EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009A0610(01)

Opinjoni tal-kummissjoni tad- 9 ta' Ġunju 2009 dwar il-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv li jirriżulta mit-tieni fażi tad-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari A-1 ta’ Bohunice, li jinsab fir-Repubblika Slovakka, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom

ĠU C 131, 10.6.2009, p. 1–1 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

10.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 131/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta' Ġunju 2009

dwar il-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv li jirriżulta mit-tieni fażi tad-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari A-1 ta’ Bohunice, li jinsab fir-Repubblika Slovakka, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom

(It-test bis-Slovakk biss huwa awtentiku)

2009/C 131/01

Fis-17 ta’ Settembru 2008, f’konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet, mingħand il-Gvern Slovakk, Dejta Ġenerali dwar il-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv li jirriżulta mit-tieni fażi tad-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari A-1 ta’ Bohunice.

Abbażi ta’ din id-dejta, ta’ aktar tagħrif mitlub mill-Kummissjoni fis-16 ta’ Ottubru 2008 u fit-28 ta’ Novembru 2008, u ta’ tagħrif li pprovda l-Gvern Slovakk fl-4 ta’ Diċembru 2008 u fil-25 ta’ Frar 2009, u wara li kkonsultat il-Grupp tal-Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:

1.

Id-distanza bejn l-impjant u l-eqreb punt fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ ir-Repubblika Ċeka, hija ta’ madwar 38 km.. Il-fruntieri mal-Awstrija u l-Ungerija qegħdin f’distanzi ta’ 55 km. u 62 km. rispettivament.

2.

Fil-kundizzjonijiet normali tal-operat, it-tnixxijiet ta’ effluwenti likwidi u fil-forma ta' gass mhux se joħolqu esponiment li jista' jaffettwa s-saħħa tal-popolazzjoni fi Stat Membru ieħor.

3.

L-iskart radjuattiv solidu ta’ livell baxx u intermedju se jinħażen b’mod temporanju fuq il-post qabel ma jiġi ttrasferit lejn faċilità tar-rimi awtorizzata mill-Gvern Slovakk. L-iskart radjuattiv ta’ livell għoli se jinħażen fuq il-post sakemm ikun disponibbli maħżen nazzjonali.

4.

L-iskart solidu u l-materjali residwi mhux radjuattivi li huma konformi mal-livelli awtorizzati se jinħelsu mill-kontroll regolatorju biex jintremew bħala skart konvenzjonali jew biex jintużaw mill-ġdid jew jiġu rriċiklati.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Slovakki li jirrevedu l-livelli tal-attività għar-rilaxx tat-tali materjali fl-ambjent fid-dawl tal-linji ta’ gwida tal-Komunità, sabiex ikun żgurat li jkun hemm konformità mal-kriterji għall-eżenzjoni mniżżlin fid-Direttiva 96/29/Euratom.

5.

F’każ li jkun hemm rilaxx mhux ippjanat tal-effluwenti radjuattivi li jirriżulta minn inċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrat fid-Dejta Ġenerali, id-dożi li jilħqu Stat Membru ieħor huma preżunti li ma jaffettwawx is-saħħa tal-popolazzjoni.

Bħala konklużjoni, l-Kummissjoni hija tal-fehma li, kemm fl-operat normali kif ukoll f’każ ta' inċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrat fid-Dejta Ġenerali, l-implimentazzjoni tal-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta mit-tieni fażi tad-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari A-1 ta’ Bohunice, li jinsab fir-Repubblika Slovakka, mhijiex preżunta li tirriżulta fit-tniġġis radjuattiv tal-ilma, tal-ħamrija u tal-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membru ieħor.


Top