Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0240

    Tensjoni tikber fil-Burundi Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 22 ta' Mejju 2008 dwar it-tensjoni tikber fil-Burundi

    ĠU C 279E, 19.11.2009, p. 115–118 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.11.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 279/115


    Tensjoni tikber fil-Burundi

    P6_TA(2008)0240

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Mejju 2008 dwar it-tensjoni tikber fil-Burundi

    (2009/C 279 E/25)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burundi,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Dar-es-Salamm dwar waqfien mill-ġlied komprensiv bejn il-gvern tal-Burundi u l-Forzi Nazzjonali għall-Liberazzjoni (FNL), iffirmat fis-7 ta' Settembru 2006,

    wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni adottat f'Cape Town fit-22 sat-23 ta' Frar 2008 (il-Pjan t' Azzjoni),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea dwar l-attakki reċenti fil-Burundi, maħruġa fit-23 ta' April 2008,

    wara li kkunsidra l-istqarrija tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-qagħda fil-Burundi, maħruġa fl-24 ta' April 2008,

    wara li kkunsidra r-rapporti ta' tas-Segretarju Generali dwar l-Uffiċċju Integrat tan-NU fil-Burundi (BINUB),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Human Rights Watch tal-2008 bit-titolu “Isawtuni kull filgħodu: Abbużi mill-pulizija fil-Burundif” ta' April 2008,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi mis-17 ta' April 2008 reġa' faqqa l-ġlied bejn it-truppi tal-gvern tal-Burundi u l-FNLfil-Burundi, u dan ġiegħel lil eluf ta' persuni ċivili jaħarbu minn djarhom u wassal għall-mewt ta' 50 ġellied ribelli,

    B.

    billi wara 14-il sena ta' gwerra ċivili, il-Burundi għadu jrid jistabbilixxi paċi dejjiema filwaqt li l-kunflitt ħoloq qagħda umanitarja u soċjo-ekonomika kritika li hija ta' periklu għall-istabilità tar-reġjun,

    C.

    billi f'dawn l-aħħar sentejn fallew l-isforzi internazzjonali għat-twaqqif ta' ftehim ta' paċi bejn il-gvern tal-Burundi u l-FNL, fosthom l-Inizjattiva rRġjonali għall-Paċi fil-Burundi,

    D.

    billi n-negozjati bejn il-gvern tal-Burundi u l-FNL fallew f'Lulju 2007 meta l-FNL telaq mill-Mekkaniżmu Konġunt għall-Verifika u għall-Monitoraġġ (JVMM), li nħoloq biex jissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied komprensiv iffirmat f'Settembru 2006,

    E.

    billi ħafna jikkunsidraw r-ribelljoni kontinwa tal-FNL bħala l-aħħar ostaklu għall-istabilità dejjiema fil-Burundi, u jeħtieġ li tinstab soluzzjoni politika sabiex jiġi żgurat id-diżarm tal-FNL,

    F.

    billi fil-bidu ta' Mejju 2008, il-ministri tal-affarijiet barranin tat-Tanzanija u tal-Uganda, li ltaqgħu taħt il-patroċinju tal-Inizjattiva Reġjonali għall-Paċi dwar il-Burundi, ħeġġew lill-FNL u mexxejja ribelli ewlenin oħra biex iħallu t-Tanzanija, fejn għandhom il-bażi tagħhom, u jmorru l-Burundi biex jieħdu sehem f'taħditiet għall-paċi,

    G.

    billi f'Awissu 2007 bdew l-attakki kontra d-djar ta' persunaġġi politiċi li ma kenux jappoġġjaw il-President tal-Burundi, Pierre Nkurunziza, jew li kienu jappoġġjawh qabel,

    H.

    billi 46 Membru tal-Parlament tal-Burundi, minħabba l-biża' dwar is-sikurezza fiżika tagħhom, kitbu lis-Segretarju-Ġenerali tan-NU biex jitolbu l-ħarsien tan-Nazzjonijiet Uniti,

    I.

    billi l-Parlament Ewropew għażel il-Burundi bħala pajjiżi pilota għall-implimentazzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni prijoritarju mmirat lejn iż-żieda tal-ħeffa u tal-effiċjenza tal-għajnuna għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li qegħdin fi stat prekarju,

    J.

    billi jingħad li bħalissa hemm aktar minn 700 familja (madwar 3,500 persuna) li qed jieħdu ħsiebhom l-awtoritajiet, u li qed jistennew provvisti tal-ikel u tal-emerġenza,

    K.

    billi l-aħħar każijiet ta' ġlied jiffurmaw parti minn sensiela ta' kunflitti li ħallew għadd dejjem akbar ta' familji spustjati (35,000 persuna), u b'hekk l-għadd totali ta' persuni spustjati internament (IDPs) tela' għal 100,000; billi t-Tanzanija trid treġġa' r-rifuġjati tagħha mill-Burundi lura lejn il-Burundi, filwaqt li l-Burundi għadu qed jieħu eluf ta' rifuġjati mill-Irwanda u mill-Kongo,

    L.

    billi huwa allegat li l-forzi tas-sigurtà tal-Burundi żammew illegalment madwar 200 persuna akkużati li jappoġġjaw ir-ribelli tal-FNL,

    M.

    billi fit-2 ta' Mejju 2008 il-gvern tal-Burundi irrapporta li erba' ġellieda ribelli u suldat' Burundjan kienu mietu f'dak li ġie deskritt bħala imbuskata tal-FNL,

    N.

    billi l-klima ta' impunità fil-Burundi ħolqot sitwazzjoni fejn it-tortura mill-pulizija u mill-forzi tas-sigurtà hija komuni, bħal ma hija d-detenzjoni illegali,

    O.

    billi l-forza nazzjonali tal-pulizija tal-Burundi, imwaqqfa taħt gvern tranżizzjonali fl-2004, mhijiex imħarrġa tajjeb u hija magħmula minn persuni li qabel kienu ribelli kif ukoll suldati u uffiċjali tal- pulizija,

    P.

    billi l-UNICEF għenet biex jiġu dimobilizzati aktar minn 3000 tifel u tifla li kienu suldati fil-Burundi bejn l-2004 u l-2006; billi reċentament xi tfal ħarbu minn ċentru ta' dimobilizzazzjoni u għamlu rewwixta vjolenti, u aktar minn 500 tifel u tifla għadhom f'idejn il-FNL,

    Q.

    billi l-Burundi kien it-tielet pajjiż, wara l-Uganda u l-Etjopja, li ta kontribut għall-missjoni taż-żamma tal-paċi fis-Somalja, ibbażata f'Mogadishu u bl-isem ta' AMISOM, billi bagħat 800 suldat minkejja l-qagħda ta' sigurtà prekjarja tal-Burundi,

    1.

    Jesprimi tħassib serju dwar il-konfrontazzjonijiet militari reċenti fil-Burundi bejn il-Forzi Nazzjonali tad-Difiża u l-FNL, li wasslu għat-telf ta' ħajjiet innoċenti;

    2.

    Jitlob lill-partijiet kollha biex jirrispettaw il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied komprensiv, u biex jerġgħu jibdew in-negozjati u jimxu bil-ħeffa lejn l-implimentazzjoni tal-JVMM li twaqqaf wara l-waqfien mill-ġlied;

    3.

    Iħeġġeġ lill-FNL, b'mod partikulari, u lill-mexxej tiegħu Agathon Rwasa, biex jimpenja ruħu b'mod kostruttiv favur il-proċess tal-paċi;

    4.

    Jitlob lill-istati ġirien tal-Burundi biex jiżguraw li ma jservux bħala bażijiet għall-moviment ribelli, u jilqa' d-deċiżjoni tat-Tanzanija biex ma tibqax isservi bħala post ta' kenn għall-mexxeja tal-FNL;

    5.

    Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tfassal miżuri biex tiffaċilita l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ex ribelli tal-FNL fis-soċjetà, ladarba tiġi ffirmata ftehim;

    6.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex iżżid l-għajnuna umanitarja tagħha, fosthom għar-rifuġjati u għall-persuni spustjati internament, u biex din l-għajnuna titnaqqas biss jekk u meta tiġi sostitwita b'azzjonijiet tanġibbli ta' żvilupp, sabiex tiżgura tranżizzjoni mingħajr problemi bejn l-operazzjonijiet umanitarji u l-politiki tal-iżvilupp;

    7.

    Jitlob lid-donaturi biex jirrispettaw l-impenji tagħhom u jiżguraw koordinazzjoni aktar mill-qrib mill-fażi tal-bidu (upstream), sabiex iżidu l-effettività tal-għajnuna;

    8.

    Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi żieda mgħaġġla u sinifikanti fir-riżorsi finanzjarji li l-Unjoni Ewropea tagħti lill-Burundi, b'mod partikulari fl-okkażjoni tar-reviżjoni intermedjarja tal-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp;

    9.

    Jitlob lill-Kummissjoni sabiex, fid-dawl tal-fraġilità tal-Burundi u fi ħdan il-qafas tal-Pjan ta' Azzjoni li huwa tant meħtieġ, tagħti appoġġ prijoritarju lil:

    programmi għall-governanza aħjar u għall-immaniġġjar demokratiku statali;

    politiki tas-saħħa, permezz tat-twaqqif ta' ċentri tas-saħħa u t-tiġdid essenzjali tan-network tal-isptarijiet;

    id-deċiżjoni tal-Gvern tal-Burundi li jipprovdi edukazzjoni primarja bla ħlas;

    l-isforzi kontinwi għat-tiġdid tal-infrastruttura fil-Burundi;

    10.

    Jinsisti, fid-dawl tal-urġenza tas-sitwazzjoni, li l-enfasi għandha titpoġġa fuq azzjonijiet tanġibbli li l-poplu tal-Burundi jkun jista' jara;

    11.

    Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-preżenza tagħhom fuq il-post fil-Burundi;

    12.

    Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi azzjonijiet mill-NGOs u mill-awtoritajiet lokali fl-UE bil-għan li jgħinu lill-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili fil-Burundi;

    13.

    Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-Faċilitazzjoni tal-Afrika ta' Isfel u għall-inizjattivi reġjonali, u jibqa' deċiż, bħala parti mid-direttorat politku, li jkollu rwol attiv fit-tneħħija tal-ostakoli għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni u li jgħin fl-isforzi kollha biex mill-ġdid jiġu attivati n-negozjati u tiġi kkonsolidata l-paċi fil-Burundi; jappoġġja wkoll l-isforzi ta' medjazzjoni tal-Kummissjoni tan-NU għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi;

    14.

    Jinnota l-istabilità akbar li feġġet fil-Burundi mid-dħul fis-seħħ ta' kostituzzjoni ġdida segwita mill-elezzjonijiet ġenerali, iżda jitlob li titwaqqaf kummissjoni għall-paċi u għar-rikonċiljazzjoni bħala miżura għall-bini tal-kunfidenza li tgħin biex terġa' trawwem spirtu ta' kunfidenza u ta' stabilità fost il-partijiet interessati varji, u jitlob lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex finanzjarjament u loġistikament jappoġġjaw inizjattiva ta' dan it-tip;

    15.

    Jitlob lill-gvern tal-Burundi biex jieħu azzjoni immedjata sabiex jiżgura li jiġi rrispettat l-istat tad-dritt, li tintemm il-klima ta' impunità, li jkun hemm garanzija li dawk li wettqu l-abbużi jittellgħu quddiem il-qorti u jittejjeb it-taħriġ tal-korp tal-pulizija;

    16.

    Jilqa' l-ħelsien reċenti ta' 232 tifel u tifla, wara tmien xhur ta' negozjati ma' grupp dissidenti tal-FNL minn, inter alia, l-gvern tal-Burundi, mis-soċjetà ċivili u mill-aġenziji tan-NU;

    17.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-Unjoni Afrikana u lill-gvernijiet u parlamenti tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar u tal-Afrika ta' Isfel.


    Top