Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC0218(05)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-ħarsien tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

ĠU C 39, 18.2.2009, p. 32–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/32


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-ħarsien tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2009/C 39/10)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

SOMMARJU

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) NRU 510/2006

“HAJDÚSÁGI TORMA”

Nru tal-KE: HU-PDO-005-0391-21.10.2004

DPO ( X ) IGP ( )

Dan is-sommarju jagħti l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal finijiet informattivi

1.   Id-dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

L-isem:

Földművelésügyi és Vidékfejlesztési Minisztérium – Élelmiszerlánc-elemzési Főosztály

Indirizz:

Kossuth Lajos tér 11.

H-1055 Budapest

Telefown:

(36-1) 301 44 19

Telefeks:

(36-1) 301 48 08

Posta elettronika:

zobore@fvm.hu

2.   Il-Grupp:

Isem:

Hajdúsági Torma Termékpálya Bizottság (Hajdúsági TOTEB)

(Horseradish Product Line Committee)

Indirizz:

Diószegi út

H-4002 Debrecen

Telefown:

(36-52) 412 919

Telefeks:

(36-52) 442 545

Posta elettronika:

parmen@parmen.hu

Kompożizzjoni:

Produtturi/proċessuri ( X ) ( X ) Oħrajn

3.   It-tip ta' prodott:

Kategorija 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

4.   L-ispeċifikazzjoni:

(Sommarju tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem: “Hajdúsági torma”

4.2.   Id-deskrizzjoni: Il-pjanti awtorizzati li jkollhom l-indikazzjoni Hajdúsági torma “id-denominazzjoni protetta tal-oriġini” huma l-għeruq tal-varjetajiet reġjonali tal-Armoracia rusticana (syn. A. lapathifolia), magħżulin fir-reġjun ta' Hajdúság permezz tal-propagazzjoni tal-bċejjeċ tal-għeruq maqtugħin. Il-prodott tal-pjanta għall-konsum mill-bniedem huwa l-għerq, jew ir-riżoma, li jiżviluppaw mill-ħxuna tal-għeruq maqtugħin tas-sena ta' qabel użati għall-propagazzjoni; hemm perjodu ta' madwar 180 ġurnata bejn it-tħawwil u l-ħsad. Il-varjetajiet tar-rafan prodotti fir-reġjun ta' Hajdúság għandhom karatteristiċi distintivi bħal: il-weraq ħoxnin, ħodor skuri, abbundanti jduru fit-tielet parti ta' fuq tagħha, ir-riżoma dritta, ċilindrika, kannella ċara u l-laħma bajdanija lewn l-għadam. It-togħma tagħha qatt ma tkun ta' njam u l-kontenut tagħha relattivament baxx ta' iżotijoċjanat tal-allil jagħtiha t-togħma distintiva taħraq tagħha, li — b'analoġija mal-“mild-noble paprika” — tissejjaħ ukoll “noble-hot”.

Bħala riżultat tal-metodu tal-kultivazzjoni standardizzata (il-metodu tat-tħawwil f'radda) li evolva fir-reġjun tal-produzzjoni ta' Hajdúság, il-Hajdúsági torma għandha dehra tas-suq uniformi.

Hemm tkabbir ta' 3-4 ċm fil-bċejjeċ tal-għeruq maqtugħin, li huwa msejjaħ ir-“ras”; għandu forma ċilindrika b'dijametru ta' 1,5-5 ċm u b'tul ta' 20-35 ċm. Il-metodu tal-produzzjoni tat-tħawwil f'radda, li żviluppa fuq medda ta' għexieren ta' snin, huwa differenti mill-metodu mekkanizzat immejjel tat-tħawwil użat f'reġjuni oħrajn fl-Ewropa, il-Hajdúsági torma għalhekk tista' permezz tad-dehra tagħha tiġi distinta b'mod ċar mir-rafan prodott permezz ta' metodi tal-produzzjoni oħrajn.

Ir-rafan prodott fir-reġjun ta' Hajdúság għandu kontenut ta' 30-32 % materja niexfa. Ir-rafan niexef u maħkuk għandu l-kwantitajiet ta' minerali ewlenin li ġejjin: (gm/kg) P: 2,1; K: 25,3; S: 7,7; Ca: 5,9; Mg: 3,1. Fih ukoll (espress bħala perċentwali skont il-piż): 3,68 fibra mhux maħduma, 0,34 xaħam grezz, 2,2 irmied grezz, 1,08 zokkor, 7,63 lamtu u 3,77 N. Il-kontenut tiegħu ta' glukożju-fruttożju-sukrożju huwa 11,8 % u l-kontenut medju tiegħu ta' żejt tal-mustarda (iżotijoċjanat tal-allil) huwa 14,4 g/kg. Il-kontenut tiegħu ta' vitamina Ċ ivarja ħafna (26-150 mg/100 gm) u jiddependi primarjament fuq il-kundizzjonijiet tal-klima tar-reġjun u fuq jekk il-pjanta tappartjenix għas-subvarjetà tat-tramuntana jew tan-nofsinhar.

4.3.   Iż-żona ġeografika: Il-Hajdúsági torma hija prodotta f'reġjun sħiħ iddefinit b'mod ċar ħdan il-kontea ta' Hajdú-Bihar. Dan huwa r-reġjun tal-produzzjoni ta' Hajdúság, bil-muniċipalitajiet li ġejjin involuti fil-produzzjoni: Debrecen (Debrecen-Haláp, Debrecen-Bánk), Létavértes, Újléta, Kokad, Álmosd, Bagamér, Vámospércs; Hosszúpályi, Monostorpályi, Nyírábrány, Nyíracsád, Nyírmártonfalva, Nyíradony.

4.4.   Il-prova tal-oriġini: Il-Hajdúsági TOTEB huwa responsabbli li jikkoordina l-interessi tal-produtturi u n-negozjanti. Bl-iżvilupp ta' ċirku ta' produtturi esperti, din l-organizzazzjoni tista' tilħaq id-domandi tas-suq kemm għall-kwalità kif ukoll għall-kwantità tal-prodott, u permezz tas-sorveljanza b'mod effettiv tal-produtturi, tiżgura d-dehra uniformi tal-prodott.

Il-produtturi jżommu reġistru aġġornat tal-produzzjoni matul iċ-ċiklu sħiħ tal-produzzjoni.

It-tagħrif li ġej għandu jkun irreġistrat fir-reġistru tal-produzzjoni:

l-isem u d-dejta tal-identifikazzjoni tal-produttur,

il-post tal-produzzjoni (in-numru tar-reġistru tal-art, iż-żona, eċċ.),

l-isem tal-wiċċ tar-raba' mkabbar qabel,

il-varjetà prodotta (jekk tkun magħrufa),

iż-żmien tat-tħawwil u l-ħsad,

id-dati tal-ispezzjonijiet,

is-sħubija ta' dar tal-kummerċ,

il-kwantità mqiegħda fis-suq, id-destinatarju jew ix-xerrej.

Id-djar tal-kummerċ għandhom iżommu reġistru aġġornat tad-dħul tar-rafan biex il-provenjenza tar-rafan u l-kwantitajiet imqiegħda fis-suq ikunu jistgħu jiġu identifikati (mill-isem u n-numru tal-identifikazzjoni tal-produttur). Dan ir-reġistru għandu jkun għad-dispożizzjoni tal-persuni responsabbli għall-kontroll.

Ir-rafan jitqiegħed fis-suq f'pakketti li jispeċifikaw l-identifikazzjoni tad-dar tal-kummerċ u n-numru tal-identifikazzjoni ta' kull oġġett.

Fuq talba ta' produttur jew distribur, il-Hajdúsági-TOTEB iwettaq verifika tal-proċess sħiħ tal-produzzjoni tal-produttur; jekk jintlaħqu r-rekwiżiti, il-prodott jista' jingħata l-marka distintiva ta' “Il-Kwalità Kkontrollata mill-Kumitat tal-Linja tal-Prodotti tar-Rafan ta' Hajdúsági.” Din hija bbażata fuq is-sistema tal-kontroll tal-kwalità u mwettqa mill-Hajdúsági-TOTEB, u tinvolvi eżamijiet kumplessi (fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi) ibbażati fuq teħid ta' kampjuni, f'kooperazzjoni mas-servizz tal-ħarsien tal-pjanti u l-ħamrija tal-pajjiż.

Il-Hajdúsági-TOTEB jipparteċipa fil-monitoraġġ tal-konformità mar-regolamenti dwar l-użu tad-denominazzjoni ġeografika tal-prodott u l-użu leġittimu tad-denominazzjoni tal-oriġini.

4.5.   Il-metodu tal-produzzjoni: Il-metodu speċjali tat-tħawwil f'radda jagħmel il-Hajdúsági pjanta unika. Ħamrija li tkun reġgħet ġiet fornita bin-nutrijenti titqalleb f'fond ta' 50-60 ċm, imbagħad, skont l-istruttura tal-ħamrija, jiġu prodotti ringieli ta' 30-40 ċm f'intervalli ta' 90-100 ċm permezz ta' kultivatur li jdur jew moħriet bir-raddi. Ir-raddi jintrassu ma' xulxin bl-użu ta' rombli speċjali.

Il-materjali tal-propagazzjoni jitħawlu fir-raddi li jkunu ġew ippreparati. Il-materjali tal-propagazzjoni (il-bċejjeċ tal-għeruq maqtugħin) huma biċċiet dritti ta' għeruq b'saħħithom, b'tul ta' 25-30 ċm u b'dijametru ta' 5-10 mm, mingħajr friegħi, maqtugħin miż-żewġ trufijiet, magħżulin mill-qtugħ tal-għeruq tal-prodott tas-sena ta' qabel.

Il-bċejjeċ maqtugħin jinġabru fil-ħarifa jew fir-rebbiegħa, jintgħażlu u jitnaddfu b'attenzjoni, it-tarf tar-rimja jiġi mmarkat, jinqatgħu u mbagħad jiġu sfurzati biex jikbru fi gruppi ta' 100-200.

It-tħawwil isir bejn l-aħħar għaxart ijiem ta' Marzu u l-aħħar ta' Mejju. It-tħawwil dejjem isir bl-idejn: permezz ta' għodda għat-tħawwil b'forma speċjali u tal-ħadid, il-bċejjeċ maqtugħin jitpoġġew vertikalment fil-ħamrija, 3-4 ċm taħt il-wiċċ, bit-tarf tar-rimja 'l fuq. Iż-żona li tkun tħawlet b'dan il-mod tiġi mħarsa kontra l-ħaxix ħażin permezz ta' kimiċi.

Fi 3-4 ġimgħat wara t-tħawwil — meta jibda jikber — issir għażla tar-rimjiet. F'dan il-punt, il-bċejjeċ maqtugħin jinkixfu ('l isfel sa 4-5 ċm) fir-raddi. Mill-1 sal-5 rimja li jkunu bdew jikbru mit-truf tan-naħa ta' fuq, tinżamm l-iktar rimja b'saħħitha u l-oħrajn jitneħħew flimkien ma' kwalunkwe għeruq tal-għonq. Dan huwa l-mod kif kull pjanta jkollha “ras waħda” u l-parti tar-rimja fl-art tikber lejn il-biċċa maqtugħa vertikalment, li hija karatteristika tar-reġjun.

Matul il-kumplament tal-istaġun tat-tkabbir, il-kultivazzjonijiet ikunu kkultivati u mħarsa b'attenzjoni kontra l-insetti li jagħmlulhom il-ħsara u l-mard.

Kwalità u kwantità xierqa tista' tintlaħaq biss permezz tal-irrigazzjoni, it-teknika tingħażel b'mod ħieles mill-bdiewa — mill-mgħargħar għall-iktar metodu modern ta' irrigazzjoni bid-dripp.

Il-ħsad jibda f'nofs Ottubru u normalment ikun lest sa meta taqa' l-ewwel ġlata. F'ċerti każijiet, ir-rafan ma jinħasadx fil-ħarifa hi x'inhi r-raġuni, imma din mhijiex problema minħabba li l-pjanta tibqa' tgħix matul ix-xitwa sal-ħsad fir-rebbiegħa mingħajr ma tbati mill-ħsara tal-ġlata jew tnaqqas mill-kwalità.

Il-proċess tal-ħsad: wara l-qerda tal-weraq, l-għeruq maqtugħin jinqatgħu f'fond ta' 50-60 ċm taħt il-wiċċ tar-radda bl-użu ta' adapter f'forma ta' U mqabbad b'ġanċ ma' trakter. L-għeruq li jittellgħu b'dan il-mod jinqalgħu bl-idejn u jitħallew hemm għal ftit ġranet biex jinxfu.

Minn hemm 'il quddiem jiġi ppreparat prodott kummerċjali mill-prodott kif mitlub mix-xerrej. Il-ħamrija flimkien ma' xi ħmieġ ieħor jitneħħew minn mal-prodott, jitneħħa l-weraq u mbagħad jinġabru l-għeruq maqtugħin li jkunu tajbin għall-propagazzjoni. Rafan iggradat li fih inqas minn 5 % kontaminazzjoni tal-ħamrija biss jista' jittieħed fid-destinazzjoni.

Il-Hajdúsági torma tiġi ggradata u aċċettata mill-fornituri skont il-kriterji ta' kwalità li ġejjin. Ta' min jinnota li l-kwalitajiet tal-kontenut ta' nutrizzjoni tad-diversi kategoriji huma identiċi, l-unika differenza hija d-dehra tal-prodott. Rafan tal-Klassi I jintuża esklussivament għall-konsum bħala ħaxixa friska, filwaqt li l-klassijiet l-oħrajn jipprovdu materja prima għall-ipproċessar industrijali.

Il-Klassi I.: Il-wiċċ tar-rafan huwa lixx, għandu forma ċilindrika, ma għandux għeruq laterali u huwa intatt u b'saħħtu, huwa twil iktar minn 20 ċm u għandu dijametru ta' iktar minn 25 mm. Ma jistax jitbiel, u ma għandu jkollu l-ebda ħsara magħmula mill-insetti jew xaqq. L-għeruq maqtugħin ikunu ġew maqlugħa. Il-fdalijiet taz-zokk tal-werqa għandhom jinqatgħu minn mar-ras bi ħsara minima fuq ir-rafan. Il-Klassi II.: Il-parametri kollha huma l-istess bħal dawk tal-prodotti tal-Klassi I minbarra d-dijametru tan-nofs tiegħu li huwa iktar minn 20 mm. Il-Klassi III.: Din il-klassi tinkludi riżomi itwal minn 15-il ċm u b'dijametru ta' iktar minn 15-il mm, li fuqhom ikun hemm uċuħ bi qtugħ viżibbli minħabba li jitneħħew l-għeruq, jew li jkollhom ftit ħsara bix-xquq jew bl-insetti. Il-Klassi IV.: Riżomi żviluppati ftit li xejn u għeruq maqtugħin eħxen. Ma jistax ikollhom partijiet imħassrin, ikunu twal 10 ċm u mill-inqas dijametru ta' 10 mm. Il-kwalità tal-qtugħ: kwantità ta' rafan tal-Klassijiet I u II li l-partijiet tagħhom imħassrin minn “fungi, tħassir, jew gdim tal-insetti” nqatgħulhom. Il-parti mneħħija ma tistax tkun iktar minn terz tal-wiċċ tar-rafan. Id-daqs: it-tul tar-riżoma ogħla minn 17-il ċm, l-ikbar dijametru ogħla minn 20 mm. Il-kwalità tal-għerq: it-tul u d-dijametru huma irrelevanti, ħieles minn materja barranija, moffa u partijiet imħassrin.

Il-Hajdúsági torma tiġi ppakkjata kif mitlub mix-xerrej, fi xkejjer tar-Raschel (bil-malji) jew fi xkejjer tal-fojl imtaqqbin. Skont id-domanda tas-suq, qabel il-vaganzi tal-Milied u tal-Għid ir-rafan tal-Klassi I jinbiegħ ukoll imgeżwer ġo film tal-plastik.

4.6.   Ir-rabta: Rabta storika: Ir-rafan miġjub fil-baċin tal-Karpazji mit-tribujiet tal-Magyar tal-qedem u r-rafan tal-post li nstab hawn kienu ibridi ta' varjetajiet selvaġġi. Ir-reġistri tal-produzzjoni tiegħu jmorru lura għas-seklu sbatax; jista' jkun li wasal fir-reġjun ta' Hajdúság fil-bidu tas-seklu dsatax. Il-produzzjoni tar-rafan bdiet tikber f'dan ir-reġjun partikolarment fl-aħħar tas-snin tas-seklu dsatax u fil-bidu tas-snin tas-seklu għoxrin. Qabel ma nqaleb is-seklu, fir-reġjun ta' Hajdúság kważi fil-ġnien ta' kulħadd kien hemm xi ammont ta' rafan bħala pjanta perenni. Wara li nqaleb is-seklu, fil-bidu tas-snin għoxrin tas-seklu għoxrin, il-maniġer tal-vinja ta' Bagamér, Gábor Szilágyi, fil-kapitolu Várad ordna ftit rafan “b'togħma tajba u nobbli” mill-Awstrija, akklimatizzah, u ppropagah fi ftit snin billi għażlu b'attenzjoni. L-irħula tar-reġjun ukoll qabdu l-produzzjoni, bħala riżultat ta' dan ir-reġjun preżenti li jipproduċi r-rafan evolva fis-snin erbgħin u ħamsin tas-seklu għoxrin.

Fatturi naturali: Ir-rafan jippreferi żoni li jinsabu fil-baxx b'atmosfera umda u jipproduċi ammonti tajbin ħafna f'ħamrija mifruxa, b'ħafna nutrijenti tal-ħumus u bi dranaġġ tajjeb. Ir-rekwiżiti tal-ħamrija tal-pjanta huma l-iktar sinifikanti fost il-fatturi ambjentali kollha. Fil-fatt, iktar kemm il-ħamrija tkun mifruxa, iktar l-għerq żviluppat isir regolari u dritt. L-istruttura, l-arjazzjoni u d-dranaġġ flessibbli tal-ħamrija mrammla alluvjali tal-mergħat u l-ħamrija mistagħdra tal-mergħat tar-reġjun tal-produzzjoni ta' Hajdúság huma eċċellenti għall-produzzjoni tal-Hajdúsági torma. Meta l-għerq maqtugħ ikompli jikber 'l isfel, wara li jkun qabeż il-qiegħ tar-radda jkun ħieles li jkompli jikber fil-ħamrija mifruxa mingħajr ebda ostakoli, għalhekk it-tkabbar tiegħu f'sens ta' tul ma jiqafx, u għalhekk ir-riżoma tkun dejjem dritta u ma tkunx imqaċċta jew mifruqa f'partijiet. Is-saff tal-ħumus tal-ħamrija alluvjali tal-mergħat huwa 100-110 ċm fond, b'kulur ċar, il-valur tal-ħumus huwa 1,5 % u l-ilma li jgħaddi minn taħt il-ħamrija ikun f'fond ta' 120-140 ċm mill-wiċċ. F'din il-ħamrija, it-tħawwil tar-rafan jista' jibda qabel u l-ħamrija ma tkunx fgata, anke f'każ li tkun għamlet ix-xita. Is-saff tal-ħumus tal-ħamrija mistagħdra tal-mergħa huwa 40-60 ċm, b'kulur skur, b'valur ta' ħumus ta' bejn 1,5 u 2 %. Il-livell tal-ilma li jgħaddi minn taħt il-ħamrija jinsab eżattament taħt il-livell tal-ħumus. Dawn iż-żoni jipprovdu wkoll ammonti tajbin fi snin iktar xotti. Dan jispjega għaliex l-art xorta pprovdiet il-prodotti tagħha meta l-bdiewa ma kellhomx aċċess għall-irigazzjoni — meta għamlet ix-xita, fil-ħamrija alluvjali tal-mergħat, u meta l-istaġun tat-tkabbir kien niexef, fil-ħamrija mistagħdra tal-mergħat. Dawn iċ-ċirkustanzi taw kontribut għall-fatt li l-produzzjoni tar-rafan inżammet fir-reġjun tat-tkabbir tar-rafan ta' Hajdúság kważi għal mitt sena.

Il-mergħat kemmxejn immewġa b'żoni iżgħar ta' foresti joħolqu dak li jissejjaħ “dell li jimxi” fuq l-uċuħ tar-raba' li jkunu qegħdin jikbru u allura jħarishom mix-xemx qawwija u jevita formazzjoni eċċessiva ta' żejt tal-mustarda. Bħala riżultat, il-Hajdúsági torma dejjem ikollha togħma taħraq mingħajr ma tkun taħraq iżżejjed.

Fatturi umani: It-tħawwil f'radda huwa metodu uniku tipiku taż-żona ta' madwar Debrecen. Meta l-biċċiet maqtugħin jitpoġġew vertikalment fir-raddi, jiġi żgurat li r-riżomi se jkunu dritti. Din it-teknoloġija żviluppat b'riżultat ta' kważi mitt sena ta' “riflessjoni”. Il-bdiewa li jiffaċċaw il-kundizzjonijiet lokali dejjem għamlu sforz biex jiskopru metodi biex inaqqsu jew jissostitwixxu x-xogħol bl-idejn relatat mal-produzzjoni tar-rafan — xogħol li huwa magħruf li huwa estensiv — permezz taż-żwiemel jew tal-magni. Skont il-pijunieri tal-produzzjoni tar-rafan, il-ħamrija kienet titqalleb f'fond ta' 80-100 ċm, li ma kinitx faċli li ssir fl-ewwel għexieren ta' snin tas-seklu. L-imħaret li jintużaw biex jagħmlu r-raddi u jaqilgħu r-rafan ma kinux disponibbli fis-suq: kienu jiġu magħmulin skont il-bżonn tan-nies lokali tas-sengħa. L-iżvilupp u t-titjib tat-teknoloġija tal-produzzjoni li permezz tagħhom il-Hajdúsági torma saret daqshekk unika, għaddew u ġew irfinuti minn ġenerazzjoni għall-oħra. Il-varjetajiet lokali żviluppaw b'riżultat tal-għażla kontinwa u konxja permezz tal-propagazzjoni tal-bċejjeċ maqtugħin li — fost il-kundizzjonijiet eżistenti tal-klima u tal-ħamrija — jipprovdu ammonti tajbin bl-aqwa kwalitajiet ta' kontenut nutrittiv possibbli.

4.7.   Entità ta' spezzjoni: Mezőgazdasági Szakigazgatási Hivatal (l-Uffiċċju tal-Agrikoltura), entità ta' spezzjoni maħtura għall-frott u l-ħaxix

4.8.   L-ittikkettjar:

Il-“Hajdúsági torma”,

“Id-denominazzjoni protetta tal-oriġini” jew fil-qosor (DPO),

l-isem tad-dar tal-kummerċ,

in-numru tal-identifikazzjoni tal-oġġett, u fil-każ li jsir eżami mill-Hajdúsági-TOTEB:

“Hajdúsági Torma Termékpálya Bizottság által ellenőrzött minőség” (“Il-Kwalità kkontrollata mill-Kumitat tal-Linja tal-Prodotti tar-Rafan ta' Hajdúság”)

Fil-każ tal-ixkejjer tar-Raschel, il-prodotti tal-Klassi I, II, III u IV jiġu ppakkjati fi xkejjer ħodor, ħomor, sofor u ħodor, rispettivament. Il-prodott ta' kwalità ta' qtugħ jitpoġġa fi xkejjer sofor, filwaqt li l-prodott ta' kwalità tal-għerq jitpoġġa fi xkejjer ta' kwalunkwe kulur.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


Top