Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0226

Reviżjoni tal-politika industrijali ta' nofs it-terminu — Kontribut lejn l-Istrateġija tal-UEgħat-Tkabbir u x-Xogħlijiet Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 22 ta' Mejju 2008 dwar reviżjoni tal-politika industrijali ta' nofs it-terminu — Kontribut lejn l-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir u x-Xogħlijiet (2007/2257(INI))

ĠU C 279E, 19.11.2009, p. 65–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 279/65


Reviżjoni tal-politika industrijali ta' nofs it-terminu — Kontribut lejn l-Istrateġija tal-UEgħat-Tkabbir u x-Xogħlijiet

P6_TA(2008)0226

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Mejju 2008 dwar reviżjoni tal-politika industrijali ta' nofs it-terminu — Kontribut lejn l-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir u x-Xogħlijiet (2007/2257(INI))

(2009/C 279 E/12)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni bit-titolu “Reviżjoni tal-politika industrijali ta' nofs it-terminu — Kontribut lejn l-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir u x-Xogħlijiet” (COM(2007)0374) u d-dokument ta' ħidma tal-istaff (SEC(2007)0917) li jakkumpanjaha,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività tat-22 u tat-23 ta' Novembru 2007,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Intrapriżi żgħar u ta' daqs medju — Essenzjali għal aktar tkabbir ekonomiku u xogħlijiet — Reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-politika Moderna għall-SMEs” (COM(2007)0592),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Inizjattiva tas-suq ewlieni għall-Ewropa” (COM(2007)0860),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2006 dwar qafas ta' politika sabiex tissaħħaħ il-manifattura tal-UE — lejn approċċ aktar integrat għall-politika industrijali (1),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Novembru 2006 dwar wasal iż-żmien li ningranaw — Noħolqu Ewropa ta' imprenditorija u tkabbir (2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A6-0167/2008),

A.

billi r-Reviżjoni tal-Kummissjoni ta' nofs it-terminu tal-politika industrijali tqis il-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-approċċ integrat għall-politika industrijali kif kien fl-2005 u tistipula l-miżuri li għandhom jittieħdu fis-snin li ġejjin,

B.

billi l-industrija fl-UE tikkontribwixxi għal aktar minn 80 % tal-ispiża fir-riċerka u l-iżvilupp tas-settur privat u l-prodotti innovattivi li tipproduċi huma aktar minn 73 % tal-esportazzjonijiet tal-UE, b'hekk għandhom rwol importanti fit-trasformazzjoni tal-UE f'ekonomija bbażata fuq l-għerf,

C.

billi, meta mqabbel ma' reġjuni oħrajn, bħal ma' huma l-Istati Uniti u l-Ażja, l-industrija tal-UE għadha relattivament iddum biex tadatta għar-realtajiet tas-suq li jinbidlu u għall-iżviluppi teknoloġiċi ġodda minħabba r-regolazzjoni qawwija tas-suq,

D.

billi xejriet bħal ma huma l-globalizzazzjoni, il-bidla teknoloġika u l-iżvilupp sostenibbli joffru opportunitajiet importanti, u s'issa mhux sfruttati, għas-settur industrijali fl-UE,

1.

Jilqa' bi pjaċir il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fir-reviżjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni ta' politika industrijali integrata u jenfasizza li settur industrijali li qed jirnexxi huwa essenzjali għall-kisba tal-għanijiet ta' Liżbona;

2.

Jinnota l-progress li sar permezz ta' azzjonijiet kemm orizzontali kif ukoll speċifiċi skond is-settur u jilqa' l-inizjattivi settorjali ġodda dwar l-ipproċessar tal-ikel u l-inġinerija elettrika;

3.

Jiddispjacih ghall-fatt li r-rabta bejn l-UE u l-politika industrijali nazzjonali hija dgħajfa u jappoġġja l-inizzjattivi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri biex tissaħħaħ din ir-rabta;

4.

Jemmen li l-irwol ewlieni tal-politika industrijali tal-UE huwa li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet it-tajba għal qafas għall-iżvilupp tal-intrapriża, għall-investiment industrijali, għall-innovazzjoni u għall-ħolqien tal-impjiegi, billi tingħata attenzjoni partikulari lill-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);

5.

Huwa tal-opinjoni li suq intern miftuħ u kompetittiv fis-servizzi u fl-industrija jikkontribwixxi għall-kapaċità tal-innovazzjoni u għaż-żieda tal-kompetittività tas-settur industrijali; huwa tal-opinjoni li l-politika għall-kompetizzjoni hija kruċjali biex ikun żgurat li l-konsumaturi jibbenefikaw minn suq Ewropew miftuħ;

6.

Jisħaq l-importanza ta' skema ta' akkwist pubbliku effiċjenti għall-kompetittività tal-industrija Ewropea; jemmen li l-akkwist pubbliku qabel il-kummerċjalizzazzjoni hija għodda importanti biex l-innovazzjoni tal-intraprizi Ewropej tingħata spinta; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrevedu l-politiki ta' akkwist pubbliku tagħhom fid-dawl ta' dan u jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattika f'dan il-qasam;

7.

Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni dwar il-konsolidazzjoni tas-suq Ewropew tat-tagħmir ta' difiża u dwar it-titjib tal-kompetittività globali tal-industrija tad-difiża fl-UE;

8.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tintensifika l-monitoraġġ tas-suq tagħha tal-katina tal-provvista tal-prodotti industrijali u tal-konsumatur, inklużi d-distributuri u l-bejjiegħa “downstream” biex ikunu żgurati kundizzjonijiet kompetittivi fl-istadji kollha tal-katina tal-provvista;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex iżżid l-isforzi tagħha biex telimina ostakli amministrattivi mhux meħtieġa li jagħmlu l-aċċess għas-suq intern diffiċli, sabiex tissimplifika u ttejjeb l-ambjent regolatorju u sabiex tnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq l-intrapriżi, inter alia, billi tiżgura li jkun sar progress fuq it-13-il qasam ta' prijorità stabbiliti fil-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u billi timplimenta t-tieni pakkett ta' miżuri “rapidi” biex jitneħħew l-ostakli amministrattivi;

10.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jimxu 'l quddiem lejn il-ħolqien u l-kisba ta' miri nazzjonali ambizzjużi għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv, b'mod partikulari dawk li jħeġġu t-tkabbir u l-iżvilupp tal-SMEs, bħal ma huma r-rekwiżiti u l-eżenzjonijiet simplifikati tar-rappurtaġġ;

11.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tuża metodu koerenti għall-SMEs fil-politiki tal-UE kollha billi tapplika b'mod xieraq il-prinċipju magħruf bħala “l-ewwel aħseb fiż-żgħir”;

12.

Jappoġġja bil-qawwi l-inizjattiva għall-Ewropa għal “Att għall-Intrapriżi ż-Żgħar”; jemmen li għandha tkun fil-forma ta' proposta leġiżlattiva li għandha tinkludi inizjattivi ġodda u konkreti sabiex, permezz ta' eżenzjonijiet, jitnaqqas il-piż regolatorju fuq l-SMEs, sabiex jitħaffef l-aċċess tagħhom għas-suq intern u għall-proċeduri ta' appalt pubbliku u sabiex ikun żgurat li għandhom aċċess adegwat għas-sorsi ta' finanzjament u għall-infrastruttura tar-riċerka;

13.

Jenfasizza l-importanza tal-Ftehima ta' Basel II (3) dwar l-influwenza fuq l-imġiba tal-banek u r-rieda tal-banek li jsellfu lil klijenti ta' riskju relattivament għoli, inkluzi l-SMEs; iqis lil dan l-iżvilupp bħala strumentali fl-appoġġ tal-SMEs fl-investiment u fit-twettiq ta' riċerka orjentata lejn in-negozju;

14.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-gruppi ta' sħubija mwaqqfin mill-Kummissjoni, bħall-CARS 21 u l-Grupp ta' Livell Għoli dwar it-Tessuti; jemmen li dawn il-gruppi huma fora importanti għat-tisħiħ tal-politika industrijali tal-UE;

15.

Jenfasizza l-urġenza li jitwaqqaf suq madwar l-Unjoni Ewropea għall-kapital ta' riskju permezz tat-tneħħija ta' ostakoli regolatorji u fiskali eżistenti għall-investimenti ta' kapitali ta' riskju tal-kumpaniji żgħar Ewropej li huma l-iktar innovattivi;

16.

Ifakkar fl-importanza ta' sistemi moderni ta' standardizzazzjoni u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħaffef l-implimentazzjoni ta' standards ta' “metodi ġodda”, filwaqt li jiġu rispettati l-ħtiġijiet tal-SMEs u tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-SMEs;

17.

Huwa tal-fehma li l-għanijiet ambjentali tal-UE m'għandhomx ikunu meqjusa bħala theddida għall-industrija, iżda bħala opportunità sabiex jinkiseb vantaġġ għal min jagħmel l-ewwel pass u biex l-industrija fl-UE tkun minn ta' quddiem fid-dinja fit-teknoloġiji, fil-prodotti u fis-servizzi li jħarsu l-ambjent u li huma soċjalment aċċettabbli; jenfasizza, madankollu, li l-applikazzjoni ta' teknoloġiji ġodda għandha ssir flimkien ma' miżuri biex jissalvagwardjaw il-kompetittività internazzjonali tal-intrapriżi Ewropej;

18.

Iqis li l-iżvilupp industrijali huwa marbut mill-qrib mal-eżistenza ta' infrastruttura effiċjenti tat-trasport fuq livell Ewropew, li infrastruttura tat-trasport li taħdem sew tagħti ċ-ċans li z-zoni industrijali jiżviluppaw, inklużi dawk barra l-ibliet, u li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jużaw il-fondi għall-iżvilupp reġjonali sabiex joħolqu parks industrijali u teknoloġiċi f'zoni rurali maġenb zoni urbani kbar;

19.

Iqis li l-pjan ta' azzjoni fil-qasam tal-politika industrijali sostenibbli propost mill-Kummissjoni għandu jistabbilixxi qafas għal tranżizzjoni gradwali lejn industrija b'livell baxx ta' karbonju u ta' enerġija u li tkun effiċjenti fir-riżorsi sabiex jingħata kontribut biex jintlaħqu l-għanijiet fl-oqsma tal-enerġija u tal-bidla fil-klima fformulati mill-Kunsill Ewropew tat-8 u tad-9 ta' Marzu 2007; jemmen li l-inizjattiva tas-“suq ewlieni” u l-Programm ta' Azzjoni dwar l-Istandards jista' jkollhom rwol importanti f'dan;

20.

Jisħaq b'mod speċjali fuq il-ħtieġa għal żvilupp sostenibbli u bbilanċjat fl-UE kollha, kemm ġeografikament kif ukoll fir-rigward tal-iskala ta' proġetti; jemmen li metodu tassew ibbilanċjat huwa l-uniku mod biex ikun stimulat l-iżvilupp tal-industrija fl-UE, biex ikun hemm opportunitajiet ġodda għall-ħolqien tal-impjiegi u biex ikunu promossi r-reġjuni ta' suċċess fl-UE; jemmen li “l-inizjattiva tal-għenieqed” tista' tkun ta' stimolu b'saħħitha għall-innovazzjoni u għall-iżvilupp reġjonali sostenibbli;

21.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-kontribuzzjoni sinifikanti tal-politika ta' koeżjoni biex tiġi żgurata il-kompetizzjoni fis-settur industrijali u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiffukaw iktar l-investimenti tagħhom fuq il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u fuq il-Fond Soċjali Ewropew f'oqsma li jippromwovu t-tkabbir tal-kapital uman, tar-riċerka, tal-innovazzjoni, tal-imprenditorjat u tal-assistenza għall-SMEs;

22.

Jirrimarka li l-impatt tal-leġiżlazzjoni ambjentali fuq il-kompetittività internazzjonali tal-industriji fl-UE li jikkunsmaw ħafna enerġija għandu jitqies bla telf ta' żmien sabiex jiġu evitati t-tnixxija tal-karbonju u l-qgħad; iħeġġeġ f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni sabiex tmexxi u tappoġġja b'mod attiv it-twaqqif ta' ftehimiet settorjali globali li jistgħu jnaqqsu l-impatt ambjentali ta' industriji speċifiċi fid-dinja kollha waqt li jiżguraw li jkun hemm l-istess kundizzjonijiet;

23.

Jappoġġja lill-Kummissjoni fil-mossa tagħha biex il-proposti leġiżlattivi l-ġodda kollha jkunu sottomessi għal evalwazzjoni intensiva u rigoruża tal-impatt tagħhom, li teżamina b'mod partikolari kull proposta għandhiex implikazzjonijiet mhux favorevoli għall-iffunzjonar tas-suq intern jew għall-kompetittività tan-negozji Ewropej skond il-prinċipju tas-sostenibilità;

24.

Jiġbed l-attenzjoni għall-iżviluppi attwali fir-rigward tal-aċċess għall-materja prima; jirrimarka li l-UE tiddependi għal kollox mill-importazzjonijiet ta' metalli diversi; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproponi metodu integrat biex ikun żgurat l-aċċess sostenibbli għall-materja prima, it-titjib tal-effiċjenza tar-riżorsi u l-appoġġ għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ta' esplorazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw u jgħaġġlu t-twettiq tal-proġetti li, skond kif imħabbra mill-Kunsill Ewropew, huma ta' interess għall-Komunità għas-sikurezza tal-enerġija u għad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija tal-UE;

25.

Ifakkar fil-bidla strutturali importanti li ġiet minħabba ċ-ċaqliq tal-impjiegi lejn is-servizzi relatati mal-industrija; għalhekk jappoġġja l-inizzjattiva dwar l-industrija u s-servizzi ppjanati li se janalizzaw is-settur tas-servizzi u l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività industrijali; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni, b'mod partikulari, għat-titjib tal-kwalità, tal-produttività u tal-valur tas-servizzi mogħtija lill-industrija, b'mod partikulari s-servizzi tan-negozju b'għarfien intensiv;

26.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-bidla strutturali li se tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri; iħeġġeġ bis-sħiħ lill-Kummissjoni, fir-reviżjoni tagħha tal-Komunikazzjoni tagħha bit-titolu “Strutturar mill-ġdid u impjieg — li tantiċipa u takkumpanja l-istrutturar mill-ġdid biex jiżviluppa l-impjieg: ir-rwol tal-Unjoni Ewropea” (COM(2005)0120, sabiex tappoġġja t-twaqqif ta' sħubijiet kbar fuq il-livell tal-UE kif ukoll ta' netwerks għall-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki fost l-esperti fl-Istati Membri;

27.

Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa ta' investiment prijoritarju kontinwu fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fir-riċerka, kif wkoll dwar id-dipendenza tal-iżvilupp industrijali u tal-kompetittività tal-prodotti tal-UE fuq il-kwalità tar-riżorsi umani u l-innovazzjoni globali fi prodotti ġodda;

28.

Jisħaq fuq il-fatt li prodotti innovattivi, li jirrapreżentaw 73 % tal-esportazzjonijiet tal-UE, isaħħu l-vantaġġ kompetittiv tal-UE b'mod sinifikanti; jinnota, madankollu, li l-Unjoni għadha lura ħdejn l-Istati Uniti u l-Ġappun fl-innovazzjoni, l-aktar fir-Riċerka u l-Iżvilupp dwar in-negozju; jemmen, għalhekk, li għandhom ikunu sfruttati tajjeb programmi Komunitarji għall-iffinanzjar, bħas-Seba' Programm ta' Qafas għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni u l-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, u l-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija; f'dan ir-rigward, jilqa' l-inizjattiva “tas-suq ewlieni” u l-Programm ta' Azzjoni dwar l-Istandards bħala kontribuzzjonijiet biex jiġi lliberat il-potenzjal tas-suq għall-prodotti u servizzi innovattivi f'oqsma speċifiċi ta' valur sinifikanti għas-soċjetà; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex turi l-impenn tagħha għal leġiżlazzjoni aħjar f'dan ir-rigward u jitlob li tingħata attenzjoni biex ċerti soluzzjonijiet teknoloġiċi ma jingħatawx preferenza fuq oħrajn;

29.

Iqis li, sabiex tingħata spinta lill-innovazzjoni madwar l-UE, huwa essenzjali li attivitajiet li għandhom x'jaqsmu mal-invenzjoni jkunu appoġġjati u li l-prodotti ta' dawn l-attivitajiet ikunu mħarsa; jirrimarka, għalhekk, dwar l-importanza ta' politika dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li tkun trasparenti u ssimplifikata u tkun waħda li fil-fatt tkun infurzata; jistieden lill-Kunsill sabiex jieħu azzjoni biex jintroduċi brevett Komunitarju malajr kemm jista' jkun u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tkompli tiġġieled il-falsifikazzjoni u biex taħdem għal soluzzjonijiet globali f'dan il-qasam, ibbażat l-aktar fuq il-mudelli Ewropej;

30.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 646.

(2)  ĠU C 316 E, 22.12.2006, p. 378.

(3)  Konverġenza Internazzjonali tal-Kejl tal-Kapital u tal-Istandards tal-Kapital: Qafas Rivedut, Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni tal-Banek, Ġunju 2004.


Top