Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008XR0380

    Riżoluzzjoni tal-kumitat tar-reġjuni dwar il-Prioritajiet tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-2009 dwar il-Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 76, 31.3.2009, p. 66–69 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 76/66


    Riżoluzzjoni tal-kumitat tar-reġjuni dwar il-Prioritajiet tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-2009 dwar il-Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea

    (2009/C 76/14)

    PRIJORITAJIET TA' POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    1.

    jisħaq fuq l-importanza ta' impetu ġdid lejn ir-riformi strutturali fl-UE, li jimmiraw li jsibu soluzzjonijiet biex tingħeleb il-kriżi finanzjarja attwali u l-impatt tagħha fuq l-ekonomikiji Ewropej u tad-dinja; jqis li, anke jekk il-miżuri ta' emerġenza huma importanti biex jgħinu lill-Ewropa tegħleb il-kriżi attwali fi żmien qasir, jenħtieġu ukoll miżuri fit-tul biex jiġġeneraw impjiegi sostenibbli u tkabbir, għalhekk, l-infrastruttura ta' kwalità, it-trasport pubbliku u l-investimenti f'teknoloġiji b'użu effiċjenti tal-enerġija huma ta' importanza kbira;

    2.

    f'dan il-kuntest ifakkar ir-Riżoluzzjoni speċifika tiegħu dwar il-kriżi finanzjarja li telenka l-passi ewlenin li għandhom jittieħdu fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex tiġi indirizzata l-kriżi finanzjarja u biex jitnaqqsu kemm jista' jkun il-konsegwenzi negattivi tagħha;

    3.

    jilqa' ir-rieda u l-proposti espliċiti li tissaħħaħ id-dimensjoni territorjali tal-Unjoni Ewropea u n-natura demokratika tagħha; jindika l-intenzjoni tiegħu li jkompli jiżviluppa r-rwol politiku u istituzzjonali tal-KtR fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet Ewropew; u jħabbar it-tfassil ta' White Paper dwar il-gvernanza fuq varji livelli li beħsiebu jippreżenta matul is-sena 2009;

    4.

    itenni mill-ġdid l-intenzjoni tiegħu li jsegwi mill-qrib ir-reviżjoni baġitarja tal-UE biex jikkontribwixxi lejn integrazzjoni u koordinament aħjar tal-politiki tal-UE fil-livell territorjali u jappella li dan il-proċess jirrifletti l-ħtiġijiet tal-livelli kollha ta' gvernanza, u jtejjeb il-kwalità, l-ugwaljanza, l-istabbiltà, il-viżibbiltà u s-sempliċità tal-miżuri tal-UE; għal dan il-għan, jissuġġerixxi li l-perjodu ta' programmar baġitarju jikkonforma maċ-ċiklu elettorali Ewropew fuq il-bażi ta' 5 snin + 5 snin, biex joffri appoġġ effettiv lir-reġjuni li huma l-inqas żviluppati biex jgħinhom jilħqu mal-oħrajn, ikun żgurat li fil-futur il-baġit jirrifletti aħjar il-kompetenzi kollha tal-UE u jevita n-nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid tal-politiki tal-UE li jipperikolaw l-effikaċja tal-proġett ta' integrazzjoni Ewropea (1).

    Għal aktar tkabbir u impjiegi

    5.

    jenfasizza il-ħtieġa ta' miżuri li jibnu l-kunfidenza biex jirbħu lura l-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE li qed jiffaċċjaw inċertezza kbira u pressjoni għolja fuq il-post tax-xogħol tagħhom, u qed jiffaċċjaw prezzijiet tal-enerġija li jvarjaw, instabbiltà finanzjarja u telf ta' kunfidenza fis-settur bankarju u jfakkar li hemm bżonn ukoll li wieħed iħares lejn mekkaniżmi li jkunu jistgħu jevitaw kriżi bħal din fil-futur;

    6.

    jenfasizza l-ħtieġa ta' żvilupp sostenibbli għaċ-ċittadini u l-ġenerazzjonijiet tal-futur; ifakkar ukoll fl-importanza ta' Ewropa soċjali u jisħaq li dawn il-miri m'għandhomx jiġu kompromessi iżda li, għall-kuntrarju, hemm bżonn ta' sforzi komuni mill-UE u l-Istati membri kif ukoll atturi politiċi reġjonali u lokali. Għal dan il-għan, il-gvern ċentrali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu mħeġġa aktar mill-UE — anke permezz ta' implimentazzjoni anqas riġida tar-regoli dwar il-livelli tad-dejn li huma permessi fl-Istati Membri — biex ifittxu li jsegwu dawn l-għanijiet ukoll billi jagħmlu investiment ambizjuż fit-tul fl-edukazzjoni, it-taħriġ, ir-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll fl-iżvilupp ta' infrastruttura ta' kwalità, netwerks tat-trasport pubbliku u investimenti f'teknoloġiji b'użu effiċjenti tal-enerġija;

    7.

    jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jiżgura l-appoġġ lill-ekonomija, billi jitfa' attenzjoni ikbar fuq il-ħtiġijiet fit-tul bħalma huma l-effiċjenza enerġetika u t-tekonoloġija nadifa u innovattiva, kif ukoll miżuri li huma mmirati li jissemplifikaw u jnaqqsu l-piż amministrattiv fid-dawl tal-liġijiet li jsiru aħjar.

    8.

    jappoġġja tnedija mill-ġdid ta' Strateġija tal-UE għat-Tkabbir u l-Impjiegi għal wara l-2010, li timmira li toħloq impjiegi ġodda quddiem il-kriżi permezz ta' sforz konġunt fil-livell Ewropew li jġib flimkien l-investiment pubbliku, l-appoġġ għar-riċerka, l-innovazzjoni, t-teknoloġija sostenibbli u l-SMEs, id-djalogu soċjali komprensiv, ir-regolamentazzjoni finanzjarja b'saħħitha, regoli tal-kummerċ li mhumiex protezzjonisti u kooperazzjoni mill-qrib dwar il-politika fiskali u monetarja fl-UE;

    9.

    jenfasizza il-ħtieġa għal azzjonijiet koordinati fost il-livelli kollha tal-gvern biex jappoġġjaw l-SMEs ħalli jorbtu aktar mill-viċin ir-riċerka fundamentali mar-riċerka applikata u biex jappoġġjaw il-kooperazzjoni mas-settur privat ħalli jippromovu t-tmexxija fl-innovazjoni u t-teknoloġija; jilqa' miżuri li huma mmirati li jnedu u jappoġġjaw il-Kreattività u l-inizjattivi innovattivi, speċjalment dawk li immirati lejn il-kooperazzjoni bejn l-università u l-intrapriżi peress li l-innovazzjoni u l-kreattività huma ewlenin biex iġibu l-bidla u l-kompetittività fir-reġjuni u jikkontribwixxu lejn il-kwalità tal-ħajja u l-koeżjoni ekonomika;

    10.

    ifakkar li huwa kruċjali b'mod partikolari r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala investituri pubbliċi u xerrejja u jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-intrapriżi u l-universitajiet għandhom rwol ewlieni fil-ħolqien ta' netwerk attiv u l-politika tal-clusters fl-UE;

    11.

    jemmen bil-qawwa li l-investiment fiż-żgħażagħ huwa kruċjali biex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-impjegabbiltà u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ;

    12.

    jappella għal opportunitajiet indaqs fl-impjiegi u li tingħata attenzjoni speċjali għall-kontribut potenzjali tal-ħaddiema ta' età aktar avvanzata li għandhom għarfien li huwa prezzjuż għall-innovazzjoni tal-prodotti u s-sistemi;

    13.

    jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ser tippreżenta valutazzjoni tal-futur demografiku tal-UE fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tqis kif l-aħjar wieħed jista' jħares il-ħtiġijiet ta' popolazzjoni li qed tixjieħ; jenfasizza li x-xejriet demografiċi fil-livell tar-reġjuni, il-bliet u l-muniċipalitajiet għandhom jitqiesu b'mod aktar differenzjat minħabba fid-diversità tar-reġjuni u l-flussi tal-migrazzjoni li qed jiffaċċjaw; jisħaq li, fil-kuntest tal-Aġenda Soċjali għall-Opportunitajiet, l-Aċċess u s-Solidarjetà, gruppi vulnerabbli ta' ċittadini jeħtieġu attenzjoni speċjali u miżuri mmirati;

    14.

    jappella għal reviżjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EAGF) biex dan l-istrument isir aktar operattiv; dan jista' jsir permezz ta': livell ta' dħul għall-Fond aktar aċċessibbli, li jippermettu li dawn il-fondi jiġu wżati flimkien ma strumenti finanzjarji oħra tal-UE applikabbli għall-qgħad massiv u ż-żjieda tal-baġit tal-Fond minn EUR 500 miljun għal EUR 1 biljun;

    15.

    jindika li huwa essenzjali għaċ-ċittadini, speċjalment fil-kuntest ta' kriżi finanzjarja, li jkunu garantiti servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja; jesprimi għalhekk it-tħassib tiegħu li s-sitwazzjoni attwali ta' inċertezza legali għall-awtoritajiet lokali u reġjonali li spiss joffru dawn is-servizzi, mhijiex indirizzata fil-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni.

    Għall-Koeżjoni

    16.

    jiddispjaċih li jara li l-ħidma importanti fil-politika ta' koeżjoni mhijiex riflessa fil-prijoritajiet politiċi tal-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni Ewropea, minkejja l-piż finanzjarju u politiku ta' dan il-qasam ta' politika li jagħmlu għan ewlieni għall-UE; u jappoġġja dibattitu kbir dwar il-futur tal-politika ta' koeżjoni fil-baġit tal-UE, biex isaħħaħ din il-politika importanti fl-għan ewlieni tagħha: l-iżvilupp armonjuż bejn it-territorji tal-UE u b'mod speċifiku t-tnaqqis fid-differenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali; għalhekk, jistenna li l-konsultazzjoni dwar il-Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali fl-2009 tiġi segwita minn White Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali;

    17.

    ifakkar li politika ta' koeżjoni ambizzjuża, li tagħhmel sforzi serji biex l-objettivi territorjali ta' koeżjoni jinbidlu f'azzjonijiet ta' politika konkreti, ser jippermettu l-ikkonsolidar tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea u li jiġu ffaċċjati l-isfidi futuri li jolqtu r-reġjuni kollha Ewropej; f'dan il-kuntest, jara l-bżonn li l-fondi jiġu attribwiti b'mod aktar flessibbli biex l-istrumenti tal-koeżjoni strutturali jiġu adattati għad-diversità tas-sitwazzjonijiet lokali u reġjonali;

    18.

    jenfasizza li l-politika ta' Koeżjoni saret waħda mill-aktar stejjer ta' suċċess bi profil għoli fl-Unjoni Ewropea. L-effett ta' lieva li għandha għall-iżvilupp reġjonali ġie ppruvat. Fuq il-bażi ta' din l-esperjenza pożittiva, hemm bżonn li fl-2009 jissaħħu l-iskambju tal-ideat u l-kooperazzjoni fuq approċċi u mudelli ġodda għall-politika reġjonali; jipproponi li l-KtR jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea biex jipprovdi miżuri adegwati għal azzjonijiet bħal dawn; jenfasizza li għal dan il-għan hemm bżonn li jiġu organizzati iktar dibattiti dwar il-futur tal-Politika ta' Koeżjoni waqt is-Summit tal-Bliet u r-Reġjuni organizzat mill-Kumitat tar-Reġjuni fi Praga fil-5 u s-6 ta' Marzu 2009, kif ukoll fil-kuntest tal-“Open Days — 2009” (fis-6 u d-9 ta' Ottubru);

    19.

    jenfasizza li l-kooperazzjoni territorjali hija element essenzjali fit-tilħiq tal-għan tal-koeżjoni territorjali; għalhekk ifakkar li l-istrument legali l-ġdid “ir-Raggruppament Ewropew għall-Kooperazzjoni Territorjali” (REKT) għandu potenzjal kbir fil-livell taċ-ċittadini. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tar-regolament.

    Għal ġlieda effettiva kontra l-bidla fil-klima u għal Ewropa sostenibbli

    20.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex iżżomm konċentrazzjoni politika qawwija fuq il-politika tal-enerġija u l-bidla fil-klima, billi tiżgura li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jipparteċipaw b'mod effettiv fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni;

    21.

    jappoġġja bis-sħiħ rwol ta' profil għoli għal-UE fil-qafas tan-negozjati tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima tal-2009 f'Kopenħagen bil-għan li jintlaħaq qbil dwar qabża 'l quddiem fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mill-2012;

    22.

    jipproponi li l-mitigazzjoni u l-adattament għall-bidla fil-klima jitqiesu bħala prijorità fid-dibattitu dwar ir-reviżjoni tal-Baġit tal-UE; Barra minn hekk, jappella li tinstab il-kumplimentarjetà bejn il-koeżjoni territorjali u l-miżuri dwar il-bidla fil-klima, l-aktar permezz tal-użu tal-istrumenti finanzjarji li diġà jeżistu;

    23.

    jenfasizza r-rwol tar-reġjuni bħala ħolqa essenzjali bejn il-pjanijiet ta' effiċjenza enerġetika nazzjonali u lokali u l-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u jqis li mingħajr l-appoġġ tar-reġjuni l-Istati Membri jistgħu ma jkunux kapaċi jżommu l-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-gassijiet serra sal-2020; jenfasizza li n-negozjati għal-ftehim internazzjonali dwar l-klima għal wara l-perjodu ta' Kyoto għandu jiffoka kemm fuq politiki komprensivi, l-implimentazzjoni tagħhom kif ukoll il-miri tal-emissjonijiet; itenni mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għal inizjattivi bħalma huma il-Patt tas-Sindki u jissuġġerixxi li dan jiġi kkumplimentat bil-parteċipazzjoni diretta tar-reġjuni;

    24.

    itenni mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-waqfien tat-telf ta' bijodiversità u jittama li r-reviżjoni ta' nofs it-term tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Bijodiversità ser tagħti spinta ġdida;

    25.

    jissuġġerixxi bil-qawwa li jitrawmu sinerġiji bejn il-politika tal-iżvilupp rurali u l-politiki l-oħra tal-UE, partikularment il-politika tal-koeżjoni; jitlob li l-Kummissjoni Ewropea tanalizza l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika dinjija fuq is-swieq agrikoli u s-settur rurali sabiex jinstabu l-miżuri adegwati għall-protezzjoni mid-deklin ta' dan is-settur u għaż-żamma tal-indipendenza alimentari;

    26.

    ifakkar fit-talba tiegħu li jiġi involut bħala konsegwenza loġika għall-kontribut tiegħu fil-pjan ta' azzjoni marittimu tal-Kummissjoni, fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika marittima integrata l-ġdida tal-Unjoni Ewropea;

    27.

    jilqa' l-attivitajiet tal-Kummissjoni fil-qasam tat-trasport ekoloġiku; itenni l-importanza ta' miżuri ta' appoġġ li spiss itaffu l-impatt tat-trasport fuq l-ambjent filwaqt li tingħata priorità lill-politika tat-trasport marittimu u lill-pjan ta' azzjoni ambizzjuż dwar l-mobilità urbana;

    28.

    jilqa' l-istqarrija tal-Kummissjoni Ewropea dwar impetu ġdid lill-proġetti TEN-T fl-Ewropa; jinsisti li mhux talli għandha tingħata kunsiderazzjoni għat-tħassib lokali u reġjonali, iżda ukoll l-istrumenti ta' ippjanar nazzjonali għandhom jiġu kkordinati fi ħdan il-qafas Ewropew sabiex jiġu ottimizzati n-Netwerks Trans-Ewropej;

    Għal Ewropa eqreb taċ-ċittadini

    29.

    jenfasizza r-rwol tiegħu bħala istituzzjoni ewlenija fl-isforzi ta' komunikazzjoni tal-Unjoni Ewropea maċ-ċittadini u jfakkar lill-Kummissjoni Ewropea li l-aċċess dirett tal-KtR, permezz tal-membri tiegħu, għall-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej, joħloq netwerk ta' komunikazzjoni reċiproka utli biex iċ-ċittadini jiġu mgħarrfa dwar il-benefiċċji tal-UE u ukoll biex tingħata vuċi liċ-ċittadini u lit-tħassib tagħhom; ifakkar lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri li l-integrazzjoni tad-dimensjoni Ewropea f'azzjoni ta' kuljum u l-komunikazzjoni fl-lingwaġġ li jinftiehem hi r-responsabbiltà konġunta tal-Istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll tar-rappreżentanti eletti nazzjonali, reġjonali u lokali li jinsabu fil-livell ta' komunikazzjoni qrib iċ-ċittadini;

    30.

    jikkunsidra li l-elezzjonijiet Ewropej fl-2009 għandhom jitqiesu bħala opportunità għat-tisħiħ ta' politika ta' komunikazzjoni Ewropea deċentralizzata sabiex jitkabbar l-għarfien tal-valuri konġunti tal-Unjoni Ewropea biż-żamma ta' djalogu permanenti maċ-ċittadini Ewropej u bit-turija tal-valur miżjud tal-integrazzjoni Ewropea;

    31.

    jenfasizza li l-KtR ser jagħti segwitu lill-isforzi tiegħu għal rikonoxximent aħjar fil-livell Ewropew tar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp ulterjuri tal-Qasam tal-Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, b'mod speċjali fir-rigward tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Programm Multiannwali ta' wara l-Programm tal-Aja; jappoġġja r-riċerka għal approċċ integrat u komprensiv lejn il-migrazzjoni u l-ażil, peress li hu biss permezz ta' dan l-approċċ li l-Ewropa tista' tasal għal politika tal-immigrazzjoni stabbli u sostenibbli; għal dan il-għan il-KtR jenfasizza ukoll l-importanza ta' inizjattivi ta' djalogu interkulturali; f'dan ir-rigward jilqa' l-iskeda l-ġdida ta' azzjonijiet leġiżlattivi — l-hekk imsejjaħ “Programm ta' Stokkolma” — li hu immirat lejn it-tisħiħ tal-qasam Ewropew ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja;

    32.

    jappoġġja l-mira tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni vjolenti għat-tisħiħ tas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE, billi jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE Kontra t-Terroriżmu u jinsisti li sabiex din il-ġlieda tkun ta' suċċess għandha titwettaq fir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet;

    33.

    jilqa' l-fatt li t-Tielet Reviżjoni Strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjar ser tirrapporta fuq it-tliet elementi ewlenin tal-Aġenda ta' Regolamentazzjoni Aħjar — l-evalwazzjoni tal-impatt, semplifikazzjoni u tnaqqis tal-piż amministrattiv; jenfasizza l-kontribut kontinwu tiegħu għad-dibattitu fil-Grupp ta' Livell Għoli tal-Partijiet Interessati Indipendenti dwar il-Piżijiet Amministrattivi, (“Il-Grupp Stoiber”) b'attenzjoni partikolari għall-miżuri ta' tnaqqis ta' spejjeż lill-awtoritajiet lokali u reġjonali; ikompli jappoġġja l-applikazzjoni ta' metodoloġija konġunta għall-evalwazzjoni tal-piżijiet amministrattivi, li tikkunsidra d-dimensjoni lokali u reġjonali b'mod ċar u jtenni mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-kooperazzjoni interistituzzjonali sabiex jinżammu l-objettivi mfassla f'dan il-qasam;

    34.

    itenni mill-ġdid li l-implimentazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità fil-proċess leġiżlattiv huma fil-qalba ta' gvernanza f'aktar minn livell wieħed li tkun effettiva u demokratika u jenfasizza l-importanza ta' kontribut lejn il-kultura tas-sussidjarjetà fl-istituzzjonijiet tal-UE li ser iwassal għal teħid ta' deċiżjoni aħjar;

    Għal Ewropa aktar b'saħħitha fid-Dinja

    35.

    itenni mill-ġdid li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni fil-proċess ta' tkabbir u li ser ikompli l-kooperazzjoni tiegħu mar-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti mill-pajjiżi kandidati tal-UE u minn dawk li huma kandidati prospettivi;

    36.

    jilqa' t-tnedija mill-ġdid tas-Sħubija Ewro-Mediterranja permezz tal-ħolqien ta' Unjoni għall-Mediterran u jenfasizza l-importanza tal-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-implimentazzjoni tagħha; iħabbar il-ħolqien tal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) li għandha tkun korp politiku permanenti li jirrappreżenta l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bl-iskop li tiġi rikonoxxuta bħala korp konsultattiv tal-Unjoni għall-Mediterran;

    37.

    jenfasizza l-importanza ta' bbilanċjar tar-rabtiet mal-ġirien tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE u jilqa' l-inizjattiva ta' Sħubija tal-Lvant; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tiżviluppa elementi ta' kooperazzjoni reġjonali u territorjali ulterjuri fi ħadan is-Sħubija tal-Lvant;

    38.

    japprezza ir-rikonoxximent dejjem akbar mill-Kummissjoni Ewropea lejn il-metodu u l-attivitajiet ta' kooperazzjoni deċentralizzata; jimpenja ruħu li, fl-aħħar tal-2009, jorganizza “Jiem ta' kooperazzjoni deċentralizzata tal-UE” sabiex jiffaċilità l-iskambju u d-djalogu politiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE u fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jilqa' l-ħolqien ta' pjattaforma ta' skambju ta' informazzjoni — “borża pubblika” — li jippermettu tqabbil bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw bil-għan li jinħolqu proġetti ta' kooperazzjoni deċentralizzata ġodda;

    39.

    itenni mill-ġdid l-impenn tiegħu li jippromovi d-demokrazija lokali u reġjonali fl-Ewropa u f'pajjiżi terzi u jenfasizza r-rieda tiegħu li jkompli l-parteċipazzjoni tiegħu f'missjonijiet ta' monitoraġġ tal-elezzjonijiet flimkien mal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, u jixtieq ikun involut aktar mill-qrib fil-missjonijiet ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet organizzati bl-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea;

    40.

    jagħti istruzzjonijiet lill-president tiegħu sabiex iwassal din ir-reżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-presidenzi tal-Unjoni Ewropea fl-2008, jiġifieri l-presidenza Slovena u dik Franċiża.

    Brussell, is-27 ta' Novembru 2008.

    Il-President

    tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Luc VAN DEN BRANDE


    (1)  Opinjoni tal-KtR CDR 16/2008 fin, “Reviżjoni tal-Baġit tal-UE: Inbiddlu l-Ewropa”, rapporteurs is-Sur. Van den Brande u s-Sur Delebarre


    Top