Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC0916(02)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment

ĠU C 223, 16.9.2009, p. 3–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 223/3


Komunikazzjoni mill-Kummissjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment

2009/C 223/02

1.   INTRODUZZJONI

1.1.   Regoli ġenerali għal miżuri ta’ għajnuna reġjonali

1.

Il-Linji Gwida tal-Kummissjoni għall-Għajnuna Reġjonali nazzjonali għall-2007-2013 (1) (“RAG”) jiċċaraw l-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna reġjonali mill-Istat. Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-RAG, u minkejja l-effetti negattivi li l-għajnuna reġjonali mill-Istat jista' jkollha fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq komuni jekk din l-għajnuna tingħata biex jitkabbar l-iżvilupp ekonomiku ta’ ċerti reġjuni żvantaġġati fl-Unjoni Ewropea.

2.

B’mod ġenerali, fir-RAG titqies il-gravità relattiva tal-problemi li jaffettwaw li-żvilupp tar-reġjuni kkonċernati permezz tal-introduzzjoni ta’ limiti massimi speċifiċi għall-għajnuna reġjonali. Dawn l-intensitajiet massimi ta’ għajnuna huma pproporzjonati bejn l-10 % u l-50 % tal-ispejjeż eliġibbli, primarjament fuq il-bażi tal-PGD per capita tar-reġjuni kkonċernati, iżda wkoll billi titħalla flessibbiltà lill-Istati Membri biex dawn ikunu jistgħu jikkunsidraw il-kundizzjonijiet lokali. Il-mapep tal-għajnuniet reġjonali għal kull Stat Membru huma ppubblikati fuq is-sit Europa (2). Dawn l-intensitajiet ta' għajnuna pproporzjonati jirriflettu, essenzjalment, l-eżerċizzju ta' bilanċ li l-Kummissjoni trid twettaq bejn, fuq naħa, l-effett pożittiv li jista' jkollu l-investiment reġjonali, b'mod partikolari fil-promozzjoni tal-koeżjoni billi jiġi attirat l-investiment lejn inħawi, u, fuq in-naħa l-oħra li tillimita l-effetti potenzjalment negattivi li jistgħu jkunu inerenti f’għajnuna bħal din lil impriżi individwali, pereżempju fuq operaturi ekonomiċi oħra u fuq reġjuni li l-vantaġġ kompettiv relattiv tagħhom jisfa' mnaqqas bħala effett.

3.

Proġett kbir ta’ investiment huwa proġett inizjali bi spiża eliġibbli li tkun ‘il fuq minn EUR 50 miljun (3) f’valur preżenti. Investiment kbir huwa affettwat anqas minn problemi speċifiċi għar-reġjuni fi nħawi żvantaġġati. Hemm riskju miżjud li l-kummerċ se jiġi affettwat minn dawn il-proġetti u għalhekk ikun hemm riskju ta' effett aktar f’saħħtu ta’ distorsjoni fil-konfront ta’ kompetituri f’reġjuni oħra. Hemm ukoll riskju b’dawn il-proġetti li l-ammont ta’ għajnuna jaqbeż il-minimu meħtieġ biex jikkumpensa għal żvantaġġi reġjonali u li l-għajnuna mill-Istat għal dawn il-proġetti twassal għal effetti perversi (għażliet ineffiċjenti ta' lokazzjoni), tfixkil akbar tal-kompetizzjoni u, peress li l-għajnuna huwa trasferiment għali mingħand dawk li jħallsu t-taxxa favur dawk li jirċievu l-għajnuna, ikun hemm telf nett ta' benefiċċji soċjali, cioe', l-ispiża tal-għajnuna teċċedi l-benefiċċji lill-konsumaturi u produtturi.

4.

Ir-RAG jipprevedu wkoll regoli speċifiċi għal għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment (4). Ir-RAG jipprovdu għal tnaqqis awtomatiku u progressiv fl-iskala tal-limiti massimi tal-għajnuna reġjonali għal dawn il-proġetti kbar ta’ investiment bil-għan li jiġi limitat it-tfixkil tal-kompetizzjoni għal livell li ġeneralment jista’ jitqies li huwa kkumpensat mill-benefiċċji tagħhom f’termini tal-iżvilupp tar-reġjuni kkonċernati (5).

5.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom joħorġu notifika fuq bażi individwali dwar kull għajnuna għal proġetti ta’ investiment jekk l-għajnuna proposta tkun aktar mill-ammont massimu permissibbli li investiment b’nefqa eliġibbli ta’ EUR 100 miljun jista’ jirċievi skont ir-regoli applikabbli (limitu tan-notifika) (6). Għal dawn il-każi nnotifikati, il-Kummissjoni tivverifika b’mod partikolari l-intensitajiet tal-għajnuna, il-kompatibbiltà mal-kriterji ġenerali tar-RAG u jekk l-investiment innotifikat jirrappreżentax żieda maġġuri fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni filwaqt li fl-istess ħin tindirizza suq li l-prestazzjoni tiegħu tkun inqas mil-livell standard jew li saħansitra jkun sejjer lura, jew ditti benefiċjarji b’ishma għoljin fis-suq.

1.2.   Miżuri ta’ għajnuna reġjonali soġġetti għal valutazzjoni fil-fond

6.

Minkejja t-tnaqqis awtomatiku fl-iskala tal-limiti massimi tagħhom, ċerti ammonti mdaqqsa ta' għajnuniet reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment xorta jista’ jibqa’ jkollhom effetti sinifikanti fuq il-kummerċ, u jistgħu jwasslu għal tfixkil sostanzjali tal-kompetizzjoni. Għal din ir-raġuni, kienet qabel il-politika tal-Kummissjoni li ma tawtorizzax għajnuna għal proġetti kbar ta’ investiment ’il fuq mil-limiti li ġejjin (7):

il-benefiċjarju tal-għajnuna jkun jirrappreżenta aktar minn 25 % mill-bejgħ tal-prodott(i) kkonċernat(i) fis-suq/swieq ikkonċernat(i), jew

il-kapaċità tal-produzzjoni maħluqa mill-proġett taqbeż il-5 % tas-suq, filwaqt li r-rata ta’ tkabbir tas-suq ikkonċernat tkun aktar baxxa mir-rata ta’ tkabbir tal-PGD taż-ŻEE.

7.

Madankollu, taħt ir-RAG kurrenti, il-Kummissjoni għażlet approċċ aktar individwalizzat, li jippermetti li jiġu kkunsidrati l-benefiċċji ta’ koeżjoni u oħrajn li jistgħu jissarrfu minn proġetti bħal dawn, bl-aktar mod konkret possibbli. Kwalunkwe tali benefiċċju għandu, madankollu, jiġi evalwati fid-dawl tal-effetti negattivi li aktarx ikun hemm fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni, li għandhom ukoll jiġu identifikati bl-aktar mod konkret possibbli. Għalhekk, paragrafu 68 tar-RAG jipprevedi li l-Kummissjoni twettaq proċedura formali ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea għal każijiet li jkunu ’l fuq mil-limitu tan-notifika u li jilħqu waħda jew iż-żewġ kundizzjonijiet tal-paragrafu 68(a) u (b) tar-RAG (il-limiti tal-valutazzjoni fil-fond li huma l-istess bħal-limiti deskritti f’paragrafu 6 ta' din il-kommunikazzjoni). F’dawn il-każi, l-objettiv tal-investigazzjoni formali jkun li titwettaq verifika ddettaljata dwar “jekk l-għajnuna hijiex meħtieġa biex tipprovdi effett ta’ inċentiv għall-investiment u jekk il-benefiċċji tal-miżura tal-għajnuna jissuperawx id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri” (8).

8.

Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63 tar-RAG, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li “tfassal linji gwida ulterjuri għall-kriterji li se tkun qed tikkunsidra matul din il-valutazzjoni”. Hawn taħt, il-Kummissjoni tippreżenta linji gwida għat-tip ta’ informazzjoni li jista’ jkollha bżonn u l-metodoloġija li tkun trid timxi magħha soġġett għal valutazzjoni ddettaljata. F’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Għajnuna mill-Istat (9), il-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni globali tal-għajnuna bbażata fuq bilanċ tal-effetti pożittivi u negattivi tagħha sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’sens ġenerali, il-miżura ta’ għajnuna tistax tiġi approvata.

9.

Il-valutazzjoni ddettaljata għandha tkun proporzjonali għat-tfixkil potenzjali li jista’ jinħoloq mill-għajnuna. Dan ifisser li l-portata tal-analiżi tkun tiddependi min-natura tal-każ. Għaldaqstant, in-natura u l-livell tax-xhieda meħtieġa jkunu jiddependu wkoll mill-karatteristiċi ta’ kull każ individwali. Barra dan, filwaqt li tirrispetta d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-komportament tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 fejn hemm regoli dettaljati tal-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE (10), il-Kummissjoni tista’, inter alia, titlob lill-Istat Membru jipprovdi studji indipendenti biex tiġi kkonfermata l-informazzjoni li jkun fiha n-notifika, jew tfittex kontribut minn operaturi ekonomiċi oħra attivi fis-swieq rilevanti jew mingħand esperti dwar l-iżvilupp reġjonali. Barra minn hekk, jintlaqgħu osservazzjonijiet minn partijiet interessati waqt li jkunu għaddejjin proċeduri formali ta’ investigazzjoni individwali. Il-Kummissjoni tidentifika l-problemi ewlenin li dwarhom tkun qed tfittex kontribut fil-fażi tal-ftuħ tal-proċedura.

10.

In-notifika attwali hija intiża biex tiżgura t-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, u t-trattament ugwali tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni tirriżerva l-possibbiltà li temenda u teżamina mill-ġdid dawn il-linji gwida fil-kuntest tal-esperjenza tal-każ.

2.   EFFETTI POŻITTIVI TAL-GĦAJNUNA

2.1.   Għan tal-għajnuna

11.

L-għajnuna reġjonali għandha għan ta’ interess komuni, li jirrifletti kunsiderazzjonijiet ta' ekwita' jiġifieri li ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika billi tgħin biex titnaqqas id-differenza bejn il-livelli ta’ żvilupp fid-diversi reġjuni tal-Komunita'. Il-paragrafu 2 tar-RAG jistabbilixxi li: “Billi tindirizza l-iżvantaġġi tar-reġjuni żvantaġġati, l-għajnuna reġjonali nazzjonali tippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea fl-intier tagħha”. Il-paragrafu 3 tar-RAG iżid li: “L-għajnuna ta’ investiment reġjonali hija mfassla biex tassisti fl-iżvilupp tar-reġjuni l-aktar żvantaġġati billi ssostni l-investiment u l-ħolqien tax-xogħol. Hija tippromwovi l-espansjoni u ddiversifikazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi li joperaw fir-reġjuni li huma inqas favorevoli, b’mod partikolari billi tħeġġeġ lid-ditti biex jiftħu stabbilimenti f’dawn ir-reġjuni”.

12.

Fir-rigward ta’ dawk il-proġetti kbar ta’ investiment li jissodisfaw il-limiti ta’ valutazzjoni fil-fond, l-Istat Membru jintalab biex juri li l-għajnuna se tindirizza l-għan ta’ ekwità kkonċernat. Għalhekk, l-Istat Membru jkun jeħtieġlu jikkonvalida l-kontribuzzjoni tal-proġett ta’ investiment għall-iżvilupp tar-reġjun ikkonċernat.

13.

Filwaqt li l-għan primarju tal-għajnuna reġjonali huwa li tinkoraġġixxi interessi ta’ ekwità bħala koeżjoni ekonomika, l-għajnuna reġjonali tista’ wkoll tindirizza problemi mqanqla minn falliment tas-suq. L-iżvantaġġi reġjonali jistgħu jkunu marbuta ma’ fallimenti tas-swieq bħal informazzjoni mhux preċiża, problemi ta’ koordinazzjoni, diffikultajiet għall-benefiċjarju ta' investimenti adegwati f’beni pubbliċi jew esternalitajiet minn investimenti. Meta, barra milli tindirizza għanijiet ta’ ekwità, l-għajnuna reġjonali tindirizza wkoll interessi ta’ effiċjenza, l-effett pożittiv globali tal-għajnuna jitqies ikbar.

14.

Il-lista ta’ kriterji indikattivi li ġejjin, li mhijiex lista eżawrjenti, tista’ tintuża biex tintwera l-kontribuzzjoni reġjonali tal-għajnuna mill-aspett li jwassal għall-attrazzjoni ta’ investiment u attività addizzjonali fir-reġjun. Dawn l-effetti pożittivi tal-għajnuna jistgħu jkunu kemm diretti (pereżempju, il-ħolqien ta’ impjiegi diretti) kif ukoll indiretti (pereżempju, innovazzjoni lokali).

L-għadd ta’ impjiegi diretti maħluqa bis-saħħa tal-investiment huwa indikatur importanti tal-kontribuzzjoni għall-iżvilupp reġjonali. Il-kwalità tal-impjiegi maħluqa u l-livell ta’ ħiliet meħtieġa għandhom jiġu kkunsidrati wkoll.

Jista’ jinħoloq saħansitra għadd akbar ta’ impjiegi ġodda fin-netwerk tas-(sub-)fornituri lokali, u dan jgħin biex jiġi integrat aħjar l-investiment fir-reġjun ikkonċernat u biex jiġu żgurati effetti ta’ tixrid fuq medda usa’. Għalhekk, l-għadd ta’ impjiegi indiretti maħluqa għandhom jiġu kkunsidrati wkoll.

Impenn min-naħa tal-benefiċjarju biex iwettaq attivitajiet ta’ taħriġ fuq medda wiesgħa biex jittejbu l-ħiliet (ġenerali u speċifiċi) tal-impjegati tiegħu jiġi kkunsidrat bħala fattur li jikkontribwixxi għall-iżvilupp reġjonali. Għandu jiġi enfasizzat ukoll it-taħriġ li jtejjeb l-għarfien u l-impjegabbiltà tal-ħaddiema ta’ barra l-impriża. It-taħriġ ġenerali jew speċifiku li għalih tkun ġiet approvata għajnuna għat-taħriġ ma jingħaddx bħala effett pożittiv tal-għajnuna reġjonali sabiex jiġi evitat li jsir għadd doppju.

Ekonomiji ta’ skala esterni jew benefiċċji oħra mill-perspettiva ta’ żvilupp reġjonali jistgħu jinħolqu bħala riżultat ta’ prossimità (effett ta’ ragruppament (clustering effect)). Ir-ragruppament tal-impriżi fl-istess industrija jippermetti lil impjanti individwali jispeċjalizzaw aktar u dan iwassal għal żieda fl-effiċjenza. Il-prossimità fiżika tiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni, l-ideat u l-għarfien bejn l-impriżi. Il-konċentrazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi tiġbed lil bosta minn dawk li jkunu qed ifittxu x-xogħol u dan jiżgura l-ġbir flimkien fuq skala kbira ta’ ħaddiema b’ħiliet differenti li jkunu disponibbli biex jaħdmu ma’ dawn l-impriżi. L-aċċess għal servizzi legali u kummerċjali jkun żgurat u dan ikabbar il-produttività. B’mod ġenerali, konċentrazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi tista’ terġa tħajjar investimenti oħra li, min-naħa tagħhom, ikabbru l-effetti pożittivi ta’ tixrid (iċ-ċirku virtwuż).

L-investimenti jinkorporaw għarfien tekniku u jistgħu jkunu s-sors ta’ trasferiment ta’ teknoloġija sinifikanti (tixrid ta’ għarfien). Il-probabbiltà li investimenti li jseħħu f’industriji ta’ teknoloġija intensiva jinvolvu trasferiment teknoloġiku lejn ir-reġjun reċipjenti hija ikbar. F’dan ir-rigward, il-livell u li-speċifiċità tat-tixrid tal-għarfien huma importanti wkoll.

Il-kontribuzzjoni tal-proġetti għall-kapaċità tar-reġjun biex tinħoloq teknoloġija ġdida permezz ta’ innovazzjoni lokali tista’ wkoll tiġi kkunsidrata. Il-kooperazzjoni bejn il-faċilità ġdida ta’ produzzjoni u l-istituzzjonijiet lokali tal-edukazzjoni għolja tista’ titqies b’mod pożittiv f’dan ir-rigward.

It-tul ta’ żmien tal-investiment u l-investimenti ġejjiena possibbli ta’ segwitu huma indikazzjoni ta’ impenn b’saħħtu min-naħa tal-kumpanija fir-reġjun.

15.

L-Istati Membri huma mistiedna biex partikolarment joqogħdu fuq l-evalwazzjonijiet ta’ skemi mgħoddija ta’ għajnuna mill-Istat jew il-miżuri, il-valutazzjonijiet tal-impatt magħmula mill-awtoritajiet li joħorġu l-għotjiet, l-opinjonijiet tal-esperti u studji possibbli oħra marbuta mal-proġett ta’ investiment taħt valutazzjoni. Il-pjan ta’ negozju tal-benefiċjarju tal-għajnuna jista’ jipprovdi informazzjoni dwar għadd ta’ impjiegi maħluqa, salarji mħallsa (żieda fil-ġid domestiku bħala effett ta’ tixrid), volum ta’ bejgħ mill-produtturi lokali, fatturat iġġenerat mill-investiment u li hu ta’ benefiċċju għar-reġjun possibbilment permezz ta’ dħul fiskali addizzjonali.

16.

Jekk rilevanti, ir-relazzjoni bejn il-proġett ta’ investiment ippjanat u l-qafas nazzjonali ta’ referenza strateġika, kif ukoll ir-relazzjoni bejn il-programmi operattivi li huma kofinanzjati mill-fondi strutturali, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tista’ speċifikament tikkunsidra kwalunkwe deċiżjoni marbuta mal-miżura fil-kuntest tal-analiżi tal-proġetti maġġuri taħt il-fondi strutturali jew il-Fond ta’ Koeżjoni (11). Din id-deċiżjoni hija, fost elementi oħra, ibbażata fuq “analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji, inkluża valutazzjoni tar-riskju u l-impatt prevedibbli fuq is-settur ikkonċernat u fuq is-sitwazzjoni soċjali-ekonomika tal-Istat Membru u/jew ir-reġjun u, meta jkun possibbli u xieraq, ta’ reġjuni oħra tal-Komunità.”

2.2.   Adegwatezza tal-istrument ta’ għajnuna

17.

L-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ sussidji għall-investiment mhijiex l-uniku strument politiku disponibbli għall-Istati Membri biex isostnu l-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi f'reġjuni żvantaġġati. Fil-fatt, l-Istati Membri jistgħu jużaw miżuri ġenerali bħal ma huwa l-iżvilupp tal-infrastruttura għal titjib fil-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ u fl-ambjent ġenerali tan-negozju.

18.

Miżuri li għalihom l-Istat Membru kkunsidra għażliet politiċi oħra, u li għalihom huma stabbiliti l-vantaġġi tal-użu ta’ strument selettiv bħal ma hija l-għajnuna mill-Istat għal kumpanija speċifika, huma kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu strument xieraq. Il-Kummissjoni tikkunsidra partikolarment kwalunkwe valutazzjoni tal-impatt tal-miżura proposta li l-Istat Membru seta’ għamel.

2.3.   Effett ta’ inċentiv

19.

L-analizzar tal-effett ta’ inċentiv tal-miżura tal-għajnuna huwa wieħed mill-aktar elementi importanti fil-valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk l-għajnuna proposta tkunx meħtieġa għall-produzzjoni ta’ “effett ta’ inċentiv reali biex jiġu eżegwiti investimenti li altrimenti ma kinux iseħħu fiż-żoni megħjuna” (12). Din il-valutazzjoni titwettaq fuq żewġ livelli: l-ewwel, fuq livell ġenerali proċedurali, u t-tieni, fuq livell ekonomiku aktar dettaljat.

20.

Fil-punt 38, ir-RAG diġà jinkludu kriterji ġenerali biex jipprovdu valutazzjoni formali tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna reġjonali. Dawn il-kriterji japplikaw għall-għajnuniet reġjonali kollha, mhux biss għall-għajnuna reġjonali għall-proġetti kbar ta’ investiment.

21.

Fil-każ ta’ għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment koperti minn din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tivverifika fid-dettall “jekk l-għajnuna hijiex meħtieġa biex tipprovdi effett ta’ inċentiv għall-investiment” (13). L-għan ta’ din il-valutazzjoni ddettaljata hu li jiġi stabbilit jekk l-għajnuna attwalment tikkontribwixxix għal bidla fl-imġiba tal-benefiċjarju li għandha twassal biex dan jidħol għal impenn ta’ investiment addizzjonali fir-reġjun megħjun ikkonċernat. Jeżistu bosta raġunijiet validi biex kumpanija tillokalizza f’ċertu reġjun, ukoll mingħajr ebda għoti ta’ għajnuna.

22.

Filwaqt li jiġi kkunsidrat l-għan ta’ ekwità derivanti mill-politika ta’ koeżjoni u sakemm l-għajnuna tikkontribwixxi għall-ilħuq ta’ dan il-għan, effett ta’ inċentiv jista’ jiġi ppruvat f’żewġ kuntesti possibbli:

(1)

L-għajnuna toffri inċentiv tiġi adottata deċiżjoni pożittiva dwar l-investiment għaliex investiment li altrimenti ma setax ikun profittabbli għall-kumpanija fi kwalunkwe lokalità jista’ jseħħ fir-reġjun megħjun (14).

(2)

L-għajnuna tagħti inċentiv biex wieħed jagħżel li investiment ippjanat jagħmlu fir-reġjun ġeografiku relevanti minflok x’imkien ieħor għaliex ikun qed jimmupenda għall-iżvantaġġi u l-ispejjeż netti marbuta ma’ post fir-reġjun megħjun.

23.

L-Istat Membru għandu jagħti prova lill-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv għall-għajnuna. L-Istat Membru jeħtieġ li jipprovdi xhieda ċara li l-għajnuna għandha impatt reali fuq l-għażla tal-investiment jew l-għażla tal-lokalità. Huwa jrid jispeċifika liema xenarju għandu japplika. Sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni komprensiva, l-Istat Membru jrid jipprovdi mhux biss informazzjoni dwar il-proġett megħjun iżda wkoll deskrizzjoni komprensiva tax-xenarju kontrofattwali fejn fih ma jkunx hemm għoti ta’ għajnuna mill-Istat Membru lill-benefiċjarju.

24.

Fl-ewwel xenarju, l-Istat Membru jista’ jipprovdi xhieda tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna billi jissottometti dokumenti tal-kumpanija li juru li l-investiment ma kienx ikun profittabbli mingħajr l-għajnuna u li l-ebda lokalità oħra ħlief ir-reġjun megħjun ikkonċernat ma seta’ jkun previst.

25.

Fit-tieni xenarju, l-Istat Membru jista’ jagħti prova tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna billi jissottometti dokumenti tal-kumpanija li juru li jkun sar tqabbil bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji fir-rigward tal-allokazzjoni fir-reġjun megħjun ikkonċernat u dawk firrigward ta’ reġjun alternattiv. Dawn ix-xenarji komparattivi għandhom jitqiesu bħala xenarji realistiċi mill-Kummissjoni.

26.

L-Istati Membri huma, b’mod partikolari, mistiedna biex joqogħdu fuq il-valutazzjonijiet tar-riskju (inkluża l-valutazzjoni ta’ riskji marbuta mal-lokazzjoni), ir-rapporti finanzjarji, il-pjanijiet ta’ negozju interni, l-opinjonijiet tal-esperti u studji oħra marbuta mal-proġett ta’ investiment taħt valutazzjoni. Dokumenti li fihom tbassir ta’ informazzjoni b’rikjesta, tbassir ta’ spejjeż, tbassir finanzjarju, dokumenti li jiġu ppreżentati lill-kumitat għall-investiment u li fihom ikun hemm elaborazzjoni dwar diversi xenarji ta’ investiment, jew dokumenti pprovduti lis-swieq finanzjarji, kollha jistgħu jgħinu biex jiġi vverifikat l-effett ta’ inċentiv.

27.

F’dan il-kuntest, u b’mod partikolari fl-ewwel xenarju, il-livell ta’ profittabbiltà jista’ jiġi evalwat b’referenza għal metodoloġiji li huma prattika standard fl-industrija partikolari kkonċernata, u li jistgħu jinkludu: metodi għall-evalwazzjoni tal-Valur Nett Preżenti tal-proġett (NPV), ir-rata interna ta’ qligħ (IRR) jew il-qligħ fuq il-kapital utilizzat (ROCE).

28.

Jekk l-għajnuna ma tibdilx l-imġiba tal-benefiċjarju billi tistimula investiment (addizzjonali) fir-reġjun megħjun ikkonċernat, ikun hemm nuqqas ta’ effett ta’ inċentiv biex jinkiseb l-għan reġjonali. Jekk l-għajnuna ma jkollha l-ebda effett ta’ inċentiv biex jinkiseb l-għan reġjonali, għajnuna bħal din tista’ titqies bħala flus li waqgħu mis-sema għall-kumpanija. Għaldaqstant, f’valutazzjoni fil-fond ta’ għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment, l-għajnuna m’għandhiex tiġi approvata f’każi fejn ikun jidher li l-istess investiment ikun jista’ jseħħ fir-reġjun ukoll mingħajr għajnuna.

2.4.   Proporzjonalità tal-għajnuna

29.

Biex l-għajnuna reġjonali tkun proporzjonali, l-ammont u l-intensità tal-għajnuna jridu jkunu limitati għall-minimu meħtieġ biex l-investiment ikun jista’ jseħħ fir-reġjun megħjun.

30.

Ġeneralment, ir-RAG jiżguraw li l-għajnuna reġjonali tkun proporzjonali għall-gravità tal-problemi li jaffettwaw lir-reġjuni megħjunin billi japplikaw b’mod ġenerali limiti massimi ta’ għajnuna reġjonali u t-tnaqqis awtomatiku u progressiv fl-iskala ta’ dawn il-limiti massimi tal-għajnuna reġjonali għall-proġetti kbar ta’ investiment (ara paragrafi 1 u 3).

31.

Għal każi ta’ għajnuna reġjonali li jeħtieġu valutazzjoni fil-fond, hi meħtieġa verifika aktar dettaljata ta’ dan il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità li jinsab fir-RAG.

32.

Fl-ewwel xenarju, fejn għandha x’taqsam inċentiv għal investiment, l-għajnuna ġeneralment titqies proporzjonali jekk, bis-saħħa tal-għajnuna, id-dħul mill-investiment ikun konformi mar-rata ta’ dħul normali applikata mill-kumpanija fi proġetti ta’ investiment oħrajn, mal-ispiża tal-kapital tal-kumpanija fuq bażi globali jew mad-dħul li hu ġeneralment osservat fl-industrija kkonċernata.

33.

Fit-tieni xenarju, fejn għandha x’taqsam inċentiv għal investiment, l-għajnuna ġeneralment titqies proporzjonali jekk tkun ugwali għad-differenza bejn l-ispejjeż netti għall-kumpanija benefiċjarja biex tinvesti fir-reġjun megħjun u l-ispejjeż netti biex tinvesti fir-reġjun(i) alternattiv(i). Huwa meħtieġ li dawn l-ispejjeż u benefiċċji jiġu kkunsidrati, inkluż, pereżempju, l-ispejjeż amministrattivi, l-ispejjeż għa-ttrasport, l-ispejjeż għat-taħriġ li ma jkunux koperti minn għajnuna għat-taħriġ kif ukoll id-differenzi fil-pagi.

34.

Bażikament, dawn l-ispejjeż netti li huma meqjusin bħala marbutin mal-iżvantaġġi reġjonali jirriżultaw fi profittabbiltà tal-investiment aktar baxxa. Għal din ir-raġuni, il-kalkoli li jintużaw għall-analiżi tal-effett ta’ inċentiv, jistgħu jintużaw ukoll biex jiġi evalwat jekk l-għajnuna hijiex proporzjonali.

35.

L-Istat Membru jeħtieġ juri l-proporzjonalità abbażi ta’ dokumentazzjoni xierqa bħal ma hija dik imsemmija fil-paragrafu 26.

36.

L-intensità tal-għajnuna fl-ebda każ ma għandha tkun ogħla mil-limiti massimi tal-għajnuna reġjonali kkoreġuti mill-mekkaniżmu ta’ tnaqqis fl-iskala ta’ dawn illimiti, kif indikat fir-RAG.

3.   EFFETTI NEGATTIVI TAL-GĦAJNUNA

37.

Biex twettaq valutazzjoni tal-ishma tas-suq u l-potenzjal tal-eċċess ta’ kapaċità produttiva f’suq li jkun jinsab għaddej minn rigress strutturali, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tiddefinixxi s-suq tal-prodott rilevanti u s-suq ġeografiku. B’hekk, normalment (15), is-swieq rilevanti jkunu ġew definiti minn qabel għall-miżuri ta’ għajnuna reġjonali soġġett għal valutazzjoni fil-fond.

38.

Żewġ indikaturi ewlenin ta’ effetti negattivi potenzjali li joriġinaw mill-għajnuna huma diġà identifikati fil-paragrafu 68 tar-RAG, jiġifieri l-ishma għoljin tas-suq u lpotenzjal tal-eċċess ta’ kapaċità produttiva f’suq li jkun jinsab għaddej minn rigress strutturali. Dawn l-indikaturi huma marbutin ma’ żewġ teoriji dwar ħsara f’kuntest ta’ kompetizzjoni li, rispettivament, huma l-ħolqien ta’ poter fis-suq u l-ħolqien jew iż-żamma ta’ strutturi ineffiċjenti tas-suq. Tikjil prima facie ta’ dawn iż-żewġ indikaturi jkun diġà sar minn qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni. Sabiex jiġu pprovduti l-elementi kollha għall-eżerċizzju ta’ bbilanċjar finali, għandu jsir irfinar tal-valutazzjoni taż-żewġ indikaturi waqt il-valutazzjoni fil-fond. It-tielet indikatur ta’ effetti negattivi potenzjali li joriġina mill-għajnuna li għandu jiġi vvalutat fil-fond huwa l-influwenza tal-għajnuna fuq il-kummerċ. Għalkemm dawn it-tliet indikaturi huma meqjusin bħala l-effetti negattivi ewlenin li potenzjalment joriġinaw mill-għajnuna reġjonali għal proġett kbir ta’ investiment, il-Kummissjoni ma għandhiex teskludi li indikaturi oħra ma jistgħux ikunu rilevanti wkoll f’każi speċifiċi.

39.

Il-Kummissjoni tenfasizza b’mod partikolari l-effetti negattivi marbutin mal-kunċett ta’ poter fis-suq u eċċess ta’ kapaċità f’każi fejn l-għajnuna tipprovdi inċentiv għal tibdil fid-deċiżjoni dwar l-investiment, u għalhekk mingħajr l-għajnuna ma kien iseħħ l-ebda investiment (l-ewwel xenarju tal-effett ta’ inċentiv).

40.

Jekk, madankollu, l-analiżi kontrofattwali jissuġġerixxi li mingħajr l-għajnuna, l-investiment xorta waħda kien jitwettaq, kien x’kien il-każ, ukoll jekk possibbilment minn lokalità oħra (it-tieni xenarju), u jekk l-għajnuna tkun proporzjonali, l-indikazzjonijiet possibbli ta’ deformazzjonijiet bħal ma huma sehem qawwi tas-suq u żieda fil-kapaċità f’suq li l-prestazzjoni tiegħu hija inqas mil-livell standard, għandhom, fil-prinċipju, ikunu l-istess, irrispettivament mill-għajnuna.

3.1.   Effett ta’ soppressjoni fuq l-investiment privat

3.1.1.   Poter fis-suq

41.

Waqt li tkun qed tistabbilixxi l-ogħla livell ta’ investiment tagħha, fi swieq b’numru limitat ta’ atturi fis-suq (sitwazzjoni tipika għal proġetti kbar ta’ investiment) kull impriża għandha tqis l-investiment magħmul mill-kompetituri tagħha. Jekk l-għajnuna twassal għal investiment akbar minn kumpanija partikolari, ir-reazzjoni tal-kompetituri tista’ tkun li dawn inaqqsu l-infiq tagħhom stess f’dak il-qasam. F’dan il-każ, l-għajnuna tkun wasslet għal effett ta’ soppressjoni fuq l-investiment privat. Jekk, bħala riżultat ta’ dan, dawn il-kompetituri jiddgħajfu jew saħansitra jkollhom jirtiraw, l-għajnuna tkun fixklet il-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, kif diskuss fil-paragrafu 38, ir-RAG jiddistingwu bejn każijiet fejn il-benefiċjarju tal-għajnuna jkollu poter fis-suq u każijiet fejn l-għajnuna twassal għal espansjoni kbira ta’ kapaċità f’suq li jkun sejjer għan-niżla.

42.

B’mod ġenerali, kwalunkwe għajnuna lil benefiċjarju wieħed f’suq ikkonċentrat x’aktarx li aktar tkun ta’ tfixkil għall-kompetizzjoni minħabba li d-deċiżjoni ta’ kull impriża x’aktarx li taffettwa lill-kompetituri tagħha b’mod aktar dirett. Dan huwa partikolarment il-każ fejn parteċipant dominanti fis-suq ikun issussidjat. Bħala riżlutat, jekk min ħanna l-għajnuna, il-benefiċjarju jista’ jżomm jew iżid il-poter tiegħu fis-suq (16), l-għajnuna reġjonali f’tali proġetti kbar ta’ investiment jista’ jkollha effetti deterrenti fuq id-deċiżjoni ta’ investiment tal-kompetituri u b’hekk jiġi ġġenerati distrosjonijiet fil-kompetizzjoni. Dan ikun ta’ detriment għall-konsumaturi. Għalhekk il-Kummissjoni trid tillimita għajnuna mill-Istat lil kumpaniji li għandhom poter fis-suq.

43.

Għall-każi kollha ta’ għajnuna reġjonali li jistimulaw il-limitu tan-notifika (il-paragrafu 64 tar-RAG), il-Kummissjoni jeħtiġilha tivvaluta (il-paragrafu 68 (a) tar-RAG) is-sehem li l-benefiċjarju tal-għajnuna (jew il-grupp li għalih jappartjeni) jkollu mill-bejgħ tal-prodott kkonċernat fis-suq/swieq rilevanti ġeografiku/ġeografiċi u tal-prodott. Madankollu, l-ishma tas-suq jistgħu jagħtu biss indikazzjoni preliminari tal-problemi possibbli. Għalhekk, f’valutazzjoni fil-fond, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll fatturi oħrajn, meta dan ikun rilevanti, inkluż, pereżempju, l-istruttura tas-suq billi tħares lejn il-konċentrazzjoni fis-suq (17), l-ostakli possibbli għad-dħul (18), il-poter tax-xerrej (19) u l-ostakli għall-ħruġ.

44.

Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-ishma tas-suq u fatturi oħrajn relatati qabel u wara l-investiment (normalment sena qabel ma jibda l-investiment u sena wara li tkun inkisbet il-milja tal-produzzjoni). Meta tivvaluta l-effetti negattivi fid-dettall, il-Kummissjoni għandha tqis li, filwaqt li wħud mill-proġetti ta’ investiment jitwettqu skont kriterju ta’ skala ta’ żmien relattivament qasir ta’ sena jew sentejn, il-parti l-kbira tal-proġetti kbar ta’ investiment għandhom medda ta’ żmien ferm itwal. Għaldaqstant, fil-parti l-kbira tal-każi, tkun meħtieġa analiżi tal-evoluzzjoni tas-swieq fuq medda twila ta’ żmien. Madankollu, il-Kummissjoni għandha tirrikonoxxi l-fatt li din l-analiżi għat-tul hija aktar spekulattiva, partikolarment fil-każ ta’ swieq instabbli jew swieq li jkunu għaddejjin minn tibdil teknoloġiku mgħaġġel. Għalhekk, aktar ma l-analiżi tkun għat-tul u allura aktar ma tkun spekulattiva, inqas ikun il-piż marbut mal-effett negattiv possibbli tal-poter fis-suq jew il-possibbiltà ta’ mġiba ta’ esklużjoni.

3.1.2.   Ħolqien jew żamma ta’ strutturi tas-suq ineffiċjenti

45.

Huwa sinjal ta’ kompetizzjoni effikaċi jekk impriżi ineffiċjenti jkunu mġiegħla joħorġu mis-suq. Fuq medda twila ta’ żmien, dan il-proċess iħeġġeġ il-progress tekniku u użu effiċjenti tar-riżorsi skarsi fl-ekonomija. Madankollu, espansjoni sostanzjali ta’ kapaċità kkawżata minn għajnuna mill-Istat f’suq li l-prestazzjoni tiegħu tkun inqas mil-livell standard tista’ tfixkel il-kompetizzjoni b’mod esaġerat minħabba li l-kapaċità eċċessiva tista’ twassal għal tnaqqis fil-marġni ta’ profitt u fil-kapaċità tal-kompetituri kif ukoll għall-ħruġ tagħhom mis-suq. Dan jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn kompetituri li altrimenti setgħu żammew posthom fis-suq, ikunu mbuttati barra minnu b’konsegwenza tal-għajnuna mill-Istat. Dan jista’ wkoll jimpedixxi lil impriżi bi spejjeż baxxi milli jidħlu fis-suq u jista’ jdgħajjef l-inċentivi min-naħa tal-kompetituri biex joħolqu l-innovazzjoni. Dan kollu jwassal għal strutturi tas-suq ineffiċjenti li, fl-aħħar mill-aħħar, huma wkoll ta’ ħsara għallkonsumaturi.

46.

Biex tevalwa jekk l-għajnuna tistax isservi biex jinħolqu jew jinżammu strutturi ineffiċjenti tas-suq, kif imsemmi aktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-kapaċità addizzjonali fil-produzzjoni maħluqa mill-proġett u jekk il-prestazzjoni tas-suq tkunx inqas mil-livell standard (20). Skont ir-RAG, il-kapaċità addizzjonali titqies biss problematika jekk tinħoloq f’suq li l-prestazzjoni tiegħu tkun inqas mil-livell standard u jekk il-kapaċità addizzjonali tkun aktar minn ħamsa fil-mija tas-suq ikkonċernat.

47.

Minħabba li kapaċità maħluqa f’suq li jinsab għan-niżla b’mod assolut tista’ normalment tipproduċi effetti akbar ta’ tfixkil milli tipproduċi kapaċità maħluqa f’suq għan-niżla b’mod relattiv, il-Kummmissjoni għandha tagħżel bejn il-każi fejn minn perspettiva fit-tul, is-suq rilevanti jkun għan-niżla b’mod strutturat (jiġifieri fejn juri rata ta’ tkabbir fin-negattiv) u każi fejn is-suq ikun għan-niżla b’mod relattiv (jiġifieri juri rata ta’ tkabbir fil-pożittiv iżda mingħajr ma jinqabeż il-parametru ta’ referenza tar-rata ta’ tkabbir (ara paragrafu 48)). Meta l-kapaċità maħluqa millproġett isseħħ f’suq li hu strutturalment għan-niżla b’mod assolut, il-Kummissjoni tikkunsidraha bħala element negattiv fl-eżami għall-ibbilanċjar li x’aktarx ma jkunx possibbli li jinstablu kumpens b’elementi pożittivi. F’każ bħal dan, il-benefiċċju għat-tul għar-reġjun ikkonċernat huwa wkoll aktar dubjuż.

48.

Prestazzjoni ta’ suq inqas mil-livell standard tiegħu normalment jitkejjel bi tqabbil mal-PGD taż-ŻEE matul l-aħħar ħames snin qabel il-bidu tal-proġett (rata ta’ referenza). Id-dejta dwar il-prestazzjoni tal-imgħoddi hija disponibbli aktar faċilment u hija inqas spekulattiva minn previżjonijiet għall-ġejjieni. Madankollu, waqt il-valutazzjojni fil-fond, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra wkoll ix-xejriet li huma mistennija għall-ġejjieni billi ż-żieda fil-kapaċità tisforza l-effett tagħha fis-snin ta’ wara li jkun sar l-investiment. L-indikaturi jistgħu jkunu t-tkabbir futur prevedibbli tas-suq ikkonċernat u r-rati tal-użu tal-kapaċità mistennija li jirriżultaw, kif ukoll l-impatt li x’aktarx ikollha ż-żieda fil-kapaċità fuq il-kompetituri permezz tal-effetti tagħha fuq il-prezzijiet u l-marġni tal-profitti.

49.

L-esperjenza turi wkoll li f’uħud mill-każi, il-konsiderazzjoni tat-tkabbir tal-prodott ikkonċernat fl-ambitu taż-ŻEE tista’ ma tkunx il-parametru ta’ referenza xieraq biex jiġu vvalutati l-effetti tal-għajnuna, partikolarment jekk is-suq ikun ikkunsidrat bħala wieħed mifrux mad-dinja kollha u jekk ikun hemm biss produzzjoni jew konsum limitati tal-prodotti kkonċernati fiż-ŻEE. F’dawn il-każi, il-Kummissjoni għandha tħares lejn l-effett tal-għajnuna fuq l-istrutturi tas-suq minn perspettiva usa’, fejn jitqies b’mod partikolari l-potenzjal tiegħu biex joħnoq il-produtturi taż-ŻEE.

3.2.   Effetti negattivi fuq il-kummerċ

50.

Kif imfisser f’paragrafu 2 tar-RAG, l-ispeċifiċità ġeografika tal-għajnuna reġjonali tagħżilha minn suriet oħra ta’ għajnuna orizzontali. Hija karatteristika partikolari ta’ għajnuna reġjonali li hi maħsuba biex tinfluwenza l-għażla li ssir mill-investituri dwar fejn se jallokaw il-proġetti tal-investiment. Fejn l-għajnuna reġjonali qed tpaċi l-ispejjeż addizzjonali li joħorġu minn żvantaġġi reġjonali u tappoġġja investiment addizzjonali f’żoni megħjuna, qed tikkontribwixxi mhux biss għall-iżvilupp tar-reġjun, imma wkoll għall-koeżjoni u fl-aħħar mill-aħħar hija ta' benefiċċju għall-UE kollha kemm hi (21). Fir-rigward tal-effetti potenzjalment negattivi ta’ lokazzjoni marbuta mal-għajnuna reġjonali, dawn huma diġa rikonoxxuti u ristretti sa ċertu punt mir-RAG u l-mapep ta' għajnuna reġjonali, li jiddefinixxu kompletament l-inħawi eliġibbli li jingħataw għajnuna reġjonali, bil-kunsiderazzjoni tal-objettivi ta’ politika ta’ ekwità u koeżjoni, u l-intensitajiet tal-għajnuna eliġibbli. L-għajnuna tista’ ma tingħatax biex tħajjar investimenti barra minn dawn iż-żoni. Meta tkun qed teżamina proġetti kbar ta’ investiment suġġetti għal din il-gwida, il-Kummissjoni għandu jkollha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis jekk l-għajnuna mill-Istati hix se twassal għal telf sostanzjali ta’ impjiegi f’postijiet eżistenti fi ħdan il-Komunita'.

51.

B’mod aktar konkret, fejn investimenti li qed iżidu l-kapaċità tal-produzzjoni f’xi suq ikunu saru possibbli grazzi għall-għajnuna mill-Istat, hemm ir-riskju li dik il-produzzjoni jew l-investiment f’reġjuni oħra tal-UE tista’ tiġi affettwata ħażin. Dan x’aktarx li jseħħ jekk iż-żieda fil-kapaċità taqbeż it-tkabbir tas-suq, kif ġeneralment jiġri fi proġetti kbar ta' investiment li jilħqu t-tieni kriterju tal-paragrafu 68 tar-RAG. L-effetti negattivi fuq il-kummerċ, li jikkorrispondu fuq l-attività ekonomika mitlufa fir-reġjuni affettwati mill-għajnuna jistgħu jinħassu permezz ta’ impjiegi mitlufa fissuq ikkonċernat, fil-livell ta’ sottokuntratturi (22) u bħala riżultat ta’ esternalitajiet pożittivi li jintilfu (eż. Effett ta' ragruppament, tixrid ta’ għarfien, edukazzjoni u taħriġ, eċċ.).

4.   IBBILANĊJAR TAL-EFFETTI TAL-GĦAJNUNA

52.

Wara li tkun stabbilixxiet li l-għajnuna hija meħtieġa biex tkun ta’ inċentiv għat-twettiq ta’ investiment fir-reġjun ikkonċernat, il-Kummissjoni għandha tibbilanċja l-effetti pożittivi tal-għajnuna għall-investiment reġjonali lil proġett kbir ta’ investiment bl-effetti negattivi tagħha. Għandhom jiġu kkunsidrati bir-reqqa l-effetti globali tal-għajnuna fuq il-koeżjoni fil-Komunita'. Il-Kummissjoni m’għandhiex tapplika l-kriterji stabbiliti f’dawn il-linji gwida b’mod mekkaniku iżda għandha twettaq valutazzjoni globali tal-importanza relattiva ta’ dawn il-kriterji. F’dan l-eżerċizzju ta’ bilanċ, l-ebda element uniku ma huwa determinanti, u ebda sett ta’ elementi ma jista’ jitqies bħala biżżejjed biex waħdu jiżgura kompatibbiltà.

53.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni jidhrilha li t-tħajjir ta’ investiment lejn reġjun ifqar (kif iddefinit mil-limitu aktar għoli ta’ għajnuna reġjonali) ikun ta’ benefiċċju akbar għall-koeżjoni fi ħdan il-Komunità milli kieku l-istess investiment kien lokalizzat f’reġjun aktar ivvantaġġat. Għaldaqstant, fil-kuntest tat-tieni xenarju li fih trid tinġieb prova ta’ lokalità alternattiva, valutazzjoni dwar jekk mingħajr għajnuna l-investiment kienx ikun lokalizzat f’reġjun ifqar (aktar żvantaġġi reġjonali intensità massima ogħla ta’ għajnuna reġjonali) jew f’reġjun li jkun meqjus li għandu l-istess żvantaġġi reġjonali bħal tar-reġjun fil-mira (l-istess intensità massima ta’ għajnuna reġjonali) tikkostitwixxi element negattiv fl-eżami tal-ibbilanċjar globali li x’aktarx ma jkunx possibbli li jinstablu kumpens b’elementi pożittivi minħabba li huwa kontradittorju għal-loġika inerenti tal-għajnuna reġjonali. Min-naħa l-oħra, l-effetti pożittivi tal-għajnuna reġjonali li tikkumpensa biss għad-differenza tal-ispejjeż netti relattivi għal post alternattiv ta’ investiment aktar żviluppat (u b’hekk tissodisfa t-test ta’ proporzjonalità t’hawn fuq, u kif ukoll ir-rekwiżiti tal-“effett pożittiv” fir-rigward tal-objettiv, ta’ kemm hu xieraq u tal-effett ta' inċentiv), ikun normalment ikkunsidrat, skont it-test ta’ bilanċ, bħala li jissupera l-effetti negattivi fil-post alternattiv għall-investiment il-ġdid.

54.

Madankollu, fejn hemm evidenza kredibblili l-għajnuna mill-Istat se twassal għal telf sostanzjali ta' impjiegi f’postijiet eżistenti fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li kieku x'aktarx kienu jibqgħu hemm fuq medda medja ta’ żmien, l-effetti soċjali u ekonomiċi fuq dak il-post eżistenti jkunu jridu jiġu kkunsidrati fl-eżerċizzju ta' bilanċ.

55.

Wara li tkun twettqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, il-Kummissjoni tista’ tagħlaq il-proċedura b’deċiżjoni skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament.

56.

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi jew li tapprova, tikkundizzjona jew tipprojbixxi l-għajnuna (23). Jekk tadotta deċiżjoni kundizzjonali skont l-Artikolu 7(4) ta’ dak ir-Regolament, hija tista’ tehmeż kundizzjonijiet biex tillimita t-tfixkil potenzjali għall-kompetizzjoni u biex tiżgura l-proporzjonalità. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas l-ammont innotifikat ta’ għajnuna jew tal-intensità tal-għajnuna għal livell li jitqies proporzjonali u għalhekk kompatibbli mas-suq komuni.


(1)  ĠU C 54, 4.3.2006, p.13.

(2)  http://ec.europa.eu/comm/competition/state_aid/regional_aid/regional_aid.html

(3)  Kif definit fil-paragrafu 60 u n-noti tal-qiegħ 54 u 55 tar-RAG.

(4)  Ara Taqsima 4.3 tar-RAG.

(5)  Ara l-paragrafu 67 tar-RAG.

(6)  Ara l-paragrafu 64 tar-RAG.

(7)  Ara paragrafu 24 tal-qafas Multisettorali tal-2002 dwar għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment (ĠU C 70, 19.3.2002, p. 8, kif emendata fil-ĠU C 263, 1.11.2003, p. 3).

(8)  Ara l-paragrafu 68 tar-RAG.

(9)  Ara l-paragrafi 11 u 20 tas-SAAP (COM(2005) 107 finali).

(10)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(11)  Ara t-Taqsima 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 Lulju 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-ERDF, Il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25).

(12)  Ara l-paragrafu 38 tar-RAG.

(13)  Ara l-paragrafu 68 tar-RAG.

(14)  Investimenti bħal dawn jistgħu joħolqu kundizzjonijiet li jippermettu investimenti ulterjuri li kapaċi jfendu mingħajr għajnuna addizzjonali.

(15)  Meta d-dubji dwar id-definizzjoni xierqa tas-swieq rilevanti jippersistu, il-Kummissjoni tidentifika dawn id-dubji fid-deċiżjoni biex titnieda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE.

(16)  Il-poter fis-suq hu l-poter meħtieġ biex jiġu influwenzati l-prezzijiet tas-suq, il-prodott finali, il-varjetà u l-kwalità tal-oġġetti u s-servizzi, jew parametri oħra ta’ kompetizzjoni fis-suq għal perjodu ta’ żmien sinifikanti.

(17)  Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra l-indiċi Herfindahl-Hirschman (HHI). Dan l-indiċi jipprovdi analiżi bażika tal-istruttura tas-suq. F’suq li fih ikun hemm ftit parteċipanti fejn għadd minnhom ikollhom sehem fis-suq relattivament kbir, sehem fis-suq kbir min-naħa tal-benefiċjarju jista’ jkun inqas ta’ tħassib għall-kompetizzjoni.

(18)  Dawn l-ostakli għad-dħul jinkludu ostakli legali (b’mod partikolari d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali), ekonomiji ta’ skala u portata, ostakli għall-aċċess għan-netwerks u infrastruttura. Meta l-għajnuna tikkonċerna suq fejn il-beneficjarju tal-għajnuna jkun diġà stabbilit, l-ostakli possibbli għadd-ħul jistgħu jintensifikaw il-poter potenzjali fis-suq f'idejn il-benefiċjarju tal-għajnuna bir-riżultat li jiġu intensifikati wkoll l-effetti negattivi possibbli ta’ dak il-poter fis-suq.

(19)  Fejn hemm xerrejja f’saħħithom fis-suq, huwa anqas probabbli li benefiċjarju tal-għajnuna jista’ jżid il-prezzijiet vis-à-vis dawn ix-xerrejja f’saħħithom.

(20)  F’dan il-kuntest, suq jitqies li l-prestazzjoni tiegħu tkun inqas mil-livell standard jekk ir-rata medja annwali ta’ tkabbir tiegħu matul il-perjodu ta’ referenza ma taqbiżx ir-rata ta’ tkabbir tal-PGD taż-ŻEE.

(21)  B’mod partikolari, attività addizzjonali jew standard tal-livell tal-għajxien miżjud fir-reġjun megħjun jista’ jżid id-domanda għal prodotti u servizzi li joriġinaw minn partijiet oħra tal-Komunita'.

(22)  Speċjalment jekk joperaw fi swieq lokali fir-reġjun.

(23)  Meta għajnuna tingħata fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna reġjonali eżistenti, għandu madankollu jiġi nnutat li l-Istat Membru jibqagħlu l-possibbiltà li jagħti din l-għajnuna sal-livell li jikkorrispondi mal-ammont massimu permissibbli li investiment b’nefqa eliġibbli ta’ EUR 100 miljun jista’ jirċievi skont ir-regoli applikabbli.


Top