EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0213

Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 20 ta' Mejju 2008 dwar Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea (2008/2009(INI))

ĠU C 279E, 19.11.2009, p. 30–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 279/30


Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea

P6_TA(2008)0213

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Mejju 2008 dwar Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea (2008/2009(INI))

(2009/C 279 E/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea” (COM(2007)0575 — SEC(2007)1283),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Konklużjonijiet mill-Konsultazzjoni dwar Politika Marittima Ewropea” (COM(2007)0574),

wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni għal dikjarazzjoni konġunta bejn tliet partijiet li tistabbilixxi “Jum Marittimu Ewropew” SEC(2007)1631,

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni bit-titolu “Lejn Politika Marittima futura għall-Unjoni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra” (COM(2006)0275) u r-Riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Lulju 2007 (1),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-8/9 ta' Marzu 2007 fir-rigward tal-adozzjoni tad-dokument “Pjan ta' azzjoni (2007–2009) tal-Kunsill Ewropew — Politika tal-enerġija għall-Ewropa” mill-Kunsill Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “20 20 sa l-2020 — L-opportunità dwar it-tibdil fil-klima għall-Ewropa” (COM(2008)0030),

wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu 2006, adottata mill-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) fit-23 ta' Frar 2006, strument waħdieni li jħaddan u jadatta l-konvenzjonijiet dwar ix-xogħol marittimu adottati mill-ILO sa mill-1919,

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għas-Sajd (A6-0163/2008),

A.

billi l-oċeani u l-ibħra huma fatturi ekonomiċi u ambjentali essenzjali għall-UE; billi l-UE, permezz tar-reġjuni kostali u r-reġjuni l-aktar imbiegħda, toffri 320,000 km ta' kosta li fiha jgħixu terz tal-popolazzjoni Ewropea,

B.

billi industriji u servizzi tal-baħar kif ukoll ir-reġjuni tal-kosta b'kollox jikkontribwixxu 40 % tal-GDP tal-UE,

C.

billi l-bidla fil-klima hija l-akbar sfida mill-politika kollha fis-seklu 21; billi ż-żieda fil-livell tal-baħar ikkawżata mill-bidla fil-klima hija theddida għar-reġjuni kostali, li tista' tkun fuq skala kbira ħafna, b'konsegwenzi drastiċi għar-residenti,

D.

billi r-reġjuni marittimi tal-UE, u b'mod partikulari r-reġjuni l-aktar imbiegħda tagħha, jwettqu fuq naħa waħda rwol importanti ħafna fir-rigward tas-sigurtà kontra l-atti kriminali bħal ma huma l-immigrazzjoni illegali, it-terroriżmu u l-kuntrabandu u iżda fuq in-naħa l-oħra huma esposti għal diżastri ambjentali speċifiċi,

E.

billi matul is-sena li għaddiet żdiedu fl-għadd u fil-frekwenza l-attakki kriminali fuq bastimenti tas-sajd, tal-merkanzija u tal-passiġġieri tal-Komunità fl-ibħra internazzjonali qrib il-kosta tal-Afrika, b'riskju kbir għall-ħajja tal-ekwipaġġi u b'impatt negattiv importanti fuq il-kummerċ internazzjonali;

1.

Jilqa' b'sodisfazzjoni l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-komunikazzjonijiet u l-Pjan ta' Azzjoni msemmija hawn fuq fid-dokumnet ta' ħidma tal-istaff imsemmi hawn fuq;

2.

Isostni r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 u jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni laqgħet parti sewwa mit-talbiet tal-Parlament, għall-inqas sa ċertu punt;

3.

Jenfasizza li d-dimensjoni marittima eċċezzjonali mogħtija lill-UE mix-xtut u r-reġjuni l-aktar imbiegħda tagħha toffri opportunitajiet uniċi fir-rigward tal-innovazzjoni, l-ambjent, u l-bijodiversità, li għandhom jiġu kkunsidrati fil-politika marittima integrata għall-UE, u li r-reġjuni l-aktar imbiegħda, barra minn hekk, jipprovdu bażijiet tal-komunikazzjoni eċċellenti għall-għanijiet ta' trasport u siġurtà fil-livell tal-UE u livell globali;

4.

Jenfasizza bil-qawwa l-idea tal-Kummissjoni li tisfrutta aħjar il-potenzjal tat-trasport marittimu u fuq mogħdijiet tal-ilma interni fuq distanza qasira bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li tintegra dan is-settur malajr kemm jista' jkun fis-suq intern u jilqa' b'sodisfazzjoni il-ħsieb tal-Kummissjoni li tħaffef il-proposti tagħha dwar żona ta' trasport marittimu komuni bi strateġija komprensiva għat-trasport marittimu 2008-2018;

5.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex isaħħu l-koperazzjoni bejniethom u mal-pajjiżi ġirien għall-użu adattat tat-TEN-T u mekkaniżmi ta' ffinanzjar Ewropew oħra (bħal Marco Polo) biex iwettqu l-proġetti tat-Toroq tal-Baħar u Netwerks ta' Trasport Marittimu fuq Distanza Qasira;

6.

Jilqa b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji Ewropej li jieħdu ħsieb il-kontroll tal-baħar b'enfażi fuq il-prevenzjoni ta' attivitajiet illegali (it-traffikar tal-bnedmin u tad-drogi, l-immigrazzjoni illegali u t-theddidiet terroristiċi) b'enfasi speċjali fuq l-ibħra internazzjonali;

7.

Jilqa b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li toħloq netwerk Ewropew għas-sorveljanza marittima u tippromwovi koperazzjoni aħjar fost il-gwardji tal-kosta tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ ir-riżultati tal-istudju dwar il-vijabilità ta' għassa tal-kosta Ewropea, li kellu jkun ippubblikat u ppreżentat lill-Parlament u lill-Kunsill sa l-aħħar tal-2006;

8.

Huwa tal-fehma li l-gruppi marittimi qegħdin f'qagħda partikolarment tajba biex jagħmlu kontribuzzjoni għall-ksib ta' politika marittima integrata; jistieden lill-Kummissjoni biex tibda bla telf ta' żmien il-proġett ta' netwerk Ewropew tal-gruppi marittimi;

9.

Jappoġġja l-proposta li jiġi stabbilit “Jum Marittimu Ewropew” annwali fl-20 ta' Mejju; huwa tal-fehma li jum ta' azzjoni bħal dan għandu jintuża biex tiġi enfasizzata l-importanza tal-politika marittima barra l-ambjent speċjalizzat bil-parteċipazzjoni ta' ċittadini komuni, l-iskejjel, l-universitajiet u l-NGOs; ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-proposta tagħha li jingħata premju lir-reġjuni marittimi eżemplari bħala mezz biex tippromwovi l-aħjar prattika;

10.

Huwa tal-fehma ġenerali, madankollu, li l-pjan ta' azzjoni fih ftit wisq miżuri konkreti u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fil-ġejjieni tuża l-istrumenti li għandha disponibbli skond it-Trattati b'aktar ambizzjoni;

11.

Jisgħobbih li l-Pjan ta' Azzjoni jindirizza l-isfidi tal-bidla fil-klima biss b'mod mhux obbligatorju; itenni l-fehma tiegħu li politika marittima Ewropea għandha tkun imħejjija għall-konsegwenzi tal-bidla fil-klima u taddatta ruħha għalihom, u, b'urġenza, tistipula l-miżuri ta' aġġustament rekwiżiti, b'mod speċjali minħabba l-fatt li qed idubu l-glaċieri li jwassal għal żieda fil-livell tal-baħar u riskji akbar ta' għargħar fil-portijiet u fir-reġjuni kostali, u f'dan il-kuntest, jitlob il-kontribut tas-setturi relevanti kollha tal-politika, partikolarment dik tar-riċerka;

12.

Ifakkar fil-fatt li meta l-glaċieri idubu dan jikkaġuna mhux biss żieda fil-livell tal-baħar imma wkoll ħsara li ma tissewwiex lill-ħajja tal-bnedmin, tal-annimali u l-pjanti, u għaldaqstant jilqa' b'sodisfazzjon il-ħsieb tal-Kummissjoni li tressaq Inizjattiva Artika u jistieden lill-komunità xjentifika u lil dawk li jieħdu deċiżjonijiet biex jesploraw aktar possibiltajiet għall-ħarsien taż-żoni tas-silġ polari;

13.

Isostni li l-ġestjoni tajba tal-ibħra tirrikjedi l-ġestjoni tajba taż-żoni tax-xtut u li proġetti ta' bini fuq ix-xtut tal-UE għandhom għaldaqstant jaħsbu f'kull każ għall-konsegwenzi tal-bidla fil-klima u dak li ġġib magħha: ż-żieda fil-livell tal-baħar, l-erożjoni tar-ramel, u ż-żieda fil-frekwenza u l-qilla tal-maltemp;

14.

Jappoġġja l-objettivi tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2007 li sa l-2050 l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra jonqsu bin-nofs u jinsisti fuq it-talba tiegħu li l-politika marittima tagħti kontribut importanti għat-tnaqqis ta' dawn l-emissjonijiet; dan għandu jinkludi l-inklużjoni tat-trasport bil-baħar fl-iskema ta' kummerċ ta' kwoti ta' emissjonijiet u t-tisħiħ tal-isforzi tar-riċerka kemm għall-użu tal-ibħra bħala sors ta' enerġija li tiġġedded kif ukoll bil-ħsieb li jkunu żviluppati teknoloġiji ġodda aktar nodfa ta' propulsjoni tal-vapuri; iqis li jekk l-Ewropa turi t-triq fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima dan jista' jsaħħaħ u jiżviluppa l-irwol ewlieni tagħha fit-teknoloġija u r-riċerka ambjentali;

15.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tkun aktar ambizzjuża fil-ġlieda kontra l-emissjonijiet tal-kubrit u tal-ossidu tan-nitroġenu, kif ukoll skart solidu mill-vapuri; f'dan il-kuntest, itenni l-ħtieġa ta' koperazzjoni aktar mill-qrib mal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u b'mod partikulari, jitlob:

għat-tfassil ta' normi dwar l-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu għall-vapuri li joperaw fil-portijiet tal-UE;

għal dikjarazzjoni tal-Baħar Mediterran, tal-Baħar l-Iswed u tal-grigal tal-Atlantiku bħala reġjuni ta' sorveljanza għall-emissjonijiet ta' kubrit (SECA) skond il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (il-Konvenzjoni MARPOL);

għat-tnaqqis minn 1.5 % għal 0.5 % fil-kontenut massimu ta' kubrit permess fil-fjuwils tal-bastimenti tal-passiġġieri li joperaw fis-SECA;

għall-introduzzjoni ta' miżuri fiskali, bħal taxxi jew kontribuzzjonijiet għall-emissjonijiet tad-dijossidu tal-kubrit u l-ossidu tan-nitroġenu mill-bastimenti u l-identifikazzjoni ta' modi kif ikunu imposti miżuri u kontribuzzjonijiet bħal dawn fuq il-vapuri kollha, tkun xi tkun il-bandiera tagħhom, li jidħlu fil-portijiet Komunitarji jew li jbaħħru fl-ibħra tal-Istati Membri tal-UE;

għall-introduzzjoni ta' kontribuzzjonijiet tal-portijiet u l-ilmijiet navigabbli differenzjati li jiffavorixxu l-vapuri b'emissjonijiet baxxi tad-dijossidu tal-kubrit u l-ossidu tan-nitroġenu;

l-introduzzjoni b'mod gradwali ta' rekwiżit għall-vapuri fil-portijiet li jużaw l-elettriku minn fuq l-art

għal-proposta ta' direttiva tal-UE dwar il-kwalità ta' fjuwils tal-bastimenti;

16.

Jilqa' l-miżuri adottati f'dak li għandu x'jaqsam mas-sorveljanza permezz ta' satelliti tat-tixrid inkontrollat fil-baħar li jwettqu ċertu bastimenti; jitlob madankollu li l-bastimenti jiġu obbligati, permezz ta' regolamenti, biex jużaw apparat li ma jistax jitbagħbas (u reġistrat bi privattiva) li, skond il-mudell tal-kaxxi suwed tal-ajruplani, jippermettu li jiġu rikordjati f'intervalli qrib xulxin il-livelli u n-natura tal-likwidi li jidħlu fil-ġiebji u s-sentini jew li joħorġu minnhom; iqis li l-eżami ta' dawn ir-rekords jippermetti li wieħed ikun jaf jekk seħħx tixrid inkontrollat u illegali ta' reżidwi ta' idrokarburi li jniġġsu;

17.

Itenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri u l-Kummissjoni, minħabba t-tniġġis tal-arja li jaffettwa ħafna bliet u reġjuni portwali, biex jipprovdu inċentivi li huma aħjar b'mod sinifikanti għall-forniment tal-elettriku mill-art għall-vapuri fil-port; jitlob, għaldaqstant għal proposta ta' emenda għad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar it-tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (2), li permezz tagħha dawk l-Istati Membri li jieħdu vantaġġ mill-eżenzjoni tat-taxxa miż-żejt tal-banker skond l-Artikolu 14 ta' dik id-direttiva jkunu rekwiżiti li jeżentaw mit-taxxa l-elettriku mill-art għall-istess ammont; jinnota li t-trattament indaqs għall-finijiet tat-taxxa tal-elettriku u ż-żejt tal-banker ikun inċentiv kbir għall-portijiet u s-sidien tal-vapuri biex jgħinu fit-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja fl-ibliet li huma portijiet billi jinvestu fil-forniment tal-elettriku għall-vapuri li jkunu fil-port;

18.

Jerġa' jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li t-tniġġis tal-ibħra mill-art għandu parti sostansjali mit-tniġġis ġenerali tal-ibħra u li l-Kummissjoni għadha ma bdietx tittratta dan is-suġġett; itenni, għaldaqstant, it-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta pjan ta' azzjoni għat-tnaqqis fit-tniġġis u jenfasizza t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jimplimentaw mingħajr dewmien l-atti legali relattivi bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (3); jenfasizza li pjan ta' azzjoni għall-identifikazzjoni u t-tneħħija ta' tagħmir tal-gwerra tal-gwerer tal-passat fil-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku jifforma parti mill-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ilma;

19.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri jniedu pjan għall-istudju u l-intraċċar ta' vapuri mgħarrqa u siti arkeoloġiċi mgħarrqa — minħabba li dawn jiffurmaw parti mill-wirt storiku u kulturali tal-Komunità — u b'hekk tħaffef l-għarfien u l-istudju ta' siti bħal dawn u tgħin biex tkun evitata l-ħsara li qed iġarrbu, biex ikunu jistgħu jitħarsu b'mod adattat;

20.

Iħeġġeġ l-istituzzjonijiet involuti biex jadottaw il-pakkett marittimu Erika III malajr kemm jista' jkun u jistieden lill-Istati Membri biex jibdew jimplimentaw il-pakkett mingħajr dewmien, bil-għan li jipprovdu l-mezzi legali meħtieġa biex ikunu evitati jew irrimedjati l-aċċidenti jew l-inċidenti b'konsegwenzi diżastrużi għall-iżvilupp tar-reġjuni marittimi, bl-inċidenti tal-Erika u l-Prestige ikunu żewġ eżempji ta' dan;

21.

Jikkunsidra li d-Direttiva Qafas dwar Strateġija għall-Ambjent tal-Ibħra (4) għandha tikkostitwixxi l-bażi ambjentali tal-politika marittima integrata għall-UE; jinnota li dik id-direttiva tiddikjara li r-reġjuni fejn l-istat tal-baħar huwa kruċjali għandhom ifasslu u jimplimentaw miżuri aktar mgħaġġla biex jiksbu status ambjentali tajjeb; jenfasizza li f'reġjuni bħal dawn huwa importanti b'mod partikulari li l-Kummissjoni tikkordina setturi, programmi u strateġiji differenti u tipprovdi appoġġ finanzjarju adattat; jinnota li biex tinkiseb politika marittima integrata bħal din, huwa meħtieġ li jkunu inklużi attivitajiet fuq l-art bħall-agrikoltura, l-immaniġġar tad-dranaġġ, it-trasport u l-produzzjoni tal-enerġija; jemmen li reġjuni bħal dawn jistgħu jikkostitwixxu żoni bi prova għal politika marittima integrata b'mod sħiħ;

22.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li teskludi l-baħħara min numru ta' oqsma ta' normattivi Ewropej dwar il-ħarsien soċjali u l-protezzjoni tal-ħaddiema (p.e. id-Direttiva 98/59/KE (5) dwar redundancies kollettivi, id-Direttiva 2001/23/KE (6) dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta' trasferiment ta' impriżi, negozji jew partijiet ta' impriżi jew negozji, id-Direttiva 2002/14/KE (7) dwar tagħrif u konsultazzjoni għall-impjegati, kif ukoll id-Direttiva 96/71/KE (8) dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas tal-għoti ta' servizzi); jipproponi r-reviżjoni ta' dawn id-direttivi b'kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali;

23.

Iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux hekk, biex jirratifikaw, kemm jista' jkun malajr, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, tal-2006, adottata bil-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-baħħara u biex tkun evitata l-kompetizzjoni inġusta fl-industrija tal-vapuri billi jkun aġġornat u kkodifikat il-korp kollu ta' standards internazzjonali dwar ix-xogħol li huma fis-seħħ;

24.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taġġorna d-Direttiva 1999/95/KE (9) dwar is-sigħat tax-xogħol tal-baħħara, u l-leġiżlazzjoni dwar kwistjonijiet li huma taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni imma m'humiex koperti, jew huma koperti biss b'mod parzjali, fil-livell Komunitarju, per eżempju r-regoli li jirregolaw l-aġenziji tar-reklutaġġ temporanju jew id-dritt ta' ħaddiem li jkollu kuntratt tal-impjieg iffirmat;

25.

Iqis li l-involviment ta' msieħba reġjonali u lokali huwa essenzjali sabiex il-politika marittima tkun ta' suċċess; isostni, għalhekk, li għandu jkun hemm koperazzjoni aktar mill-qrib u rabta akbar bejn ir-reġjuni kostali Ewropej, u li dan jista' jinkiseb bil-promozzjoni ta' strateġiji koordinati li jkattru l-iżvilupp u l-kompetittività u billi jkun hemm rabta aktar effettiva bejn il-livelli differenti ta' governanza;

26.

Iġedded it-talba tiegħu biex fil-futur jiġi segwit approċċ integrat tal-politika marittima għall-UE u jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-qafas politiku tagħha kif ukoll il-koeżjoni territorjali, soċjali, u ekonomika li tipprovdi r-rabta mal-intern tal-Ewropa u l-politika kostitwenti tagħha; jipproponi li jiġi pubblikat rapport dwar il-politika marittima Ewropea kull sentejn kif ukoll li jkun hemm skambju pubbliku ta' opinjonijiet b'mod regolari li jieħdu sehem fih dawk kollha interessati; jitlob il-presidenzi futuri tal-Kunsill biex fil-qafas tal-programmi ta' ħidma tagħhom jittrattaw il-politika marittima; jitlob, barra minn hekk, li l-Kummissjoni kull sena tindika b'mod ċar il-proġetti kollha relatati mal-baħar, li jgawdu l-għajnuna ta' fondi tal-UE;

27.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippromwovi negozjati għal ġestjoni aħjar tal-iskambji marittimi ma' pajjiżi terzi u jappoġġja b'mod qawwi koperazzjoni akbar ma' pajjiżi ġirien għall-ħarsien tal-ibħra lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali;

28.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu l-appoġġ attiv tagħhom, fil-qafas tan-NU u tal-IMO, għall-inizjattiva promossa minn għadd ta' Stati Membri, biex id-dritt ta' insegwiment bil-baħar u bl-ajru jkun estiż għall-ibħra territorjali tal-Istati li għandhom kosta, sakemm il-pajjiżi kkonċernati jaqblu wkoll li jiżviluppaw mekkaniżmu ta' assistenza reċiproka fil-każijiet ta' piraterija marittima;

29.

Jitlob lill-Kummissjoni li twaqqaf, fil-qafas tal-Politika Marittima Integrata l-ġdida, sistema Komunitarja għall-koordinazzjoni u l-assistenza reċiproka, li tippermetti li bastimenti navali li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru u li jkunu f'ibħra internazzjonali jħarsu bastimenti tas-sajd u tal-merkanzija minn Stati Membri oħra, mal-ewwel opportunità;

30.

Jikkunsidra li Strateġija komprensiva Ewropea għar-riċerka dwar il-Baħar u r-riċerka Marittima hija ta' importanza kbira u għandha tkun iffinanzjata b'mod adattat, anki fis-7 programm qafas tar-riċerka u fi programmi tal-ġejjieni;

31.

Jesprimi ruħu favur il-kunsiderazzjoni xierqa tal-politika marittima fil-baġit tal-UE u l-istrumenti wara l-2013 u jistieden li dan ikun rifless fis-sommarji fir-rapporti li jsiru b'mod regolari dwar il-politika marittima Ewropea;

32.

Jilqa' wkoll b'sodisfazzjon ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kunsill Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2007 bil-għan li l-politika marittima tkun adattata għal fatturi speċifiċi varji tal-Istati Membri u r-reġjuni marittimi, inklużi r-reġjuni ta' mal-kosta, il-gżejjer, u r-reġjuni l-iktar imbiegħda;

33.

Filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-kompetenza tal-Istati Membri f'dan il-qasam, jistenna bil-ħerqa l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta' pjan ta' azzjoni biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' ppjanar tal-ispazji marittimi mill-Istati Membri; jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jinżamm bilanċ xieraq bejn il-konsiderazzjonijiet ekonomiċi, soċjali, territorjali u ambjentali;

34.

Jinnota li d-dimensjoni marittima eċċezzjonali li r-reġjuni tax-xtut, il-gżejjer u r-reġjuni l-iktar imbiegħda jagħtu lill-UE toffri opportunitajiet uniċi fir-rigward tal-innovazzjoni, ir-riċerka, l-ambjent, il-bijodiversità, u oqsma oħra, u li l-politika marittima Ewropea integrata trid tikkapitalizza fuq dawn; jirrikonoxxi x-xewqa li jinħolqu ċentri ta' eċċellenza u jirrakkomanda li ċ-ċentri universitarji ta' riċerka li diġà huma preżenti fiż-żoni kostali jingħataw inkoraġġiment u appoġġ;

35.

Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-qawwa tal-mewġ bħala sors nadif ta' enerġija alternattiva u jistieden lill-Kummissjoni biex tqis din il-forma ta' enerġija fil-pjanijiet ta' azzjoni futuri;

36.

Iqis li l-objettiv essenzjali tal-“Politika Marittima Integrata Ewropea” (IEMP) fil-qasam tas-sajd għandu jinkoraġġixxi l-immodernizzar u l-iżvilupp sostenibbli, ibbilanċjat u ekwitabbli tal-qasam fl-Unjoni Ewropea kollha, filwaqt li jiżgura il-vijabilità soċjo-ekonomika tiegħu u s-sostenibilità tar-riżorsi u jiggarantixxi s-sovranità u s-sigurtà tal-ikel, il-provvista tal-ħut, il-preservazzjoni tal-impjieg u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għejxien tas-sajjieda;

37.

Iqis li, sa issa, la s-sostenibbiltàli tar-riżorsi tal-baħar u lanqas il-vijabilità ekonomika tal-flotot tas-sajd u tal-komunitajiet ta' max-xtut tal-Ewropa ma ġew moqdija kif xieraq mill-politika komuni għas-sajd (CFP,) u li għalhekk jaqbel li tiġi żviluppata politika Ewropea integrata tal-UE dwar il-baħar b'mod li jiġi evitat li fil-politika komuni għas-sajd jitfaċċaw nuqqasijiet bħaċ-ċentralizzazzjoni żejda u l-inkapaċità li titqies id-diversità reġjonali tal-ibħra tal-Unjoni Ewropea;

38.

Huwa tal-opinjoni li żieda fl-att u fil-kwalità tal-impjiegi “marbuta mal-baħar, speċjalment mal-industrija tas-sajd” tiddependi wkoll fuq garanzija ta' dħul ġust u xieraq u fuq kundizzjonijiet ta' xogħol deċenti (speċjalment mill-perspettiva tas-saħħa u s-sigurtà) u fuq aċċess għat-taħriġ għas-sajjieda professjonali;

39.

Jitlob li jkun hemm għarfien reċiproku mill-Istati Membri tad-diplomi ta' livell intermedju għall-impjiegi ta' kaptani u mekkaniċi għall-bastimenti tas-sajd;

40.

Ifakkar fil-bżonn ta' mekkaniżmi għal għotjiet ta' għajnuna jew ta' kumpens għas-sajjieda milquta mill-konsegwenzi soċjo-ekonomiċi tal-miżuri adottati għar-rikostruzzjoni ta' stokks tal-ħut jew għall-ħarsien ta' ekosistemi, b'mod partikolari fir-reġjuni u fil-komunitajiet l-iktar żvantaġġjati u fir-reġjuni l-aktar imbiegħda;

41.

Jikkonferma l-ħtieġa li tissaħħaħ l-għajnuna għar-riċerka xjentifika dwar is-sajd fl-Istati Membri differenti, b'mod partikulari fi ħdan is-seba' programm qafas għar-riċerka;

42.

Jitlob li tingħata għajnuna Komunitarja għall-adozzjoni ta' miżuri effettivi meħtieġa biex jiżguraw mezzi adegwati ta' evakwazzjoni, ta' assistenza u ta' salvataġġ għall-ekwipaġġi;

43.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.


(1)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0343.

(2)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

(3)  ĠU L 327, 22.12. 2000, p. 1.

(4)  Testi Adottati, 11 ta' Diċembru 2007, P6_TA(2007)0595.

(5)  ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16.

(6)  ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16.

(7)  ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29.

(8)  ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.

(9)  ĠU L 14, 20.1.2000, p. 29.


Top