Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC0908(03)

Avviż ta’ tnedija ta’ proċedura kontra d- dumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ħjut tal-poliesteri ta' tenaċità għolja li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan

ĠU C 213, 8.9.2009, p. 16–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 213/16


Avviż ta’ tnedija ta’ proċedura kontra d-dumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ħjut tal-poliesteri ta' tenaċità għolja li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan

2009/C 213/08

Il-Kummissjoni rċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta' ħjut tal-poliesteri ta' tenaċità għolja, li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan (“il-pajjiżi kkonċernati”), qegħdin jiġu ddampjati u li permezz ta' dan qegħdin joħolqu danni materjali lill-industrija Komunitarja.

1.   L-ilment

L-ilment tressaq fis-27 ta' Lulju 2009 mis-CIRFS – l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Fibri Artifiċjali (“il-kwerelant”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon ewlieni, f'dan il-każ ta' aktar minn 60 %, tal-produzzjoni totali Komunitarja tal-ħjut tal-poliesteri ta' tenaċità għolja.

2.   Il-prodott

Il-prodott li allegatament qiegħed jiġi ddampjat huwa l-ħjut tal-poliesteri ta' tenaċità għolja (għajr il-ħjut użat fil-ħjata), liema prodott ma jitqiegħedx għall-bejgħ bl-imnut, li jinkludi monofilament ta' anqas minn 67 deċitex u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan (“il-prodott ikkonċernat”), li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi tan-NM 5402 20 00. Dan il-kodiċi tan-NM qed jingħata biss bħala tagħrif.

3.   Allegazzjoni ta’ dumping

L-allegazzjoni ta' dumping fir-rigward tar-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan hija msejsa fuq tqabbil ta' valur normali kostrutt flimkien mal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità.

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, il-kwerelant stabbilixxa l-valur normali għar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina abbażi ta' valur normali kostrutt fil-pajjiż b'ekonomija tas-suq, imsemmi fil-punt 5.1(d). L-allegazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil tal-valur normali, ikkalkulat b’dan il-mod, mal-prezzijiet tal- esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità

Abbażi ta' dan, il-marġini ta' dumping ikkalkulati huma sinifikanti għall-pajjiżi kkonċernati.

4.   L-allegazzjoni ta’ dannu

Il-kwerelant ipprovda evidenza prima facie li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea, u t-Tajwan żdiedu b’mod ġenerali f'termini assoluti u f'termini ta’ sehem mis-suq.

Huwa allegat li l-volumi u l-prezzijiet tal-prodott importat kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq is-sehem tas-suq miksub, il-kwantitajiet mibjugħa u l-livell ta' prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Komunità, bir-riżultat li kien hemm effetti negattivi sostanzjali fuq ir-rendiment ġenerali, u partikolarment fuq il-qligħ u s-sitwazzjoni tal-impjiegi tal-industrija Komunitarja.

5.   Il-proċedura

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Komunità jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika t-tnedija ta’ proċediment, il-Kummissjoni b'dan qed tagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

5.1.    Il-proċedura għad-determinazzjoni ta’ dumping u ta’ dannu

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott ikkonċernat li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea, u t-Tajwan huwiex qiegħed ikun l-oġġett ta' dumping u jekk dan id-dumping ikkawżax dannu.

(a)   Teħid ta' kampjuni

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ partijiet involuti f’dan il-proċediment, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tieħu kampjun skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(i)   Teħid ta' kampjuni għal esportaturi/produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fir-Repubblika tal-Korea

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni hux meħtieġ u, jekk ikun hekk, biex tkun tista’ tagħżel kampjun, l-esportaturi/il-produtturi kollha fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fir-Repubblika tal-Korea, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, permezz ta’ dan qed jintalbu jippreżentaw irwieħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni u jipprovdu l-informazzjoni li ġejja dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom, fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-punt 6(b)(i) u skont il-format indikat fil-punt 7:

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks u l-persuna ta’ kuntatt,

il-fatturat fil-munita lokali u l-volum f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Komunità matul il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2008 u t-30 ta' Ġunju 2009 għal kull wieħed mis-27 Stat Membru separatament u f'totali,

il-fatturat fil-valuta lokali u l-volum ta' bejgħ f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat fis-suq domestiku matul il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (2) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (għall-esportazzjoni u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott ikkonċernat,

kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti li tista’ tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Meta tipprovdi t-tagħrif ta' hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta investigazzjoni fuq il-post tat-tweġibiet li tagħti. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni huma stabbiliti fil-punt 8 hawn taħt.

Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta' esportaturi/produtturi, il-Kummissjoni, barra minn hekk, se tikkuntattja lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u r-Repubblika tal-Korea, u lil kull għaqda magħrufa ta' esportaturi/produtturi.

Minħabba li kumpanija ma tistax tkun ċerta li tintgħażel fil-kampjun, il-produtturi/esportaturi li jixtiequ jitolbu marġini individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku qed jingħataw il-parir li jitolbu kwestjonarju u t-trattament tal-ekonomija tas-suq u/jew il-formola ta’ rikjesta ta' trattament individwali (MET/IT) fil-limitu ta’ żmien previst fil-punt 6(a)(i) ta’ dan l-avviż, u jirreġistrawha fil-limiti ta’ żmien previsti rispettivament fil-punt 6(a)(ii), l-ewwel paragrafu, u 6(d) ta’ dan l-avviż. Madankollu, qed tinġibed l-attenzjoni għall-aħħar sentenza tal-punt 5.1(b) ta’ dan l-avviż.

(ii)   It-teħid tal-kampjun ta’ importaturi

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ u, jekk dan ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-importaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni u jipprovdu t-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-punt 6(b)(i) u fil-formati indikati fil-punt 7:

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks u l-persuna ta’ kuntatt,

il-fatturat totali f'euro tal-kumpanija matul il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2008 u t-30 ta' Ġunju 2009,

l-għadd totali ta’ impjegati,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-prodott ikkonċernat,

il-volum f’tunnellati u l-valur f’euro ta’ importazzjonijiet għal ġewwa s-suq tal-Komunità u l-bejgħ mill-ġdid magħmul fih matul il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2009 tal-prodott importat ikkonċernat li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (3) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat,

kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti li tista’ tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Meta tipprovdi t-tagħrif ta' hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta investigazzjoni fuq il-post tat-tweġibiet li tagħti. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, jitqies li din ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni huma stabbiliti fil-punt 8 hawn taħt.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe għaqda magħrufa ta’ importaturi.

(iii)   L-għażla finali tal-kampjuni

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu kwalunkwe informazzjoni rilevanti rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fit-terminu stipulat fil-punt 6(b)(ii).

Il-Kummissjoni biħsiebha tagħmel l-għażla finali tal-kampjuni wara li tkun ikkonsultat il-partijiet ikkonċernati li esprimew ir-rieda tagħhom li jiġu inklużi fil-kampjun.

Il-kumpaniji inklużi fil-kampjun għandhom iwieġbu għall-kwestjonarju fil-limitu ta’ żmien stabbilit fil-punt 6(b)(iii) u għandhom jikkooperaw fi ħdan il-qafas tal-investigazzjoni.

Jekk ma jkunx hemm biżżejjed kooperazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tibbaża s-sejbiet tagħha, skont l-Artikoli 17(4) u 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-fatti disponibbli. Sejba bbażata fuq il-fatti disponibbli tista’ tkun anqas vantaġġuża għall-parti kkonċernata, kif spjegat fil-punt 8.

(b)   Il-kwestjonarji

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-industrija Komunitarja u lil kwalunkwe assoċjazzjoni ta' produtturi magħrufa fil-Komunità, lill-esportaturi/produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u r-Repubblika tal-Korea li ttieħdu bħala kampjun, lill-esportaturi/produtturi fit-Tajwan, lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta' esportaturi/produtturi, lill-importaturi fil-kampjun, lil kwalunkwe assoċjazzjoni ta' importaturi magħrufa u lill-awtoritajiet tal-pajjiżi esportaturi kkonċernati.

(i)   Esportaturi/produtturi fit-Tajwan

L-esporaturi/produtturi fit-Tajwan għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih permezz tal-faks, iżda mhux aktar tard mil-limitu ta' żmien stabbilit fil-punt 6(a)(i), sabiex jaraw jekk humiex imniżżla fl-ilment u, jekk ikun meħtieġ, jitolbu kwestjonarju, peress li l-limitu ta' żmien stabbilit fil-punt 6(a)(ii) japplika għall-partijiet kollha interessati.

(ii)   Esportaturi/produtturi li jitolbu marġni individwali fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u r-Repubblika tal-Korea

Esportaturi/produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u r-Repubblika tal-Korea li qed jitolbu marġini individwali, bil-ħsieb tal-applikazzjoni tal-Artikoli 17(3) u 9(6) tar-Regolament bażiku, iridu jibagħtu kwestjonarju komplut fil-limitu ta’ żmien stabbilit fil-punt 6(a)(ii) ta’ dan l-avviż. Għalhekk għandhom jagħmlu talba għal kwestjonarju fil-limitu taż-żmien stabbilit fil-punt 6(a)(i). Madankollu, dawn il-partijiet għandhom ikunu konxji li jekk it-teħid tal-kampjuni jiġi applikat għall-esportaturi/produtturi, il-Kummissjoni tista’ xorta waħda tiddeċiedi li ma tikkalkulax marġini individwali għalihom, jekk l-għadd ta’ esportaturi/produtturi tant ikun kbir li eżami individwali jkun ta’ piż bla bżonn u ta’ xkiel għat-tlestija fil-ħin tal-investigazzjoni.

(c)   Il-ġabra tal-informazzjoni u l-organizzazzjoni ta' seduti ta' smigħ

Il-partijiet kollha interessati huma permezz ta’ dan l-Avviż ta’ Tnedija mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, jibagħtu informazzjoni barra mit-tweġibiet għall-kwestjonarju u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-punt 6(a)(ii).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li dawn jagħmlu talba fejn juru li hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu. Din it-talba trid issir fil-limitu taż-żmien stipulat fil-punt 6(a)(iii).

(d)   L-għażla tal-pajjiż b’ekonomija tas-suq

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, hemm ħsieb li jintgħażlu l-Istati Uniti tal-Amerika bħala pajjiż xieraq b’ekonomija tas-suq sabiex jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-partijiet interessati qegħdin b’dan jiġu mistiedna jikkummentaw dwar kemm hi xierqa din l-għażla fil-limitu ta’ żmien speċifiku stabbilit fil-punt 6(c).

(e)   It-trattament tal-ekonomija tas-suq jew talbiet individwali għat-trattament

Għal dawk l-esportaturi/produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li jistqarru li joperaw skont il-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq u jipprovdu biżżejjed evidenza, jiġifieri li jilħqu l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, il-valur normali se jiġi stabbilit skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku. Il-produtturi/esportaturi li biħsiebhom iressqu talbiet sostanzjati b’mod xieraq għandhom jagħmlu dan fiż-żmien stipulat fil-punt 6(d). Il-Kummissjoni se tibgħat formoli ta’ talbiet lill-esportaturi/produtturi kollha fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li jew ġew inklużi fil-kampjun jew li ssemmew fl-ilment u lil kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ esportaturi/produtturi msemmija fl-ilment, kif ukoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Din il-formula għat-talbiet tista’ tintuża mill-applikant biex jitlob trattament individwali, jiġifieri li dan jissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

5.2.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess Komunitarju

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku u fil-każ li l-allegazzjonijiet ta’ dumping u ħsara kkawżati minħabba f’hekk ikunu sostanzjati, għandha tintlaħaq deċiżjoni dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri tal-anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Komunità. Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni tista’ tibgħat kwestjonarji lill-industrija magħrufa tal-Komunità, l-importaturi, l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti rappreżentattivi u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur. Partijiet bħal dawn, inklużi dawk li ma tafx dwarhom il-Kummissjoni, bil-kundizzjoni li jagħtu prova li hemm rabta oġġettiva bejn l-attività tagħhom u l-prodott ikkonċernat, jistgħu, fil-limiti ġenerali ta’ żmien stipulat fil-punt 6(a)(ii), jippreżentaw irwieħhom u jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif. Il-partijiet li aġixxew b'konformità mas-sentenza preċedenti jistgħu jitolbu smigħ billi jfissru r-raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(a)(iii). Ta’ min wieħed jinnota li kwalunkwe informazzjoni mressqa skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku titqies biss jekk tkun sostnuta minn evidenza fattwali fil-mument meta titressaq.

6.   Il-limiti taż-żmien

(a)   Il-limiti ġenerali ta’ żmien

(i)   Għall-partijiet biex jitolbu kwestjonarju jew formoli ta' talba oħrajn

Il-partijiet interessati kollha għandhom jitolbu kwestjonarju jew formoli ta’ talba oħrajn mill-aktar fis, iżda mhux aktar tard minn 10 ijiem mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(ii)   Għall-partijiet li jridu jiddikjaraw lilhom infushom, biex jippreżentaw it-tweġibiet tal-kwestjonarju u kull informazzjoni oħra

Il-partijiet interessati kollha, jekk ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom jeħtieġ jitqiesu matul l-investigazzjoni, għandhom jippreżentaw irwieħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, iressqu l-opinjonijiet tagħhom u jibagħtu t-tweġibiet tal-kwestjonarju jew kwalunkwe tagħrif ieħor fi żmien 40 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. L-esportaturi/il-produtturi kollha kkonċernati minn din il-proċedura li jixtiequ japplikaw għal eżami individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, iridu wkoll iressqu t-tweġiba għall-kwestjonarju fi żmien 40 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Qed tinġibed l-attenzjoni li l-eżerċizzju tal-parti l-kbira tad-drittijiet proċedurali ddefiniti fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-parti tippreżenta lilha nnifisha lill-Kummissjoni matul il-perjodu msemmi qabel.

Il-kumpaniji magħżula f’kampjun għandhom iressqu t-tweġibiet għall-kwestjonarji fil-limiti ta’ żmien stipulati fil-punt 6(b)(iii).

(iii)   Seduti ta' smigħ

Il-partijiet interessati kollha jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien ta' 40 jum.

(b)   Il-limitu speċifiku ta’ żmien fir-rigward tat-teħid ta’ kampjuni

(i)

It-tagħrif speċifikat fil-punti 5.1(a)(i) u 5.1(a)(ii) għandu jasal għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, billi l-Kummissjoni biħsiebha tikkonsulta l-partijiet ikkonċernati li esprimew ir-rieda tagħhom li jiġu inklużi fil-kampjun fl-għażla finali tagħha fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(ii)

Kull tagħrif ieħor rilevanti għall-għażla tal-kampjun kif imsemmi fil-punt 5.1(a)(ii) għandu jasal għand il-Kummissjoni fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(iii)

It-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-partijiet inklużi fil-kampjun għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun.

(c)   Il-limitu ta’ żmien speċifiku għall-għażla tal-pajjiż b’ekonomija tas-suq

Il-partijiet fl-investigazzjoni jistgħu jikkummentaw dwar jekk l-Istati Uniti tal-Amerika humiex adatti minħabba li, kif imsemmi fil-punt 5.1(d), huma maħsuba bħala pajjiż b’ekonomija tas-suq għall-iskop tal-istabbiliment tal-valur normali fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Dawn il-kummenti għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 10 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(d)   Limitu ta' żmien speċifiku biex jitressqu talbiet għal trattament ta' ekonomija tas-suq u/jew individwali

Stqarrijiet issostanzjati kif xieraq dwar l-istatus ta’ ekonomija tas-suq (kif imsemmi fil-punt 5.1(e)) u/jew għat-trattament individwali skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

7.   Is-sottomissjonijiet bil-miktub, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha magħmula mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub (mhux b’format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata). Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan l-avviż, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Ristretti (4) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandhom ikunu akkumpanjati b’verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate B

Office: N-105 04/092

1049 Brussels

BELGIUM

Fax +32 22956505

8.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn kwalunke parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-investigazzjoni jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta’ żmien, jew b’mod sinifikanti tfixkel l-investigazzjoni, is-sejbiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li kwalunkwe parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni għandha tiġi injorata u għandhom jintużaw il-fatti disponibbli. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

9.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tkun konkluża, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn 9 xhur mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

10.   L-ipproċessar ta’ dejta personali

Ta' min wieħed jinnota li kwalunkwe dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tkun ittrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-dejta (5).

11.   L-uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ

Ta’ min jinnota wkoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom, dawn ikunu jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduti ta' Smigħ tad-DĠ Trade. Huwa jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, u joffri, fejn ikun hemm bżonn, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f’dan il-proċediment, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajls, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-trattament tas-sottomissjonijiet tal-fehmiet bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar tagħrif u dettalji tal-kuntatti, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ tas-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade).


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  Għal gwida dwar it-tifsira ta’ kumpaniji relatati, jekk jogħġbok irreferi għall-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

(3)  Ara nota tal-qiegħ 2.

(4)  Dan ifisser li d-dokument ikun għal użu intern biss. Huwa protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Hu dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim Anti-dumping).

(5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top