Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC0418(02)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6, il-paragrafu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u tal-ikel

    ĠU C 89, 18.4.2009, p. 9–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.4.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 89/9


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6, il-paragrafu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u tal-ikel

    2009/C 89/05

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjoni ta' oġġezzjoni għandha tasal għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

    DOKUMENT UNIKU

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “MARRONI DEL MONFENERA”

    Nru tal-KE.: IT-PGI-0005-0563-08.11.2006

    IĠP ( X ) DPO ( )

    1.   Isem

    “Marroni del Monfenera”

    2.   Stat membru jew pajjiż terz

    L-Italja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-ikel

    3.1.   It-tip tal-prodott (l-Anness II)

    Klassi 1.6.

    Frott u ħaxix u ċereali friski u pproċessati

    3.2.   Id-deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem ta' (1)

    Il-’Marroni del Monfenara’ huma tip ta’ frott frisk li ġej mill-ekotip lokali ta' pjanti tal-ispeċi Castanea sativa Mill. var. sativa.

    Meta jitqiegħed fis-suq għandhom ikollhom il-karatteristiċi li ġejjin: il-ġewża ta' ġewwa: waħda kull frotta, x'aktarx tkun lixxa jew kemmxejn imkemmxa; il-laħma: kulur kannella ħafif jagħti fl-isfar lewn it-tiben, konsistenza pastuża/farinaċea b'togħma ħelwa u pjaċevoli; episperma: kulur kannella ħafif jagħti fl-isfar, struttura tal-qoxra fibruża u reżistenti, li tgħaddi kemm kemm ġol-ġewża ta' ġewwa; perikarpu: kulur kannella jixgħel, b'linji iktar skuri li jiżvilippaw lejn il-meridjan, struttura ġludija u reżistenti, superfiċje miksija b'suf irqiq bi fdalijiet stilari miksijin b'suf irqiq; il-punt fejn iż-żerriegħa tingħaqad mal-perikarpu: għamla tendenzjalment ovojdali, kulur iktar ċar mil-perikarpu b'raġġi bejn wieħed u ieħor evidenti li joħorġu miċ-ċentru lejn it-tarf, u li ma jibqax sejjer għal fuq l-uċuh tal-ġnub; il-frotta: għamla ovojdali b'quċċata ftit li xejn ħierġa 'l barra , b'wiċċ tal-ġenb fil-biċċa l-kbira ċatt u l-wiċċ l-ieħor f'għamla nettament konvessa; l-għadd ta' frott kull kg huwa ta' 90 jew anqas. Il-qoxra jkollha mhux iktar minn 3 frottiet.

    L-IĠP jista' jinkiseb minn dak il-frott li jagħmel parti mill-kategorija Extra (dijametru tal-frotta iktar minn 3 ċm; mhux iktar minn 4 % fil-piż tal-frotta b'endokarpu milqut mill-insetti; mhux iktar ta' 3 % tal-piż tal-frott jippreżenta xquq fil-perikarpu) u mill-Kategorija I (dijametru tal-frotta bejn it-2.8 u t-3 ċm; mhux iktar minn 6 % tal-piż tal-frotta b'endokarpu milqut mill-insetti; mhux aktar minn 5 % tal-piż tal-frott jippreżenta xquq fil-perikarpu).

    3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti proċessati biss)

    Mhux rilevanti.

    3.4.   L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

    Mhux rilevanti.

    3.5.   Il-fażijiet speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata

    Ix-xogħol ta' qtugħ, għażla, tindif, qies u curatura għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni.

    Il-prodott li ma jitqiegħidx fis-suq fi żmien 48 siegħa mill-qtugħ, jgħaddi milll-proċess tal-curatura. Din l-operazzjoni tikkonsisti fit-tagħdis tal-“Marroni del Monfenara” fl-ilma b'temperatura ambjentali, għal mhux iktar minn disat ijiem. Wara, il-“Marroni del Monfenera” jitneħħew mill-ilma u jiġu xxuttati f'makkinarju apposta. Din il-fażi tippermetti l-konservazzjoni tal-prodott fi stat frisk għal mhux iktar minn tliet xhur.

    L-operazzjoni tal-curatura għandha ssir fi żmien ftit sigħat mill-qtugħ sabiex jiġi evitat il-bidu ta' proċessi ta' fermentazzjoni fil-mezzi tat-trasport, partikolarment f'dawk is-snin li fihom il-qtugħ iseħħ f'perijodi ta' xita jew f'kundizzjonijiet ta' temperatura li jkunu għadhom għoljin.

    3.6.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

    Il-prodott għandu jiġi ppakkjat f'boroż tax-xibka għall-ikel magħluqa mit-truf tan-naħa ta' fuq b'sistema ta' kolla bis-sħana u permezz ta' għeluq bil-ħjata. Il-pakketti huma ta' 1, 2, 3 (kolla bis-sħana), 5 u 10 Kg (bil-ħjata).

    It-tqegħid fis-suq għal konsum ma jistax iseħħ qabel il-15 ta' Settembru ta' kull sena.

    3.7.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

    Il-pakketti għandhom juru b'mod obbligatorju fuq it-tikketta, barra s-simbolu grafiku komunitarju u l-ismijiet relativi u l-informazzjoni korrispondenti mar-rekwiżiti tal-liġi, l-indikazzjojnjiiet addizzjonali li ġejjin: “Marroni del Monfenera” segwita mill-akronimu IGP f'daqs superjuri mill-indikazzjonjiet l-oħra kollha li jinsabu fuq it-tikketta, bħall-isem, l-isem tal-fabbrikant u l-indirizz tal-impriża ta' produzzjoni u/jew tal-imballatur, il-logo, il-kategorija kummerċjali ta' appartenenza (Extra jew I) u l-piż gross kif mibjugħ.

    Image

    Il-logo huwa magħmul minn żewġ forom ovali konċentriċi li ġo fihom huma rappreżentati l-għoljiet tal-Pedomontana del Grappa. Il-pjanura li testendi hija separata mix-xmara Piave li tinżel lejn iċ-ċentru u taqta' il-logo f'żewġ partijiet asimmetriċi. Żewġ siġar tal-qastan, impoġġija waħda fuq ix-xellug u l-oħra fuq il-lemin tax-xmara huma miżgħuda qastan. Hemm żewġ qxur u għaxar qastniet imgeżwin f'żewġ werqiet. Din it-tpinġija toħroġ kemm kemm mill-forma ovali f'direzzjoni lejn ix-xellug.

    4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika

    Iż-żona ġeografika tal-“Marroni del Monfenera” tinkludi t-territorji tal-muniċipali tal-pronvinċja ta' Treviso li ġejjin: Borso del Grappa, Crespano del Grappa, Paderno del Grappa, Possagno, Cavaso del Tomba, Pederobba, San Zenone degli Ezzelini, Fonte, Asolo, Maser, Castelcucco, Monfumo, Cornuda, Montebelluna, Caerano di San Marco, Crocetta del Montello, Volpago del Montello, Giavera del Montello, Nervesa della Battaglia.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika

    L-artijiet li fuqhom jiġu prodotti il-“Marroni del Monfenara” jidħlu, fil-parti l-kbira tagħhom, fil-kategorija nru 21 tal-Carta dei Suoli d'Italia imsemmija “ħamrija kannella aċiduża, ħamrija kannella li jgħaddi l-ilma minnha, ħamrija kannella u litosoli”. Din hija kategorija li f'din iż-żona tinsab esklussivament fuq il-lemin orografiku tax-xmara Piave tul il-faxxa altimetrika tal-bażi tal-muntanji u tokkupa l-akbar parti taż-żona ġeografika ta' produzzjoni. Din l-art hija kkaraterizzata minn reattività li tvarja minn aċiduża ħafna għal aċiduża, saturazzjoni baxxa fil-bażi u rata għolja ta' mineralizzazzjoni tas-sustanza organika.

    Il-klima hija waħda subalpina inferjuri u iperumda kkundizzjunata mill-inħawi tal-Prealpi b'inklinazzjonijiet wieqfa ħafna esposti lejn in-Nofsinhar; din il-konformazzjoni u espożizzjoni partikolari tirriżulta f'massa ta' arja li titla’ mill-pjanura u tipprovoka xita abbundanti, limitazzjoni tal-ġelu fir-Rebbiegħa, kif ukoll skular tajjeb tal-ilmijiet atmosferiċi. Dan il-bilanċ ambjentali jagħmel l-art u l-ambjent tal-madwar partikolarment favorevoli għall-kultivazzjoni tal-“Marrone del Monfenara”.

    5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott

    Il-karatteristiċi li jagħmlu lill-“Marroni del Monfenara” li ġejjin miż-żona ġeografika protetta indikata bħala uniċi u li jiddistingwihom mill-prodotti l-oħra li jagħmlu parti mill-istess kategorija, huma t-togħma ħelwa ħafna tal-laħma, l-istruttura omoġenja tal-frotta u l-konsistenza pastuża/farinaċea tagħha. Karatterstiċi bħal dawn, speċjalment it-togħma, huma konsegwenza tal-kompożizzjoni kimika medja partikolari tal-“Marroni del Monfenera”. Il-konfront mal-valuri tal-kompożizzjoni kimika tal-qastan, ikkalkulati mill-INRAN (Istituto Nazionale di Ricerca per gli Alimenti e la Nutrizione - L-Istitut Nazzjonali tar-Riċerka għall-Ikel u n-Nutriment) juri li l-“Marroni del Monfenara” għandhom kwantità ikbar ta' karboidrati, lipidi u potassju, kif ukoll kwantità inqas ta' sodju.

    5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għal IĠP).

    Il-kompożizzjoni kimika tal-frott u b'hekk il-kwalità tiegħu, hija marbuta mal-fatt li l-qastan, li hu speċi nettament aċidofila, igawdi, fi ħdan iż-żona tat-tkabbir tal-“Marroni del Monfenera”, mill-preżenza ta' żoni pjuttost aċidużi f'qiegħ il-muntanji, b'reattività opposta għal dawk miż-żoni tal-madwar, li mhumiex preżenti f'żoni oħra f'qiegħ il-muntanji fil-provinċja ta' Treviso.

    Dan iwassal għal kwantità ikbar ta' potassju u kwantità inqas ta' sodju fil-“Marroni del Monfenara” meta mqabbel mal-qastan, kif muri fil-konfront bejn il-valuri tal-kompożizzjoni kimika taż-żewġ prodotti b'riferiment lejn il-qastan fit-tabelli INRAN.

    Il-kwalità tal-frott ġejja anke mill-fatt li s-siġra tal-qastan tgawdi minn medja ta' inżul ta' xita abbondanti kull sena li tippermetti l-iskular tal-ilma mill-blat ta' taħt l-art, filwaqt li tibqa’ aċiduża; barra minn hekk, il-konformazzjoni u l-esponiment tal-bażi tal-muntanji jnaqqsu sew il-ġelu fir-Rebbiegħa, ħaġa li l-pjanta hija suxxettibli ħafna għaliha.

    Minbarra dawn il-fatturi ambjentali importanti, huwa fundamentali wkoll il-fattur uman. It-tkabbir tal-“Marroni del Monfenara” jmur lura għall-perjodu medjevali, kif jixhed dokument tal-1351 li kien jirregola l-ħsad bejn il-kapijiet tal-familji taż-żona. Il-protezzjoni tal-imsaġar tal-qastan fiż-żona tal-“Marroni del Monfenara” hija kkonfermata wkoll mis-sorsi notarili tas-sekli ta' wara, li kienu jirrappurtaw lill-awtorità kompetenti l-abbużi fil-qtugħ tas-siġar tal-qastan jew il-preżenza ta' annimali li jirgħu barra mill-istaġun li kienu jikkompromettu l-qtugħ tal-qastan. It-tradizzjoni ta' kultivazzjoni bħal din inżammet sal-ġurnata tal-lum anki bis-saħħa tal-iżvilupp ta' għadd kbir ta' festi, fosthom il-Mostra Mercato tal-“Marroni del Monfenara” li ġiet inawgurata fl-1970.

    L-importanza tal-“Marroni del Monfenara” għall-ekonomija lokali u għar-reputazzjoni tagħhom, hija murija fl-għadd kbir ta' inizjattivi li jittieħdu kull sena. Barra minn hekk, fl-okkażjoni ta' għeluq it-tletin sena tal-Mostra Mercato, il-Muniċipalità ta' Pederobba, li tospita din l-inizjattiva, ħarġet serje ta' kartolini u kanċellazzjoni postali speċjali.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

    Il-Gvern nieda l-proċedura nazzjonali ta' oġġezzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tad-DPO “Marroni del Monfenara” fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana Nru 276 tal-26.11.05.

    It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab disponibbli

    fuq dan il-link

    www.politicheagricole.it/DocumentiPubblicazioni/Search_Documenti_Elenco.htm?txtTipoDocumento=Disciplinare%20in%20esame%20UE&txtDocArgomento=Prodotti%20di%20Qualit%E0>Prodotti%20Dop,%20Igp%20e%20Stg

    jew

    billi wieħed jidħol direttament fil-paġna ewlenija tal-websajt tal-Ministeru (www.politicheagricole.it) u jiklikkja fuq “Prodotti di Qualità” (fuq ix-xellug tal-iskrin) u mbagħad fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE (Reg CE 510/2006)”.


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


    Top