqaf permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill.

    Il-mira tal-Unjoni hija li tipprovdi liċ-ċittadini b’livell għoli ta’ sigurtà fl-ambitu ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

    Il-Kunsill jinkoraġġixxi l-koperazzjoni permezz tal-Eurojust billi jagħmilha possibbli għall-Eurojust li tiffaċilita l-koordinazzjoni tajba bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-prosekuzzjoni tal-Istati Membri.

    (Estratti mill-Artikoli 29 u 31)

    L-oqsma prinċipali ta’ responsabbiltà tal-Eurojust huma l-istess bħal dawk tal-Europol, jiġifieri l-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, b’mod partikolari t-traffikar tad-droga, l-immigrazzjoni illegali, it-traffikar illeċitu ta’ karozzi, it-traffikar ta’ bnedmin, il-falsifikazzjoni tal-flus, it-traffikar ta’ sustanzi radjo-attivi, il-kriminalità tal-informatika, atti għad-detriment tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u l-ħasil tal-flus.

    Objettivi

    L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Eurojust

    Tistimola u ttejjeb il-koordinazzjoni, bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri responsabbli mill-investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet;

    Ittejjeb il-koperazzjoni billi tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni, assistenza ġudizzjarja u l-implimentazzjoni ta’ ordnijiet ta’ estradizzjoni.

    Ssostni l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tagħhom ikunu aktar effettivi.

    Tagħti għajnuna fi proċeduri li jinvolvu Stat Membru u Stat li mhux membru.

    Tagħti għajnuna fi proċeduri li jinvolvu Stat Membru u l-Komunità.

    Kompiti

    L-Artikoli 5, 6 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Eurojust

    Torganizza l-koperazzjoni bejn il-varji sistemi legali nazzjonali, l-Eurojust taħdem:

    permezz tal-membri nazzjonali tagħha; jew

    bħala Kulleġġ.

    Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ikkonċernat jiddeċiedu li ma jsegwux ir-rikjesti maħruġa mill-Eurojust bħala Kulleġġ huma għandhom jinfurmaw lill-Eurojust bir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħhom.

    1 –   Il-Kulleġġ huwa responsabbli mill-organizzazzjoni u l-operat tal-Eurojust.

    2 –   Il-Kulleġġ huwa magħmul minn membri nazzjonali ssekondati minn kull Stat Membru skont is-sistema legali, li huma prosekuturi, imħallfin jew uffiċjali tal-puliżija b’kompetenza ekwivalenti.

    3 –   Il-Kulleġġ jeleġi lill-President tiegħu minn fost il-membri nazzjonali.

    4 –   Il-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza jiċċekkja l-ipproċessar tad-data personali.

    5 –   Id-Direttur Amministrattiv huwa maħtur unanimament mill-Kulleġġ.

    6 –   Verifika esterna

    Il-Qorti tal-Awdituri.

    7 –   Awtorità ta’ kwittanza

    Il-Parlament fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill

    Baġit

    24,8 Miljun euro (18,9).

    Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2008

    175 (147) ppjanati fil-Pjan tal-Istabbiliment

    Li minnhom okkupati: 130 (98)

    +

    43 (32) Kariga oħra:

    aġenti kuntrattwali, 12-il espert nazzjonali ssekondat, 19-il interim)

    49 oħra (Membri nazzjonali, prosekuturi ta’ kollaborazzjoni, deputati u assistenti)

    Persunal totali: 222 (179)

    Kompiti operazzjonali: 117 (95)

    Kompiti amministrattivi: 80 (65)

    Kompiti mħallta: 25 (19)

    Għadd ta’ laqgħat: 131 (91)

    Laqgħat standard: 168 (236)

    Każijiet kumplessi: 1 025(849)

    Għadd totali ta’ każijiet: 1 193(1 085)

    Frodi: 810

    % Frodi: 68 % (69 %)

    Traffikar tad-droga: 223 (207)

    % Traffikar tad-droga: 19 % (19 %)

    Terroriżmu: 23 (23)

    % Terroriżmu: 2 % (2 %)

    Qtil: 86 (80)

    % Qtil: 7 % (7 %)

    Traffikar ta’ bnedmin: 83 (71)

    Traffikar ta’ bnedmin: 7 % (7 %)

    Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Eurojust.

    IR-RISPOSTI TAL-EUROJUST

    13.

    Nofs il-miljun euro kkanċellat kien dovut għal fatturi esterni relatati ma’ obbligi u koordinazzjoni tax-xogħol tal-każ tal-Istati ospiti. L-Eurojust sejjer jagħmel ħiltu kollha sabiex ikollu stampa iktar ċara minn partijiet esterni fl-2009, b’hekk inaqqas il-kanċellazzjonijiet tal-approprijazzjonijiet.

    14.

    L-Eurojust ikompli jindirizza n-nuqqasijiet fil-proċeduri tar-reklutaġġ. In-numru ta’ personal interim tnaqqas drastikament u għaldaqstant, b’riżultat ta’ dan, il-ħtieġa għal trasferiment tal-approprijazzjonijiet naqqset bi kbir. Għaldaqstant, fl-2009, trasferiment għoli bħal dan mhux sejjer ikun neċessarju.

    15.

    Il-proċeduri mnedija minn dak iż-żmien jipprovdu stima tal-valur. It-twaqqif ta’ sistema ta’ ppjanar fl-2009 irriżulta f’ipprogrammar aħjar tal-proċess tal-akkwisti. Barra minn hekk, qiegħed jiġi implimentat pjan ta’ azzjoni dwar l-akkwisti li jindirizza d-dgħjufijiet identifikati mill-Qorti.

    16.

    Eurojust qiegħed jindirizza d-dgħjufijiet li għandhom x’jaqsmu mal-minuti u mat-tabelli finali ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, minn dak iż-żmien, is-sitwazzjoni indirizzata mill-Qorti ġiet regolarizzata u fl-2009, tnediet proċedura ta’ reklutaġġ.


    (1)  Id-Deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2002 li tistabbilixxi l-Eurojust (ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1).

    (2)  It-Tabella tagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Eurojust. Tiġi ppreżentata għal skopijiet ta’ informazzjoni.

    (3)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprijazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti tal-approprijazzjonijiet fost il-partiti varji tal-baġit.

    (4)  Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rendikont tat-tibdil fil-kapital u l-anness għar-rendikonti finanzjarji li jinkludi d-deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

    (5)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

    (6)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (7)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72)

    (8)  L-Artikolu 38 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

    (9)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-kapitolu 1 tat-Titlu VII tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 652/2008 tad-9 ta’ Lulju 2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23) u huma fil-fatt integrati fir-Regolament Finanzjarju tal-Eurojust.

    (10)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

    (11)  Il-Kontijiet Annwali Finali kienu ppreparati fit-30 ta’ Ġunju 2009 u rċevuti mill-Qorti fis-6 ta’ Lulju 2009. Il-Kontijiet Annwali Finali, konsolidati ma’ dawk tal-Kummissjoni huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara. Dawn jistgħu jinstabu fuq il-websajt li ġej http://eca.europa.eu jew http://www.eurojust.europa.eu/adm_budg_finance.htm

    (12)  Ara l-paragrafu 9 tar-Rapport Annwali għall-2007 (ĠU C 311, 5.12.2008, p. 143).

    (13)  Valur totali: 390 000 euro.

    (14)  Pereżempju ara l-paragrafu 8 tar-rapport annwali tal-2007 (ĠU C 311, 5.12.2008, p. 143), il-paragrafu 8 tar-rapport annwali tal-2006 (ĠU C 309, 19.12.2007, p. 112) u l-paragrafu 11 tar-rapport annwali tal-2005 (ĠU C 312, 19.12.2006, p. 69).


    Top