EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009G1030(01)

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat- 23 ta’ Ottubru 2009 dwar strateġija msaħħa għall-kooperazzjoni doganali

ĠU C 260, 30.10.2009, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/12/2011; Imħassar b' 32012G0107(01)

30.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 260/1


RIŻOLUZZJONI TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Ottubru 2009

dwar strateġija msaħħa għall-kooperazzjoni doganali

2009/C 260/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

WAQT LI JFAKKAR:

(1)

l-Artikoli 29 u 30 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

(2)

il-Programm tal-Aja (1), adottat mill-Kunsill Ewropew f'Novembru 2004, li jistabbilixxi l-objettivi li għandhom jiġu implimentati fl-ispazju tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja fil-perijodu 2005-2009;

(3)

il-Komunikazzjoni tal-10 ta' Ġunju 2009 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini (2);

(4)

li qed jiġi kkunsidrat fil-Kunsill programm pluriennali ġdid dwar spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għall-perijodu 2010-2014;

(5)

ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Ottubru 2003 dwar Strateġija għall-Kooperazzjoni Doganali (3); u l-implimentazzjoni tagħha żgurata permezz ta' pjani ta' azzjoni konsekuttivi;

(6)

il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2008 dwar l-Istrateġija għall-Evoluzzjoni tal-Unjoni Doganali;

(7)

ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta' Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (4);

(8)

id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta’ Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (5);

(9)

id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (6);

(10)

il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Ottubru 2005 dwar attivitajiet ta’ pulizija bbażati fuq l-informazzjoni u l-iżvilupp tal-Valutazzjoni tat-Theddida mill-Kriminalità Organizzata (OCTA);

(11)

l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi għall-perijodu 2005-2012 u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi għall-2009-2012 (7);

(12)

li l-Unjoni Ewropea kkonkludiet ftehimiet rilevanti u strateġiji komuni ma' pajjiżi terzi b'enfasi partikolari fuq dawk fil-konfini tal-Unjoni,

WAQT LI JIRRIKONOXXI:

(1)

li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom rwol kruċjali fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu u transkonfini ta’ merkanzija, peress li huma l-ewwel tarka bejn dawn l-attivitajiet illegali u ċ-ċittadini tal-Unjoni, u li l-kooperazzjoni b'saħħitha bejn l-awtoritajiet doganali u bejniethom u awtoritajiet kompetenti oħra tal-infurzar tal-liġi hija indispensabbli biex jitwettqu l-kompiti tagħhom;

(2)

li tibqa' l-ħtieġa għal qafas strateġiku li jistabbilixxi l-objettivi għall-approċċ multinazzjonali u minn diversi aġenziji lejn il-kooperazzjoni doganali;

(3)

il-bidliet fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, inkluża l-introduzzjoni ta' leġislazzjoni ġdida u mtejba b'mod partikolari rigward l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni transkonfini sabiex tkompli tittejjeb il-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu transkonfini, mill-adozzjoni tal-Istrateġija attwali għall-Kooperazzjoni Doganali u l-ħtieġa konsegwenti għar-reviżjoni tagħha;

(4)

li l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu transkonfini evolvew mill-2003 u saru aktar sofistikati u globali, u li l-awtoritajiet doganali, bl-użu ta' forom ġodda ta' kooperazzjoni, għandhom rwol attiv fil-ġlieda kontra dan it-theddid għall-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha;

(5)

li hemm il-ħtieġa biex tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' aġenziji u korpi tal-Unjoni Ewropea u Komunitarji rilevanti bħall-Europol, l-Eurojust, l-OLAF u l-FRONTEX;

(6)

il-ħtieġa għal kooperazzjoni eqreb u aktar effiċjenti bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti f'pajjiżi terzi, speċjalment dawk li huma ġirien tal-Unjoni Ewropea u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti,

JINNOTA B'SODISFAZZJON:

(1)

il-progress li nkiseb bl-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Kooperazzjoni Doganali tal-2003 u l-ħidma sussegwenti mwettqa fil-Grupp ta' Ħidma dwar il-Kooperazzjoni Doganali tal-Kunsill;

(2)

li l-kooperazzjoni doganali tkompli tevolvi permezz tal-użu tal-Konvenzjoni ta' Napli II u tas-Sistema ta' Informazzjoni Doganali, inkluża l-bażi tad-data tal-identifikazzjoni tal-fajls doganali;

(3)

li r-riżultati tal-Operazzjonijiet Doganali Konġunti u tal-operazzjonijiet reġjonali mwettqa mill-awtoritajiet doganali u awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi jipprovdu bażi tajba għall-iżvilupp ta' metodi ta' ħidma u ta' modi biex tiġi kondiviża l-informazzjoni u l-intelligence, li jinvolvu wkoll il-pajjiżi terzi, u jikkontribwixxu b'mod attiv għall-ħolqien ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja;

(4)

il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Grupp ta' Ħidma dwar il-Kooperazzjoni Doganali tal-Kunsill, il-FRONTEX u t-Task Force tal-Kapijiet tal-Pulizija fi kwistjonijiet operazzjonali;

(5)

l-isforzi għall-iżvilupp ta' Strateġija tal-UE għall-Ġestjoni tal-Informazzjoni għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, li ser tagħmel l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-aġenziji u l-korpi għall-infurzar tal-liġi aktar effettiv u sigur,

B'DAN JIDDEĊIEDI:

(1)

li jkompli jsaħħaħ u jiżviluppa l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u awtoritajiet kompetenti oħra kif ukoll mal-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni Ewropea u Komunitarji, sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini tal-Unjoni, is-soċjetà u l-ekonomija jkunu prottetti aħjar kontra t-theddid mill-kriminalità transkonfini permezz ta' strateġija ġdida u aġġornata. Il-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq, iżda ma tkunx limitata għal, l-għanijiet li ġejjin:

(a)

li jitqiesu forom ġodda ta' kooperazzjoni u tekniki investigattivi ġodda sabiex jiġu protetti ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u l-ekonomija;

(b)

li jittieħdu passi prattiċi lejn l-implimentazzjoni ta' dawn il-forom ġodda ta' kooperazzjoni u li jkompli jiżviluppa l-forom eżistenti ta' kooperazzjoni, pereżempju billi titejjeb il-kooperazzjoni operazzjonali, tiġi massimizzata l-effettività tad-dwana fil-konfini esterni tal-Unjoni Ewropea, jiġi adottat approċċ istituzzjonali bbażat fuq il-kooperazzjoni bejn id-dwana, il-pulizija u awtoritajiet rilevanti oħra, sabiex tkun żgurata s-sinerġija, u biex ikomplu jiġu żviluppati sistemi rilevanti tal-IT; u

(c)

li jitjieb u jsir aktar flessibbli l-proċess ta' kooperazzjoni eżistenti, biex jinkiseb approċċ effettiv għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transkonfini u għall-konfiska ta' merkanzija illeċita fl-Unjoni Ewropea kollha;

(2)

li jkompli jiġi stabbilit u implimentat pjan ta' azzjoni dettaljat sabiex jintlaħqu l-miri u l-objettivi ġenerali ta' din l-istrateġija, b'kont debitu meħud tal-prijoritajiet tal-programm pluriennali l-ġdid dwar spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għall-perijodu 2010-2014;

JISTIEDEN:

(1)

lill-awtoritajiet doganali, awtoritajiet kompetenti oħrajn tal-Istati Membri u lill-aġenziji u l-korpi kompetenti tal-Unjoni Ewropea u Komunitarji responsabbli għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni doganali biex ikomplu jimplimentaw din l-istrateġija;

(2)

lill-awtoritajiet doganali u awtoritajiet oħrajn tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u lill-aġenziji u l-korpi kompetenti tal-Unjoni Ewropea u Komunitarji biex ikomplu jagħmlu ħilithom kollha biex isaħħu u jkomplu jiżviluppaw il-kooperazzjoni ma' xulxin u ma' pajjiżi terzi fl-oqsma tal-protezzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' attivitajiet kriminali transkonfini;

(3)

lill-Kummissjoni biex tagħmel disponibbli l-kompetenza, l-asistenza teknika u loġistika, l-attività ta' taħriġ jew ta' komunikazzjoni jew kwalunkwe appoġġ operazzjonali ieħor tagħha lill-Istati Membri fit-twettiq ta' dmirijiethom fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni doganali prevista fl-Artikoli 29 u 30 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u biex tkompli tipprovdi, safejn dan ikun possibbli, l-appoġġ finanzjarju tagħha għall-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija.

Din ir-Riżoluzzjoni tissostitwixxi r-Riżoluzzjoni tat-2 ta' Ottubru 2003 dwar Strateġija għall-Kooperazzjoni Doganali.


(1)  ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

(2)  COM(2009) 262 finali.

(3)  ĠU C 247, 15.10.2003, p. 1.

(4)  ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1.

(5)  ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37.

(7)  ĠU C 326, 20.12.2008, p. 7.


Top