Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AR0210

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa

    ĠU C 76, 31.3.2009, p. 34–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 76/34


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa

    (2009/C 76/07)

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    ifakkar li l-Kumitat tar-Reġjuni huwa lest li jagħti l-kooperazzjoni u l-kontribut tiegħu għat-tħejjija ta' politika komuni futura tal-immigrazzjoni,

    jenfasizza li huma l-awtoritajiet lokali u reġjonali li ser ikunu milquta l-ewwel minn politika komuni tal-immigrazzjoni. Minn banda, id-diffikultajiet marbuta mal-immigrazzjoni illegali jolqtuhom b'mod partikolari. Mill-banda l-oħra huwa l-kompitu tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jipprovdu lill-immigranti b'firxa sħiħa ta' servizzi li jagħmlu parti mill-proċess ta' integrazzjoni. Għalhekk l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom sehem sħiħ fl-iżvilupp ta' qafas Ewropew għall-immigrazzjoni legali, fl-iżvilupp ta' miżuri kontra l-immigrazzjoni illegali u fil-ħidma ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-pajjiżi ta' oriġini,

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-immigranti jaqdu rwol importanti ħafna għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-UE. Sabiex nassiguraw li ż-Żona Ekonomika Ewropea tibqa' kompetittiva fil-livell internazzjonali, jeħtieġ li naħdmu sabiex l-Ewropa ssir aktar attraenti sabiex b'hekk il-potenzjal lokali u reġjonali jintuża aħjar,

    jinnota li nistgħu nwieġbu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol nazzjonali u reġjonali billi jkunu l-Istati Membri li jiddeterminaw in-numru ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jistgħu jidħlu fit-territorju tagħhom sabiex ifittxu xogħol bħala impjegati jew bħala ħaddiema indipendenti,

    jagħraf kemm huwa importanti li wieħed ikun jaf il-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-pajjiż li qiegħed jospitah. Li wieħed jitgħallem il-lingwa/lingwi uffiċjali tal-pajjiż li qiegħed jospitah mill-aktar fis possibbli huwa fattur li jiffaċilita l-integrazzjoni pożittiva fil-livelli lokali u reġjonali,

    jenfasizza l-fatt li teżisti rabta bejn l-immigrazzjoni illegali u dik legali u li l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali għandha importanza ċentrali fl-iżvilupp ta' politika għall-immigrazzjoni legali. Minn banda, il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali titlob aproċċ koerenti u olistiku sabiex id-diversi strutturi ta' kriminalità organizzata li jeżistu jiġu miġġielda b'mod effettiv. Mill-banda l-oħra, jeħtieġ li niżviluppaw miżuri li jiffaċilitaw l-immigrazzjoni legali fejn m'hemmx biżżejjed ħaddiema, jew għal finijiet ta' skambju u trasferiment tal-għarfien jew taħriġ addizzjonali għall-migranti li jiġu għal perijodu limitat ta' żmien.

    Rapporteur

    :

    Is-Sur Werner JOSTMEIER (DE/PPE), Membru tal-Landtag ta' Nordrhein-Westfalen

    Dokumenti ta' referenza:

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Lejn Politika Komuni tal-Immigrazzjoni

    COM(2007) 780 finali

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa: Prinċipji, azzjonijiet u strumenti

    COM(2008) 359 finali

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

    1.

    jappoġġja l-politika komuni tal-immigrazzjoni li bdiet matul il-Kunsill Ewropew ta' Tampere fl-1999 u li kompliet tiżviluppa fil-Patt Ewropew għall-Immigrazzjoni u l-Ażil;

    2.

    ifakkar li l-Kumitat tar-Reġjuni huwa lest li jagħti l-kooperazzjoni u l-kontribut tiegħu għat-tħejjija ta' politika komuni futura tal-immigrazzjoni. F'dan il-kuntest, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma lesti li jindirizzaw l-isfidi l-ġodda u jippromovu, fil-livell lokali u reġjonali, l-iskambju tal-prattika t-tajba f'dan il-qasam;

    3.

    jesprimi s-sodisfazzjon u l-apprezzament tiegħu għall-kollaborazzjoni msaħħa mal-Kummissjoni Ewropea li għandha titkompla;

    4.

    jilqa' l-isforzi mwettqa mill-Kummissjoni tal-UE favur il-kollaborazzjoni fi sħubija. Il-kollaborazzjoni u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE għandha tinkludi l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati lokali u reġjonali. L-isfidi tal-ġejjieni jeħtieġu miżuri kkoordinati u koerenti, li fil-qafas ta' politika komuni tal-immigrazzjoni jitolbu azzjoni effettiva min-naħa tal-UE u tal-Istati Membri;

    5.

    jenfasizza li huma l-awtoritajiet lokali u reġjonali li ser ikunu milquta l-ewwel minn politika komuni tal-immigrazzjoni. Minn banda, id-diffikultajiet marbuta mal-immigrazzjoni illegali jolqtuhom b'mod partikolari. Mill-banda l-oħra huwa l-kompitu tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jipprovdu lill-immigranti b'firxa sħiħa ta' servizzi li jagħmlu parti mill-proċess ta' integrazzjoni. Għalhekk l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom sehem sħiħ fl-iżvilupp ta' qafas Ewropew għall-immigrazzjoni legali, fl-iżvilupp ta' miżuri kontra l-immigrazzjoni illegali u fil-ħidma ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-pajjiżi ta' oriġini;

    6.

    jaqbel mal-Kummissjoni li hemm bżonn ta' mekkaniżmi bbażati fuq is-solidarjetà tal-Istati Membri u l-UE għat-tqassim tar-responsabbiltajiet u l-koordinazzjoni politika. L-awtoritajiet reġjonali u lokali jiġbdu l-attenzjoni għall-finanzjament, fost affarijiet oħra, tas-sorveljanza u l-kontroll tal-fruntieri kif ukoll tal-politika ta' integrazzjoni, ħaġa li għandha impatt fuq il-finanzi pubbliċi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

    7.

    jemmen li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-promozzjoni tad-demokrazjija huma l-bażi tal-politika tal-immigrazzjoni. L-Unjoni Ewropea tiggarantixxi l-libertajiet u l-prinċipji li huma stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, bħal pereżempju d-dinjità tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza, is-solidarjetà, id-drittijiet ċivili u d-drittijiet legali. Hija tagħti importanza partikolari lid-drittijiet tan-nisa u tat-tfal. It-tradizzjonijiet jew il-prattiċi li ma jirrispettawx dawn il-prinċipji ma jistgħux jiġu ttollerati. Il-valuri Ewropej li fuqhom inbniet il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jistgħux jiġu kkuntestati. Fl-Unjoni Ewropea kulħadd għandu jaċċetta d-drittijiet fundamentali Ewropej bħala l-bażi ta' valuri vinkolanti;

    8.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li f'ħafna mill-muniċipalitajiet u mir-reġjuni tal-Ewropa, il-migranti diġà saru parti importanti u integrali mis-soċjetà. L-Unjoni Ewropea hija magħmula minn soċjetà li għandha wirt kulturali rikk u divers li jistħoqqlu jiġi mħares u jkompli jiġi żviluppat. Il-UNESCO tiddeskrivi l-kultura bħala kunċett kumpless li ma jiġborx fih biss l-arti u l-letteratura iżda wkoll l-istil ta' ħajja, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, is-sistema tal-valuri, it-tradizzjonijiet u t-twemmin. L-immigrazzjoni tista' tagħti kontribut pożittiv għad-diversità kulturali. Permezz tas-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali (1), l-Unjoni Ewropea onorat id-diversità kulturali;

    Lejn politika komuni tal-immigrazzjoni

    9.

    fid-dawl tal-opinjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni li diġà ġew adottati, jappoġġja l-involviment tal-atturi lokali u reġjonali fil-fażijiet partikolari kollha tat-tfassil tal-politika komuni futura tal-immigrazzjoni (2);

    Il-benesseri u l-immigrazzjoni

    10.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-immigranti jaqdu rwol importanti ħafna billi jikkontribwixxu għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-UE. Sabiex nassiguraw li ż-Żona Ekonomika Ewropea tibqa' kompetittiva fil-livell internazzjonali, jeħtieġ li naħdmu sabiex l-Ewropa ssir aktar attraenti sabiex b'hekk il-potenzjal lokali u reġjonali jintuża aħjar;

    11.

    jemmen li huwa kruċjali li jkun hemm regoli ċari u trasparenti u li dawn ir-regoli jitħarsu sabiex jiġu ggarantiti s-sigurtà legali u t-trattament ġust taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi;

    12.

    jemmen li sistemi li jħeġġu l-integrazzjoni li jinkludu faċilitajiet ta' akkomodazzjoni attraenti għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u għall-familji tagħhom huma mezz importanti kif wieħed jista' jattira forza tax-xogħol meħtieġa lejn iż-Żona Ekonomika Ewropea. Ġestjoni tajba tal-migrazzjoni li tħalli effetti pożittivi fuq is-suq tax-xogħol għandha tikkunsidra wkoll kwistjonijiet marbuta mar-riunifikazzjoni tal-familji skont id-Direttiva 2003/86/KE;

    13.

    jemmen li politika komuni tal-immigrazzjoni, permezz tas-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għall-ammissjoni tal-immigranti, tista' twassal għal tnaqqis notevoli fl-ispejjeż amministrattivi tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    14.

    jitlob lill-Kummissjoni tanalizza liema kompiti ser ikollhom iwettqu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kuntest tal-miżuri li qed tipproponi li jittieħdu fil-livell tal-UE jew dak nazzjonali. Huwa importanti wkoll li l-kompiti li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu ffinanzjati fil-livell nazzjonali jew permezz tal-fondi tal-UE;

    15.

    jiġbed l-attenzjoni għall-bżonnijiet differenti tas-suq tax-xogħol tal-Istati Membri. Għalhekk jeħtieġ li l-introduzzjoni ta' standards, proċeduri jew permessi ta' soġġorn Ewropej ġodda, bħall-“Blue Card tal-UE”, tqis il-bżonnijiet tas-swieq tax-xogħol nazzjonali, reġjonali u lokali, minħabba l-bżonn li l-Istati Membri jkomplu jeżerċitaw l-awtonomija tagħhom u b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Nistgħu nwieġbu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol billi jkunu l-Istati Membri li jiddeterminaw in-numru ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jistgħu jidħlu fit-territorju tagħhom sabiex ifittxu xogħol bħala impjegati jew bħala ħaddiema indipendenti;

    16.

    f'dan il-kuntest jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal inklużjoni attiva tal-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-kwalifiki u l-bżonnijiet settorjali. Permezz ta' dan ikunu jistgħu jitqiesu wkoll il-karatterstiċi lokali u reġjonali speċifiċi;

    L-integrazzjoni bħala muftieħ għall-immigrazzjoni ta' suċċess

    17.

    jenfasizza l-importanza tar-rwol attiv li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-integrazzjoni tal-migranti. Jeħtieġ li l-politika komuni futura tal-immigrazzjoni u l-miżuri marbutin magħha, bħall-ħolqien ta' Fond Ewropew għall-Integrazzjoni, jikkunsidraw il-bżonnijiet speċifiċi tar-reġjuni u l-muniċipalitajiet. F'dan ir-rigward għandhom jiġu mħarsa l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

    18.

    jassoċja d-drittijiet bażiċi mar-responsabbiltajiet u mad-dmirijiet li għandna lejn l-oħrajn, lejn is-soċjetà u lejn il-ġenerazzjonijiet ta' warajna. Ir-rispett lejn il-valuri komuni tal-Ewropa jirrikjedi impenn favur ir-rispett u t-tolleranza, li jiffurmaw il-bażi ta' konvivenza paċifika u demokratika. Id-djalogu interkulturali fuq livell lokali u reġjonali jista' jaqdi rwol importanti ħafna f'dan ir-rigward;

    19.

    jemmen li l-integrazzjoni tirrikjedi kooperazzjoni attiva bejn il-partijiet kollha tas-soċjetà ċivili u attitudni pożittiva min-naħa tal-immigranti u s-soċjetà ospitanti. Il-pajjiżi ta' oriġini jistgħu jagħtu kontribut għall-integrazzjoni taċ-ċittadini tagħhom fil-pajjiżi Ewropej li qegħdin jilqgħuhom;

    20.

    jagħraf kemm huwa importanti li wieħed ikun jaf il-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-pajjiż li qiegħed jospitah. Li wieħed jitgħallem il-lingwa/lingwi uffiċjali tal-pajjiż li qiegħed jospitah mill-aktar fis possibbli huwa fattur li jiffaċilita l-integrazzjoni pożittiva fil-livelli lokali u reġjonali. Jeħtieġ li nħeġġu ħafna lill-immigranti u b'mod partikolari lil uliedhom sabiex jitgħallmu l-lingwa/lingwi tal-pajjiż li qed jospitahom filwaqt li fl-istess ħin nirrispettaw u nappoġġjaw id-dritt li jkollhom ħakma tajba tal-lingwa nattiva tagħhom;

    21.

    jemmen li għandha tiġi pprovduta informazzjoni bażika u komprensibbli dwar il-belt, il-lokalità jew id-distrett ta' destinazzjoni, kif ukoll dwar l-iktar drawwiet komuni tal-postijiet u l-inħawi, u li dan il-fattur għandu jitqies bħala prijorità;

    22.

    jenfasizza l-importanza li wieħed ikollu għarfien bażiku tal-istorja u l-istituzzjonijiet tas-soċjetà ospitanti. Li l-immigranti jiksbu dan l-għarfien bażiku huwa ferm importanti għall-integrazzjoni tagħhom;

    23.

    jappoġġja l-organizzazzjoni ta' programmi u attivitajiet għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li għadhom jaslu fil-pajjiż ospitanti, bil-għan li dawn jiksbu għarfien bażiku dwar il-lingwa, l-istorja, l-istituzzjonijiet, il-karatteristiċi soċjoekonomiċi, il-ħajja kulturali u l-valuri fundamentali tas-soċjetà ospitanti;

    24.

    jappoġġja l-finanzjament ta' programmi u mudelli ta' integrazzjoni innovatorji li jinkludu taħriġ lingwistiku u workshops ta' komunikazzjoni, kif ukoll informazzjoni dwar l-aspetti kulturali, politiċi u soċjali tas-soċjetà ospitanti.

    25.

    jemmen li l-edukazzjoni taqdi rwol ċentrali fil-proċess ta' integrazzjoni. Fil-qasam tal-edukazzjoni, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ħidma importanti xi jwettqu sabiex jassiguraw opportunitajiet ugwali għal kulħadd. Fil-Green Paper “Migrazzjoni u mobilità: l-isfidi għas-sistemi ta' edukazzjoni tal-UE” (3) li ppubblikat, il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għar-rwol ċentrali tal-edukazzjoni fl-integrazzjoni. Fl-analiżi tagħha tal-konsultazzjoni, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra b'mod partikolari l-ħidma fil-livell lokali u reġjonali;

    26.

    jiġbed l-attenzjoni għar-rwol importanti li jaqdi x-xogħol fl-integrazzjoni tal-immigranti. Il-qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ, ħafna drabi jxekkel l-integrazzjoni pożittiva. L-immigrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għandha tkun konformi mal-bżonnijiet tas-swieq tax-xogħol tad-diversi Stati Membri. Ix-xogħol huwa fattur essenzjali tal-integrazzjoni u jġib miegħu l-parteċipazzjoni fis-sistema soċjali tal-pajjiż. Jekk dan ma jseħħx, l-aċċess tal-immigranti għas-sistema ta' sigurtà soċjali jkun piż partikolari għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, fattur diffiċli li jiġi spjegat liċ-ċittadini tal-Istati Membri;

    Is-solidarjetà u l-immigrazzjoni

    27.

    jenfasizza l-fatt li teżisti rabta bejn l-immigrazzjoni illegali u dik legali u li l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali għandha importanza ċentrali fl-iżvilupp ta' politika għall-immigrazzjoni legali. Minn banda, il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali titlob approċċ koerenti u olistiku sabiex id-diversi strutturi ta' kriminalità organizzata li jeżistu jiġu miġġielda b'mod effettiv. Għalhekk huwa importanti li kwalunkwe ftehim ma' pajjiżi terzi jinkorpora dispożizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, inkluż, b'mod partikolari, ir-riammissjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali. Mill-banda l-oħra, jeħtieġ li niżviluppaw perspettivi li jiffaċilitaw l-immigrazzjoni legali fejn m'hemmx biżżejjed ħaddiema, għal finijiet ta' skambju u trasferiment tal-għarfien u ta' taħriġ addizzjonali għall-migranti li jiġu għal perijodu limitat ta' żmien. Dawn huma kollha sitwazzjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar ser jaqdu rwol pożittiv fl-iżvilupp tal-pajjiż ta' oriġini.

    Użu effiċjenti u koerenti tar-riżorsi disponibbli

    28.

    jitlob li tingħata informazzjoni komprensiva dwar il-fondi u l-programmi ta' finanzjament rilevanti tal-UE sabiex l-atturi fil-livell lokali u reġjonali kollha jkunu jistgħu jużaw il-fondi u l-programmi eżistenti bl-aħjar mod;

    29.

    jemmen li fil-qafas tal-politika komuni futura tal-immigrazzjoni jaf ikun hemm bżonn li jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-aġenzija FRONTEX fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri u l-prevenzjoni tat-theddid għas-sigurtà billi din tingħata r-riżosri finanzjarji u umani sabiex tkun tista' twettaq il-ħidma tagħha b'mod effettiv;

    30.

    jenfasizza li fil-qafas tal-politika komuni futura tal-immigrazzjoni għandu jiġi kkunsidrat il-bżonn li tissaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jmexxu l-flussi migratorji billi jingħataw ir-riżorsi finanzjarji neċessarji u l-garanzija li jkollhom aċċess għall-fondi u l-programmi tal-UE. Jekk ma jirnexxilniex niżviluppaw politika tal-immigrazzjoni sostenibbli u effettiva, jiġifieri politika milqugħa mill-pajjiżi kkonċernati kollha, ser inħabbtu wiċċna ma' spejjeż soċjoekonomiċi akbar u ma' sitwazzjonijiet li jheddu l-benesseri tagħna, l-armonija soċjali u l-iżvilupp ekonomiku;

    31.

    jitlob li jingħata appoġġ finanzjarju lill-politika tal-integrazzjoni u b'mod partikolari lill-ħidma li għandha ssir fil-qasam tal-edukazzjoni fil-livell lokali u reġjonali. Il-Green Paper dwar il-migrazzjoni u l-mobilità ser tanalizza l-kontribut tal-programmi u l-fondi Komunitarji għall-appoġġ tal-politika tal-integrazzjoni. Il-ħidma favur l-integrazzjoni li ssir fil-qasam tal-edukazzjoni fil-livell lokali u reġjonali għandha tiġi appoġġjata mill-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni.

    Is-sħubiji ma' pajjiżi terzi

    32.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fil-kuntest tal-politika futura tal-immigrazzjoni tal-UE għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-promozzjoni tad-djalogu u tal-kollaborazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu u li għal dan il-għan għandhom jintużaw l-istrumenti tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u tal-Unjoni għall-Mediterran u għandha tiġi implimentata kollaborazzjoni ta' żvilupp effettiva; barra minn hekk, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jaqdu rwol importanti fil-promozzjoni ta' din il-kollaborazzjoni. Dan jgħodd b'mod speċjali għall-entitajiet li jistgħu jservu ta' pjattaformi ta' kooperazzjoni għall-kollaborazzjoni ma' pajjiżi terzi ġirien;

    33.

    jagħmel enfasi fuq id-dimensjoni globali tal-migrazzjoni, li għandha impatt wiesa' fuq il-pajjiżi ta' oriġini kif ukoll fuq l-Unjoni Ewropea. Għal din ir-raġuni għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-interdipendenza tal-migrazzjoni u l-iżvilupp. F'dan il-kuntest wieħed għandu jara li l-emigrazzjoni tal-ħaddiema ma jkollhiex konsegwenzi ekonomiċi negattivi (brain drain) għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Il-migrazzjoni ċirkolari tippermetti li l-ħaddiema jkunu jistgħu jużaw jew jittrasmettu l-kompetenzi li jkunu kisbu meta jmorru lura fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom;

    Is-sigurtà u l-immigrazzjoni

    34.

    huwa tal-fehma li fir-rigward tal-isfidi marbutin mal-migrazzjoni illegali, il-politika tal-immigrazzjoni tal-UE għandha tiffoka l-ewwel u qabel kollox fuq miżuri prattiċi u approvati għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-organizzazzjonijiet kriminali sabiex jiġu evitati t-traġedji umani;

    It-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u t-tolleranza 0 fir-rigward tat-traffikar tal-bnedmin

    35.

    jappoġġja bis-sħiħ il-miżuri tal-Unjoni Ewropea għall-prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali, li spiss tiġi użata għall-isfruttament tal-persuni, b'mod speċjali tan-nisa u t-tfal. Jeħtieġ li jittieħdu l-miżuri adegwati f'dan il-qasam. Il-ġlieda kontra n-netwerks li huma involuti fit-traffikar tal-bnedmin jew li jorganizzawh għandha ssir bil-kollaborazzjoni tal-pajjiżi ta' oriġini jew ta' tranżitu. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom involuti b'mod adattat fil-miżuri ta' kooperazzjoni.

    Il-prospettivi

    36.

    jemmen li politika komuni tal-immigrazzjoni effettiva toffri opportunitajiet u possibbiltajiet li jistgħu jagħtu kontribut pożittiv għas-suċċess ekonomiku u għad-diversità kulturali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma favur politika bħal din, jiġifieri politika li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-potenzjal ekonomiku u soċjali tal-Unjoni Ewropea. Fl-istess ħin isostni li l-Unjoni Ewropea tkun tista' tgawdi l-benefiċċji tal-migrazzjoni legali bis-sħiħ kemm-il darba l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali tkun komprensiva u effettiva.

    Brussell, is-26 ta' Novembru 2008.

    Il-President

    tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Luc VAN DEN BRANDE


    (1)  Deċiżjoni Nr. 1983/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali (2008).

    (2)  Billi l-Komunikazzjoni COM(2008) 359 finali tillimita ruħha għall-kwistjonijiet marbuta mal-immigrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, din l-opinjoni ma tindirizzax iċ-ċaqliq ta' ċittadini tal-UE fi ħdan l-Unjoni stess jew f'reġjuni speċifiċi.

    (3)  COM(2008) 423 finali.


    Top