Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009TA1215(12)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mar-risposti tal-Aġenzija

    ĠU C 304, 15.12.2009, p. 60–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.12.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 304/60


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mar-risposti tal-Aġenzija

    2009/C 304/12

    WERREJ

     

    Paragrafu

    Paġna

    INTRODUZZJONI…

    1-2

    61

    ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI …

    3-12

    61

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA …

    13

    62

    KWISTJONIJIET OĦRAJN …

    14

    62

    Tabella…

    63

    Ir-risposti tal-Aġenzija

    64

    INTRODUZZJONI

    1.

    L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”), li tinsab f’Copenhagen, kienet imwaqqfa mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1210/90 tas-7 ta’ Mejju 1990 (1). Hija responsabbli mit-twaqqif ta’ netwerk ta’ osservazzjoni li jipprovdi lill-Kummissjoni, lill-Parlament, lill-Istati Membri u, b’mod aktar ġenerali, lill-pubbliku b’informazzjoni affidabbli dwar l-istat tal-ambjent. Din l-informazzjoni għandha, b’mod partikolari, tippermetti lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni ħalli jissalvagwardjaw l-ambjent u jevalwaw l-effettività ta’ tali azzjoni (2).

    2.

    Il-baġit tal-Aġenzija għall-2008 ammonta għal 37,1 miljun euro meta mqabbel ma’ 35,1 miljun euro s-sena ta’ qabel. L-għadd ta’ persunal impjegat mill-Aġenzija fi tmiem is-sena kien 123 meta mqabbel mal-116 is-sena ta’ qabel.

    ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    3.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 248 tat-Trattat il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (3) tal-Aġenzija, li jikkonsistu fir-“rendikonti finanzjarji” (4) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2008 u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    4.

    Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (6).

    Ir-responsabbiltà tad-Direttriċi

    5.

    Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttriċi timplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Aġenzija li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħha u fi ħdan il-limiti tal-approprijazzjonijiet awtorizzati (7). Id-Direttriċi hija responsabbli mit-twaqqif (8) tal-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri tal-ġestjoni u l-kontroll interni rilevanti għat-tfassil tal-kontijiet finali (9) li huma ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball, u biex tiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawn il-kontijiet huma legali u regolari.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti

    6.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom.

    7.

    Il-Qorti wettqet il-verifika tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika u l-Kodiċi tal-Etika tal-IFAC u tal-ISSAI (10). Dawk l-istandards jitolbu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti tal-etika u li tippjana u twettaq il-verifika biex tikseb assigurazzjoni raġonevoli dwar jekk il-kontijiet humiex ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi humiex legali u regolari.

    8.

    Il-verifika tal-Qorti tinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri sabiex tinkiseb evidenza tal-verifika dwar l-ammonti u t-tagħrif fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq l-evalwazzjoni tagħha tal-verifika inkluża l-evalwazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni żbaljata materjali fil-kontijiet jew ta’ tranżazzjonijiet illegali jew irregolari, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball. Meta tagħmel dawk l-evalwazzjonijiet tar-riskju, il-kontroll intern rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-entità jiġi kkunsidrat sabiex jitfasslu proċeduri tal-verifika li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi. Il-verifika tal-Qorti tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politika tal-kontabilità użata, tar-raġonevolezza tal-estimi tal-kontabilità magħmula mill-maniġment u kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni tal-kontijiet inġenerali.

    9.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza tal-verifika miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet t’hawn taħt.

    L-opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    10.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-Kontijiet Annwali (11) tal-Aġenzija jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2008 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u tal-likwidità tagħha għas-sena li ntemmet, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha.

    L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    11.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2008, fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari.

    12.

    Il-kummenti li ġejjin ma jpoġġux f’diskussjoni l-opinjonijiet tal-Qorti.

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

    13.

    Fl-2008, l-Aġenzija ddeċidiet li terġa’ tirranġa l-bini mikri tagħha mill-ġdid. L-estimu tal-ispiża totali kien ta’ 147 elf euro. Kien imissha tnediet proċedura tas-sejħiet għall-offerti imma minflok, l-Aġenzija kopriet l-ispejjeż tax-xogħol li sar minn kumpanija magħżula minn sidien il-bini.

    KWISTJONIJIET OĦRAJN

    14.

    Għall-ftehimiet tal-għotja, hemm bżonn li jiġi ċċarat aħjar il-ħin fatturat mill-imsieħba. Biex jitnaqqas ir-riskju ta’ pagamenti mhux ġustifikati, għandhom jingħataw istruzzjonijiet aktar ċari lill-benefiċjarji għall-kalkoli tar-rati u għandha tiġi stabbilita rabta ċara bejn l-ispejjeż fatturati u l-estimi tal-ispejjeż fil-pjanijiet ta’ implimentazzjoni.

    Dan ir-rapport ġie adottat mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta’ Ottubru 2009.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President

    Tabella

    L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (Copenhagen)

    Oqsma ta’ kompetenza Komunitarja stipulati fit-Trattat

    Kompetenzi tal-Aġenzija kif definiti mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1210/90

    Tmexxija

    Riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2008

    (Data għall-2007)

    Prodotti u servizzi prinċipali mogħtija fl-2008

    Politika dwar l-ambjent

    Il-politika Komunitarja dwar l-ambjent għandu jkollha mira ta’ protezzjoni ta’ livell għoli li tieħu kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni tal-Komunità. Għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipji li azzjoni preventiva għandha tittieħed, li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità tissewwa f’ras il-għajn u li min iniġġes għandu jħallas. (…) Fil-preparazzjoni tagħha tal-politika (…), il-Komunità għandha tieħu inkonsiderazzjoni dati xjentifiċi u tekniċi eżistenti (…).

    (L-Artikolu 174 tat-Trattat)

    Objettivi

    Twaqqaf netwerk Ewropew ta’ informazzjoni u ta’ osservazzjoni tal-ambjent biex jipprovdi lill-Komunità u lill-Istati Membri b’informazzjoni fuq livell Ewropew, li tkun oġġettiva, affidabbli u kumparabbli sabiex huma jkunu jistgħu:

    (a)

    jieħdu l-azzjoni meħtieġa sabiex jipproteġu l-ambjent;

    (b)

    jistmaw ir-riżultati ta’ dawk il-miżuri;

    (c)

    jiżguraw li l-pubbliku għandu tagħrif tajjeb fuq l-istat tal-ambjent.

    Kompiti

    Tipprovdi lill-Komunità u lill-Istati Membri bl-informazzjoni oġġettiva meħtieġa għat-tħejjija u l-implementazzjoni soda u effettiva tal-politika ambjentali.

    Tirreġistra, tiġbor u tistma d-data dwar il-qagħda tal-ambjent u tirrapporta dwar il-kwalità tal-ambjent u l-piżijiet fuqu fi ħdan it-territorju tal-Komunità.

    Tgħin biex tiżgura li d-data dwar l-ambjent fil-livell Ewropew tkun kumparabbli u, jekk meħtieġ, biex tinkoraġġixxi b’mezzi xierqa, armonizzazzjoni mtejba ta’ metodi ta’ kejl.

    Tippromwovi l-inkorporazzjoni tad-data ambjentali Ewropea fi programmi internazzjonali.

    Tippubblika rapport kull ħames snin fuq il-qagħda tal-ambjent, il-bidliet fih u l-prospetti għalih.

    Tistimula l-iżvilupp ta’ tekniki ta’ tbassir ambjentali, l-iskambji tal-informazzjoni dwar teknoloġiji biex jevitaw jew inaqqsu l-ħsara lill-ambjent, metodi biex ikunu evalwati l-ispejjeż tal-ħsara lill-ambjent u l-ispejjeż ta' politika ambjentali għall-prevenzjoni, għall-protezzjoni u għar-riabilitazzjoni.

    1 -   Il-Bord ta’ Tmexxija

    Kompożizzjoni:

    Rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru;

    żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni;

    żewġ xjentisti maħtura mill-Parlament Ewropew.

    Kompiti

    Jadotta l-programm ta’ ħidma u jassigura l-implimentazzjoni tiegħu.

    2 -   Id-Direttur Eżekuttiv

    Maħtur mill-Bord ta’ Tmexxija fuq proposta mill-Kummissjoni.

    3 -   Il-Kumitat Xjentifiku

    Magħmul minn persuni kwalifikati fil-qasam tal-ambjent.

    4 -   Il-Verifika esterna

    Magħmul minn persuni kwalifikati fil-qasam tal-ambjent.

    5 -   L-Awtorità ta’ kwittanza

    Il-Parlament fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

    Baġit

    37, 1 miljun euro

    (35, 1 miljun euro)

    Sussidju Komunitarju

    85 % (82 %)

    Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2008

    Għadd ta’ karigi fil-Pjan ta’ stabbiliment:

    123 (116)

    Karigi okkupati: 116 (111) u 51 (55) kariga oħra (persunal kuntrattwali u esperti nazzjonali ssekondati).

    Għadd totali tal-persunal: 123 (116) assenjati għall-kompiti li ġejjin:

    operazzjonali 80 (73)

    amministrattivi 42 (42)

    mħallta 1 (1).

    Climate for a transport change. TERM 2007: indicators tracking transport and environment in the European Union (Klima għal tibdil fit-trasport. TERM 2007: indikaturi li jittraċċaw it-trasport u l-ambjent fl-Unjoni Ewropea)

    Appliation of the Emissions Trading Directive by EU Member States - reporting year 2007 (Applikazzjoni tad-Direttiva tan-Negozju tal-Emissjonijiet mill-Istati Membri tal-UE - rappurtar tas-sena 2007)

    Air pollution by ozone across Europe during sumer 2007 (Tniġġis tal-arja mill-ożonu madwar l-Ewropa matul is-sajf tal-2007)

    Annual European Community greenhouse gas inventory 1990 - 2006 and inventory report 2008 (Inventarju annwali tal-gass serra tal-Komunità Ewropea 1990 - 2006 u rapport dwar l-inventarju 2008)

    Annual European Community LRTAP Convention emission inventory report 1990-2006 (Rapport dwar l-inventarju tal-Konvenzjoni Annwali LRTAP tal-Komunità Ewropea dwar l-emissjonijiet 1990-2006)

    Greenhouse gas emission trends and projections in Europe 2008 (Tendenzi tal-emissjonijiet tal-gass serra u l-istimi fl-Ewropa fl-2008)

    Maximising the environmental benefits of Europe's bioenergy potential (Użu massimu tal-benefiċċji ambjentali tal-potenzjal tal-bioenerġija Ewropea)

    Energy and environment report 2008 (Rapport dwar l-enerġija u l-ambjent fl-2008)

    NEC Directive status report 2007 (Rapport dwar l-istatus tad- Direttiva tan-NEC fl-2007)

    L-EEA kompliet tikkollabora mill-qrib ukoll mad-DĠ Ambjent, ESTAT u l-JRC fil-“Grupp ta’ Erbgħa” biex tissemplifika r-rappurtar ambjentali. L-EEA għandha rwol prinċipali fil-ħames oqsma li ġejjin: tibdil fil-klima, kwalità tal-arja, ambjent marittimu, biodiversità u użu tal-art.

    Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Aġenzija

    IR-RISPOSTI TAL-AĠENZIJA

    13.

    Peress li huwa rekwiżit ta’ ftehim tal-kera tagħna li tinkiseb l-approvazzjoni ta' sid il-kera għal kull xogħol ta’ bini maġġuri, proċedura miftuħa mnedija mill-Aġenzija ma kinitx xierqa. Fil-futur, dawn l-avvenimenti se jiġu ddokumentati fir-reġistru tal-Eċċezzjonijiet.

    14.

    L-EEA regolarment tat istruzzjonijiet lill-konsorzji kollha dwar kif jiġu kkalkulati l-ispejjeż. Dawn se jiġu riveduti u mtejba kif xieraq. L-EEA ser tieħu wkoll miżuri addizzjonali biex tiżgura li l-bidliet bejn l-ispejjeż mitluba u l-ispejjeż stmati fil-pjanijiet ta’ implimentazzjoni jkunu spjegati b'mod aktar ċar.


    (1)  ĠU L 120, 11.5.1990, p. 1.

    (2)  It-Tabella tagħti sommarju tal-kompetenzi u tal-attivitajiet tal-Aġenzija. Tiġi ppreżentata għal skopijiet ta’ informazzjoni.

    (3)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprijazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti ta’ approprijazzjonijiet fost il-partiti varji tal-baġit.

    (4)  Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rendikont tat-tibdil fil-kapital u l-anness għar-rendikonti finanzjarji li jinkludu d-deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

    (5)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

    (6)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (7)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

    (8)  L-Artikolu 38 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

    (9)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 652/2008 tad-9 ta’ Lulju 2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23) u huma fil-fatt integrati fir-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija.

    (10)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifiki (ISSAI).

    (11)  Il-Kontijiet Annwali Finali kienu ppreparati fit-18 ta’ Mejju 2009 u rċevuti mill-Qorti fid-29 ta’ Ġunju 2009. Il-Kontijiet Annwali Finali, konsolidati ma’ dawk tal-Kummissjoni huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara. Dawn jistgħu jinstabu fuq il-websajt li ġej http://eca.europa.eu jew http://www.eea.europa.eu/about-us/documents/administrativedocuments/eea-accounts-for-the-year-2008/


    Top