EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2009/158/05

Sejħa għal proposti – EACEA/11/2009 – Appoġġ strutturali għall-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u ta’ riflessjoni dwar il-politika pubblika Ewropea u għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq livell Ewropew – Programm L-Ewropa għaċ-ċittadini , Azzjoni 2, Miżuri 1 u 2 – 2010

ĠU C 158, 11.7.2009, p. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/10


SEJĦA GĦAL PROPOSTI – EACEA/11/2009

Appoġġ strutturali għall-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u ta’ riflessjoni dwar il-politika pubblika Ewropea u għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq livell Ewropew

Programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini”, Azzjoni 2, Miżuri 1 u 2 – 2010

2009/C 158/05

1.   GĦANIJIET U DESKRIZZJONI

Din is-sejħa għal proposti EACEA/11/2009 hija bbażata fuq id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” li jippromwovi ċittadinanza attiva Ewropea għall-perjodu bejn l-2007 u l-2013 (1) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Programm”).

Il-Programm jikkostitwixxi l-bażi legali għal din is-sejħa għal proposti, u jirreferi speċifikament għall-azzjoni 2 “Soċjetà ċivili attiva fl-Ewropa”, miżuri 1 u 2 “Appoġġ strutturali għal organizzazzjonijiet tar-riċerka u ta’ riflessjoni dwar il-politika pubblika Ewropea u għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq il-livell Ewropew”.

1.1.   Objettivi ġenerali tal-programm

Il-Programm huwa maħsub sabiex jikkontribwixxi għal dawn l-objettivi ġenerali li ġejjin:

(a)

jagħti l-opportunità liċ-ċittadini biex jinteraġixxu u jieħdu sehem fil-bini ta’ Ewropa dejjem aktar fil-qrib, demokratika u b’orjentazzjoni dinjija, magħquda u mseddqa permezz tad-diversità kulturali tagħha, b’hekk tiġi żviluppata ċ-ċittadinanza tal-Unjoni;

(b)

żvilupp ta’ sens ta’ identità Ewropea, mibni fuq valuri, storja u kultura komuni;

(c)

trawwim ta’ sens ta’ appartenenza għall-Unjoni Ewropea fost iċ-ċittadini tagħha;

(d)

tisħiħ tal-ftehim reċiproku bejn ċittadini Ewropej billi jiġu mħarsa u promossi d-diversità kulturali u lingwistika, filwaqt li jikkontribwixxi għal djalogu interkulturali.

1.2.   Miri speċifiċi tas-sejħa għal proposti

Il-miri speċifiċi għal din is-sejħa għal proposti huma:

(a)

it-trawwim tal-azzjoni, tad-dibattiti u tar-riflessjoni marbuta maċ-ċittadinanza Ewropea u mad-demokrazija, mal-valuri, l-istorja u l-kultura kondiviżi permezz tal-attivitajiet u l-kooperazzjoni ta’ ‘think tanks’ (strutturi ta’ riflessjoni) u ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew;

(b)

it-tħeġġiġ ta’ interazzjoni bejn ċittadini u organizzazzjonijiet fi ħdan is-soċjetà ċivili, permezz tal-kontribuzzjoni għal djalogu interkulturali u b’enfażi kemm fuq id-diversità kif ukoll fuq l-għaqda fl-Ewropa.

1.3.   Prijoritajiet tematiċi

Il-futur tal-Unjoni Ewropea u tal-valuri fundamentali tagħha,

Ċittadinanza Ewropea Attiva – parteċipazzjoni u demokrazija fl-Ewropa,

Djalogu interkulturali:

Impatt tal-linji politiċi tal-UE fuq is-soċjetajiet,

Il-benesseri taċ-ċittadini Ewropej, impjieg, koeżjoni soċjali u żvilupp sostenibbli,

1.4.   Deskrizzjoni tas-sejħa għal proposti

Din is-sejħa għal proposti tikkonċerna l-appoġġ strutturali, imsejjaħ “għotjiet operattivi”, lil organizzazzjonijiet li jkunu qegħdin isegwu għan ta’ interess ġenerali Ewropew. L-għotjiet operattivi jagħtu appoġġ finanzjarju sabiex tkun koperta parti mill-ispejjeż operattivi meħtieġa għat-tmexxija xierqa tal-attivitajiet normali tal-organizzazzjoni magħżula.

Dan l-appoġġ jista’ jingħata, skont ċerti kriterji, taħt forma ta’ għotja annwali jew ta’ sħubija multiannwali. Is-sħubija multiannwali hija mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni stabbilit bejn organizzazzjoni u l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Edukazzjoni, l-Awdjoviżwali, u l-Kultura (minn hawn ’il quddiem l-Aġenzija eżekuttiva) li jagħti lok għal għotjiet speċifiċi. Fil-każ ta’ din is-sejħa, din l-isħubija tista’ tkun konkluża għal tliet snin.

2.   APPLIKANTI ELIĠIBBLI

2.1.   Organizzazzjonijiet

Sabiex tkun eliġibbli għal għotja operattiva, organizzazzjoni li jkollha għan ta’ interess ġenerali Ewropew għandha tkun:

(a)

organizzazzjoni li ma tagħmilx profitt u li għandha personalità ġuridika; f’każ ta’ netwerk li m’għandux struttura operattiva separata bi stejtus proprju, l-applikazzjoni tista’ tinbagħat mill-organizzazzjoni membru responsabbli mill-koordinazzjoni tan-netwerk:

(b)

topera fil-qasam taċ-ċittadinanza Ewropea, kif spjegat fl-istatut tagħha jew fid-dikjarazzjoni tal-missjoni tagħha u tikkorrispondi ma’ waħda mill-kategoriji ta’ organizzazzjonijiet li ġejjin:

 

Miżura 1:

A.

organizzazzjoniet Ewropej ta’ riċerka u ta’ riflessjoni dwar il-politika pubblika (‘think tanks’ - strutturi ta’ riflessjoni).

 

Miżura 2:

B.

Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew:

Organizzazzjonijiet ċentrali (pjattaformi) Ewropej,

Netwerks Ewropej,

Organizzazzjonijiet li jiżviluppaw attivitajiet ta’ impatt wiesa’ fil-livell Ewropew,

C.

Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili marbuta mal-Memorja Ewropea

D.

Pjattaformi ta’ organizzazzjonijiet pan-Ewropej.

(c)

twettaq il-maġġoranza tal-attivitajiet tagħha f’pajjiżi eliġibbli (ara punt 2.2).

Għal sħubija multiannwali, l-organizzazzjonijiet għandhom ikunu stabbiliti legalment u b’personalità ġuridika għal aktar minn erba’ (4) snin (fil-15 ta’ Ottubru 2009) f’wieħed mill-pajjiżi eliġibbli u jkollhom, għall-kategoriji li ġejjin, din il-kopertura ġeografika:

għal organizzazzjoni ċentrali Ewropea jew għal netwerk Ewropew, ikollhom membri f’ta’ mill-inqas tnax (12)-il pajjiż eliġibbli,

għal organizzazzjoni li tiżviluppa attivitajiet ta’ impatt wiesa’ fil-livell Ewropew, tkun attiva f’ta’ mill-inqas tnax (12)-il pajjiż eliġibbli.

għal Pjattaforma ta’ organizzazzjonijiet pan-Ewropea, ikollha mill-inqas sitt (6) organizzazzjonijiet ċentrali bħala membri u tiżgura, permezz ta’ dawn, preżenza fis-27 Stat Membru.

Għal għotja annwali, l-organizzazzjonijiet għandhom ikunu stabbiliti legalment u b’personalità ġuridika għal aktar minn sena (1) (fil-15 ta’ Ottubru 2009) f’wieħed mill-pajjiżi eliġibbli u jkollhom, għall-kategoriji li ġejjin, din il-kopertura ġeografika:

għal organizzazzjoni ċentrali Ewropea jew netwerk Ewropew, ikollhom membri f’mill-inqas tmien (8) pajjiżi eliġibbli;

għal organizzazzjoni li tiżviluppa attivitajiet ta’ impatt wiesa’ fil-livell Ewropew, tkun attiva f’mill-inqas tmien (8) pajjiżi eliġibbli.

Il-pjattaformi ta’ organizzazzjonijiet pan-Ewropej jistgħu japplikaw biss fil-qafas ta’ sħubija multiannwali.

Individwi u organizzazzjonijiet pubbliċi m’humiex eliġibbli għal din is-sejħa.

2.2.   Pajjiżi eliġibbli

(a)

l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea: il-Ġermanja, l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, Spanja, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, ir-Renju Unit, is-Slovakkja, is-Slovenja, l-Iżvezja.

(b)

il-Kroazja

(c)

dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja

(d)

l-Albanija

3.   AZZJONIJIET ELIĠIBBLI

L-attivitajiet tal-organizzazzjoni applikanti għandhom jikkontribwixxu b’mod tanġibbli għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni tal-objettivi speċifiċi u l-prijoritajiet tematiċi ta’ din is-sejħa għal proposti. Huma għandhom ikopru mill-inqas objettiv wieħed speċifiku u prijorità tematika fost dawk imsemmija fil-punt 1.

Il-programm ta’ ħidma tal-organizzazzjoni applikanti għall-2010 kif ukoll il-programm strateġiku ta’ tliet snin (f’każ ta’ sħubija multiannwali) għandhom ikopru l-attivitajiet statutorji tagħha, l-aktar il-konferenzi, is-seminars, il-laqgħat, l-azzjonijiet ta’ rappreżentazzjoni, komunikazzjoni u evalwazzjoni, kif ukoll l-attivitajiet l-oħrajn Ewropej rikorrenti tagħha.

Perjodu ta’ eliġibbiltà

Kemm fil-każ ta’ għotja annwali kif ukoll fil-każ ta' sħubija multiannwali, il-perjodu ta’ eliġibbiltà għandu jikkorrispondi mas-sena baġitarja tal-applikant, kif muri mill-kontijiet ivverifikati tal-organizzazzjoni. Jekk is-sena tal-baġit tal-applikant tikkorrispondi mas-sena kalendarja, il-perjodu ta’ eliġibbiltà għandu jkun mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2010.

Għall-applikanti b’sena ta’ baġit li tvarja mis-sena kalendarja, il-perjodu ta’ eliġibbiltà għandu jkun il-perjodu ta’ 12-il xahar mid-data tal-bidu tas-sena tal-baġit 2010.

4.   Kriterji ta’ aġġudikazzjoni

L-applikazzjonijiet konformi mal-kriterji ta’ eliġibbiltà u ta’ esklużjoni jiġu evalwati fuq il-bażi tal-kriterji ta’ aġġudikazzjoni minn kumitat ta’ evalwazzjoni sabiex jintagħżlu dawk li jistgħu jingħataw kofinanzjament.

Il-kriterji ta’ aġġudikazzjoni li ġejjin sejrin ikunu applikati. Il-kriterji kwalitattivi u kwantitattivi jammontaw rispettivament għal 80 u 20 % tal-marka attribwita. F’każ ta’ sħubija multiannwali, tingħata l-istess importanza lill-programm ta’ ħidma ta’ 12-il xahar u lill-programm strateġiku ta’ tliet snin.

4.1.   Kriterji kwalitattivi (80 %)

Il-fatturi li ġejjin sejrin jiġu vvalutati:

(a)

Rilevanza għall-miri u l-prijoritajiet tal-programm “Ewropa għaċ-Ċittadini” (30 %);

(b)

Kemm il-programm ta’ ħidma huwa adegwat, koerenti u sħiħ (20 %);

(c)

L-impatt tal-programm ta’ ħidma (10 %);

(d)

Il-valur miżjud Ewropew (10 %);

(e)

Il-viżibilità tal-attivitajiet u t-tixrid u l-użu tar-riżultati fir-rigward ta’ ċittadini Ewropej u partijiet oħrajn interessati (10 %).

4.2.   Kriterji kwantitattivi (20 %)

Il-fatturi li ġejjin sejrin jiġu vvalutati:

(a)

In-numru ta’ pajjiżi eliġibbli involuti fl-attivitajiet tal-programm ta’ ħidma (10 %);

(b)

In-numru ta’ benefiċjarji diretti potenzjali (10 %).

5.   BAĠIT

Il-baġit previst għall-kofinanzjament tal-għotjiet operattivi huwa ta’ madwar 8,2 Miljun EURO fl-2010. L-Aġenzija Eżekuttiva bi ħsiebha tiffinanzja madwar 55 organizzazzjoni taħt din is-sejħa, iżda tirriżerva d-dritt, fuq il-bażi tal-kwalità tal-applikazzjonijiet, li ma tużax il-fondi kollha disponibbli.

Bħala indikazzjoni, l-għotjiet ta’ sħubijiet multiannwali ser jirrappreżentaw madwar 85 % tal-baġit disponibbli u l-għotjiet annwali madwar 15 %.

L-appoġġ strutturali ser jiġi aġġudikat skont il-parti 15.06.66 tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

6.   DATA TAL-GĦELUQ GĦAS-SOTTOMISSJONI

Id-data tal-għeluq għas-sottomissjoni tal-fajls ta’ applikazzjoni hija l-15 ta’ Ottubru 2009.

L-Aġenzija eżekuttiva bħalissa qiegħda taħdem sabiex timplimenta sistema ta’ sottomissjoni elettronika tal-applikazzjonijiet kollha.

Għal din is-sejħa għal proposti, l-applikanti għandhom jibagħtu t-talba tagħhom permezz ta’ formola elettronika disponibbli mill-15 ta’ Settembru 2009. Din il-verżjoni (inklużi l-annessi) hija kkunsidrata bħala l-verżjoni ewlenija. Qabel din id-data, l-Aġenzija eżekuttiva tipproponi verżjoni pdf tal-formola sabiex tagħti l-possibbiltà lill-applikanti li jibdew iħejju l-fajl tagħhom.

Barra minn hekk, verżjoni fuq karta tal-fajl tal-applikazzjoni għandha tintbagħat bil-posta fl-indirizz li ġej qabel id-data tal-għeluq:

Education, Audiovisual and Culture Executive Agency

Unit P7

Call for proposals EACEA/11/2009

Avenue du Bourget 1 (BOUR 01/17)

1140 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Jiġu aċċettati biss dawk l-applikazzjonijiet ippreżentanti fil-forma xierqa, li jkunu mimlija kif suppost, datati, u ffirmati mill-persuna awtorizzata li tidħol f’impenn li għandu rabta legali.

7.   AKTAR TAGĦRIF

Il-linji gwida dettaljati għall-applikanti, kif ukoll il-formoli ta’ applikazzjoni, jinsabu f’dan l-indirizz: http://eacea.ec.europa.eu/citizenship/index_en.htm


(1)  Id-Deċiżjoni Nru. 1904/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006, (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 32), kif emendata mid-Deċiżjoni Nru. 1358/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 (ĠU L 350 tat-30.12.2008).


Top