Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0713(01)

    Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad- 19 ta' Mejju u tad- 9 ta' Lulju 2008 dwar miżuri ta' implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew

    ĠU C 159, 13.7.2009, p. 1–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 330, 31.8.2022, p. 1–40 (GA, HR)

    13.7.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 159/1


    DEĊIŻJONI TAL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tad-19 ta' Mejju u tad-9 ta' Lulju 2008

    dwar miżuri ta' implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew

    2009/C 159/01

    WERREJ

    TITOLU I

    IT-TWETTIQ TAL-MANDAT PARLAMENTARI

    Kapitoli:

    1.

    Allowance Parlamentari

    2.

    Spejjeż mediċi

    3.

    Assikurazzjoni kontra r-riskji marbuta mat-twettiq tal-mandat parlamentari

    4.

    Rimborż tal-ispejjeż

    5.

    Assistenza mill-istaff personali

    6.

    Proviżjoni ta' tagħmir u faċilitajiet

    TITOLU II

    IT-TMIEM TAL-MANDAT PARLAMENTARI

    Kapitoli:

    1.

    Allowance tranżitorja

    2.

    Pensjoni tal-età

    3.

    Pensjoni tal-invalidità

    4.

    Pensjoni tas-superstiti u pensjoni tal-orfni

    TITOLU III

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

    Kapitoli:

    1.

    Ftehimiet dwar ħlas

    2.

    Regolarizzazzjoni u rkupru

    3.

    Dispożizzjonijiet finanzjarji ġenerali oħra

    4.

    Dispożizzjonijiet finali

    TITOLU IV

    DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI

    IL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 190(5) tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (1) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “l-Istatut”),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 22(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew,

    billi:

    (1)

    L-Istatut jistipula d-dispożizzjonijiet u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-eżerċitar tal-kariga ta' Membru Parlamentari. Minbarra d-dispożizzjonijiet tiegħu rigward l-aspetti istituzzjonali tad-drittijiet tal-Membri, l-Istatut jistipula regoli finanzjarji uniformi applikabbli għall-Membri kemm waqt it-twettiq tal-kariga tagħhom kif ukoll wara li jtemmu l-attivitajiet parlamentari tagħhom. Il-Bureau biss huwa responsabbli mill-implimentazzjoni tal-aspetti finanzjarji tal-Istatut.

    (2)

    L-iskop ta' dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni huwa li jissupplimentaw l-Istatut, mhux biss fil-każijiet fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jipprevedu b’mod ċar li l-kundizzjonijiet tal-implimentazzjoni tagħhom jiġu stabbiliti mill-Parlament, imma wkoll fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li l-implimentazzjoni tagħhom titlob li l-miżuri ta' implimentazzjoni jitfasslu minn qabel.

    (3)

    Dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni għandhom l-għan li jissostitwixxu wkoll ir-Regoli dwar il-ħlas ta' spejjeż u l-allowances lill-Membri tal-Parlament Ewropew (minn issa 'l quddiem imsejħa“Regoli PEAM”) (2), li se jitħassru fil-jum li fih jidħol fis-seħħ l-Istatut.

    (4)

    F′dak li jirrigwarda r-rimborż ta' spejjeż mediċi, ġie deċiż li, partikolarment biex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi, tintuża s-sistema applikabbli għall-Imħallfin fil-Qorti tal-Ġustizzja u għall-Membri tal-Kummissjoni, b'mod partikulari permezz tas-servizzi tal-uffiċċji ta' ħlas tal-Iskema Konġunta ta’ Assikurazzjoni Medika mwaqqfa mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej (3), filwaqt li jkun hemm konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi previsti fl-Istatut.

    (5)

    F'dak li jirrigwarda r-rimborż tal-ispejjeż marbuta mat-twettiq tal-mandat, b'mod speċjali l-ispejjeż tal-ivjaġġar, dawn il-mizuri ta' implimentazzjoni huma msejsa fuq ir-regoli approvati mill-Bureau fit-28 ta' Mejju 2003 li jistabblixxu l-prinċipju ta' rimborż fuq il-bażi ta' spejjeż li fil-fatt ikunu saru. Fl-istess waqt, f’konformità mar-regoli u mal-każistika relevanti (4), parti limitata tal-ispejjeż marbuta mat-twettiq tal-mandat se tkompli tiġi kkumpensata permezz tal-ħlas ta' somma waħda.

    (6)

    Billi l-Parlament jieħu ħsieb l-ispejjeż li effettivament jintefqu għall-impjieg tal-istaff personali tal-Membri, hemm bżonn li jinħolqu regoli ċari għall-impjieg ta’ assistenti impjegati fl-Istati Membri minn fejn il-Membri jkunu eletti, u li l-kuntratti tagħhom ikunu ġestiti b'mod obbligatorju minn aġent ta’ ħlas. Fl-istess waqt, jeħtieġ li titqies il-bidla mistennija fl-istatus legali ta’ assistenti akkreditati, li ser jaqgħu taħt is-sistema legali speċifika adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 283 tat-Trattat. Fid-dawl tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-22 ta’ April 2008 (5), jidher xieraq li l-finanzjament ta' kuntratti konklużi mal-membri tal-familja tal-Membri jiġu pprojbiti.

    (7)

    Barra minn hekk, għandhom jittieħdu passi rigward id-dispożizzjonijiet tranżitorji sabiex ikun żgurat li persuni li jirċievu ċertu benefiċċji skont ir-Regoli PEAM ikunu jistgħu jibqgħu jirċievuhom wara li dawk ir-regoli jitħassru, sabiex b'hekk ikun rispettat il-prinċipju ta' dak li wieħed għandu jistenna b'mod leġittimu. Għandhom ukoll jittieħdu passi sabiex tkun garantita ż-żamma tad-drittijiet tal-pensjoni fuq il-bażi tar-Regoli PEAM qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut. Barra minn hekk, għandha titqies l-iskema speċifika applikabbli għall-Membri li, waqt perjodu tranżitorju u fir-rigward tal-kundizzjonijiet finanzjarji tat-twettiq tal-mandat, ikunu koperti mis-sistemi nazzjonali fl-Istati Membri tagħhom fejn ikunu ġew eletti, skont l-Artikolu 25 jew l-Artikolu 29 tal-Istatut;

    ADOTTA DAWN IL-MIŻURI TA' IMPLIMENTAZZJONI:

    TITOLU I

    IT-TWETTIQ TAL-MANDAT PARLAMENTARI

    KAPITOLU 1

    Allowance parlamentari

    Artikolu 1

    Dritt għal salarju

    Mid-data li fiha l-Membri jibdew l-inkarigi tagħhom sal-aħħar ġurnata tax-xahar li fih jintemmu l-inkarigi tagħhom, huma għandhom id-dritt għas-salarju imsemmi fl-Artikolu 10 tal-Istatut tal-Membri.

    Artikolu 2

    Projbizzjoni milli jirċievu żewġ salarji f'daqqa

    1.   Is-salarju li Membru jirċievi għat-twettiq tal-mandat f'parlament ieħor b'mod simultanju ma' dak tal-Parlament għandu jiġi bbilanċjat mas-salarju msemmi fl-Artikolu 10 tal-Istatut tal-Membri.

    2.   “Parlament ieħor” kif imsemmi fil-paragrafu 1 ifisser kwalunkwe parlament imwaqqaf fi Stat Membru li għandu poteri leġiżlattivi li għalihom ma japplikax l-Artikolu 7(2) tal-Att dwar l-elezzjoni ta' rappreżentanti tal-Parlament Ewropew permezz ta' votazzjoni universali diretta (6).

    3.   Il-kalkolu għandu jsir fuq it-total taż-żewġ salarji qabel it-tnaqqis tat-taxxa.

    4.   Fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħhom il-Membri għandhom jiddikjaraw kwalunkwe mandat li jkollhom li jaqa' taħt it-tifsira tal-paragrafu 1 hawn fuq, u kwalunkwe salarju li jirċievu minn dan il-mandat.

    KAPITOLU 2

    Spejjeż mediċi

    Artikolu 3

    Benefiċjarji u proċeduri ta' rimborż

    1.   Skont l-Artikolu 18 tal-Istatut tal-Membri, u bl-applikazzjoni mutatis mutandis tar-regoli mfassla permezz ta' ftehim komuni bejn l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet (7), u d-dispożizzjonijiet ġenerali tagħhom ta' implimentazzjoni (8), il-persuni msemmija hawn taħt għandu jkollhom id-dritt għal rimborż ta' żewġ terzi tal-ispejjeż li jkollhom minħabba raġunijiet ta' mard, tqala jew ta’ spejjeż relatati mat-twelid ta' tarbija:

    a)

    Il-Membri u l-ex Membri li jieħdu pensjoni skont l-Artikoli 14 u 15 tal-Istatut fir-rigward tal-ispejjeż tagħhom u l-ispejjeż tal-konjuġi tagħhom jew tas-sieħeb jew sieħba barra ż-żwieġ kif imsemmi fl-Artikolu 58(2) u tat-tfal dipendenti tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 58(3), sakemm dawn ta' l-aħħar jagħlqu l-21 sena, jew mhux aktar minn 25 sena jekk ikunu għadhom qed jieħdu istruzzjoni edukattiva jew taħriġ professjonali b'mod full-time, fil-każ li l-konjuġi tagħhom, l-imsieħba stabbli barra miż-żwieġ u t-tfal dipendenti tagħhom ma jkollhomx assikurazzjoni primarja kontra r-riskju ta' mard;

    b)

    persuni li għandhom dritt għal pensjoni tas-superstiti skont l-Artikolu 17 tal-Istatut.

    2.   Ir-rimborż imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jitnaqqas mill-baġit tal-Parlament. L-Artikolu 72(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratorm, ECSC) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal ta' Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg ta' Uffiċjali Oħra tal-tal-Komunitajiet Ewropej (9) u l-Artikolu 20(6) tar-regoli msemmija qabel ma japplikawx.

    3.   Jistgħu jingħataw għotijiet ta' flus bil-quddiem taħt l-Artikolu 30 tar-regoli msemmija qabel biss fil-każ ta' ffatturar dirett tal-ispejjeż ta' sptar. Wara l-applikazzjoni tal-iskala ta' rimborż, il-parti tal-ispiża li titħallas mill-benefiċjarji msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha titħallas lura mill-Parlament skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 30(2) u (3).

    Artikolu 4

    Il-proċedura

    L-applikazzjonijiet għar-rimborż għandhom jintbagħtu lid-dipartimenti kompetenti tal-Parlament jew direttament lill-Uffiċċju tal-Kummissjoni li jsolvi t-talbiet ta' kumpens, billi jintużaw formoli standard li magħhom jintbagħtu wkoll id-dokumenti li jivverifikaw it-talba.

    Artikolu 5

    Finanzjament

    L-iffinanzjar tas-sistema ta' rimborż u l-ftehimiet biex jitħallsu l-ispejjeż għandhom ikunu regolati mill-ftehima ta' koperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kummissjoni fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Membri u tal-Iskema Konġunta tal-Assikurazzjoni Medika tal-Istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej. Il-President għandu jiffirma din il-ftehima f'isem il-Parlament, wara li jikkonsulta mal-Kwesturi.

    Artikolu 6

    Ilmenti

    Minkejja l-Artikolu 72, kull tilwima dwar l-interpretazzjoni ta' dan il-kapitolu f'każijiet partikulari għandha titressaq lis-Segretarju Ġenerali li għandu jieħu deċiżjoni wara li jikseb l-opinjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija tal-Iskema Konġunta tal-Assikurazzjoni Medika tal-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej u wara li jikkonsulta mal-Kwesturi.

    KAPITOLU 3

    L-assikurazzjoni kontra r-riskji marbuta mat-twettiq tal-mandat parlamentari

    Artikolu 7

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    1.   Skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-kuntratti tal-assikurazzjoni, il-Membri għandhom dritt għal:

    a)

    assikurazzjoni kontra l-inċidenti li jistgħu jseħħu lill-Membri waqt it-twettiq tal-mandat tagħhom;

    b)

    assikurazzjoni kontra s-serq u t-telf tal-proprjetà u l-oġġetti personali tagħhom waqt it-twettiq tal-mandat tagħhom.

    2.   Żewġ terzi mill-primjum tal-assikurazzjoni għandhom jittieħdu mill-baġit tal-Parlament u t-terz l-ieħor għandu jitħallas mill-Membri. Il-kontribuzzjoni ta' kull Membru għandha titnaqqas direttament mis-salarju msemmi fl-Artikolu 10 tal-Istatut tal-Membri.

    3.   Dan l-artikolu għandu japplika għall-Membri kollha mill-bidu tal-mandat tagħhom sakemm huma ma jinnotifikawx lis-Segretarju Ġenerali bil-miktub dwar ix-xewqa tagħhom li ma jkollhomx assikurazzjoni. Fejn japplika, id-dritt għal assikurazzjoni jintemm fl-aħħar jum tax-xahar li fih issir in-notifika.

    Artikolu 8

    L-assikurazzjoni kontra l-inċidenti

    1.   Il-polza tal-assikurazzjoni kontra l-inċidenti għandha tipprovdi kopertura kontra l-inċidenti li jkollhom il-Membri madwar id-dinja kollha waqt il-mandat tagħhom.

    2.   Id-dispożizzjonijiet tal-polza tal-assikurazzjoni kontra l-inċidenti għandhom jistipulaw:

    a)

    fil-każ ta’ mewt: ħlas lill-persuni msemmija hawn taħt ta' somma waħda ekwivalenti għal ħames darbiet is-salarju annwali msemmi fl-Artikolu 10 tal-Istatut tal-Membri:

    lill-konjuġi u l-ulied tal-persuna mejta skont il-liġi tas-suċċessjoni applikabbli għall-Membru; madankollu, is-somma li titħallas lill-konjuġi ma tistax tkun anqas minn 25% tas-somma ta' darba,

    fin-nuqqas ta' persuni fil-kategoriji msemmija hawn fuq, lil dixxendenti oħra skont il-liġi tas-suċċessjoni applikabbli għall-Membru,

    fin-nuqqas ta' persuni fil-kategoriji msemmija hawn fuq, lil dixxendenti oħra skont il-liġi tas-suċċessjoni applikabbli għall-Membru,

    fil-każ tan-nuqqas ta' persuni fit-tliet kategoriji msemmija hawn fuq, lill-Parlament;

    b)

    fil-każ ta' invalidità permanenti: ħlas lill-persuna kkonċernata ta' somma waħda ekwivalenti għal tmien darbiet is-salarju msemmi fl-Artikolu 10 tal-Istatut tal-Membri;

    c)

    fil-każ ta’ invalidità permanenti parzjali: ħlas lill-persuna kkonċernata ta' parti mill-ammont imsemmi fil-punt (b) ikkalkulata fuq il-bażi tal-iskala msemmija fir-regoli stipulati permezz ta' ftehim komuni bejn l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet (10), kif imsemmi fl-Artikolu 73(1) tar-Regolament (KEE, Euratom, ECSC) Nru 259/68.

    3.   Ir-regoli msemmija fil-paragrafu 2(c) ta' dan l-Artikolu japplikaw mutatis mutandis għall-Membri. Ma jitqisux applikabbli d-dispożizzjonijiet rigward il-mard fuq il-post tax-xogħol u l-annwalità tul il-ħajja kollha u kull dispożizzjoni li hija marbuta ma' l-istatus tal-uffiċjali. Għandha tapplika l-proċedura tal-ilmenti msemmija fl-Artikolu 72.

    F'dak li jirrigwarda l-Membri, il-poteri tal-Awtorità tal-Ħatra kif stipulati fid-dispożizzjonijiet ta' hawn fuq għandhom jiġu eżerċitati mill-President tal-Parlament.

    Skont dan l-Artikolu u d-dispożizzjonijiet hawn fuq, ir-rikonoxximent ta' invalidità totali jew parzjali m'għandha teskludi bl-ebda mod l-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Istatut tal-Membri u viċe versa.

    4.   Skont il-kundizzjonijiet stipulati fir-regoli msemmija fil-paragrafu 2(c) ta' dan l-Artikolu, l-assikurazzjoni testendi wkoll għal spejjeż mediċi u farmaċewtiċi, spejjeż ta' sptar, kirurġija, proteżi, radjografija, massaġġi u ortopedrija, fatturi tal-kliniki, spejjeż tat-trasport u kull spiża simili meħtieġa bħala konsegwenza tal-inċident. Barra minn hekk, dan ir-rimborż għandu jsir biss wara li jispiċċaw u bħala suppliment tal-ammont li l-persuna kkonċerntata tirċievi skont id-dispożizzjonijiet dwar ir-rimborż ta' spejjeż mediċi stipulati fl-Artikolu 18 tal-Istatut tal-Membri.

    Artikolu 9

    Assikurazzjoni kontra t-telf u s-serq

    1.   Il-polza tal-assikurazzjoni kontra s-serq u t-telf ta' oġġetti u proprjeta' personali għandha toffri:

    a)

    kopertura fid-dinja kollha;

    b)

    somma massima assikurata ta' EUR 5 000 għal serq u telf;

    c)

    eċċess ta' EUR 50 mħallsa mill-Membru f'każ ta' talba li tintlaqa';

    d)

    kopertura għall-oġġetti u l-proprjetà personali;

    e)

    l-applikazzjoni ta' persentaġġ ta' depprezzament fuq il-prezz tal-proprjetà jew effett personali meta jsir ir-rimborż.

    2.   Fil-każ ta' serq jew telf li jsir barra mill-bini tal-Parlament, il-kopertura hija valida biss jekk il-Membru kkonċernat dak il-ħin ikun qed jivvjaġġja minħabba xogħol. Jekk is-serq ikun sar fil-bini tal-Parlament, huwa kopert jekk l-oġġetti jew il-proprjeta' personali misruqa ikunu tqiegħdu f’post sikur.

    3.   Serq jew telf ta' flus li jsir barra l-bini tal-Parlament, u li jiġi rrappurtat lill-Pulizija, għandu jkun kopert sa massimu ta' EUR 250 jekk il-flus mitlufa jew misruqa jkunu parti minn oġġetti personali oħra mitlufa jew misruqa. Serq jew telf ta’ flus li jsir ġewwa l-bini tal-Parlament mhux kopert.

    4.   Fil-każ ta' telf jew miżapproprjazzjoni ta' bagalji għal aktar minn tnax-il siegħa minn linja tal-ajru waqt li Membru jkun qed jivvjaġġa għal skopijiet ta' xogħol lejn destinazzjoni li mhix il-post ta' residenza tiegħu, l-oġġetti jew il-proprjetà personali li l-Membru jixtri jew jikri tkun koperta sa massimu ta' EUR 500.

    5.   Il-Membru kkonċernat għandu jagħmel rapport lill-Pulizija dwar kwalunkwe serq jew telf ta' oġġetti jew proprjetà personali jekk dan iseħħ barra mill-bini tal-Parlament. Jekk dan iseħħ fil-bini tal-Parlament, għandu jsir rapport lill-Unità tas-Sigurtà.

    6.   Is-serq u t-telf kollu għandhom ikunu rappurtati lis-Segretarju Ġenerali fi żmien tmint ijiem. Ma' dan ir-rapport għandu jkun hemm irċevuta tal-oġġett mitluf jew misruq, jew, fin-nuqqas tagħha, tal-oġġett minfloku jekk il-valur jaqbeż l-ammont ta' EUR 700.

    7.   Il-polza tal-assikurazjoni ma tkoprix serq u telf kopert minn polza ta' assikurazzjoni privata tal-Membru.

    KAPITOLU 4

    Rimborż tal-ispejjeż

    Taqsima 1 :   Rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar

    Sottotaqsima 1:   Dispożizzjonijiet komuni

    Artikolu 10

    Dritt għal rimborż tal-ispejjeż għall-ivjaġġjar marbuta max-xogħol

    1.   Il-Membri huma intitolali għal rimborż tal-ispejjeż marbuta ma':

    a)

    vjaġġi lejn u minn postijiet tax-xogħol tal-Parlament jew minn postijiet fejn isiru l-laqgħat ta' wieħed mill-korpi uffiċjali tiegħu, kif stipulat fil-paragrafu 3, minn issa 'l quddiem imsejħa “spejjeż ordinarji tal-ivvjaġġar”;

    b)

    vjaġġi barra mill-Istat Membru fejn ikunu ġew eletti, li jsiru fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom, f'konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 22, minn issa 'l quddiem imsejħa “spejjeż addizzjonali tal-ivvjaġġar”;

    c)

    vjaġġi li jsiru fl-Istat Membru fejn ikunu ġew eletti, f'konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 23.

    2.   Dawn li ġejjin jitqiesu wkoll bħala spejjeż ordinarji tal-ivvjaġġar: spejjeż tal-ivvjaġġar li jġarrbu l-Membri fit-twettiq ta' kwalunkwe missjoni speċifika awtorizzata mill-President, mill-Bureau jew mill-Konferenza tal-Presidenti.

    3.   “Korpi Uffiċjali tal-Parlament” ifisser korpi tal-Parlament, kif definit fit-Titolu I, Kapitolu 3 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, flimkien mal-kumitati parlamentari, id-delegazzjonijiet interparlamentari u delegazzjonijiet kostitwiti oħra msejsa fuq dawk ir-Regoli ta' Proċedura, il-gruppi politiċi u korpi oħra awtorizzati mill-Bureau jew mill-Konferenza tal-Presidenti.

    Artikolu 11

    Il-proċedura

    L-ispejjeż tal-ivvjaġġar għandhom ikunu rimborżati fuq il-bażi ta' attestazzjoni ta' attendenza u bil-preżentazzjoni tad-dokumenti rilevanti tal-ivvjaġġar, u, fejn xieraq, dokumenti oħra ta' verifika, kif stipulat fl-Artikolu 14.

    Artikolu 12

    Attestazzjoni tal-attendenza

    1.   L-attendenza ta' Membru għandha tiġi attestata permezz ta' firma fir-reġistru tal-attendenza li jkun disponibbli fil-Kamra jew fis-sala tal-lagħqat jew permezz ta' firma fir-reġistru ċentrali tal-attendenza waqt il-ħinijiet tal-ftuħ kif stipulat mill-Bureau.

    2.   Biss f'każijiet ta' eċċezzjoni, l-attendenza tista' tkun attestata permezz ta' dokumenti oħra li jixhdu li l-Membru kien preżenti fis-sala fejn saret il-laqgħa waqt il-ħinijiet normali tal-laqgħat. Din l-għażla tista' tintuża mhux aktar minn ħames darbiet tul kull nofs mandat tal-Parlament.

    3.   Dikjarazzjonijiet mill-Membru jew minn persuna oħra ma jitqisux bħala prova ta' attendenza fis-sens tal-paragrafu 1 u 2. Madankollu, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1)(b) u (c) u (2), l-attendenza għandha tkun attestata permezz tad-dikjarazzjoni tal-Membru.

    Artikolu 13

    Dokumenti tal-ivvjaġġar

    1.   L-applikazzjonijiet għar-rimborż ta' spejjeż tal-ivvjaġġar għandhom ikunu ppreżentati flimkien ma' dokumenti ta' verifika li juru l-prezz imħallas, ir-rotta li ttieħdet u l-klassi, id-data u l-ħin tal-ivvjaġġar. B’mod partikolari dan jinkludi:

    a)

    fil-każ ta' vjaġġar bl-ajru: biljetti li juru l-isem tal-Membru u l-karti kollha tal-imbark;

    b)

    fil-każ ta' vjaġġar bil-ferrovija jew bil-baħar: il-biljetti kollha.

    2.   Bħala deroga mill-paragrafu 1, fil-każ ta' vjaġġar bil-karozza, il-Membri għandhom jippreżentaw dikjarazzjoni li turi n-numru ta' reġistrazzjoni tal-karozza li biha sar il-vjaġġ, l-ispejjeż li saru u l-kilometraġġ ta' qabel u wara l-vjaġġ. Jekk it-tul tal-vjaġġ jaqbeż l-400 km, id-dikjarazzjoni trid tiġi ppreżentata flimkien ma' dokumenti ta' verifika li permezz tagħhom ikun possibbli li tkun determinata d-data ta' meta jkun sar il-vjaġġ (pereżempju x-xiri ta' fjuwil, l-irċevuta tal-ħlas għall-użu tal-motorways, il-kuntratt jew irċevuta tal-kiri ta' karozza, eċċ.).

    3.   Il-prezz ta' biljetti għal staġun sħiħ li jippermettu li individwu jagħmel għadd ta' vjaġġi jista' jkun rimborżat biss fuq bażi prorata fir-rigward ta' vjaġġar li sar minħabba raġunijiet ta' xogħol.

    4.   Membru li jixtri l-biljetti mill-aġenzija tal-ivvjaġġar tal-Parlament jista', fuq ir-responsabilità tiegħu u wara li jiffirma l-irċevuta, jitlob lid-dipartiment ikkonċernat sabiex jirrimborża l-ispejjeż direttament lill-aġenzija tal-ivvjaġġar.

    Artikolu 14

    Dokumenti oħra ta' verifika

    L-applikazzjonijiet għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar għandhom jitressqu flimkien mad-dokumenti li ġejjin:

    a)

    fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1)(b): l-istedina jew il-programm tal-avveniment li għalih attenda l-Membru u/jew dokumenti oħra ta' verifika li jixhdu li l-vjaġġ sar fit-twettiq tal-mandat tal-Membru;

    b)

    fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1)(c): id-dikjarazzjoni tal-Membru li turi li l-vjaġġ sar fit-twettiq tal-mandat tiegħu jew tagħha;

    c)

    fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 10(2): fejn xieraq, l-awtorizzazzjoni mill-President, mill-Bureau jew mill-Konferenza tal-Presidenti.

    Artikolu 15

    L-ammonti rimborżati

    L-ispejjeż tal-ivvjaġġar għandhom jiġu rimborżati fuq il-bażi tal-ispejjeż li fil-fatt saru sa massimu ta':

    a)

    fil-każ ta' vjaġġar bl-ajru: it-tariffa tal-biljett tal-klassi business bil-prezz disponibbli mill-aġenzija tal-ivvjaġġar tal-Parlament;

    b)

    fil-każ ta' vjaġġar bil-ferrovija jew bil-baħar: it-tariffa tal-biljett tal-ewwel klassi bil-prezz disponibbli mill-aġenzija tal-ivvjaġġar tal-Parlament;

    c)

    EUR 0,49/km fil-każ ta' vjaġġar bil-karozza, kif ukoll il-prezz ta' kwalunkwe servizz tal-laneċ meħtieġ.

    Sottotaqsima 2 –   Id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar ordinarji

    Artikolu 16

    Il-ġranet li fihom isir l-ivvjaġġar

    1.   Il-vjaġġi msemmija fl-Artikolu 10(1)(a) għandhom isiru biss għal skopijiet ta' attendenza għal attivitajiet uffiċjali li jseħħu fil-ġranet riservati għalihom fil-kalendarju ta' ħidma uffiċjali tal-Parlament.

    2.   Il-vjaġġi msemmija fl-Artikolu 10(2) għandhom isiru fil-jiem stipulati mill-korp li għandu s-setgħa li jawtorizza l-ivvjaġġar.

    Artikolu 17

    Rotot

    1.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar li jsiru waqt vjaġġ lejn wieħed mill-postijiet ta' ħidma tal-Parlament jew lejn post fejn issir laqgħa jkunu rimborżati fuq il-bażi tal-aktar rotta diretta bejn il-post ta' residenza tal-Membru, kif stipulat fil-paragrafu 2, jew il-belt kapitali tal-Istat Membru fejn ikun ġie elett, u l-post ta' ħidma jew laqgħa.

    2.   “Post ta' residenza” jfisser il-post, fit-territorju tal-Komunità, fejn il-Membru għandu r-residenza ordinarja tiegħu, jiġifieri fejn jgħix fil-fatt fuq bażi regolari, mingħajr preġudizzju għat-twettiq tad-dmirijiet parlamentari tiegħu jew tagħha; il-Membru għandu jinforma lid-dipartiment kompetenti kkonċernat dwar dan il-post ta' residenza;

    3.   L-aktar rotta diretta għandha tiġi determinata billi jitqies:

    (a)

    għall-vjaġġi bl-ajru: l-aktar ajruport viċin il-punt tat-tluq tal-Membru li jista' joħroġ bijlett tal-ajru bit-tariffa msemmija fl-Artikolu 15 u d-distanza bejn l-ajruport u d-destinazzjoni;

    (b)

    għall-vjaġġi bil-ferrovija: l-aktar stazzjoni viċin il-punt tat-tluq tal-Membru u d-distanza bejn l-istazzjoni u d-destinazzjoni;

    (c)

    għall-vjaġġi bil-karozza: id-distanza bejn il-punt tat-tluq tal-Membru u d-destinazzjoni.

    4.   Il-Membru jista' jagħmel proposta bil-miktub lid-dipartiment ikkonċernat, għal rotta differenti li hija iqsar fil-ħin u aktar konvenjenti u li ma tinvolvix spejjeż addizzjonali ta' aktar minn 10 %. Jekk dik ir-rotta tiġi aċċettata, din tissostitwixxi l-aktar rotta diretta kif imsemmija fil-paragrafu 3.

    5.   Jekk il-punt tat-tluq jew id-destinazzjoni ma jkunx il-post ta' residenza tal-Membru jew il-belt kapitali tal-Istat Membru fejn ġie elett, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar għandhom jiġu rimborżati sa mhux aktar mill-ispejjeż li l-Membru seta' ġarrab għal vjaġġ lejn jew mill-post ta' residenza.

    6.   Fil-każ ta' vjaġġi li jsiru bejn żewġ postijiet ta' ħidma u/jew laqgħat, il-paragrafi 3, 4, u 5 japplikaw mutatis mutandis.

    7.   Ir-rotot u t-tariffi użati fil-kalkolu tal-ispejjeż għandhom jiġu aġġornati kull sitt xhur, f'Mejju u f'Novembru.

    Artikolu 18

    Modalitajiet

    1.   Il-Membri għandhom id-dritt li jkunu rimborżati tal-ispejjeż ta' vjaġġ bir-ritorn wieħed għal kull ġimgħa ta' xogħol tal-Parlament, bejn il-post ta' residenza tagħhom jew il-belt kapitali tal-Istat Membru fejn ġew eletti u l-post tax-xogħol jew tal-laqgħa (minn issa 'l quddiem imsejjaħ “vjaġġ prinċipali”).

    2.   Il-Membri huma intolati wkoll għal rimborż tal-ispejjeż ta' mhux aktar minn żewġ vjaġġi bir-ritorn f'nofs ġimgħa ta' xogħol tal-Parlament bejn il-post tax-xogħol jew tal-laqgħa u l-post ta' residenza tagħhom jew post ieħor ta' tluq fl-Istat Membru fejn ikunu ġew eletti (minn issa 'l quddiem imsejħa “vjaġġi intermedji”). L-ispejjeż tat-tieni vjaġġ intermedju għandhom ikunu rimborżati wara l-preżentazzjoni ta' dokumenti ta' verifika li jixhdu li l-vjaġġ kien marbut mal-attivitajiet politiċi tal-Membru.

    3.   Id-dritt għal rimborż tal-ispejjeż tal-vjaġġi intermedji għandhom ikunu indipendenti mid-dritt għal rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar ta' vjaġġi fl-Istat Membru fejn il-Membru jkun ġie elett, kif stipulat fl-Artikolu 10(1)(c).

    4.   Il-Membri mhumiex intitolati għal rimborż ta' vjaġġi li jsiru b'mezzi tat-trasport ipprovduti mill-Parlament.

    5.   Il-Membri li ma kinux jistgħu jużaw karozza uffiċjali huma intitolati, wara li jippreżentaw id-dokumenti ta' verifika, għal rimborż tal-ispejjeż tat-taxi għall-vjaġġi bejn l-ajruport u l-istazzjon ta' fejn jaslu jew tat-tluq u l-post tax-xogħol jew tal-laqgħa tagħhom. Ir-regoli dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tat-taxi, u rimborż massimu, għandhom jiġu stipulati mill-Bureau.

    Artikolu 19

    Id-dritt għal allowances għad-distanza u għat-tul ta' żmien

    1.   Il-Membri huma intitolati, għall-vjaġġi fl-Unjoni Ewropea, għal allowance għad-distanza sabiex tkopri l-ispejjeż addizzjonali kollha marbuta mal-ivvjaġġar, jiġifieri spejjeż ta' parkeġġ, spejjeż ta’ vjaġġar fuq il-highways, spejjeż tal-ibbukkjar, piż eċċessiv tal-bagalji u spejjeż oħra raġjonevoli. Dan id-dritt japplika għall-vjaġġ prinċipali fis-sens tal-Artikolu 18(1).

    2.   Bl-istess kundizzjonijiet, il-Membri għandhom ikunu intitolati għal allowance għat-tul ta' żmien.

    3.   Ma jkunx hemm dritt għal allowance għad-distanza u t-tul ta' żmien fil-każ tal-vjaġġi msemmija fl-Artikolu 10(1)(b) u (c).

    4.   L-allowances għad-distanza u t-tul ta' żmien jiġu kkalkulati, sal-limitu tal-ammont massimu, fuq il-bażi tal-Artikolu 17(1) għall-vjaġġi tat-tluq bejn il-post tar-residenza u l-post tax-xogħol jew tal-laqgħa u għall-vjaġġi tar-ritorn bejn il-post tax-xogħol jew tal-laqgħa u l-post tar-residenza.

    5.   Jekk il-Membru jieħu rotta differenti minn dik l-aktar diretta, huwa jew hija jirċievi l-allowance għad-distanza u t-tul ta' żmien ikkalkulati skont il-paragrafu 4.

    6.   Il-perjodu minimu fuq il-post tax-xogħol jew tal-laqgħa li jagħti d-dritt lill-Membri li jirċievu l-allowance għad-distanza u t-tul ta' żmien huwa ta' erba' sigħat.

    Artikolu 20

    L-ammont tal-allowance għad-distanza

    1.   L-allowance għad-distanza hija kkalkulata kif ġej:

    (a)

    għall-parti tal-vjaġġ bejn 0 u 50 km: EUR 22;

    (b)

    għall-parti tal-vjaġġ bejn 51 u 250 km: EUR 0,12/km;

    (c)

    għall-parti tal-vjaġġ bejn 251 u 1 000 km: EUR 0,06/km;

    (d)

    għall-parti tal-vjaġġ li taqbeż l-1 000 km: EUR 0,03/km.

    2.   Jekk l-ispejjeż tal-ivvjaġġar addizzjonali tal-Membru jaqbżu l-ammont tal-allowance, hu jew hi jistgħu jagħmlu talba għar-rimborż tad-differenza, u dan bil-preżentazzjoni ta' dokumenti ta' verifika.

    Artikolu 21

    L-ammont tal-allowance minħabba t-tul ta' żmien

    1.   L-allowance għad-distanza hija kkalkulata kif ġej:

    a)

    għal vjaġġ li jdum bejn 2 u 4 sigħat: ammont ekwivalenti għal 1/8 tal-allowance imsemmija fl-Artikolu 24;

    b)

    għal vjaġġ li jdum bejn 4 u 6 sigħat: ammont ekwivalenti għal 1/4 tal-allowance imsemmija fl-Artikolu 24;

    c)

    għal vjaġġ li jdum aktar minn 6 sigħat u li ma jinvolvix waqfa ta' lejl: ammont ekwivalenti għal 1/2 tal-allowance imsemmija fl-Artikolu 24;

    d)

    għal vjaġġ li jdum aktar minn sitt sigħat u jeħtieġ waqfa ta' lejl: l-ammont kollu tal-allowance imsemmija fl-Artikolu 24, u dan bil-preżentazzjoni ta' dokumenti ta' verifika.

    2.   It-tul tal-vjaġġ jiġi kkalkulat kif ġej:

    a)

    għall-vjaġġi bl-ajru, bil-ferrovija jew bil-baħar:

    it-tul ta' żmien li jieħu l-vjaġġ bejn il-post ta' residenza tal-Membru u l-ajruport jew l-istazzjon b'veloċità ta' 60 km fis-siegħa;

    it-tul ta' żmien li jieħu l-vjaġġ bl-ajru, bil-ferrovija jew bil-baħar skont l-orarju;

    siegħa għall-imbark, jew għat-tluq tal-ferrovija jew vapur, tletin minuta għall-iżbark jew għall-wasla;

    tletin minuta għat-trasferiment bejn l-ajruport jew l-istazzjoni u l-bini tal-Parlament fi Brussell, fil-Lussemburgu u fi Strasburgu (Entzheim).

    Il-Bureau għandu jiddetermina t-tul tal-vjaġġi lejn Strasburgu minn ajruporti oħra fuq il-bażi tad-disponibilità tal-mezzi tat-trasport.

    (b)

    għall-vjaġġi bil-karozza: it-tul ta' żmien li jieħu l-vjaġġ bejn il-post ta' residenza tal-Membru u l-post tax-xogħol jew tal-laqgħa, b'veloċità ta' 70 km fis-siegħa.

    Sottotaqsima 3 -   Dispożizzjonijiet li jirregolaw il-vjaġġi addizzjonali u l-vjaġġi fl-Istat Membru tal-elezzjoni

    Artikolu 22

    Spejjeż addizzjonali tal-ivvjaġġar

    1.   L-ammont massimu annwali li jista' jiġi rimborżat f'dak li għandu x'jaqsam mal-ispejjeż tal-ivvjaġġar li jsiru fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1)(b) għandu jkun ta' EUR 4 148.

    2.   Ibbażat fuq dan, u wara l-preżentazzjoni tal-kont jew irċevuta oriġinali, il-Membri jistgħu jagħmlu talba għal rimborż tal-ispejjeż ta' taxi, ta' kiri ta' karozza, ta' kontijiet ta' lukandi u spejjeż oħra li jkunu saru waqt il-perjodu ta' attivitajiet uffiċjali. Dan id-dritt ikopri wkoll il-jum qabel il-bidu u l-jum wara t-tmiem tal-perjodu ta' attivitajiet uffiċjali meta dan ikun ġustifikat mill-programm tal-attivitajiet jew fuq il-bażi ta' problemi ġustifikati tat-trasport.

    3.   L-ammont massimu annwali li jista' jiġi rimborżat għal spejjeż tal-ivvjaġġar li jkunu saru miċ-Chairperson ta' kumitat jew ta' sottokumitat li jivvjaġġaw sabiex jattendu għal konferenzi jew avvenimenti dwar kwistjonijiet ta' interess Ewropew li jidħlu fl-ambitu tar-responsabilità tal-kumitat jew sottokumitat tagħhom u li jkollhom dimensjoni parlamentari, huwa ta' EUR 4 000. Parteċipazzjoni bħal din teħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel mill-President tal-Parlament, wara li ssir verifika tal-fondi disponibbli mill-baġit.

    Iċ-Chairperson tal-kumitat jew tas-sottokumitat tista' tawtorizza bil-miktub lil wieħed jew aktar mill-viċi-Chairpersons jew, jekk dan ikun possibbli, lil membru tal-kumitat jew is-sottokumitat tiegħu/tagħha, sabiex jirrappreżentawh(a) f'konferenza jew f'avveniment ta' dan it-tip.

    L-istess kundizzjonijiet li japplikaw għar-rimborż tal-ispejjeż addizzjonali tal-ivvjaġġar japplikaw ukoll għar-rimborż ta' dawn l-ispejjeż.

    Artikolu 23

    Spejjeż tal-ivvjaġġar li jsiru fl-Istat Membru ta' elezzjoni

    Kull sena, id-dritt għal rimborż ta' spejjeż tal-ivvjaġġar li jsiru fl-Istat Membru fejn il-Membru jkun ġie elett, kif imsemmi fl-Artikolu 10(1)(c), ma jistax ikun ta' aktar minn:

    a)

    24 vjaġġ bir-ritorn bl-ajru, bil-ferrovija jew bil-baħar; Il-Membri eletti fit-territorju ewlieni ta' Franza ma jistgħux jagħmlu aktar minn żewġ vjaġġi lejn id-dipartimenti u r-reġjuni tal-gżejjer tagħha, l-awtoritajiet lokali tal-gżejjer tagħha, in-New Caledonia u t-Territorji Franċiżi tan-Nofsinhar u tal-Antarktika;

    b)

    f'dak li jirrigwarda l-vjaġġi bil-karozza, distanza li ma taqbiżx:

    24 000 km

    għall-Membri eletti fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Polonja, fir-Rumanija, fil-Finlandja, fl-Iżvezja jew fir-Renju Unit,

    16 000 km

    għall-Membri eletti fil-Bulgarija, fir-Repubblika Ċeka, fl-Irlanda, fil-Greċja, fl-Ungerija, fl-Awstrija, fil-Portugall, jew fis-Slovakkja,

    8 000 km

    għall-Membri eletti fil-Belġju, fid-Danimarka, fl-Estonja, f’Ċipru, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Lussemburgu, f’Malta, fl-Olanda jew fis-Slovenja.

    Taqsima 2:    Rimborż tal-ispejjeż għas-sussistenza

    Artikolu 24

    Allowance għas-sussistenza

    1.   Il-Membri huma intitolati għal allowance għas-sussistenza għal kull jum ta' attendenza:

    a)

    f'post tax-xogħol jew ta' laqgħa, ivverifikata skont l-Artikolu 12, li tinvolvi vvjaġġar li jidħol fl-ambitu tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rimborż ta' spejjeż ordinarji tal-ivvjaġġar;

    b)

    f'lagħqa ta' kumitat jew ta' korp ieħor ta' parlament nazzjonali, li ssir barra mill-post ta' residenza tal-Membru, wara l-preżentazzjoni taċ-ċertifikat tal-attendenza maħruġ minn dak il-kumitat jew korp.

    2.   Jekk l-attività uffiċjali ssir fit-territorju tal-Komunità, il-Membru għandu jirċievi allowance ta' somma waħda ta' EUR 298.

    3.   Jekk l-attività uffiċjali ssir barra t-territorju tal-Komunità, il-Membru jirċievi:

    a)

    allowance ta' darba ta' nofs l-ammont imsemmi fil-paragrafu 2 għall-perjodu bejn it-tluq tal-aħħar titjira konvenjenti qabel il-bidu tal-laqgħa u l-ħin tal-wasla tal-ewwel titjira konvenjenti wara l-lagħqa, jew bejn il-ħin tat-tluq u l-ħin tal-wasla tat-titjira speċjali mikrija għall-Parlament, skont kif xieraq. Dik il-parti tal-jum li taqbeż it-12-il siegħa tgħodd bħala ġurnata sħiħa. Perjodi ta' aktar minn 6 sigħat imma anqas minn 12-il siegħa jgħoddu bħala nofs ta' nhar;

    b)

    ir-rimborż tal-ispejjeż ta' alloġġ raġjonevoli li saru fil-post fejn saret il-laqgħa, fuq il-preżentazzjoni tal-irċevuta oriġinali;

    c)

    fil-każ ta' ċirkostanzi eċċezzjonali debitament ġustifikati, ir-rimborż ta' spejjeż ta' sussistenza raġjonevoli li jsiru waqt il-vjaġġ innifsu, minbarra l-ispejjeż li jsiru fl-Istat Membru fejn il-Membru jkun ġie elett.

    4.   Jekk il-kontijiet tal-lukandi li jiġu ppreżentati jkunu ta' kamra doppja, ir-rimborż ma jkunx ta' aktar minn 85 % tat-total tal-kont.

    5.   Jekk it-tul ta' żmien tal-Membru fil-post tax-xogħol ikun ta' anqas minn erba' sigħat u l-vjaġġi lejn u lura mill-post tax-xogħol isiru fl-istess jum, l-għotja ta' flus għas-sussistenza titnaqqas bin-nofs.

    Taqsima 3 :   Allowance għall-ispejjeż ġenerali

    Artikolu 25

    Dritt għal allowance

    Il-Membri huma intitolati għal allowance għall-ispejjeż ġenerali b'rata unika biex tkopri l-ispejjeż waqt l-attivitajiet parlamentari tagħhom u li mhumiex koperti minn allowances oħra skont dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni jew regoli Parlamentari oħra.

    Artikolu 26

    Il-perjodu kopert

    1.   L-allowance għall-ispejjeż ġenerali titħallas għal tul il-mandat kollu ta' Membru.

    2.   L-ammont tal-allowance ta' kull xahar skont l-Artikolu 25 huwa ta' EUR 4 202.

    3.   Il-Membri li l-mandat tagħhom jibda wara l-15-il jum tax-xahar jirċievu biss nofs l-allowance għal dak ix-xahar.

    4.   Nofs l-allowance għandha titħallas għal tul perjodu ta' tliet xhur wara x-xahar li fih jispiċċa l-mandat tal-Membri, sakemm huwa jew hija jkunu servew mill-anqas għal sitt xhur u ma jiġux eletti mill-ġdid.

    Artikolu 27

    Ħlasijiet

    Kull ħlas li jsir skont l-allowance għall-ispejjeż ġenerali għandu jsir direttament lill-Membri.

    Artikolu 28

    Spejjeż koperti

    L-allowance għall-ispejjeż ġenerali hija maħsuba biex tkopri, inter alia, l-ispejjeż li ġejjin:

    l-immaniġġjar tal-uffiċċju u l-ispejjeż tat-tħaddim tiegħu, b'mod partikulari l-kera u l-ispejjeż relatati (it-tisħin, l-elettriku, l-assikurazzjoni, it-tindif),

    l-ispejjeż tax-xiri jew tal-kera tat-tagħmir għall-uffiċċju,

    it-telefon, inkluż il-mobile, u l-ispejjeż postali,

    l-ispejjeż għall-provvisti għall-uffiċċju (stationary),

    l-ispejjeż għax-xiri ta' kotba, pubblikazzjonijiet perjodiċi u gazzetti,

    l-ispejjeż għall-użu tan-netwerks għall-konsultazzjoni tad-dejta pubblika,

    l-ispejjeż li jsiru biex il-Membri kollha jkollhom tagħmir għall-komunikazzjoni u għall-manutenzjoni ta' dan it-tagħmir, pereżempju x-xiri jew kiri ta' telefon, magna tal-faks, kompjuter, modem jew skeda għall-komunikazzjoni, printer, tagħmir ieħor tat-teknoloġija informatika, periferiċi tal-kompjuter u pakketti tas-softwer,

    l-ispejjeż ta' abbonament tal-Internet u tal-bażi tad-dejta,

    attivitajiet ta' rappreżentanza,

    spejjeż ta' lukandi u spejjeż oħra li jsiru waqt l-ivvjaġġar fl-Istat Membru minn fejn ikunu ġew eletti.

    Taqsima 4 :   Dispożizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 29

    Ripatrijazzjoni

    1.   Membru li waqt vjaġġ uffiċjali fis-sens tal-Artikolu 10(1)(a) u (2), jimrad b'mod serju jew ikun il-vittma ta' inċident għandu jkun intitolat għal rimborż tal-ispejjeż konnessi mar-ripatrijazzjoni permezz ta' ambulanza jew mezz xieraq ieħor tat-trasport, wara awtorizzazzjoni mit-tabib tal-Parlament ibbażata fuq riċetta medika maħruġa mit-tabib preżenti fil-mument. Il-Membru, jew, fejn xieraq, ir-rappreżentant tiegħu jew tagħha, jista' jitlob li r-ripatrijazzjoni ssir lejn wieħed mill-postijiet ta' ħidma tal-Parlament jew lejn il-post ta' residenza tiegħu jew tagħha.

    2.   Fil-każ tal-mewt ta' Membru waqt vjaġġ uffiċjali bħal dan, jistgħu jkunu rimborżati wkoll l-ispejjeż li jsiru għat-trasport tal-katavru lejn il-post tar-residenza tiegħu.

    3.   Jekk meħtieġ, l-ispejjeż tar-ripatrijazzjoni li tagħhom il-werrieta tal-Membru jistgħu jiksbu rimborż minn assikurazzjoni privata, jitnaqqsu mill-ammont rimborżat mill-Parlament.

    Artikolu 30

    Assistenza għal Membri b'diżabilità

    Il-Kwesturi jistgħu, fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali u wara li jikkonsultaw mat-tabib tal-Parlament, jawtorizzaw lill-Parlament li jħallas xi spejjeż meħtieġa sabiex Membru b'diżabilità serja jingħata l-assistenza li jeħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu jew tagħha. Il-grad ta' diżabilità u kemm huma xierqa l-faċilitajiet proposti sabiex il-Membru jkun jista' jaqdi dmirijietu għandhom ikunu kkonfermati kull tant żmien mit-tabib tal-Parlament. L-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kwesturi għandha tistipula l-arranġamenti għall-għoti ta' assistenza u l-perjodu li fih se tingħata.

    Artikolu 31

    Perjodi ta' assenza

    1.   L-allowance għas-sussistenza msemmija fl-Artikolu 24 titnaqqas b'50% għal kull jum li fih il-Membru jkun assenti għal aktar minn nofs il-votazzjonijiet li jsiru nhar ta' Tlieta, l-Erbgħa u l-Ħamis waqt is-sessjonijiet parzjali fi Strasburgu u t-tieni jum tas-sessjonijiet parzjali fi Brussell.

    2.   Kwalunkwe Membru li, waqt sena parlamentari (mill-1 ta' Settembru sal-31 ta' Awwissu), jkun assenti għal mill-anqas 50 % tal-jiem li jistabbilixxi l-Bureau għas-sessjonijiet plenarji tal-Parlament għandu jirrimborża lill-Parlament 50 % tal-allowance għal spejjeż ġenerali, kif stipulat fl-Artikolu 25, għal dak il-perjodu relatat.

    3.   Kull perjodu ta' assenza msemmi fil-paragrafu 2 jista' jkun skużat mill-President minħabba mard jew ċirkostanzi familjari serji, jew il-preżenza tal-Membru kkonċernat f'post ieħor fuq missjoni f'isem il-Parlament. Għandhom jiġu ppreżentati dokumenti ta' verifika lill-Kwesturi sa mhux aktar tard minn xahrejn mid-data li fiha beda l-perjodu ta' assenza.

    4.   Membru li tkun waqt il-perjodu ta' tqala għandha tkun skużata mil-laqgħat uffiċjali tal-Parlament għal perjodu ta' tliet xhur qabel it-twelid tat-tarbija. Il-Membru għandha tippreżenta ċertifikat mediku li jindika d-data probabbli tat-twelid. Wara t-twelid, il-Membru għandha tkun skużata milli tattendi l-laqgħat uffiċjali għal perjodu ta' sitt xhur. Il-Membru għandha tippreżenta kopja taċ-ċertifikat tat-twelid tat-tarbija.

    Artikolu 32

    Sanzjonijiet taħt forma ta' multa

    1.   Il-Membri li skont l-Artikolu 146 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jkunu ġew esklużi mill-Kamra jitilfu d-dritt għall-allowance għas-sussistenza msemmija fl-Artikolu 24 waqt il-perjodu kollu tal-esklużjoni tagħhom.

    2.   Il-Membri jitilfu d-dritt għall-allowance għas-sussistenza fil-każjijiet imsemmija fl-Artikolu 147 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament.

    KAPITOLU 5

    Assistenza mill-istaff personal

    Artikolu 33

    Il-ħlas ta' spejjeż għall-assistenza parlamentari

    1.   Il-Membri huma intitolati għal assistenza minn staff personali li jagħżlu huma stess. Il-Parlament għandu jħallas l-ispejjeż li fil-fatt isiru u dawk li jirriżultaw direttament u esklussivament mill-impjegar ta' assistent wieħed jew aktar jew mill-użu ta' fornituri ta' servizz skont dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni u l-kundizzjonijiet stipulati mill-Bureau.

    2.   Jistgħu jitħallsu biss l-ispejjeż għal assistenza li jirrigwardaw b'mod neċessarju u dirett it-twettiq tal-mandat parlamentari tal-Membru. Taħt l-ebda ċirkostanza ma jistgħu jitħallsu spejjeż marbuta mal-ħajja privata tal-Membru.

    3.   L-ispejjeż jitħallsu tul il-kariga kollha tal-Membru.

    4.   L-ammont massimu kull xahar ta’ spejjeż imħallsa għall-membri tal-istaff personali msemmija fl-Artikolu 34 huwa ffissat għal EUR 17 540.

    5.   Meta l-kariga ta' Membru ma tibdiex fl-ewwel jum tax-xahar jew ma tispiċċax fl-aħħar jum tax-xahar, l-ispejjeż għall-assistenza parlamentari mħallsa għal dak ix-xahar jiġu kkalkulati pro rata.

    Artikolu 34

    Prinċipji ġenerali

    1.   Il-Membri għandhom jużaw:

    a)

    għal assistenti parlamentari rreġistrati skont l-Artikolu 2 tal-Anness IX tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, li jkunu impjegati f'wieħed mit-tliet postijiet ta' ħidma tal-Parlament skont il-ftehimiet legali speċifiċi adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 283 tat-Trattat KE u li l-kuntratti tagħhom jiġu konklużi u amministrati direttament mill-Parlament;u

    b)

    lil persuni naturali li jassistuhom fl-Istati Membri fejn ikunu ġew eletti u li magħhom ikunu ffirmaw kuntratt ta' impjieg jew ta’ servizz mal-Membri skont il-liġi nazzjonali applikabbli, skont il-kundizzjonijiet stipulati f'dan il-kapitolu, minn issa 'l quddiem imsejħa “assistenti lokali”.

    2.   Diversi Membri jistgħu jingħaqdu flimkien biex jimpjegaw jew jagħmlu użu b'mod konġunt mis-servizzi ta' assistent wieħed jew aktar kif imsemmi fil-paragrafu 1. F'dan il-każ, il-Membri kkonċernati għandhom jinnominaw minn fosthom, il-Membru/i awtorizzat(i) biex jiffirma(w) kuntratti, f'isem il-Membri kkonċernati. Għandha tiġi annessa dikjarazzjoni tal-għamla tal-grupp ta' Membri mal-kuntratt konkluż individwalment mal-assistent parlamentari kkonċernat.

    F'din id-dikjarazzjoni l-Membri għandhom jistipulaw is-sehem rispettiv li għandu jitnaqqas mill-ammont imsemmi fl-Artikolu 33(4).

    3.   L-Artikoli 35 sa 42 ma japplikawx għall-assistenti parlamentari reġistrati.

    4.   Jistgħu jitħallsu wkoll spejjeż marbuta ma' ftehimiet ta' apprendistat, imsejsa fuq il-kundizzjonijiet stipulati mill-Bureau.

    5.   Bla ħsara għall-paragrafu 1(b), il-Membri jistgħu jirrikorru għall-forniment ta’servizzi biex jibbenefikaw minn servizzi identifikati sew u direttament marbuta mal-ħidma tal-mandat parlamentari tagħhom, bil-kundizzjonijiet previsti f'dan il-kapitolu.

    6.   Ebda forniment ta’ servizzi ma jista’ jinkludi d-disponibilità ta' staff.

    Artikolu 35

    Aġenti tal-ħlas

    1.   Il-kuntratti kollha ta' impjieg u ta’ forniment ta’ servizzi konklużi bejn Membru jew grupp ta’ Membri għandhom ikunu bilfors ġestiti minn aġent ta’ ħlas stabbilit fi Stat Membru ta' l-UE.

    2.   Is-servizzi ta’ dan l-aġent ta’ ħlas huma mwettqa minn persuna naturali jew ġuridika li għanda l-kapaċità li teżerċita, fi Stat Membru, attività professjonali fir-rigward tal-aspetti finanzjarji u soċjali tal-kuntratti ta' impjieg jew tal-kuntratti ta' forniment ta' servizzi (11) fl-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali.

    3.   Il-Membri għandhom il-fakultà, f’dak li jikkonċerna l-kuntratti msemmija fil-paragrafu 1, li:

    a)

    jikkonkludu kuntratt individwal ma’ aġent ta’ ħlas tal-għażla tagħhom li jkun inkarigat mill-ħidma prevista fl-artikolu 36(5);

    b)

    jagħmlu użu mis-servizzi ta' aġent tal-ħlas magħżul mill-Parlament; f’dan ir-rigward, il-Parlament jagħmel lista ta’ aġenti ta’ ħlas li jkun fiha talanqas aġent ta' ħlas minn kull Stat Membru;

    c)

    jibbenefika minn servizzi offruti minn parlament nazzjonali li jkun qed jaġixxi ta' aġent ta' ħlas.

    L-ispejjeż li jirriżultaw mir-rikors għal servizz ta’ aġent ta’ ħlas huma koperti mill-ammont stipulat fl-Artikolu 33(4).

    4.   Il-kuntratt għandu jiġi konkluż mal-aġent ta' ħlas mill-Membru, fil-każ previst fil-paragrafu 3(a), jew mill-Parlament, fil-każ previst fil-paragrafu 3(b), fuq il-bażi ta’ kuntratt standard approvat mill-Bureau għal kull wieħed miż-żewġ każijiet imsemmija hawn fuq.

    Il-kuntratt standard għandu jistabbilixxi, b’konformità ma’ dan il-kapitolu, il-metodi ta’ ħlas għall-kuntratti previsti fil-paragrafu 1, , kif ukoll il-ħlas u r-responsabilità tal-aġent ta’ ħlas.

    5.   Fil-każ previst fil-paragrafu 3(c), il-Parlament għandu jikkonkludi ftehima amministrattiva mal-parlament nazzjonali kkonċernat, li tiddefinixxi l-ftehim dwar il-ħlasijiet għall-kuntratti kollha previsti fil-paragrafu 1, b'konformita' ma’dan il-kapitolu.

    Artikolu 36

    Modi ta’ mmaniġġjar tal-kuntratti mal-istaff kuntrattwali

    1.   L-aġent tal-ħlas għandu jiżgura li l-liġi nazzjonali u Komunitarja tiġi applikata sewwa, b'mod partikulari f'dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali u l-obbligi fiskali marbuta mal-kuntratt li jamministra.

    2.   Il-ħlas dovut lill-aġent ta’ ħlas isir fuq preżentazzjoni ta' rċevuti korrispondenti.

    3.   Il-Membri għandhom jipprovdu lill-aġenti tal-ħlas tagħhom id-dokumenti u l-informazzjoni kollha li jeħtieġu sabiex jiżguraw il-legalità u l-immaniġġjar tajjeb tal-kuntratti li jkunu fdati lilhom, u b’mod partikolari id-dokumenti u l-informazzjoni previsti fl-Artikolu 37(2), l-Artikolu 38(1)(a), l-Artikolu 40, l-Artikolu 41(1)(a) u l-Artikolu 42.

    4.   Fil-każijiet previsti fl-Artikolu 35(3)(b) u (c), il-Parlament għandu jħallas lill-aġenti ta’ ħlas l-ammonti dovuti taħt il-kuntratti fdati lilu wara li jirċievi d-dokumenti ta' verifika meħtieġa. Il-Parlament jgħaddi s-salarju nett direttament lill-assistenti li magħhom il-Membru jkun ikkonkluda kuntratt ta' impjieg, sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprjobixxix lill-aġent ta’ ħlas milli jagħmel dan.

    5.   Fil-każ previst fl-Artikolu 35 (3)(a), il-Parlament, fuq talba tal-Membru jew f’isem il-Membru u wara li jirċievi d-dokumenti ta' verifika meħtieġa, iħallas is-salarju nett direttament lill-assistenti. L-aġent ta’ ħlas għandu jikkomunika mingħajr dewmien lis-servizz kompetenti l-ammonti ta' ħlas ta’ servizzi soċjali u ta’ taxxa, u jipprepara l-payslip.

    Fin-nuqqas ta’ talba mill-Membru japplika l-paragrafu 4.

    6.   F’każ li ċ-ċirkustanzi jirrikjedu mod ieħor, il-Parlament jista’, fil-kuntest ta’ kuntratt ta' impjieg u fuq talba tal-Membru, iħallas pagament bil-quddiem bħala parti mill-ħlasijiet imsemmija fil-paragrafi 4 u 5. Il-ħlas ta' pagamenti bil-quddiem bħal dawn tibqa' r-responsabilità sħiħa tal-aġenti tal-ħlas u għandha titwettaq skont dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni u l-liġi nazzjonali applikabbli.

    Artikolu 37

    Applikazzjoni għall-ħlas tal-ispejjeż għall-assistenza parlamentari

    1.   Applikazzjoni għall-ħlas tal-ispejjeż għall-assistenza parlamentari skont l-Artikolu 34(1)(b), (2),(4) u (5), fejn ikun hemm ippreċiżati l-benefiċjarji u l-ammonti tal-ħlas li għandu jsir, għandha titressaq lid-dipartiment kompetenti mill-aġent tal-ħlas wara li tkun ġiet kontrafirmata mill-Membri parlamentari kollha kkonċernati. Din għandha tkun ippreżentata flimkien mad-dokumenti ta' verifika msemmija fl-Artikolu 38 fir-rigward ta' kuntratti ta' impjieg u dawk imsemmija fl-Artikolu 41 fir-rigward ta' kuntratti għal servizzi.

    2.   Il-Membri għandhom jinfurmaw minnufih lill-aġenti tal-ħlas tagħhom u lid-dipartiment kompetenti dwar kull bdil fir-relazzjoni kuntrattwali tagħhom u fl-istruzzjonijiet rigward il-ħlasijiet, billi jindikaw il-bdil li jkun sar fil-kuntratt.

    L-aġent tal-ħlas għandu jgħaddi din l-informazzjoni mingħajr dewmien, flimkien mad-dokumenti ta' verifika korrispondenti, lid-dipartiment kompetenti.

    Artikolu 38

    Id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati fir-rigward ta' kuntratt ta' impjieg

    1.   Fil-każ fejn ikun diġà ġie ffirmat kuntratt ta' impjieg, meta l-aġent tal-ħlas iressaq applikazzjoni għall-ħlas ta' spejjeż huwa għandu jibgħat lid-dipartiment kompetenti, fi żmien 30 jum mill-bidu tal-kuntratt:

    a)

    kopja tal-kuntratt ta' impjieg li l-Membru parlamentari jkun ikkonkluda mal-assistent lokali tiegħu;

    b)

    dokument li jixhed li l-assistent lokali jagħmel parti minn skema tas-sigurtà soċjali u li jsemmi lill-Membru parlamentari bħala l-persuna li timpjegah;

    c)

    ċertifikat ta' assikurazzjoni kontra l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, fil-każ li l-liġi nazzjonali applikabbli hekk teħtieġ;

    d)

    kopja tal-kuntratt konkluż bejn il-Membru parlamentari u l-aġent tal-ħlas magħżul minnu msemmi fl-Artikolu 35(3)(a), jew tal-mandat mogħti lill-aġent tal-ħlas tal-Parlament imsemmi fl-Artikolu 35(3)(b);

    e)

    kalkolu li juri d-dettalji tas-salarji, tal-kontributi ta' min iħaddem u l-impjegat u spejjeż oħra li probabbli jridu jitħallsu waqt is-sena, li jqisu l-obbligi kuntrattwali, inklużi spejjeż għal missjonijiet eventwali, u d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali.

    2.   Fil-każijiet fejn jiġi ffirmat kuntratt ta' impjieg ġdid, id-dokument li jixhed l-isħubija fi skema tas-siġurtà soċjali u ċ-ċertifikat ta' assikurazzjoni kontra l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol iridu jiġu ppreżentati mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-data li fiha jidħol fis-seħħ il-kuntratt. Meta l-kuntratt jkun għal perjodu ta' anqas minn tliet xhur, dan l-obbligu jrid jiġi onorat minnufih.

    Artikolu 39

    Obbligi marbuta ma' kuntratt ta' impjieg

    1.   Għal perjodu stipulat mil-liġi nazzjonali applikabbli u mill-anqas għal sena wara l-mandat parlamentari kkonċernat, l-aġenti tal-ħlas għandhom iżommu reġistru ta' ħlasijiet li juru l-ammonti li tħallsu f'pagi u f'taxxi u f'kontributi għas-sigurtà soċjali (kif imħallsa mill-impjegat u minn min iħaddem). Jekk il-kuntratt mal-aġent tal-ħlas jintemm qabel tmiem il-mandat tal-Membru parlamentari, kopja ċertifikata tad-dokumenti msemmija hawn fuq għandha tingħata mingħajr dewmien lill-aġent tal-ħlas il-ġdid magħżul mill-Membru parlamentari msemmi fl-Artikolu 35(3)(a), jew inkella, jekk ma jkunx jeżisti dan l-aġent, lill-aġent tal-ħlas tal-Parlament imsemmi fl-Artikolu 35(3)(b).

    2.   Għal kull wieħed mill-assistenti impjegati, l-aġent tal-ħlas, sa mhux aktar tard mit-30 ta' Marzu ta' wara s-sena finanzjarja ta' referenza u wara li jintemm il-kuntratt ta' l-assistent, għandu jagħti lid-dipartiment kompetenti bilanċi relatati mal-ispejjeż dovuti għall-impjegati, it-tnaqqis fiskali, il-kontributi soċjali u kull spejjeż oħra rimborżabbli, u dan b'mod partikolari għal skopijiet ta' regolarizzazzjoni tal-avvanzi mħallsa,. Huwa għandu jiċċertifika li twettqu l-obbligi kollha taħt il-liġi nazzjonali applikabbli.

    Dawn il-bilanċi għandhom jitfasslu skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-Parlament.

    3.   Wara li ssir verifika tal-bilanċi ċertifikati, għandha tintbgħat notifika lill-aġenti tal-ħlas sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju wara li jkunu waslu l-bilanċi, flimkien ma' kopji lill-Membru parlamentari, fejn jingħad jekk il-ħlasijiet li saru kinux regolari jew le u liema dokumenti huma nieqsa u għad jeħtieġ li jiġu ppreżentati. F'każ li jintemm il-kuntratt tal-aġent tal-ħlas, in-notifika għandha tiġi indirizzata l-iktar tard sa xagħrejn wara li jkunu waslu l-bilanċi.

    Jekk notifika bħal din tindika li l-ħlasijiet mhumiex regolari, għandhom jiġu ppreżentati lid-dipartiment kompetenti d-dokumenti meħtieġa sabiex jiġu regolarizzati sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju jew, fil-każijiet meta l-kuntratt tal-aġent tal-ħlas ikun intemm, fi żmien xahar wara n-notifika. Fin-nuqqas ta' dan, il-Parlament għandu japplika l-Artikoli 67 u 68.

    Artikolu 40

    Spejjeż tat-tmiem ta' kuntratt ta' impjieg

    1.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 33(3), jistgħu jitħallsu l-ispejjeż addizzjonali li jsiru minħabba t-tmiem ta' kuntratti ta' impjieg bejn il-Membri u l-assistenti lokali tagħhom u minħabba l-fatt li tintemm il-kariga tagħhom, sakemm dawk l-ispejjeż isiru minħabba konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli dwar ix-xogħol, kif ukoll minħabba ftehimiet kollettivi.

    2.   Il-paragrafu 1 ma japplikax jekk:

    a)

    il-Membru kkonċernat jiġi elett mill-ġdid immedjatament għall-Parlament li jmiss;

    b)

    il-Membru kkonċernat ikunu ilu fil-kariga għal anqas minn sitt xhur;

    c)

    il-Membru kkonċernat ikun naqas milli jikkonforma mal-obbligi legali marbuta mat-tmiem tal-kuntratt ta' impjieg, inkluża n-notifika ta' tmiem l-impjieg, fi żmien meħtieġ qabel it-tmiem tal-kariga tiegħu jew tagħha, minbarra fil-każijiet fejn it-tmiem tal-kariga ma setgħax jitbassar minn qabel;

    d)

    l-assistent ikkonċernat jirċievi salarju ieħor minn istituzzjoni Komunitarja jew huwa impjegat minn Membru ieħor jew minn grupp ta' Membri fil-perjodu kkonċernat;

    e)

    l-ispejjeż ikkonċernati jirriżultaw minn ftehim speċifiku bejn il-partijiet jew minn deċiżjoni li jingħata bonus addizzjonali barra l-obbligi statutarji jew miftiehma b'mod kollettiv, dwar it-tmiem ta' kuntratt ta' impjieg.

    3.   Applikazzjoni għal ħlas tal-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1, li tippreċiża l-bażi legali u li tkun ġiet kontrafirmata mill-Membru parlamentari, għandha titressaq lid-dipartiment kompetenti mill-aġent tal-ħlas sa mhux aktar tard minn tleit xhur wara tmiem il-mandat tal-Membru kkonċernat.

    4.   Meta jkun jeħtieġ mil-liġi nazzjonali tax-xogħol li l-Membri jħallsu, fir-rigward ta' spejjeż li jaqgħu fl-ambitu tal-paragrafu 1, ammont li jkun ogħla minn tliet darbiet iktar ta' dak imsemmi fl-Artikolu 33(4), spejjeż bħal dawn jitħallsu fuq bażi eċċezzjonali, wara l-preżentazzjoni ta' dokumenti ta' verifika debitament stabbiliti li għandhom ikunu ċċertifikati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. L-applikazzjonijiet għall-ħlas għandhom jiġu ppreżentati skont il-proċedura stipulata fil-paragrafu 3.

    Artikolu 41

    Id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati fir-rigward ta' kuntratt għal għoti ta' servizz

    1.   F'każ ta' kuntratt għal għoti ta' servizzi previst fl-Artikolu 34(1)(b) jew fl-Artikolu 34(5), meta l-aġent tal-ħlas iressaq applikazzjoni għal ħlas, huwa għandu jagħti lid-dipartiment kompetenti:

    a)

    kopja tal-kuntratt għal għoti ta' servizz li l-Membru ffirma mal-fornitur ta' servizz tiegħu, li juri b'mod ċar in-natura tas-servizzi li għandhom jingħataw;

    b)

    dokument li jixhed in-numru ta' reġistrazzjoni tal-VAT tal-fornitur ta' servizz jew, jekk ikun eżenti milli jkun irreġistrat għall-VAT, ir-raġuni tal-eżenzjoni u dokument ieħor li jixhed li l-fornitur ta' servizz huwa stabbilit b'mod legali u kif xieraq;

    c)

    kopja tal-kuntratt konkluż bejn il-Membru u l-aġent tal-ħlas magħżul minnu msemmi fl-Artikolu 35(3)(a), jew tal-mandat mogħti lill-aġent tal-ħlas tal-Parlament imsemmi fl-Artikolu 35(3)(b).

    2.   L-għoti ta' servizzi provdut fuq bażi regolari jew okkażjonali jitħallas fuq preżentazzjoni min-naħa tal-aġent tal-ħlas lid-dipartiment kompetenti ta' irċevuta dettaljata dwar il-prestazzjoni li tkun saret.

    L-aġent tal-ħlas għandu jiċċertifika li l-irċevuti ppreżentati jkunu konformi mal-liġi nazzjonali applikabbli, b'mod partikulari f'dak li jirrigwarda l-VAT fuq is-servizzi pprovduti fuq bażi regolari. Meta xi servizzi jkun eżenti mill-VAT, l-aġent tal-ħlas għandu jkun żgur li jkunu ġew rispettati l-obbligi fiskali u ta' sigurtà soċjali tal-fornitur ta' servizz.

    L-ammont massimu ta' ħlas fir-rigward tas-servizzi pprovduti ma jistax jaqbeż il-25 % tal-ammont stipulat fl-Artikolu 33(4). Dan l-ammont jista' jintuża fuq bażi kumulattiva u annwali.

    3.   L-aġent tal-ħlas għandu jħejji rapport li jelenka s-servizzi pprovduti waqt il-perjodu kkonċernat u jgħaddieh lid-dipartimenti kompetenti sa mhux aktar tard mit-30 ta' Marzu ta' wara tmiem is-sena finanzjarja ta' referenza u wara t-tmiem tal-kuntratt tiegħu jew tagħha.

    Dan ir-rapport għandu jiċċertifika li l-operazzjonijiet rilevanti saru skont id-dispożizzjonijiet previsti mil-liġi nazzjonali applikabbli.

    4.   Wara li ssir verifika tar-rapport, għandha tintbgħat notifika lill-aġenti tal-ħlas sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju, flimkien ma' kopji lill-Membru parlamentari, fejn jingħad jekk il-ħlasijiet li saru kinux regolari jew le u liema dokumenti huma nieqsa u għad jeħtieġ li jiġu ppreżentati. F'każ li jintemm il-kuntratt tal-aġent tal-ħlas, in-notifika għandha tiġi indirizzata l-iktar tard sa xahrejn wara li jkunu waslu l-bilanċi.

    Jekk notifika bħal din tindika li l-ħlasijiet mhumiex regolari, għandhom jiġu ppreżentati lid-dipartiment kompetenti d-dokumenti meħtieġa sabiex jiġu regolarizzati sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju jew, fil-każijiet meta l-kuntratt tal-aġent tal-ħlas ikun intemm, fi żmien xahar wara n-notifika. Fin-nuqqas ta' dan, il-Parlament għandu japplika l-Artikoli 67 u 68.

    Artikolu 42

    Spejjeż straordinarji

    Meta l-assistent lokali impjegat permezz ta' kuntratt ta' impjieg ikun assenti għal perjodu li jaqbeż it-tliet xhur, jew fuq liv tat-tqala jew minħabba mard serju, il-parti tal-ispejjeż għas-sostituzzjoni tiegħu jew tagħha mir-raba' xahar tan-nuqqas tiegħu jew tagħha, li ma jkunux koperti mill-benefiċċji tal-impjegat imħallsa taħt l-iskema nazzjonali tas-sigurtà soċjali applikabbli, jistgħu jitħallsu lura anki aktar mill-ogħla ammont imsemmi fl-Artikolu 33(4). Applikazzjoni għal ħlas ta' dawn l-ispejjeż għandha titressaq lid-dipartiment kompetenti mill-aġent tal-ħlas u kontrafirmata mill-Membru parlamentari.

    Artikolu 43

    Spejjeż li ma jiġux rimborsati

    L-ammonti mħallsa skont dan il-kapitolu ma jistgħux jintużaw direttament jew indirettament:

    a)

    għall-iffinanzjar ta' kuntratti konklużi mal-gruppi politiċi tal-Parlament jew ma' partiti politiċi;

    b)

    għall-ħlas ta' spejjeż li jistgħu jkunu rimborsati minn għotjiet oħra ta' flus previsti f'dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni jew f'dispożizzjonijiet oħra tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament;

    c)

    għall-ħlas ta' spejjeż marbuta ma' kuntratt għall-għoti ta' servizzi meta dan jista' joħloq kunflitt ta' interessi, b'mod partikulari meta Membru jew wieħed mill-persuni msemmija fil-punt (d):

    huwa l-propjetarju assolut jew ta' parti minn kumpanija jew organizzazzjoni li taħdem bi profitt li tipprovdilu servizz,

    jagħmel parti mill-bord tad-diretturi jew minn korp eżekuttiv ieħor ta' kumpanija jew organizzazzjoni li tipprovdilu servizz,

    għandu aċċess għall-kont bankarju tal-fornitur ta' servizz tiegħu,

    għandu interess jew jikseb benefiċċju finanzjarju ta' kwalunkwe tip mill-attivitajiet tal-fornitur ta' servizz tiegħu;

    d)

    għall-finanzjament tal-kuntratti li jippermettu impjieg jew użu tas-servizzi tal-konjuġi tal-Membri parlamentari jew tal-imsieħba stabbli tagħhom mhux miżżewġin, hekk kif definit fl-Artikolu 58(2), jew tal-ġenituri, tfal u l-aħwa tagħhom.

    KAPITOLU 6

    Il-proviżjoni ta' tagħmir u faċilitajiet

    Artikolu 44

    Il-proviżjoni ta' tagħmir u faċilitajiet

    1.   Il-Bureau jistabbilixxi r-regoli relatati mal-proviżjoni ta' tagħmir u faċilitajiet lill-Membri parlamentari, partikolarment rigward:

    l-użu ta' vetturi uffiċjali,

    l-użu ta' għamara għall-uffiċċji tal-Membri,

    il-proviżjoni ta' tagħmir tat-Teknoloġija Informatika u t-telekomunikazzjonijiet għall-Membri,

    il-provvisti għall-kitba (stationary),

    l-użu mill-Membri u mill-gruppi politiċi tal-ispazju għall-uffiċċju li jitpoġġa għad-dispożizzjoni tagħhom fl-uffiċċju tal-informazzjoni tal-Parlament,

    l-ipproċessar ta' karti tal-Membri li jingħataw taħt forma ta' rigal jew legat lil istitut, assoċjazzjoni jew fondazzjoni,

    l-arranġamenti li permezz tagħhom il-Membri li jtemmu l-kariga tagħhom waqt il-leġiżlatura jkunu jistgħu jibgħatu l-effetti personali tagħhom mill-uffiċċji fi Brussell jew Strasburgu lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom,

    l-użu ta' roti tas-servizz,

    korsijiet ta' lingwa u tal-kompjuter għall-Membri.

    2.   Il-Bureau jista' wkoll jadotta dispożizzjonijiet li jagħtu aċċess għall-faċilitajiet tal-Parlament, lill-Presidenti preċedenti tal-Parlament waqt il-kariga tagħhom u lil ex- Membri.

    TITOLU II

    IT-TMIEM TAL-MANDAT PARLAMENTARI

    KAPITOLU 1

    Allowance tranżitorju

    Artikolu 45

    Dritt għall-allowance tranżitorju

    B'effett mill-ewwel jum tax-xahar wara t-tmiem tad-dmirijiet tagħhom, l-ex Membri se jkollhom id-dritt għall-allowance tranżitorju msemmija fl-Artikolu 13 tal-Istatut tal-Membri.

    Artikolu 46

    Skadenza

    1.   L-ex Membri m'għandhomx id-dritt li jirċievu l-allowance għat-tranżizzjoni jekk ikollhom mandat f'parlament ieħor jew ikollhom kariga pubblika.

    2.   Id-dritt għall-allowance tranżitorju jieqaf meta ex-Membru jaċċetta mandat f'parlament ieħor jew jaċċetta kariga pubblika. Meta jiġri dan, l-allowance tranżitorju jitħallas sal-aħħar jum qabel ma l-ex Membru jassumi l-karigi l-ġodda tiegħu.

    3.   Għall-iskop ta' dan l-Artikolu, “parlament ieħor” kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 ifisser kwalunkwe parlament stabbilit fi Stat Membru u li għandu poteri leġiżlattivi.

    4.   “Kariga pubblika” kif imsemmija fil-paragrafu 1 u 2 tfisser dan li ġej:

    a)

    postijiet bi ħlas u eletti li jinvolvu l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta' awtorità pubblika;

    b)

    kariga fi gvern nazzjonali jew reġjonali;

    c)

    kariga ta' uffiċjal anzjan li għandu awtorità pubblika, kariga ta' uffiċjal jew membru ta' istituzzjoni Komunitarja.

    Artikolu 47

    Il-bilanċ tal-ħlasijiet

    1.   Meta ex-Membru fl-istess ħin ikollu d-dritt li jirċievi allowance tranżitorju u pensjoni tal-età jew tal-invalidità kif imsemmi fl-Artikoli 14 u 15 tal-Istatut tal-Membri, l-ex Membru jirċievi waħda miż-żewġ possibilitajiet ta' ħlas li jagħżel. Huwa għandu jinnotifika lis-Segretarju Ġenerali bl-għażla tiegħu sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara t-tmiem tal-mandat tiegħu. Din id-deċiżjoni tkun irrevokabbli.

    2.   Jekk l-ex Membru jagħżel li jirċievi l-allowance tranżitorju, il-ħlas tal-pensjoni tal-età jew tal-invalidità jieqaf tul iż-żmien li jirċievi l-allowance tranżitorju.

    Artikolu 48

    Il-proċedura

    1.   Sabiex ikun possibbli li jirċievi l-allowance tranżitorju, ex-Membru għandu jagħmel applikazzjoni lis-Segretarju Ġenerali sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara t-tmiem tal-mandat tiegħu jew tagħha, u magħha jehmeż dikjarazzjoni solenni fejn jagħti l-kelma tiegħu/tagħha li mhux qed t/iwettaq l-ebda wieħed mid-dmirijiet imsemmija fl-Artikolu 46.

    2.   Jekk ikun japplika l-Artikolu 47(1), id-deċiżjoni msemmija hawn trid tinhemeż ma' din id-dikjarazzjoni.

    3.   Kwalunkwe bidla fil-kundizzjonijiet għad-dritt li tingħata l-allowance tranżitorju, li tista' tkun teħtieġ bidla f'dan id-dritt, għandha tkun innotifikata minnufih lis-Segretarju Ġenerali. Fil-każ ta' dubju, is-Segretarju Ġenerali jista' jitlob lill-persuna kkonċernata sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

    4.   Jekk is-Segretarju Ġenerali jsir jaf, fuq il-bażi ta' fatti li jistgħu jiġu verfikati minn sorsi disponibbli għall-pubbliku, li ex-Membru qed iwettaq id-dmirijiet imsemmija fl-Artikolu 46, huwa għandu jissospendi l-ħlas tal-allowance tranżitorju u jinforma kif xieraq lill-persuna kkonċernata.

    5.   Ex-Membru jista' jirrinunċja fi kwalunkwe ħin għad-dritt tiegħu/tagħha li t/jieħu l-allowance tranżitorju. Huwa għandu jinnotifika lis-Segretarju Ġenerali b'din id-deċiżjoni.

    KAPITOLU 2

    Pensjoni tal-età

    Artikolu 49

    Dritt għal pensjoni tal-età

    1.   Wara t-tmiem tal-kariga tagħhom, il-Membri li wettqu l-mandat tagħhom għal mill-anqas sena sħiħa jkollhom id-dritt tul ħajjithom kollha li jirċievu pensjoni tal-età li titħallas mill-ewwel jum tax-xahar li jiġi immedjatament wara x-xahar li fih jagħlqu l-età ta' 63 sena.

    2.   Il-ħlas tal-pensjoni tal-eta' għandu jitwaqqaf fil-każ li benefiċjarju ta' pensjoni jerġa' jiġi elett fil-Parlament. Drittijiet għal pensjoni tal-età li jinkisbu bħala riżultat ta' mandat ġdid jingħaddu mad-drittijiet għal pensjoni tal-età li jkunu nkisbu qabel ma jkun/tkun elett jew eletta mill-ġdid. Il-ħlas ta' pensjoni tal-età jerġa jibda meta Membru jirrinunċja għall-mandat tiegħu fil-Parlament.

    3.   Meta bosta mandati ta' Membru wieħed ikunu separati minn perjodu ta' żmien, il-perjodi tal-mandati kollha jingħaddu flimkien għal skop ta' kalkolu tal-pensjoni tal-età.

    Artikolu 50

    Projbizzjoni milli jirċievu żewġ pensjonijiet f'daqqa

    1.   Pensjoni tal-età li Membru jirċievi b'rizultat ta' mandat li huwa wettaq f'parlament ieħor fl-istess ħin ma' dak tal-Parlament Ewropew tiġi bbilanċjata mal-pensjoni msemmija f'dan il-kapitolu.

    2.   “Parlament ieħor” kif imsemmi fil-paragrafu 1 ifisser il-parlament iddefinit fl-Artikolu 2(2).

    3.   Il-kalkolu għandu jsir fuq it-total taż-żewġ salarji qabel ma titnaqqas it-taxxa.

    4.   Kwalunkwe ex-Membru li wettaq mandat f'parlament ieħor fl-istess ħin mal-mandat tal-Parlament għandu jiddikjara l-pensjoni tal-età li għandu d-dritt jirċievi minħabba l-mandat fil-parlament l-ieħor.

    KAPITOLU 3

    Pensjoni tal-invalidità

    Artikolu 51

    Dritt għal pensjoni tal-invalidità

    1.   Membru, li skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 55, ikun verifikat li jbati minn invalidità totali li żżommu milli jwettaq dmirijietu u li minħabba f'hekk jirriżenja, ikollu d-dritt li jirċievi pensjoni ta' invalidità mid-data tar-riżenja tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3.

    2.   Dan id-dritt għal pensjoni ta' invalidità jispiċċa hekk kif il-Membru jonqos milli jagħti notifika tar-riżenja tiegħu fi żmien tliet xhur mid-data li fiha jkun ġie nnotifikat bid-deċiżjoni li tistabbilixxi l-invalidità tiegħu.

    3.   Id-dritt għal pensjoni ta' invalidità jibda fi tmiem il-leġiżlatura parlamentari li waqtha sseħħ l-invalidità:

    a)

    jekk il-Membru ma jkunx jista' jagħti r-riżenja tiegħu minħabba l-invalidità; jew

    b)

    jekk id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-invalidità tkun ġiet adottata wara t-tmiem tal-leġiżlatura parlamentari li waqtha tkun inbdiet il-proċedura msemmija f'dan l-Artikolu; jew

    c)

    jekk l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 2 ma tkunx għaddiet.

    Artikolu 52

    Il-kalkolu tal-pensjoni ta' invalidità

    1.   L-ammont ta' pensjoni ta' invalidità għandu jkun ta' 3,5 % tas-salarju msemmi fl-Artikolu 10 tal-Istatut tal-Membri għal kull sena sħiħa ta' twettiq tal-mandat, u wieħed minn tnax għal kull xahar sħiħ, imma ma tistax tkun anqas minn 35 % tas-salarju msemmi, filwaqt li ma tistax tkun aktar minn 70 %.

    2.   Ir-regoli dwar il-kalkolu tal-pensjoni tal-età għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-kalkolu tal-pensjoni ta' invalidità.

    Artikolu 53

    Projbizzjoni milli jirċievu żewġ pensjonijiet f'daqqa

    1.   Pensjoni ta' invalidità li jirċievi ex-Membru bħala rizultat ta' mandat li huwa wettaq f'parlament ieħor fl-istess ħin ma' dak tal-Parlament Ewropew tiġi kkumpensata mal-pensjoni ta' invalidità.

    2.   “Parlament ieħor” kif imsemmi fil-paragrafu 1 ifisser il-parlament imsemmi fl-Artikolu 2(2).

    3.   Kwalunkwe ex-Membru li wettaq mandat f'parlament ieħor fl-istess żmien tal-mandat tal-Parlament għandu jiddikjara l-pensjoni ta' invalidità li għandu d-dritt jirċievi minħabba l-mandat fil-parlament l-ieħor.

    Artikolu 54

    Il-kumpens tal-ħlasijiet

    Jekk ex-Membru jkun intitolat li jirċievi pensjoni ta' invalidità fl-istess żmien ma' pensjoni tal-età, huwa għandu jirċievi l-pensjoni tal-età. Madankollu, l-ammont tal-pensjoni tal-età ma jistax ikun anqas minn dak tal-pensjoni tal-invalidità.

    Artikolu 55

    Il-proċedura

    1.   Il-Membru jew ir-rappreżentant legali tiegħu/tagħha għandhom jippreżentaw l-applikazzjoni għar-riżenja fuq il-bażi ta' invalidità lill-President tal-Parlament, flimkien ma' ċertifikat mediku li jindika l-isem tat-tabib maħtur sabiex jirrappreżentah fil-kumitat tal-invalidità msemmi fl-Artikolu 56.

    2.   Fi żmien tliet xhur minn meta s-Segretarju Ġenerali jsejjaħ il-kumitat tal-invalidità msemmi fl-Artikolu 56, l-istess kumitat għandu jippreżenta rapport mediku skont it-termini ta' referenza maħruġa mill-Parlament, li jiddikjara r-raġunijiet u jevalwa jekk ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 51. F'każijiet eċċezzjonali, is-Segretarju Ġenerali jista' jestendi dan il-limitu ta' żmien.

    3.   Fuq proposta tal-kumitat tal-invalidità, il-President tal-Parlament għandu jistabblixxi li l-Membru kkonċernat jikkwalifika biex jirtira fuq il-bażi ta' invalidità u għandu jinformah bid-deċiżjoni u jitlobu jirriżenja. Fil-każ ta' deċiżjoni negattiva, il-President għandu jinforma lill-Membru dwar il-proċeduri ta' appell disponibbli.

    Artikolu 56

    Kumitat tal-invalidità

    1.   Il-kumitat tal-invalidità jkun magħmul minn tliet tobba:

    l-ewwel wieħed, magħżul mill-Membru kkonċernat;

    it-tieni wieħed, maħtur mill-Parlament,

    it-tielet wieħed, bi qbil bejn iż-żewġ tobba hawn fuq imsemmija.

    Fil-każ li ma jintlaħaqx ftehim dwar il-ħatra tat-tielet tabib fi żmien xahrejn mill-ħatra tat-tieni tabib, it-tielet tabib jinħatar ex officio mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fuq talba tal-Parlament.

    2.   L-ispejjeż tal-ħidma tal-kumitat tal-invalidità, inklużi l-ispejjeż tal-ivjaġġar, għandhom ikunu responsabilità tal-Parlament.

    3.   Il-Membru jista' jippreżenta lill-kumitat tal-invalidità r-rapporti u ċ-ċertifikati kollha maħruġa mit-tabib li kkurah jew minn dawk it-tobba li huwa għażel li jikkonsulta.

    4.   Il-proċedimenti tal-kumitat tal-invalidità għandha tinżamm sigrieta.

    Artikolu 57

    Ir-reviżjoni tal-invalidità

    1.   Ex-Membri li m'għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 51 għandhom jirrinunċjaw għad-dritt tagħhom li jieħdu pensjoni ta' invalidità.

    2.   Sakemm l-ex Membru jilħaq l-età ta' 63 sena, il-Parlament jista' jeżiġi li jsirlu test mediku kull ħames snin minn tabib maħtur biex jivverifika jekk il-Membru għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet mitluba għall-eleġibilità għal pensjoni ta' invalidità.

    3.   Dan l-eżami jista' jsir ukoll qabel iż-żmien indikat fil-paragrafu 2, b'mod partikulari jekk il-Parlament ikun irċieva informazzjoni li l-ex Membru qed iwettaq dmirijiet bi ħlas. Jekk ikun meħtieġ, is-sitwazzjoni tkun evalwata fuq il-bażi ta' fatti li jistgħu jiġu verifikati minn sorsi disponibbli għall-pubbliku, billi jitqiesu ċ-ċirkostanzi ta' kull każ individwali u wara li ssir investigazzjoni li fiha ż-żewġ naħat ikollhom id-dritt li jippreżentaw il-każ tagħhom u jirrispondu għall-każ ippreżentat mill-parti l-oħra.

    4.   Fuq proposta tat-tabib li jagħmel l-eżaminazzjoni, il-kumitat tal-invalidità jista' jistabblixxi li l-istat tas-saħħa tal-ex Membru tjieb sal-punt li m'għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 51.

    5.   Id-deċiżjoni li titwaqqaf pensjoni ta' invalidità għandha tittieħed mill-President tal-Parlament fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-kumitat tal-invalidità. L-Artikoli 55 u 56 għandhom japplikaw mutatis mutandis. Jekk l-ex Membru jonqos milli jaħtar tabib sabiex jirrappreżentah fil-kumitat tal-invalidità, għandu japplika l-Artikolu 56(1), it-tieni sub-paragrafu.

    KAPITOLU 4

    Pensjoni tas-superstiti u pensjoni tal-orfni

    Artikolu 58

    Dritt għal pensjoni tas-superstiti jew għal pensjoni tal-orfni

    1.   Il-konjuġi superstiti u t-tfal li kienu dipendenti tiegħu fiż-żmien tal-mewt ta' Membru jew ta' ex-Membru li kien intitolat jew li kien fil-proċess li jikseb id-dritt li jirċievi pensjoni tal-età jew tal-invalidità, għandu jkollhom id-dritt li jirċievu pensjoni tas-superstiti jew pensjoni tal-orfni rispettivament.

    2.   Għall-iskop tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-kapitolu, imsieħeb stabbli mhux miżżewweġ għandu jkun trattat bl-istess mod daqs il-konjuġi, bil-kundizzjoni li l-koppja tippreżenta dokument uffiċjali rikonoxxut minn Stat Membru jew minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru li jirrikonoxxi l-istejtus tagħhom ta' msieħba mhux miżżewġin.

    3.   It-terminu “tfal dipendenti” jfisser il-wild leġittimu, naturali jew adottat ta' Membru jew tal-miżżewweġ ta' Membru, li kien mantnut mill-Membru jew mill-ex Membru. It-terminu “tfal dipendenti” jfisser ukoll wild mhux mitwieled jew wild li l-Membru jew l-ex Membru jinsab fil-proċess li jadotta u liema adozzjoni tiġi konkluża wara l-mewt tiegħu jew tagħha.

    Artikolu 59

    Il-kalkolu tal-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni

    1.   L-ammont massimu ta' pensjoni tas-superstiti u tal-orfni ma tistax tkun aktar mill-ammont ta' pensjoni tal-età li l-Membru kieku kien jirċievi fit-tmiem tal-leġiżlatura parlamentari, billi jitqies il-perjodu ta' żmien bejn id-data tal-mewt u d-data tat-tmiem tal-leġiżlatura parlamentari.

    2.   Fil-każ ta' ex-Membri, l-ammont massimu ta' pensjoni tas-superstiti u tal-orfni ma jistax ikun aktar mill-pensjoni tal-età li l-Membru kien qed jirċievi jew li kellu d-dritt li jirċievi.

    3.   L-ammont tal-pensjoni tas-superstiti li jirċievi l-miżżewweġ superstiti għandu jkun ta' 60 % tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 jew 2 u mhux anqas minn 30 % tas-salarju msemmi fl-Artikolu 10 tal-Istatut tal-Membri, anki jekk dan l-ammont imsemmi l-aħħar ikun aktar mill-ammonti msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

    Id-dritt għal pensjoni tas-superstiti għall-konjuġi superstiti ma jiġix affettwat minn żwieġ ieħor. Dan id-dritt għall-pensjoni tas-superstiti ma japplikax jekk iċ-ċirkostanzi tal-każ individwali jindikaw, lilhinn minn kull dubju raġonevoli, li ż-żwieġ sar biss bl-intenzjoni li tinkiseb il-pensjoni. Jekk ikun meħtieġ, is-sitwazzjoni tkun evalwata fuq il-bażi ta' fatti li jistgħu jiġu verifikati minn sorsi disponibbli għall-pubbliku, billi jitqiesu ċ-ċirkostanzi ta' kull każ individwali u wara li ssir investigazzjoni li fiha ż-żewġ naħat ikollhom id-dritt li jippreżentaw il-każ tagħhom u jirrispondu għall-każ ippreżentat mill-parti l-oħra.

    4.   L-ammont tal-pensjoni tal-orfni għal wild dipendenti għandu jkun ta' 20 % tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 jew 2.

    5.   Meta l-għadd ta' tfal jkun aktar minn tnejn, l-ammont massimu tal-pensjoni tal-orfni li jista' jingħata għandu jinqasam f'partijiet ugwali bejn l-orfni li għandhom id-dritt għaliha.

    6.   Jekk japplika, l-ammont massimu tal-pensjoni li għandu jitħallas għandu jinqasam bejn il-konjuġi u l-ulied dipendenti skont il-persentaġġi speċifikati fil-paragrafi 3, 4 u 5.

    Artikolu 60

    Skadenza

    1.   Il-pensjoni tas-superstiti jew tal-orfni tingħata b'effett mill-ewwel jum tax-xahar skont il-kalendarju wara li sseħħ il-mewt.

    2.   Fil-każ tal-mewt tal-benefiċjarju, id-dritt għal pensjoni tas-superstiti jiskadi fl-aħħar tax-xahar li fih imut il-benefiċjaru.

    3.   Id-dritt għall-pensjoni tal-orfni jispiċċa fl-aħħar tax-xahar li fih l-orfni jagħlaq 21 sena.

    Madankollu, dan id-dritt jiġi estiż matul il-perjodu kollu li fih l-orfni jirċievi edukazzjoni jew taħriġ vokazzjonali u, mhux aktar tard mill-aħħar tax-xahar li fih jagħlaq il-25 sena.

    Orfni li minħabba mard jew diżabilità ma jkunx jista' jaqla l-għajxien tiegħu għandu jibqa' jirċievi l-pensjoni. Il-mard jew l-infirmità jrid ikun rikonoxxut mit-tabib tal-Parlament. Il-benefiċjarju jista' jikkontesta d-deċiżjoni tat-tabib billi jitlob li ssir laqgħa ta' kumitat magħmul skont ir-regoli stipulati għall-kumitat tal-invalidità msemmi fl-Anness II, Taqsima 3, tar-Regolament (KEE, Euratom, ECSC) Nru 259/68.

    Dan id-dritt jintemm jekk l-orfni jkun jista' jmantni lilu nnifsu mill-ġdid. Għal dak il-għan, il-Parlament jista' jesiġi li jiġi eżaminat kull ħames snin minn tabib maħtur biex jivverifika jekk għadhomx jissussistu l-kundizzjonijiet għall-għoti ta' pensjoni.

    TITOLU III

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

    KAPITOLU 1

    Ftehimiet dwar ħlas

    Artikolu 61

    Konformità mar-Regolament Finanzjarju

    1.   L-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni u kwalunkwe applikazzjoni għall-ħlas ippreżentata skont dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni għandhom ikunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (12) (minn issa 'l quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”).

    2.   Meta dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni jippermettu l-iffirmar ta' kuntratti bejn il-Parlament u partijiet terzi, l-uffiċjal li jawtorizza kompetenti għandu jkollu d-dritt li jiffirmahom.

    Artikolu 62

    Il-prinċipju tal-użu tal-fondi

    1.   L-ammonti mħallsa skont dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni, imsejsa fuq id-dispożizzjonijiet tat-Titolu I, il-Kapitoli 4, 5 u 6, għandhom ikunu riservati b'mod esklussiv għall-iffinanzjar ta' attivitajiet marbuta mat-twettiq tal-mandat ta' Membru parlamentari u ma jistgħux ikunu użati biex ikopru spejjeż personali jew biex jiffinanzjaw donazzjonijiet ta' natura politika.

    2.   Il-Membri għandhom iroddu lura lill-Parlament kwalunkwe ammont mhux użat.

    Artikolu 63

    Trasferimenti bankarji, muniti u rati ta' skambju

    1.   Il-ħlasijiet skont dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni għandhom isiru permezz ta' trasferiment bankarju f'kont fl-Unjoni Ewropea, mingħajr l-ebda ħlas min-naħa ta' min jirċiviehom.

    2.   Il-ħlasijiet għandhom isiru bl-Euro, sakemm ma ssirx talba mill-benefiċjarju, elett fi Stat Membru jew li għandu r-residenza tiegħu fi Stat Membru li mhux parti miz-zona tal-Euro, sabiex il-ħlas kollu jew biċċa mill-ħlas isir bil-munita ta' dak l-Istat Membru.

    3.   Ir-rata ta' skambju tal-Euro u muniti oħra għandha ssir permezz tar-rata tal-kontabilità ta' kull xahar għall-Euro li tiġi stabbilita skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jistipula r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju (13).

    4.   Fir-rigward tal-ħlas tal-ispejjeż tal-assistenti parlamentari, permezz ta' deroga mill-paragrafu 3, l-iskambju bejn l-Euro u l-muniti l-oħra għandu jsir bl-użu tar-rata tal-kontabilità ta' kull xahar għall-Euro għal Diċembru tas-sena ta' qabel. Madankollu, matul leġiżlatura parlamentari r-rimbors massimu ta' kull xahar li jingħata lil Membru taħt forma ta' munita nazzjonali ma jistax, wara li jsir l-istudju annwali dwar l-indiċi tal-għoli tal-ħajja u kwalunkwe żieda li jiddeċiedi fuqha l-Bureau, ikun anqas mill-ammont tas-sena ta' qabel.

    Artikolu 64

    Kontijiet Bankarji

    1.   Mall-bidu tal-kariga tiegħu, kull Membru għandu jinforma lid-dipartiment kompetenti tal-Parlament dwar id-dettalji ta' wieħed jew aktar mill-kontijiet bankarji f'ismu (numru IBAN, kodiċi BIC (SWIFT) u indirizz tal-bank) maħsub biex fih jew fihom jirċievi l-ħlas tas-salarju msemmi fl-Artikolu 10 tal-Istatut, l-allowances l-oħra u r-rimbors ta' spejjeż oħra.

    Sakemm il-Membru, jew l-ex Membru jew is-suċċessuri tiegħu bi dritt, jagħtu istruzzjonijiet kuntrarji, il-kont li fih jirċievi s-salarju msemmi fl-Artikolu 10 tal-Istatut jintuża wkoll sabiex jirċievi l-ħlas fir-rigward tal-allowance tranżitorju u l-pensjoni.

    2.   Għal kull ħlas li jsir lil persuna li mhix il-Membru, jeħtieġ li qabel jiġi ppreżentat dokument maħruġ mill-bank tal-benefiċjarju li jikkonferma li huwa jew hija huwa d-detentur tal-kont li fih se jsir il-ħlas u juri n-numru IBAN tal-kont, il-kodiċi BIC (SWIFT) u l-indirizz tal-bank.

    3.   Għal ħlas li għandu x'jaqsam ma' assistenza parlamentari, il-Membru għandu jgħaddi d-dettalji bankarji tal-assistent lill-aġent tal-ħlas, jew fil-każ imsemmi fl-Artikolu 36(5), lid-dipartiment kompetenti. Il-kont bankarju tal-assistent lokali għandu jinfetaħ fl-Istat Membru fejn huwa jew hija jwettaq/twettaq primarjament id-dmirijiet tiegħu/tagħha. Il-ħlasijiet għandhom isiru bl-istess munita li fiha jirċievi s-salarju l-assistent lokali.

    L-aġent tal-ħlas għandu jikkomunika d-dettalji bankarji tal-kont tiegħu lid-dipartiment kompetenti.

    Artikolu 65

    Data tal-ħlas

    1.   Is-salarju msemmi fl-Artikolu 10 tal-Istatut, l-allowance tranżitorju u l-pensjonijiet jitħallsu fil-15-il jum tax-xahar għax-xahar kurrenti. L-allowance għall-ispejjeż ġenerali għandhom jitħallsu fl-ewwel jum tax-xahar għax-xahar kurrenti.

    2.   Il-ħlasijiet tal-ispejjeż għall-assistenza parlamentari għandhom isiru lill-aġent tal-ħlas jew, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 36(4) u (5), lill-assistent lokali fil-15-il jum tax-xahar għax-xahar kurrenti.

    Dawn il-ħlasijiet għandhom jirriflettu l-istruzzjonijiet mogħtija mill-Membri sal-25 jum tax-xahar preċedenti.

    3.   Spejjeż oħra għandhom jiġu rimborżati wara l-preżentazzjoni tad-dokumenti li jesigu dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni.

    4.   L-iskadenzi għall-ippreżentar tad-dokumenti li jesiġu dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni għandhom ikunu kif ġej:

    a)

    fil-każ ta' spejjeż ta' vjaġġar u soġġorn u allowances: mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru tas-sena tal-kalendarju li tiġi eżattament wara dik li fiha beda l-vjaġġ;

    b)

    għall-ispejjeż ta' assistenza parlamentari u l-ispejjeż l-oħra: qabel id-data ta' skadenza ffissata bid-dispożizzjonijiet applikabbli u mhux iktar tard mis-7 ta' Diċembru tas-sena finanzjarja li għaliha jkunu ntalbu l-ħlas jew ir-rimbors.

    5.   Is-Segretarju Ġenerali jista' jagħmel ftehim speċifiku dwar il-ħlasijiet bil-quddiem fir-rigward ta' spejjeż ordinarji tal-ivjaġġar u spejjeż ta' soġġorn.

    KAPITOLU 2

    Regolarizzazzjoni u rkupru

    Artikolu 66

    Dokumenti ta' verifika alternattivi

    Fil-każ li jintilfu d-dokumenti ta' verifika meħtieġa, il-Membru għandu jagħmel dikjarazzjoni ta' telf flimkien ma' dokumenti oriġinali ta' verifika alternattivi konformi mal-esiġenzi stipulati f'dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni.

    Artikolu 67

    Sospensjoni tal-ħlasijiet

    Jekk Membru jew aġent tal-ħlas jonqos milli jirrispetta l-obbligi tiegħu jew tagħha skont dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni jew il-kuntratt iffirmat skont l-Artikolu 35, l-uffiċjal ta' awtorizzazzjoni kompetenti jista' jordna s-sospensjoni tal-ħlas kollu jew parzjali tal-allowance ikkonċernata, billi jqis kull interess leġittimu ta' persuni terzi, għall-perjodu meħtieġ sabiex il-Membru jew l-aġent tal-ħlas ikun jista' jissodisfa l-obbligi tiegħu jew jevalwa l-possibilità li jiġi applikat l-Artikolu 68.

    Qabel kull deċiżjoni bħal din, il-Membru jew l-aġent tal-ħlas għandu jiġi nnotifikat bil-miktub u għandu jingħata xahar biex jirregola ruħu ma' dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni jew mal-kuntratt. Għandhom jintbgħatu kopji tal-ittra lill-Kwesturi u, meta xieraq, lil kull persuna terza kkonċernata.

    Artikolu 68

    Irkupru ta' ħlasijiet indebiti

    1.   Kwalunkwe somma li titħallas b'mod indebitu skont dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni għandha tiġi rkuprata. Is-Segretarju Ġenerali għandu jagħti istruzzjonijiet bil-għan li jiġu rkuprati dawn l-ammonti mill-Membru kkonċernat.

    2.   Kull deċiżjoni dwar l-irkupru ta' ħlasijiet indebiti għandha tkun konsistenti mar-rekwiżit li l-Membri għandu jkollhom id-dritt li jwettqu l-mandat tagħhom b'mod effettiv u bit-tħaddim tajjeb tal-Parlament. Qabel tittieħed kwalunkwe deċiżjoni, is-Segretarju Ġenerali għandu jisma' lill-Membru kkonċernat.

    3.   Dan l-Artikolu għandu japplika wkoll għall-ex Membri u l-aġenti tal-ħlas.

    KAPITOLU 3

    Dispożizzjonijiet finanzjarji ġenerali oħra

    Artikolu 69

    L-indiċi tal-għoli tal-ħajja

    1.   L-ammonti msemmija fl-Artikoli 15(c), 20, 22(1) u (3), 24(2) u 26(2) jistgħu jintrabtu kull sena mal-indiċi tal-għoli tal-ħajja min-naħa tal-Bureau sa żieda massima ugwali għar-rata ta' inflazzjoni annwali fl-Unjoni Ewropea f'Ottubru tas-sena ta' qabel, kif ippublikat mill-Eurostat.

    2.   L-ammont imsemmi fl-Artikolu 33(4), jekk ikun il-każ, għandu jintrabat kull sena mal-indiċi tal-għoli tal-ħajja min-naħa tal-Bureau fuq il-bażi tal-indiċi komuni stabbilit mill-Eurostat bi qbil mad-dipartimenti nazzjonali tal-istatistika tal-Istati Membri b'applikazzjoni tal-Artikolu 65 tar-Regolament (KEE, Euratom, ESCS) Nru 259/68. Dan l-irbit mal-indiċi għandu japplika b'effett retroattiv mix-xahar ta' Lulju tas-sena kkonċernata mill-indiċi.

    Artikolu 70

    It-tassazzjoni

    Skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 12 tal-Istatut, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, ECSC) Nru 260/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistipula l-kundizzjonijiet u l-proċedura għall-applikazzjoni tat-taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet Ewropej, għandu japplika għall-Membri (14).

    Artikolu 71

    Sekwestru

    1.   Is-salarju msemmi fl-Artikolu 10 tal-Istatut, l-allowance tranżitorju jew il-pensjoni tal-età jistgħu jkunu suġġetti ta' mandat ta' sekwestru, fuq ammont li ma jkunx aktar minn terz tas-somma ta' flus ikkonċernata, b'deċiżjoni tal-Qrati jew tal-awtorità amministrattiva kompetenti.

    2.   Is-Segretarju Ġenerali għandu jagħti istruzzjonijiet bil-għan li tiġi implimentata din il-miżura, filwaqt li jara li l-Membri jkunu jistgħu jwettqu l-mandat tagħhom b'mod effettiv u li jkun hemm tħaddim tajjeb tal-Parlament. Qabel jinħarġu istruzzjonijiet bħal dawn, il-Membru kkonċernat għandu d-dritt għal smigħ.

    KAPITOLU 4

    Dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 72

    Ilmenti

    Membru li jemmen li dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni ma ġewx applikati sew fir-rigward tiegħu jista' jagħmel ilment bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali. Jekk ma jkun hemm l-ebda qbil bejn il-Membru u s-Segretarju Ġenerali, din il-kwistjoni tintbagħat lill-Kwesturi, li jieħdu deċiżjoni wara li jikkonsultaw lis-Segretarju Ġenerali. Il-Kwesturi għandhom jikkonsultaw il-Bureau qabel jieħdu deċiżjoni li tmur kontra l-opinjoni mogħtija mis-Segretarju Ġenerali.

    Dan l-Artikolu għandu japplika wkoll għal kull persuna li għandha d-dritt li tirċievi allowance skont dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni.

    Artikolu 73

    Dħul fis-seħħ

    Dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni għandhom jidħlu fis-seħħ fl-istess jum li fih jidħol fis-seħħ l-Istatut.

    Artikolu 74

    Abrogazzjoni

    Suġġett għad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali stipulati fit-Titolu IV, ir-Regoli PEAM jieqfu japplikaw fid-data li fiha l-Istatut jidħol fis-seħħ.

    TITOLU IV

    DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI

    Artikolu 75

    Il-pensjoni tas-superstiti, il-pensjoni tal-invalidità u l-pensjoni tal-età

    1.   Il-pensjoni tas-superstiti, il-pensjoni tal-invalidità, il-pensjoni tal-invalidità addizzjonali mogħtija għall-ulied dipendenti u l-pensjoni tal-età mħallsa skont l-Annessi I, II, u III tar-Regoli PEAM għandhom ikomplu jitħallsu skont dawk l-annessi lil dawk il-persuni li kienu jirċievu l-benefiċċji taħt eżami qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut.

    2.   Id-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut skont l-Anness III imsemmi hawn fuq għandhom jibqgħu fis-seħħ. Il-persuni li kisbu drittijiet skont l-iskema tal-pensjoni għandhom jirċievu pensjoni kkalkulata fuq il-bażi tad-drittijiet miksuba tagħhom skont l-Anness III imsemmi hawn sakemm jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat u jippreżentaw l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tal-Anness III msemmi hawn fuq.

    Artikolu 76

    Pensjoni addizzjonali

    1.   Il-pensjoni addizzjonali tal-età (volontarja) mħallsa skont l-Anness VII tar-Regoli PEAM għandha tkompli titħallas, skont dak l-Anness, lill-persuni li kienu jirċievu dik il-pensjoni qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut.

    2.   Id-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut skont l-Anness VII imsemmi hawn fuq għandhom jibqgħu fis-seħħ. Dawn għandhom jiġu osservati skont il-kundizzjonijiet previsti f'dan l-anness.

    3.   Jistgħu jibqgħu jiksbu d-drittijiet il-ġodda wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut, u bi qbil mal-Anness VII imsemmi hawn fuq, il-Membri parlamentari eletti fl-2009 li:

    a)

    kienu Membri parlamentari taħt leġiżlatura preċedenti; u

    b)

    u li jkunu diġà kisbu jew kienu qed jiksbu d-drittijiet fl-iskema tal-pensjoni addizzjonali; u

    c)

    li fir-rigward tagħhom l-Istat Membru fejn ġew eletti diġà adotta deroga skont l-Artikolu 29 tal-Istatut, jew li, skont l-Artikolu 25 tal-Istatut, għażlu skema nazzjonali; u

    d)

    mhumiex intitolati għal pensjoni nazzjonali jew Ewropea minħabba t-twettiq tal-mandat tagħhom bħala Membri tal-Parlament Ewropew.

    4.   Il-Membri għandhom iħallsu l-kontributi tagħhom fil-fond tal-pensjoni addizzjonali mid-dħul personali tagħhom.

    Artikolu 77

    Allowance tranżitorju

    1.   L-allowance tranżitorju mħallas skont l-Anness V tar-Regoli PEAM għandha tkompli titħallas, skont dak l-anness, lill-persuni li kienu jirċievu dik l-għotja qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut.

    2.   Membri li jieqfu b'mod definittiv mit-twettiq tal-mandat parlamentari tagħhom fi tmiem is-sitt leġiżlatura parlamentari għandhom jirċievu l-allowance tranżitorju msemmi fl-Anness V imsemmi hawn fuq.

    3.   Għal dawk il-Membri li jirċievu s-salarju msemmi fl-Artikolu 10 tal-Istatut u li l-kariga tagħhom tispiċċa wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut, għandu jitqies il-perjodu li fih wettqu l-mandat tagħhom qabel dik id-data meta jsir il-kalkolu tal-ammont ta' allowance tranżitorju skont l-Artikolu 13 tal-Istatut.

    4.   Madankollu, il-Membri msemmija fil-paragrafu 3 jistgħu jitolbu li jsir kalkolu ta' ammont pro rata tal-allowance tranżitorju fir-rigward tal-parti tal-kariga tagħhom li tiġi qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut, skont ir-regoli stipulati fl-Anness V tar-Regoli PEAM. Il-perjodu li jitqies fil-kalkolu ta' ammont pro-rata għandu jitnaqqas mill-perjodu massimu stipulat fl-Artikolu 13(2) tal-Istatut.

    Artikolu 78

    Arranġamenti għall-assistenti

    1.   Jekk l-iskema ġuridika speċifika msemmija fl-Artikolu 34(1a) tkun għadha mhux qed tiġi implimentata meta jidħlu fis-seħħ dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni:

    a)

    ir-regoli applikabbli għall-assistenti lokali għandhom ukoll japplikaw għall-assistenti parlamentari approvati;

    b)

    l-Artikoli 69(2) m'għandux japplika;

    c)

    l-ammont imsemmi fl-Artikolu 33(4) għandu jintrabat mal-indiċi tal-għoli tal-ħajja skont it-termini tal-Artikolu 69(1).

    2.   Dawk l-assistenti parlamentari li jiġu akkreditati f'wieħed mit-tliet postijiet ta' ħidma qabel id-dħul fis-seħħ ta' dawn il-miżuri ta' applikazzjoni, u li huma impjegati permezz ta' kuntratt iffirmat skont il-liġi nazzjonali u rreġistrat mid-dipartiment kompetenti fl-1 ta' Lulju 2008, li jiggarantilhom id-drittijiet soċjali, jistgħu jitolbu li l-kuntratt jiġi mġedded jew estiż għal perjodu tranżizzjonali ekwivalenti għal leġiżlatura parlamentari waħda.

    3.   B'deroga mill-Artikolu 43(d), il-kuntratti konklużi mal-membri familjari tal-Membri parlamentari, irreġistrati mid-dipartiment kompetenti fl-1 ta' Lulju 2008, jistgħu jinżammu għal perjodu tranżizzjonali ekwivalenti għal leġiżlatura parlamentari waħda.

    Il-Membri parlamentari għandhom jagħtu rendikont dwar kuntratti simili fid-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji tagħhom.

    Artikolu 79

    Assikurazzjoni fuq il-ħajja

    Il-proċeduri rigward il-kontinwazzjoni, il-konverżjoni jew il-ħlas tal-valur ta' rinunzja ta' polza tal-assikurazzjoni stipulati fl-Artikolu 19(2) tar-Regoli PEAM fil-każ ta' tmiem tal-kariga għandhom japplikaw għall-Membri kollha attwali sa tmiem is-sitt leġiżlatura parlamentari, sakemm huma jkunu ħallsu l-polza għal perjodu ta' mill-anqas sentejn.

    Artikolu 80

    Assistenza għal ulied b'diżabilità serja

    Il-benefiċċji mħallsa skont l-Artikolu 21b tar-Regoli PEAM għandhom ikomplu jitħallsu skont dak l-Artikolu lil dawk il-Membri li kienu jirċievuhom u li jiġu eletti mill-ġdid fl-2009.

    Artikolu 81

    Il-Membri li għalihom japplika l-Artikolu 25 jew l-Artikolu 29 tal-Istatut

    1.   Il-Membri li jiġu eletti mill-ġdid fl-2009 u li eżerċitaw id-dritt mogħti lilhom mill-Artikolu 25 tal-Istatut għandhom jirċievu l-allowance, l-allowance tranżitorju, il-pensjoni tal-età, il-pensjoni tal-invalidità u l-pensjoni tas-superstiti fir-rigward tal-perjodu wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut biss skont il-kundizzjonijiet stipulati mil-liġijiet nazzjonali tagħhom, l-ispejjeż għandhom jitnaqqsu biss mill-baġit tal-Istat Membru kkonċernat.

    Barra minn hekk, il-Membri msemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu jitolbu lill-Parlament li jħallas l-allowance tranżitorju għall-parti tal-leġiżlatura li tiġi eżatt qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut skont ir-regoli stipulati fl-Anness V tar-Regoli PEAM.

    2.   Dan l-arranġament għandu japplika bl-istess mod għall-Membri li l-Istat Membru fejn ġew eletti adotta deroga fir-rigward tagħhom skont l-Artikolu 29 tal-Istatut.

    3.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 7(2), fil-każ ta' Membri li l-Istat Membru fejn ġew eletti adotta deroga fir-rigward tagħhom skont l-Artikolu 29 tal-Istatut, jew li skont l-Artikolu 25 tal-Istatut, għażlu li jkollhom skema nazzjonali, terz tal-polza tal-assikurazzjoni li titħallas mill-Membri għandha tiġi direttament u individwalment imħallsa minn kont bankarju personali.

    4.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 3(1), ex-Membri li jirċievu pensjoni nazzjonali skont l-Artikolu 25 u 29 tal-Istatut, għandu jkollhom id-dritt għal rimbors ta' żewġ terzi mill-ispejjeż mediċi tagħhom, mill-ispejjeż marbuta ma' tqala jew spejjeż marbuta mat-twelid ta' tarbija skont il-kundizzjonijiet stipulati f'dawn il-miżuri ta' implimentazzjoni, jekk m'għandhomx kopertura primarja kontra r-riskju ta' mard.


    (1)  Id-Deċiżjoni 2005/684/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membru tal-Parlament Ewropew (ĠU L 262, 7.10.2005, p. 1).

    (2)  Dok. PE 113.116/BUR/rev. XXV/01-2009.

    (3)  Ir-Regoli komuni dwar l-assikurazzjoni tal-impjegati tal-Komunitajiet Ewropej kontra r-riskju ta' mard, adottati mill-istituzzjonijiet kollha, li l-ftehim komuni tagħhom ġie kkonfermat mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fl-24 ta' Novembru 2005.

    (4)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Settembru 1981 fil-Kawża 208/80, Bruce of Donington/Eric Gordon Aspden, ECR 1981, p. 2205.

    (5)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' April 2008 b'osservazzjonijiet li jiffurmaw parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza fir-rigward tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2006, Taqsima I – Parlament Ewropew (ĠU L 88, 31.3.2009, p. 3).

    (6)  ĠU L 278, 8.10.1976, p. 5.

    (7)  Ir-Regoli komuni dwar l-assikurazzjoni tal-impjegati tal-Komunitajiet Ewropej kontra r-riskju ta' mard, adottati mill-istituzzjonijiet kollha, li l-ftehim komuni tagħhom ġie kkonfermat mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fl-24 ta' Novembru 2005, kif imsemmi fl-Artikolu 72 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal ta' Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Uffiċjali Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri applikabbli temporanjament għal uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p.1).

    (8)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2007 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali ta' implimentazzjoni għar-rimborż ta' spejjeż mediċi.

    (9)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

    (10)  Ir-Regoli komuni dwar il-kopertura għar-riskji ta' inċidenti u ta' mard professjonali għal uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, adottati mill-istituzzjonijiet kollha, li ftehim komuni dwarhom ġie kkonfermat mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-13 ta' Diċembru 2005

    (11)  Jekk aġent ta' ħlas magħżul minn Membru taħt id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3(a) jew (c) jkun f'pożizzjoni biss li jimmaniġġja kuntatti ta' impjieg, il-Membru jista, fejn meħtieġ, jitlob awtorizzazzjoni biex juża s-servizzi ta' aġent ta' ħlas imsemmi fil-paragrafu 3(b) biex jimmaniġġja l-kuntatti ta' servizzi tiegħu jew tagħha.

    (12)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (13)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

    (14)  ĠU L 56, 4.3.1968, p.8.


    Top