This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008IP0229
Rising food prices in the European Union and developing countries European Parliament resolution of 22 May 2008 on rising food prices in the EU and the developing countries
Iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 22 ta' Mejju 2008 dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw
Iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 22 ta' Mejju 2008 dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw
ĠU C 279E, 19.11.2009, p. 71–77
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
19.11.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 279/71 |
Iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw
P6_TA(2008)0229
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Mejju 2008 dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw
(2009/C 279 E/14)
Il-Parlament Ewropew,
— |
billi din is-sena jaħbat is-60 anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li l-Artikolu 25(1) tagħha jikkonċerna d-dritt għall-ikel; |
— |
wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tas-Sammit Dinji tal-Ikel tal-1996 u l-objettiv li jitnaqqas bin-nofs in-numru ta' persuni li jbatu l-ġuħ sa l-2015, |
— |
wara li kkunsidra l-obbligi li hemm fil-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, partikolarment l-Artikolu 11 tiegħu dwar id-dritt għall-ikel, li tiegħu l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma Firmatarji, |
— |
wara li kkunsidra s-Sessjoni Speċjali tal-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar “L-impatt negattiv li l-qagħda mwiegħra tal-kriżi dinjija tal-ikel, kkawżata inter alia mill-prezzijiet għoljin ħafna tal-ikel, għandha fuq il-kisba tad-dritt għall-ikel” li ser issir f'Ġinevra fit-22 ta' Mejju 2008, |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-għajnuna umanitarja tal-Unjoni Ewropea intitolata “l-Konsensus Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja” (1), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tat-Trattat KE, |
— |
wara li kkunsidra “l-kontroll tas-saħħa tal-PAK” li għadu għaddej, |
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet riċenti tal-Evalwazzjoni Internazzjonali tal-Agrikoltura, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (IAASTD) dwar il-produzzjoni globali tal-ikel, imnedija u mwettqa bl-appoġġ tal-Programm għall-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikultura, tal-Bank Dinji u ta' entitajiet oħra tal-komunità internazzjonali; |
— |
wara li kkunsidra r-rapporti tal-Panel Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC), |
— |
wara li kkunsidra n-negozjati attwali dwar Ir-Rawnd ta' Żvilupp ta' Doħa, |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Kigali tat-22 ta' Novembru 2007 dwar l-iżvilupp ta' Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs), adottat mill-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-ACP-UE, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar prezzijiet tal-għalf u tal-ikel li qed jogħlew (2), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
Billi wara snin ta' staġnar u tnaqqis fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi, iż-żidiet fil-prezz dinji tal-qamħ laħqu l-181 % fuq medda ta' 36 xahar qabel Frar 2008, il-prezzijiet tar-ross żdiedu b'141 % minn Jannar 2008 u l-prezzijiet globali tal-ikel żdiedu bi 83 %, |
B. |
billi ż-żieda fil-prezzijiet tefgħet lura l-objettivi tat-tnaqqis tal-faqar b'7 snin u billi skond il-kalkolazzjonijiet tal-Bank Dinji '>l fuq minn 100 miljun persuna fid-dinja li qed tiżviluppa jistgħu jsofru faqar agħar minħabba ż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-ikel, |
C. |
billi 854 miljun persuna fid-dinja jinsabu bil-ġuħ jew nieqsa minn ikel sustanzjuż (insigurtá tal-ikel), b'4 miljuni oħra jiżdiedu magħhom kull sena; billi 170 miljun tifel u tifla mhumiex mitmugħa biżżejjed u 5.6 miljun tifel u tifla jmutu kull sena minħabba nuqqas ta' ikel sustanzjuż, |
D. |
billi l-kriżi attwali tal-ikel hija wkoll ir-riżultat ta' żieda fl-ispekulazzjoni fil-prodotti bażiċi tal-ikel u dawk agrikoli, |
E. |
billi skond il-FAO, l-ikel jirrapreżenta bejn 60 u 80 % tal-infiq tal-konsumatur f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u madwar 10 sa 20 % f'nazzjonijiet industrijalizzati; billi ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel għandha l-aktar effett kbir fuq familji li għandhom dħul baxx, |
F. |
billi f'dawn l-aħħar għaxriet ta' snin, il-Bank Dinji, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ imponew liberalizzazzjoni kummerċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex jiġi impost mudell dominanti ta' agrikoltura fuq skala kbira mmirata biex tkun esportata bi ħsara għall-produzzjoni lokali sostenibbli tal-ikel u għas-swieq tal-ikel, |
G. |
billi ż-żieda fil-prezzijiet qed taggrava l-problemi ta' aċċessibilità, b'mod partikolari fir-rigward ta' dawk li għandhom dħul baxx jew m'għandhomx dħul, |
H. |
billi t-talba għall-ikel qed tiżdied, speċjalment f'pajjiżi emerġenti bħal m'huma ċ-Ċina u l-Indja, hekk kif il-popolazzjoni tad-dinja qed tiżdied; billi d-dinja, li skond il-FAO tista' titma' 12-il biljun ruħ, mhijiex nieqsa mill-ikel b'mod globali; ifakkar li l-ħsad tal-qamħ u tar-ross kien tajjeb ħafna fl-2007; billi 1.01 biljun tunnellata biss tal-ħsad tal-2007 hemm ċans li jintuża biex jitma' lin-nies, filwaqt li parti kbira jintuża biex jintemgħu l-annimali (760 miljun tunnellata) u madwar 100 miljun tunnellata jintużaw biex jiġu prodotti l-agrofjuwils; billi l-aktar estimi riċenti jindikaw li l-produzzjoni dinjija taċ-ċereali fl-2008 għandha tiżdied bi 2,6 % għal rekord ta' 2,164 biljun tunnellata; billi, iżda, dawn l-estimi jiddependu fuq kundizzjonijiet klimatiċi favorevoli, |
I. |
billi ħafna mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw m'humiex qed iwettqu l-potenzjal tagħhom ta' produzzjoni tal-ikel; billi n-nuqqas ta' investiment fl-agrikoltura, l-iżvilupp rurali u t-taħriġ tal-bdiewa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali esponew lill-bdiewa żgħar għal kompetizzjoni inġusta, sitwazzjoni li żiedet il-faqar u d-djgħufija tagħhom u naqqset il-kapaċità tagħhom li jipproduċu ikel biżżejjed, |
J. |
billi ostakolu serju għal produzzjoni agrikola akbar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa li l-bdiewa ż-żgħar spiss ma jkollhomx aċċess għal self jew mikrokrediti għal titjib ta' żrieragħ, fertilizzanti u mekkaniżmi ta' tisqija u għall-firxa meħtieġa ta' għodod ta' ħarsien tal-uċuħ tar-raba' biex jipproteġu l-ħsad tagħhom mill-organiżmi li jagħmlu l-ħsara u mill-mard, xi kultant minħabba l-fatt li l-art ma tkunx tagħhom u għaldaqstant ma jkollhom ebda garanzija fuq is-self, |
K. |
billi l-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) wera li huma biss USD 260 miljun minn USD 750 miljun meħtieġa li s'issa ġew konfermati biex ikopru l-bżonnijiet tal-2008, |
L. |
billi l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti qed issir forza ta' distabbilizzazzjoni fl-ekonomija globali u diġà qabbdet irvellijiet f'diversi pajjiżi, |
M. |
billi ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel tintensifika l-ħtieġa għal risposta politika integrata u għal strateġija komprensiva sabiex tiġi ttrattata il-problema tal-ikel, |
Id-dritt għall-ikel
1. |
Jenfasizza n-natura fundamentali tad-dritt għall-ikel u l-ħtieġa li jitjieb l-aċċess għal kulħadd u f'kull żmien għal ikel suffiċjenti li jwassal għal ħajja attiva u b'saħħitha; jenfasizza li l-Istati għandhom obbligu li jipproteġu, jirrispettaw u jwettqu dan id-dritt fundamentali tal-bniedem; jenfasizza li l-fatt li 2 biljun persuna għadhom jgħixu f'faqar kbir u li 850 miljun persuna jbatu l-ġuħ kuljum jixhed ksur sistematiku tad-dritt għall-ikel, kif miġbur fil-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; għalhekk jitlob li jkun hemm miżuri adegwati biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-dritt għall-ikel; iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jiżgura koerenza fil-politiki nazzjonali u internazzjonali kollha relatati mal-ikel mal-obbligi skond id-dritt għall-ikel; |
2. |
Jistieden lill-Kunsill biex iżid l-impenn tiegħu lejn l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDGs) billi jerġa' jafferma l-impenji ta' finanzjament u billi jadotta aġenda għal azzjoni tal-UE fir-rigward tal-MDGs waqt il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju; jikkunsidra li din l-aġenda għal azzjoni tal-UE għandha tidentifika avvenimenti importanti u azzjonijiet speċifiċi li għandhom jintlaħqu fil-limiti ta' skadenzi f'oqsma ewlenin bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-ilma, l-agrikoltura, it-tkabbir u l-infrastruttura u li għandhom jagħtu kontribut biex jiġi żgurat li l-MDGs jintlaħqu sa l-2015, bil-ħsieb, fost objettivi oħrajn, li jinqered il-ġuħ sa l-2015; |
3. |
Jinsab imħasseb dwar l-effetti tal-ispekulazzjoni fuq il-prodotti bażiċi tal-ikel, inklużi fondi ta' lqugħ (hedge funds) fuq prodotti bażiċi, li qed ikollha fuq il-ġuħ u l-faqar; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tanalizza l-effett tal-ispekulazzjoni fuq il-prezzijiet tal-ikel u sabiex toħroġ b'miżuri xierqa fuq il-bażi ta' din l-analiżi; |
4. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din il-kriżi tal-ikel hi marbuta sew mal-kriżi finanzjarja li fiha injezzjonijiet ta' likwiditá mill-banek ċentrali sabiex jevitaw il-fallimenti, setgħu żiedu l-investimenti spekulattivi fil-prodotti; jistieden lill-IMF u lill-Forum ta' Stabilitá Finanzjarja (FSF) sabiex jevalwaw dan “l-effett sekondarju” u jqisu dan meta jipproponu rimedji globali; |
5. |
Ifakkar li dawk li qed isofru l-aktar minn din il-kriżi huma l-livelli l-anqas favoriti tal-popolazzjoni u għalhekk jisħaq dwar il-ħtieġa ta' politiki soċjali xierqa sabiex il-popolazzjonijiet fqar u imċaħħdin jingħataw is-setgħa u sabiex jittaffew l-effetti tal-kriżijiet attwali tal-ikel; |
Produzzjoni sostenibbli tal-ikel
6. |
Jenfasizza li l-forniment tal-ikel lill-popli kollha madwar id-dinja għandu jiġi qabel kull għan ieħor; jisħaq li l-ikel għandu jkun disponibbli bi prezzijiet raġjonevoli, kif hemm imniżżel fl-Artikolu 33 tat-Trattat KE; |
7. |
Ifakkar il-ħtieġa li jiġu żgurati regolazzjoni globali u interni tas-swieq agrikoli fl-interess tal-konsumatur, id-dħul tal-bdiewa u l-industriji tal-ipproċessar u politika sostenibbli għall-ikel fl-UE; |
8. |
Ifakkar li l-għan ewlieni tal-PAK huwa li tiggarantixxi l-istabiliżżazzjoni tas-suq, provvista sigura u prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi u jenfasizza l-bżonn għall-PAK wara l-2013, sabiex tiġi żgurata politika sustenibbli tal-ikel għall-UE filwaqt li jiġu rispettati s-sustenibilità, is-sigurta' u l-kwalità tal-prodotti agrikoli; |
9. |
Jenfasizza li l-ispejjeż tal-materja prima huma parti relattivament żgħira mill-ispiża totali ta' ħafna mill-prodotti tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex janalizzaw id-diskrepanzi bejn il-prezzijiet tal-prodotti meta jitilqu mill-farm u dawk mitluba mill-bejjiegħa ewlenin tal-prodotti bl-imnut; |
10. |
Għalhekk jitlob li ssir evalwazzjoni tal-impatt li l-irwol tal-bejjiegħa bl-imnut għandu fuq il-katina tal-ikel għaliex il-prezzijiet tal-bejgħ tal-ikel bl-imnut tela' b'mod sproporzjonat meta mqabbel mal-għoli tal-ħajja; jistieden lill-bejjiegħa tal-prodotti bl-imnut biex jagħtu prezz ġust lill-produtturi, waqt li fl-istess ħin jipprovdu lill-konsumaturi b'ikel bi prezzijiet raġjonevoli; |
11. |
Jirrimarka li l-ħażniet attwali taċ-ċereali tal-UE jservu biss għal 30 ġurnata, u jistaqsi jekk il-ħażniet tal-ikel tagħna humiex fil-livell it-tajjeb, speċjalment minħabba li jistgħu jinqalgħu xi kriżijiet; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa strateġiji sabiex toħloq ħażniet tal-ikel sabiex tevita kriżijiet futuri; |
12. |
Jitlob li jsir tbassir aħjar tal-produzzjoni agrikola sabiex ikun possibbli li jiġu identifikati minn ħafna qabel ix-xejriet ewlenin fil-provvista dinjija tal-ikel; |
13. |
Jenfasizza li s-sitwazzjoni tad-dħul tal-bdiewa tal-UE trid tiġi rrispettata; jirrimarka li biż-żieda fil-prezzijiet tal-għalf, l-enerġija, il-fertilizzant u affarijiet oħra li huma meħtieġa għall-agrikoltura, u bi standards ta' konformità li qed jiġu jiswew dejjem aktar, il-bdiewa għandhom bżonn jaraw id-dħul tagħhom jiżdied b'mod konsiderevoli jekk għandhom jibqgħu jkunu kapaċi jissodisfaw id-domanda għall-ikel; jirrimarka li d-dħul tal-farms żdied biss kemm kemm u li l-bdiewa f'ċerti Stati Membri fil-fatt raw id-dħul tagħhom jonqos; |
14. |
Jitlob li l-promozzjoni ta' politiki sostenibbli tal-agrikoltura tiġi inkluża fl-istrumenti ta' tkabbir u tal-viċinanzi kollha; |
15. |
Jitlob li l-operaturi ta' pajjiżi terzi jkunu soġġetti għall-istess livell ta' kontrolli bħall-produtturi tal-UE, iżda jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu megħjuna jissodisfaw l-istandards fitosanitarji tal-UE; |
16. |
Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Ministri tal-Agrikoltura tal-UE li tiġi adottata l-proposta tal-Kummissjoni biex l-obbligi tal-2008, li jitolbu li l-art titħalla mingħajr użu agrikolu, jiġu sospiżi u jinnota l-estimi tal-Kummissjoni li dan il-pass se jeħles madwar 2.9 miljuni ta' ettari għall-produzzjoni tal-qmugħ u li se jżid il-ħsad ta' din is-sena b'madwar 10 miljun tunnellata; |
17. |
Jistieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq evalwazzjoni tal-impatt dwar is-sikurezza tal-ikel tal-politiki attwali tal-UE fl-oqsma tal-politiki li jirrigwardaw il-PAK, tal-miri ta' sorsi ta' enerġija li jiġġeddu, tal-għajnuna għall-iżvilupp, u tal-ftehimiet tal-kummerċ internazzjonali sabiex titjieb is-sikurezza tal-ikel fuq livell globali; |
18. |
Jenfasizza li l-ikel għandu jingħata prijorità fuq il-fjuwil u li l-produzzjoni tal-bijofjuwil għandha tkun marbuta ma' kriterji ta' sostenibilità b'saħħithom; jinnota li sabiex jintlaħqu l-objettivi proposti għall-bijofjuwils, dawn il-kriterji jridu jiġu sodisfatti; |
19. |
Jaċċetta li s-sussidju tal-UE tal-uċuħ maħsuba għall-produzzjoni tal-bijofjuwils m'għadhomx iġġustifikati, iżda jenfasizza bl-aktar mod qawwi possibbli li minn 2 sa 3 fil-mija biss tal-art agrikola tal-UE qiegħda fil-preżent tintuża għal dan it-tip ta' produzzjoni u r-rapporti fil-midja li jagħtu t-tort lill-bijofjuwils għall-kriżi attwali tal-ikel huma esaġerati sa fejn għandha x'taqsam l-UE; jaqbel, madankollu, li l-politika f'pajjiżi bħall-Istati Uniti fejn tiġi allokata aktar art għat-tkabbir tal-qamħirrun biex jiġi prodott il-bijoetanol kellu effett indirett fuq il-prezz u d-disponibilità tal-qamħirrun u ċereali oħra fis-suq globali tal-ikel; |
20. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, madankollu, biex jagħmlu iktar biex jippromwovu l-użu u l-produzzjoni tal-bijoenerġija tat-tieni ġenerazzjoni, li tipproċessa d-demel u materjali ta' skart agrikolu, minflok prodotti agrikoli primarji; |
21. |
Jenfasizza b'mod partikulari li għandha tingħata prijorità għolja għall-ġbir tal-iskart muniċipali u ta' residwi agrikoli u tal-foresti u li dawn jiġu mibdula f'gass; jiġbed l-attenzjoni li dan jippermetti li t-teknoloġiji xierqa jiġu żviluppati u jagħti ż-żmien li jkunu eżaminati l-kompatibilità tal-produzzjoni tal-ikel u tal-produzzjoni tal-enerġija; |
22. |
Jinnota bi tħassib serju li l-ispiża tal-għalf kompost għoliet b' 75 għal kull tunnellata u qed tkompli togħla minħabba nuqqas akut ta' qmuħ għall-għalf, u li dan jirrappreżenta spiża addizzjonali ta' 15-il biljun għall-industrija tal-UE tal-bhejjem tat-trobbija; |
23. |
Jidhirlu li l-kriżi attwali titlob diskussjoni immedjata u dettaljata fost l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri dwar l-irwol li l-bijoteknoloġija moderna jista' jkollha biex jiġi żgurat li l-ikel jibqa' jiġi prodott bi prezzijiet raġunevoli; |
Politiki ta' Żvilupp aħjar
24. |
Iqis li ġlieda ġenwina kontra l-ġuħ tirrikjedi politika globali u sostenibbli għall-iżvilupp sabiex tippermetti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jipproduċu u jfornu l-popolazzjoni tagħhom b'ilma u ikel biżżejjed; |
25. |
Jagħti l-appoġġ tiegħu lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom sabiex jiżguraw li l-popolazzjonijiet lokali jkollhom aċċess għall-ikel; jemmen li l-ispazju vijabbli għall-politika għandu jissaħħaħ aktar sabiex ikun hemm lok għal regoli u miżuri nazzjonali għall-iżvilupp ta' dan is-settur; iqis il-Malawi bħala eżempju pożittiv ta' pajjiż li qed jiżviluppa fejn il-produzzjoni tal-ikel irduppjat fl-aħħar tliet snin u jenfasizza li l-UE qed twettaq rwol ta' appoġġ f'dan l-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi għajnuna ħalli dan il-fenomenu jkun magħruf, sabiex jista' jittieħed bħala eżempju f'pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw; |
26. |
Jistieden lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali sabiex jissodisfaw it-talba straordinarja ta' emerġenza li l-WFP għamel b'mod urġenti u sabiex jappoġjaw dan il-programm biex ikun jista' jilqa' l-isfidi l-ġodda fil-ġlieda kontra l-ġuħ; iqis, madankollu, li d-dipendenza fuq l-operazzjonijiet tal-għajnuna alimentari jeħtieġ li tonqos u jisħaq, għalhekk, dwar il-ħtieġa ta' azzjonijiet fuq perjodu medju u fuq perjodu twil biex jiġu evitati aktar konsegwenzi ta' ħsara u sabiex ikunu indirizzati l-kawżi radikali ta' din il-kriżi; |
27. |
Jitlob għal żieda urġenti u sostanzjali fl-investiment fl-agrikolura, fl-iżvilupp rurali u fil-kummerċ agrikolu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li tkun tiffoka fuq bdiewa fqar u biedja fuq skala żgħira bbażata fuq sistemi ta' produzzjoni agroekoloġiċi; ifakkar li 75 % tal-popolazzjoni l-aktar fqira tad-dinja tgħix f'zoni rurali, imma li biss 4 % ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) hi dedikata għall-agrikoltura; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jindirizzaw il-kwistjoni tal-agrikultura b'moa aktar effettiv fil-politiki tagħhom għall-iżvilupp u sabiex jippromwovi l-aġġustament tal-ipprogrammar tal-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) b'kooperazzjoni mill-qrib ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw u sabiex jerġgħu jindirizzaw id-dokumenti ta' strateġija bħala mezz ta' kif l-agrikultura tingħata prijorità ogħla; jenfasizza l-irwol tal-NGOs u tal-awtoritajiet lokali biex jinstabu soluzzjonijiet agrikoli innovattivi fi ftehimiet ta' sħubija mal-popolazzjonijiet ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw u jippromovu l-proġetti tagħhom; |
28. |
Jenfasizza dwar il-ħtieġa li bdiewa ż-żgħar f'pajjiżi fqar, li huma l-aktar nisa, jingħataw aċċess għall-art, għal servizzi finanzjarji u ta' kreditu, għal żrieragħ li jipproduċu ħafna, għal sistemi ta' tisqija u għal fertilizzanti; jenfasizza li l-investiment fis-settur tal-agrikoltura jeħtieġ li jkun iffukat aktar fuq tisqija, toroq rurali, riċerka u tagħrif lokali, taħriġ u skambji tal-aħjar prattiċi sabiex jiġu żviluppati sistemi ta' wċuħ ir-raba' li jkunu sostenibbli u effiċjenti, ilma tajjeb għax-xorb nadif u edukazzjoni u kif ukoll fuq it-tisħiħ tal-produzzjoni lokali u tal-iskambji tas-suq; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni sabiex tinforza dawn l-aspetti fl-azzjoni tagħha u biex tappoġġja organizzazzjonijiet ta', il-mikrokreditu u programmi ta' servizzi finanzjarji oħra kif ukoll ż-żieda fl-investiment fl-agrikoltura; |
29. |
Jistieden lill-Bank Ewropew ta' Investiment biex jinvestiga l-possibilitajiet ta' ħolqien immedjat ta' fond ta' garanzija li jappoġġja skemi nazzjonali ta' mikro-kreditu u skemi ta' “risk-hedging” li joperaw viċin il-bżonnijiet tal-prodotti lokali tal-ikel speċjalment fl-ifqar pajjiżi qed jiżviluppaw; |
30. |
Jenfasizza l-ħtieġa ta' koperazzjoni dwar il-bidla fil-klima bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment il-ħtieġa għal trasferiment ta' teknoloġija u bini tal-kapaċitajiet; jenfasizza li l-bidla fil-klima għandha tkun integrata fil-koperazzjoni ta' żvilupp kollu tal-UE u jenfasizza li xi salvagwardji sempliċi għandhom jgħinu lill-bdiewa jipproteġu l-prodotti tagħhom min-nixfa u minn diżastri oħra, u jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tesplorahom; jistieden lill-komunità internazzjonali biex tintensifika l-isforzi tagħha biex tiġġieled id-deżertifikazzjoni, id-degradazzjoni tal-art u n-nixfa sabiex ittejjeb is-sigurtà tal-ikel u l-aċċess għall-ikel, speċjalment fil-pajjiżi l-foqra; |
31. |
Jisħaq fuq l-importanza ta' investimenti xierqa fil-qasam tar-riċerka bl-objettiv li jsir progress fil-ħsad fir-reġjuni kollha tad-dinja; |
32. |
Jitlob, b'mod partikolari, li l-iżvilupp kollu fil-GMOs kif ukoll id-dibattitu politiku kollu dwar dan is-suġġett jiġu segwiti bir-reqqa; |
33. |
Iqis li l-pajjiżi għandu jkollhom id-dritt għas-sovranità u għas-sigurtà tal-ikel, u għandhom id-dritt li jipproteġu s-suq tagħhom kontra l-importazzjonijiet ta' prodotti sussidjati; iqis li dawn is-sussidji tal-prodotti agrikoli għall-esportazzjoni jiddestabilizzaw is-swieq lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw |
Kummerċ Internazzjonali Ġust
34. |
Iqis li l-ftuħ tas-swieq agrikoli jeħtieġ li jkun progressivi, bi qbil mal-progress ta' żvilupp ta' kull pajjiż li qed jiżviluppa u bbażat fuq regoli ta' kummerċ li jkunu ġusti u li ma jagħmlux ħsara ambjentali; jinnota li prodotti sensittivi li huma ħtiġiet bażiċi għall-persuni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew ta' importanza partikolari għas-sigurtá tal-ikel u għall-iżvilupp rurali f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, għandhom ikunu esklużi minn liberalizzazzjoni sħiħa sabiex ikunu evitati danni irreversibbli għall-produtturi lokali; jenfasizza li l-UE għandha tippromovi sistema preferenzjali u asimetrika fin-negozjati tal-kummerċ ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex tippermettilhom li jżommu ċertu ammont ta' mmaniġġjar tal-provvisti u għodda ta' żvilupp oħra fis-swieq tagħhom; jirrimarka li l-pajjiżi l-inqas żviluppati kellhom u għad għandhom aċċess mingħajr kwoti jew tariffi għas-suq tal-UE, skond il-ftehim “Kollox Minbarra l-Armi” (EBA); |
35. |
Jenfasizza li fin-negozjati attwali tal-Ftehima ta' Sħubija Ekonomika (EPA), il-prijoritá tal-Kummissjoni għandha tkun li tirrispondi għall-ħtiġijiiet ta' żvilupp espressi mill-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibbew u l-Paċifiku (ACP); ifakkar li sabiex tingħeleb din l-isfida, l-EPAs għandhom ikunu akkumpanjati mill-fondi l-ġodda li diġá ġew imwiegħda għall-Għajnuna għall-Kummerċ (EUR 2 biljun fis-sena sa l-2010) u bil-promozzjoni tal-integrazzjoni regjonali; |
36. |
Jenfasizza l-ħtieġa ta' riżultat tajjeb u ġust fid-Rawnd ta' Doħa; jenfasizza li r-riżultati tar-Rawnd ta' Doħa għandhom jagħtu inċentivi pożittivi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jinvestu fl-agrikultura u fil-produzzjoni tal-ikel tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja proposti ħalli tiġi inkluża azzjoni dwar il-prezzijiet tal-ikel bażiku fis-sensiela ta' negozjati attwali tad-WTO; |
37. |
Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jippromwovu l-Kummerċ Ġust u skemi etiċi li jagħtu kontribut biex jgħollu l-istandards soċjali u ambjentali u jgħinu produtturi żgħar u marġinalizzati f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, inaqqsu l-inċertezza, jiggarantixxu prezzijiet u dħul aktar ġusti filwaqt li jinkuraġġixxi l-awtoritajiet pubbliċi fl-UE biex jintegraw il-kummerċ ġust fil-kriterji ta' sostenibilità fil-politiki tagħhom dwar l-appalt u l-akkwist pubbliku; |
Promozzjoni tad-Demokrazija
38. |
Jenfasizza li l-kriżi attwali tal-ikel turi l-ħtieġa li jkunu promossi l-istabilitá politika, l-integrazzjoni reġjonali, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, mhux biss fl-UE, imma wkoll fid-dinja kollha; jistieden, għalhekk, lill-partijiet interessati kollha sabiex jippromwovu valuri umani u demokratiċi u l-istat tad-dritt meta jindirizzaw il-kriżi attwali tal-ikel u meta jindirizzaw problemi dwar sigurtá tal-ikel fuq perjodu twil; |
*
* *
39. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Bank Dinji, lill-G8, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-KoPresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-ACP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan (PAP). |
(2) Testi Adottati, P6_TA(2007)0480.