Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IG0218(01)

    Inizjattiva tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju tal-Isvezja għal Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2009/…/ĠAI dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' konflitti ta' ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali

    ĠU C 39, 18.2.2009, p. 2–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.2.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 39/2


    Inizjattiva tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju tal-Isvezja għal Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2009/…/ĠAI dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' konflitti ta' ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali

    (2009/C 39/03)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(1)(c) u (d) u l-Artikolu 34(2)(b) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja, tar-Repubblika Slovakka u tar-Renju tal-Isvezja,

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    L-Unjoni Ewropea stabbiliet għaliha stess l-objettiv li żżomm u tiżviluppa żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

    (2)

    Skont il-Programm tal-Aja dwar it-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea (2), addottat mill-Kunsill Ewropew waqt il-laqgħa tiegħu fl-4 u l-5 ta' Novembru 2004, bil-ħsieb taż-żieda tal-effiċjenza ta' prosekuzzjonijiet, waqt li tiġi garantita l-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-possibbiltajiet ta' konċentrazzjoni tal-prosekuzzjoni fi Stat Membru wieħed f'każijiet multilaterali transkonfinali ugħandha tingħata attenzjoni ulterjuri lill-proposti addizzjonali, inklużi konflitti ta' ġurisdizzjoni sabiex jitlesta l-programm komprensiv ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' deċizjonijiet ġudizzjarji f' materji kriminali.

    (3)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni Qafas għandhom b'mod partikolari jimmiraw għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' konflitti ta' ġurisdizzjoni, jiżguraw li l-ġurisdizzjoni fejn iseħħu l-proċedimenti hija l-aktar waħda adatta u jġibu aktar trasparenza u oġġettività għall-għażla ta' ġurisdizzjoni kriminali f'sitwazzjonijet fejn il-fatti ta' każ jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' żewġ Stati Membri jew aktar.

    (4)

    F'sitwazzjonijiet fejn il-fatti jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' diversi Stati Membri u jistgħu jwasslu għal konflitt ta' ġurisdizzjoni, ma jistax ikun garantit li l-ġurisdizzjoni magħżula biex tmexxi l-proċedimenti kriminali hija l-iktar waħda adatta jew hija magħżula b'mod trasparenti u oġġettiv b'kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' każ u tal-karatteristiċi ta' kull waħda tal-ġurisdizzjonijiet possibbli. F'żona komuni Ewropea ta' libertà, sigurtà u ġustizzja hija neċessarja li tittieħed azzjoni biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali jsiru konxji, fi stadju bikri, tal-fatti li jistgħu jwasslu għal kunflitt ta' ġurisdizzjoni u li jintlaħaq ftehim biex, kemm jista' jkun, il-proċedimenti kriminali għal tali fatti jkunu kkonċentrati f'ġurisdizzjoni unika b'kont meħud tal-kriterji komuni u oġġettivi u tat-trasparenza.

    (5)

    Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika għal żewġ sitwazzjonijiet. Fl-ewwel sitwazzjoni tistabbilixxi proċedura għal skambju ta' informazzjoni fejn l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru wieħed imexxu proċedimenti kriminali għal fatti speċifiċi u jeħtieġu jsiru jafu jekk hemmx proċedimenti pendenti għall-istess fatti fi Stati Membri oħra. Fit-tieni sitwazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru wieħed imexxu proċediment kriminali għal fatti speċifiċi u jsiru konxji, permezz ta' mezzi oħra minbarra proċedura ta' notifika, li l-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra diġa' qegħdin imexxu proċedimenti kriminali għall-istess fatti. F'tali sitwazzjoni l-proċedura ta' notifika m'għandhiex tapplika u l-Istati rispettivi għandhom jidħlu f'konsultazzjonijiet diretti.

    (6)

    Din id-Deċiżjoni Qafas m'hix intiża biex issolvi l-kunflitti negattivi ta' ġurisdizzjoni, jiġifieri fejn l-ebda Stat Membru ma stabbilixxa l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq ir-reat kriminali mwettaq. Is-sitwazzjoni fejn Stat Membru stabbilixxa l-ġurisdizzjoni tiegħu iżda m'huwiex lest jeżerċitaha, għandha tiġi kkunsidrata, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas, bħala kategorija speċifika ta' kunflitt pożittiv ta' ġurisdizzjoni.

    (7)

    L-ebda wieħed mill-Istati Membri kkonċernati m'għandu jkun obligat iċedi jew jassumi l-ġurisdizzjoni sakemm ma jkunx jixtieq li jagħmel dan. Jekk ma jkunx jista' jintlaħaq ftehim l-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt tagħhom li jibdew proċedimenti kriminali għal kwalunkwe reat kriminali li jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali tagħhom.

    (8)

    Din id-Deċiżjoni Qafas ma taffettwax il-prinċipju ta' legalità u l-prinċipju ta' opportunità kif regolati mil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri. Madankollu, peress li l-għan propju ta' din id-Deċiżjoni Qafas huwa li tipprevjeni proċedimenti kriminali paralleli mhux meħtieġa, l-applikazzjoni tagħha m'għandiex twassal għal kunflitt ta' ġurisdizzjoni li altrimenti ma kienx iseħħ.

    (9)

    Din id-Deċiżjoni Qafas hija mingħajr preġudizzju għal, u m'hix intiża biex tirregola, anke indirettament, il-prinċipju ta' ne bis in idem kif rikonoxxut mill-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta' Schengen (3) u permezz tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

    (10)

    Din id-Deċizjoni Qafas hija mingħajr preġudizzju għall-proċedimenti taħt il-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Trasferiment ta' Proċedimenti f'Materji Kriminal, ffirmata fi Strasburgu fil-15 ta' Mejju 1972, kif ukoll kwalunkwe arranġamenti oħra rigward it-trasferiment ta' proċedimenti f'materji kriminali bejn l-Istati Membri.

    (11)

    Fejn l-akkużat huwa ċittadin jew resident ta' Stat Membru ieħor, dan m'għandux jiġi kkunsidrat awtomatikament bħala rabta sinifikanti.

    (12)

    Meta jkunu qed jiġu deskritti l-fatti li huma s-suġġett tal-proċedimenti kriminali fin-notifika, l-awtorità li qed tinnotifika għandha b'mod partikolari tiddikjara preċiżament, fejn, meta u kif twettaq ir-reat, kif ukoll id-dettalji tas-suspettat jew il-persuna akkużata, sabiex l-awtorità li qed twieġeb tkun tista' tiddetermina jekk humiex qed isiru proċedimenti kriminali għall-istess fatti fl-Istat Membru tagħha.

    (13)

    Konsultazzjonijiet diretti jistgħu jinbdew minn kwalunkwe Stat Membru kkonċernat u permezz ta' kwalunkwe mezz ta' komunikazzjoni.

    (14)

    Din id-Deċiżjoni Qafas tiddikjara meta huwa mandatorju għall-awtoritajiet rispettivi biex jidħlu f'konsultazzjonijiet diretti. Iżda, xejn m'għandu jipprevjeni lill-awtoritajiet milli jidħlu volontarjament f'konsultazzjonijiet diretti sabiex jaqblu dwar il-ġurisdizzjoni li tinsab fil-post l-aktar adatt fi kwalunkwe sitwazzjoni oħra.

    (15)

    Fis-sitwazzjoni fejn l-awtoritajiet kompetenti jsiru konxji li l-fatti li huma s-suġġett ta' proċedimenti kriminali pendenti jew antiċipati fi Stat Membru kienu s-suġġett ta' proċedimenti li ġew trattati b'mod definittiv fi Stat Membru ieħor, l-iskambju ta' informazzjoni konsegwenti għandu jiġi mħeġġeġ. L-għan ta' dak l-iskambju ta' informazzjoni għandu jkun li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn il-proċedimenti kienu trattati b'mod definittivi jiġu provduti b'informazzjoni u provi li jagħmluha possibbli li jerġgħu jiftħu l-proċedimenti f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom.

    (16)

    Din id-Deċiżjoni Qafas m'għandiex twassal għal burokrazija indebita f'każijiet fejn għall-problemi indirizzati huma disponibbli għażliet aktar xierqa. B'hekk f'sitwazzjonijiet fejn jeżistu strumenti jew arranġamenti aktar flessibbli bejn l-Istati Membri, dawk għandhom jipprevalu fuq din id-Deċiżjoni Qafas.

    (17)

    Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tkun kumplimentari u mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/…/ĠAI… dwar it-tisħiħ tal-Eurojust u li temenda d-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI (4) u għandha tuża mekkaniżmi li diġa' jeżistu fl-Eurojust.

    (18)

    Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta' data personali proċessata fil-qafas tal-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali (5) għandha tapplika għall-protezzjoni ta' data personali provduta taħt din id-Deċiżjoni Qafas.

    (19)

    Din id-Deċiżjoni Qafas tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI QAFAS:

    KAPITOLU 1

    PRINĊIPJI ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

    1.   Din id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi:

    (a)

    il-qafas proċedurali li taħtu l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar il-proċedimenti kriminali pendenti għal fatti speċifiċi sabiex jiskopru jekk hemmx proċedimenti paralleli pendenti għall-istess fatti fi Stat(i)Membru(i) ieħor/oħra u li taħthom l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom għandhom jidħlu f'konsultazzjonijiet diretti sabiex jilħqu ftehim dwar il-ġurisdizzjoni li tinsab fil-post l-aktar adatt għat-tmexxija ta' proċedimenti kriminali għal fatti speċifiċi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' żewġ Stati Membri jew aktar;

    (b)

    kriterji komuni u regoli li għandhom jitqiesu mill-awtoritajiet nazzjonali ta' żewġ Stati Membri jew aktar kull meta huma jfittxu ftehim dwar il-ġurisdizzjoni li tinsab fil-post l-aktar adatt għat-tmexxija tal-proċedimenti kriminali għal fatti speċifiċi.

    2.   Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika għas-sitwazzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    fejn l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jmexxu proċedimenti kriminali u jiskopru li fatti li huma s-suġġett ta' dawn il-proċedimenti juru rabta sinifikanti ma' Stat Membru wieħed jew aktar, u huwa possibbli li l-awtoritajiet kompetenti ta' tali Stat(i) Membru(i) ieħor/oħra qed imexxu proċedimenti kriminali għall-istess fatti,

    jew

    (b)

    fejn l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jmexxu proċedimenti kriminali u permezz ta' kwalunkwe mezz isiru konxji li l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru wieħed jew aktar ieħor/oħra imexxu proċedimenti kriminali għall-istess fatti.

    3.   Din id-Deċiżjoni Qafas m'għandiex tapplika għal sitwazzjonijiet fejn l-ebda Stat Membru ma jkun stabbilixxa l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq reat kriminali mwettaq.

    4.   Din id-Deċiżjoni Qafas m'għandiex tapplika għal kwalunkwe proċedimenti miġjuba kontra impriżi jekk tali proċedimenti għandhom bħala l-objettiv tagħhom l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Komunità Ewropea.

    5.   Din id-Deċiżjoni Qafas ma tagħti l-ebda dritt lil persuna li ser tiġi invokata quddiem l-awtoritajiet nazzjonali.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas:

    (a)

    “stat li qed jinnotifika” tfisser Stat Membru li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ieħor jew jistiednu lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ieħor biex jidħol f'konsultazzjonijiet diretti;

    (b)

    “Stat li qed iwieġeb” tfisser Stat Membru li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu huma notifikati jew mistiedna jidħlu f'konsultazzjonijiet diretti mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ieħor;

    (c)

    “proċedimenti pendenti” tfisser proċedimenti kriminali, inkluż l-istadju ta' qabel il-kawża, mmexxija taħt il-liġi nazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru għall-fatti speċifiċi;

    (d)

    “awtorità li qed tinnotifika” tfisser awtorità maħtura taħt il-liġi nazzjonali biex tinnotifika lill-awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor dwar l-eżistenza ta' proċedimenti pendenti għal reat kriminali, biex tirċievi tweġibiet għal tali notifiki u tiddiskuti u tilħaq ftehim mal-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor dwar liema hi l-ġurisdizzjoni li tinsab fil-post l-aktar adatt biex tmexxi proċedimenti kriminali għal fatti speċifiċi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' dawk l-Istati Membri;

    (e)

    “awtorità li qed twieġeb” tfisser awtorità maħtura taħt il-liġi nazzjonali biex tirċievi u twieġeb għal notifiki dwar l-eżistenza ta' proċedimenti pendenti għal reat kriminali fi Stat Membru ieħor u biex tikkonsulta u tilħaq ftehim mal-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor dwar liema hi l-ġurisdizzjoni li tinsab fil-post l-aktar adatt biex tmexxi proċedimenti kriminali għal fatti speċifiċi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' dawk l-Istati Membri;

    Artikolu 3

    Determinazzjoni tal-awtoritajiet li jinnotifikaw u dawk li jwieġbu

    1.   Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar liema awtorità ġiet maħtura biex taġixxi bħala awtorità li qed tinnotifika u liema bħala awtorità li qed twieġeb. Stat Membru jista' jiddeċiedi li jaħtar awtorità unika biex taġixxi kemm bħala awtorità li qed tinnotifika kif ukoll bħala awtorità li qed twieġeb.

    2.   Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jagħmel l-informazzjoni rċevuta disponibbli lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni u jippubblikaha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Possibbiltà tal-assenjazzjoni tal-kompiti ta' awtorità maħtura lil awtorità nazzjonali oħra

    1.   Fi kwalunkwe stadju tal-proċedura li hija prevista f'din id-Deċiżjoni Qafas, awtorità li qed tinnotifika jew li qed twieġeb tista' tiddeċiedi li tassenja l-kompiti tagħha bħala awtorità maħtura taħt l-Artikolu 3(1) lil awtorità nazzjonali oħra, pereżempju lil awtorità b'responsabbiltà taħt il-liġi nazzjonali li tmexxi proċedimenti kriminali.

    2.   Jekk deċiżjoni tittieħed skont il-paragrafu 1, hija għandha minnufih tiġi kkomunikata lill-awtorità li qed tinnotifika jew lil dik li qed twieġeb tal-Istat Membru kkonċernat flimkien mad-dettalji ta' kuntatt tal-awtorità assenjata.

    3.   Id-deċiżjoni imsemmija fil-paragrafu 1 għandha jkollha effett malli tiġi rċevuta l-komunikazzjoni skont il-paragrafu 2.

    KAPITOLU 2

    SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI

    Artikolu 5

    Notifika

    1.   Fl-eventwalità li l-awtoritajiet ta' Stat Membru, li huma kompetenti taħt il-liġi nazzjonali biex imexxu proċedimenti kriminali, jiskopru li l-fatti li huma s-suġġett ta' proċedimenti pendenti juru rabta sinifikanti ma' Stat Membru wieħed jew aktar, l-awtorità li qed tinnotifika tal-ewwel Stat Membru għandha hekk kif ikun prattikabbli tinnotifika l-eżistenza ta' dawn il-proċedimenti lill-awtorità/awtoritajiet li qed twieġeb/iwieġbu tal-Istat(i) Membru(i) marbut/a magħhom sinifikatament sabiex tiskopri jekk l-Istat(i) Membru(i) li qed iwieġeb/iwieġbu hux/humiex imexxi/imexxu proċedimenti kriminali għall-istess fatti.

    2.   Skont il-paragrafu 1, l-obbligu ta' notifika japplika biss għal reati kriminali punibbli fl-Istat li qed jinnotifika permezz ta' piena ta' kustodja jew ordni ta' detenzjoni għal perijodu massimu ta' mill-inqas sena u kif inhuma definiti mil-liġi tal-Istat Membru li qed jinnotifika.

    Artikolu 6

    Rabta sinifikanti

    1.   Rabta għandha dejjem titqies bħala “sinifikanti” fejn il-fatti jew parti sostanzjali minnhom li jagħtu lok għar-reat kriminali seħħ fit-territorju ta' Stat Membru ieħor.

    2.   Fi proċediment li jinkludu rabta ma' Stat Membru ieħor, minbarra dak imsemmi fil-paragrafu 1, id-deċiżjoni dwar jekk ċerta rabta għandiex titqies bħala sinifikanti għandha tittieħed fuq bażi ta' każ b'każ b'referenza, b'mod partikolari, għall-kriterji komuni elenkati fl-Artikolu 15(2).

    Artikolu 7

    Proċedura ta' notifika

    1.   L-awtorità li qed tinnotifika għandha tinnotifika lill-awtorità li qed twieġeb bi kwalunkwe mezz li jkun jippremetti li jiġi prodott rekord bil-miktub sabiex l-Istat li qed iwieġeb jkun jista' jistabbilixxi l-awtentiċità tan-notifika.

    2.   Jekk l-awtorità li qed twieġeb ma tkunx magħrufa, l-awtorità li qed tinnotifika għandha tagħmel l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa, inkluż permezz tal-punti ta' kuntatt tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew, sabiex tikseb id-dettalji tal-awtorità li qed twieġeb mill-Istat li qed iwieġeb.

    3.   Jekk l-awtorità fl-Istat li qed iwieġeb li jirċievi n-notifika mhix l-awtorità li qed twieġeb kompetenti taħt l-Artikolu 3, hija għandha awtomatikament titrażmetti n-notifika lill-awtorità kompetenti u għandha tinforma lill-awtorità li qed tinnotifika kif meħtieġ.

    Artikolu 8

    Forma u kontenut tan-notifika

    1.   Din in-notifika għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    dettalji tal-awtorità jew awtoritajiet nazzjonali li qed jittrattaw il-każ;

    (b)

    deskrizzjoni tal-fatti li huma s-suġġett tal-proċedimenti pendenti notifikati, inkluż in-natura tar-rabta sinifikanti;

    (c)

    l-istadju li ntlaħaq fil-proċedimenti pendenti; u

    (d)

    dettalji dwar il-persuna ssuspettata u/jew akkużata, jekk ikunu magħrufa, u dwar il-vittmi, jekk applikabbli;

    2.   In-notifika tista' tinkludi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali relevanti oħra rigward il-proċedimenti pendenti fl-Istat li qed jinnotifika, per eżempju fir-rigward ta' kwalunkwe diffikultjiet li qed jiġu ffaċċjati fl-Istat li qed jinnotifika.

    3.   L-awtorità li qed tinnotifika għandha tuża l-Formola A stabbilita fl-Anness.

    Artikolu 9

    Forma u kontenut tat-tweġiba

    1.   It-tweġiba għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    dettalji tal-awtorità jew awtoritajiet nazzjonali li qed jittrattaw jew ittrattaw il-każ, jekk applikabbli;

    (b)

    jekk il-proċedimenti għal xi ftit mill-fatti jew għall-fatti kollha li huma s-suġġett tan-notifika humiex pendenti fl-Istat li qed iwieġeb u l-istadju li ntlaħaq;

    (c)

    jekk il-proċedimenti għal xi ftit mill-fatti jew għall-fatti kollha li huma s-suġġett tan-notifika ġew ittrattati fl-Istat li qed iwieġeb, inkluża n-natura tad-deċiżjoni finali;

    (d)

    jekk l-awtoritajiet tal-Istat li qed iwieġeb għandhomx l-intenzjoni li jagħtu bidu għall-proċedimenti kriminali tagħhom stess għal fatti speċifiċi li huma s-suġġett tan-notifika, jekk applikabbli.

    2.   It-tweġiba tista' tinkludi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali relevanti oħra, b'mod partikolari rigward kwalunkwe fatt distint iżda relatat li huma s-suġġett ta' proċedimenti fl-Istat li qed iwieġeb.

    3.   L-awtorità li qed tinnotifika, meta tkun qed twieġeb għal notifika, għandha tuża l-Formola B stabbilita fl-Anness.

    Artikolu 10

    Limiti ta' żmien u informazzjonali addizjonali

    1.   Awtorità li qed twieġeb għandha twieġeb għal notifika f'perijodu ta' 15-il jum mid-data ta' meta tiġi rċevuta.

    2.   Jekk ikun meħtieġ, dan il-limitu ta' żmien jista' jiġi estiż b'perijodu addizzjonali ta' mhux iktar minn 15-il jum. Madankollu, l-awtorità li qed twieġeb għandha tinnotifika tali estensjoni fil-limitu ta' żmien stabbilit fil-paragrafu 1.

    3.   Jekk awtorità li qed twieġeb tqis l-informazzjoni mill-awtorità li qed tinnotifika insuffiċjenti biex tkun tista twieġeb, tista', fil-limitu ta' żmien stabbilit fil-paragrafu 1, titlob li l-informazzjoni addizjonali neċessarja tiġi provduta u tista' tistabbilixxi limitu ta' żmien raġonevoli biex din tiġi rċevuta.

    4.   Il-limitu ta' żmien stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jiġġedded wara li tiġi rċevuta l-informazzjoni addizzjonali.

    Artikolu 11

    Nuqqas ta' tweġiba

    Jekk awtorità li qed twieġeb ma tweġibx fil-limiti ta' żmien previsti fl-Artikolu 10, awtorità li qed tinnotifika tista' tieħu kwalunkwe miżuri li hi tqis adegwati sabiex iġġib il-kwistjoni għall-attenzjoni tal-Istat li qed iwieġeb, inkluż notifika ta' dan lill-Eurojust.

    KAPITOLU 3

    KONSULTAZZJONIJIET DIRETTI

    Artikolu 12

    Konsultazzjonijiet diretti

    1.   Meta jkun qed tiġi trażmessa t-tweġiba jew wara t-trażmissjoni, awtorità li qed tinnotifika u awtorità li qed twieġeb għandhom jidħlu f'konsultazzjonijiet diretti sabiex jaqblu reċiprokament dwar il-ġurisdizzjoni li tinsab fil-post l-aktar adatt għat-tmexxija tal-proċedimenti kriminali għal fatti speċifiċi li jistgħu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tat-tnejn, jekk:

    (a)

    hemm proċedimenti pendenti fi Stat li qed iwieġeb għal ftit mill-fatti jew għall-fatti kollha li huma s-suġġett ta' notifika; jew

    (b)

    l-awtoritajiet ta' Stat li qed iwieġeb għandhom l-intenzjoni li jagħtu bidu għal proċedimenti kriminali għal ftit mill-fatti jew għall-fatti kollha li huma s-suġġett ta' notifika;

    2.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jidħlu f'konsultazzjonijiet diretti skont il-paragrafu 1 fil-każ li l-awtoritajiet li qed iwieġbu ta' iktar minn Stat Membru wieħed huma notifikati għall-istess proċedimenti pendenti, u f'tali każ, l-awtorità li qed tinnotifika relevanti għandha tkun responsabbli għall-koordinazzjoni ta' dawn il-konsultazzjonijiet.

    3.   Fin-nuqqas ta' notifika, żewġ Stati Membri jew aktar għandhom jidħlu f'konsultazzjonijiet diretti, permezz tal-awtoritajiet li qed jinnotifikaw jew li qed iwieġbu rispettivi tagħhom, sabiex jaqblu dwar il-ġurisdizzjoni li tinsab fil-post l-aktar adatt, jekk isiru konxji, permezz ta' kwalunkwe mezz, li hemm pendenti jew huma antiċipati proċedimenti kriminali paralleli għall-fatti speċifiċi.

    Artikolu 13

    Provediment ta' informazzjoni dwar atti jew miżuri proċedurali importanti

    Awtoritajiet li qed jinnotifikaw u dawk li qed iwieġbu li jidħlu f'konsultazzjonijiet diretti għandhom jinformaw lil xulxin dwar kwalunkwe miżuri proċedurali importanti li jieħdu wara l-bidu tal-konsultazzjonijiet.

    KAPITOLU 4

    DETERMINAZZJONI TAL-ĠURISDIZZJONI LI TINSAB FIL-POST L-AKTAR ADATT

    Artikolu 14

    Għan tal-konsultazzjonijiet

    1.   L-għan ġenerali tal-konsultazzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni li tinsab fil-post l-aktar adatt għandu jkun li l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru wieħed imexxi l-proċedimenti kriminali għall-fatti kollha li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' żewġ Stati Membri jew aktar.

    2.   Meta jkun hemm proċedimenti pendenti fi kwalunkwe Stat Membru għal fatti li huma relatati iżda li mhumiex identiċi għall-fatti li huma s-suġġett tal-konsultazzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni li tinsab fil-post l-aktar adatt jew meta ma jkunx prattikabbli li jsiru proċedimenti kriminali fi Stat Membru wieħed partikolari minħabba l-komplessità tal-fatti jew tan-numru ta' persuni akkużati involuti, jista' jkun aktar xieraq li jsiru proċedimenti kriminali fi Stat Membru wieħed jew aktar li rispettivament ikopru fatti differenti jew persuni differenti.

    Artikolu 15

    Kriterja biex tiġi determinata l-ġurisdizzjoni li tinsab fil-post l-aktar adatt

    1.   Għandu jkun hemm preżunzjoni ġenerali favur it-tmexxija ta' proċedimenti kriminali fil-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru fejn seħħet il-biċċa 'l kbira tal-kriminalità li għandu jkun il-post fejn isseħħ il-biċċa 'l kbira tal-imġiba fattwali mill-persuni involuti.

    2.   Fejn il-preżunzjoni ġenerali skont il-paragrafu 1 ma tapplikax peress li hemm fatturi oħra suffiċjentement sinifikanti għat-tmexxija tal-proċedimenti kriminali, li huma ferm favur ġurisdizzjoni differenti, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkunsidraw dawk il-fatturi addizzjonali sabiex jintlaħaq ftehim dwar il-ġurisdizzjoni li tinsab fil-post l-aktar adatt. Dawk il-fatturi addizzjonali għandhom jinkludu, b'mod partikolari, dawn li ġejjin:

    fejn tinsab il-persuna jew persuni mixlija wara arrest u possibbiltajiet biex tiġi assigurata l-għotja jew l-estradizzjoni tagħhom fil-ġurisdizzjonijiet possibbli l-oħra,

    in-nazzjonalità jew residenza tal-persuni mixlija,

    it-territorju ta' Stat fejn ġew subiti l-biċċa 'l kbira tal-ħsarat,

    l-interessi sinifikanti tal-vittmi,

    l-interessi sinifikanti tal-persuni mixlija,

    il-post fejn tinsab evidenza importanti,

    il-protezzjoni ta' xhieda vulnerabbli jew intimidati li l-evidenza tagħhom hija ta' importanza għall-proċedimenti in kwistjoni,

    ir-residenza tax-xhieda l-aktar importanti u l-abbiltà tagħhom li jivvjaġġaw lejn l-Istat Membru fejn tkun seħħet il-biċċa 'l kbira tal-kriminalità,

    l-istadju tal-proċedimenti li jkun intlaħaq għall-fatti inkwistjoni,

    l-eżistenza ta' proċedimenti pendenti relatati,

    l-ekonomija tal-proċedimenti.

    Artikolu 16

    Kooperazzjoni mal-Eurojust

    1.   Kwalunkwe awtorità nazzjonali għandha jkollha l-libertà li, f'kull stadju tal-proċedura,

    (a)

    titlob għall-parir tal-Eurojust;

    (b)

    tieħu deċiżjoni li tirreferi għal każijiet speċifiċi tal-Eurojust li jqajmu l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni li tinsab fil-post l-aktar adatt.

    2.   Fejn, fil-każijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Eurojust, ma kienx possibbli li jintlaħaq ftehim dwar il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru li tinsab fil-post l-aktar adatt biex tmexxi l-proċedimenti kriminali għal fatti speċifiċi, in-nuqqas ta' ftehim, kif ukoll is-sitwazzjonijiet fejn ma jkunx intlaħaq ftehim fi żmien 10 xhur mill-bidu tal-konsultazzjonijiet diretti, għandhom jiġu riferiti lill-Eurojust minn kwalunkwe Stat Membru involut.

    Artikolu 17

    Każijiet fejn ma ntlaħaqx ftehim reċiproku

    F'dawk is-sitwazzjonijiet eċċezzjonali, fejn

    (a)

    ma ntlaħaqx ftehim anke wara l-intervent tal-Eurojust skont l-Artikolu 16,

    jew

    (b)

    f'każijiet li ma jaqgħux fil-kompetenza tal-Eurojust, il-konsultazzjonijiet diretti ntemmu b'nuqqas ta' ftehim jew sitwazzjonijiet fejn ma ntlaħaqx ftehim fi żmien 6 xhur mill-bidu tal-konsultazzjonijiet diretti,

    l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Eurojust dwar ir-raġunijiet għaliex ma ntlaħaqx ftehim.

    KAPITOLU 5

    MIXXELLANJI

    Artikolu 18

    Skambju ieħor ta' informazzjoni

    1.   Fejn l-awtoritjaiet kompetenti ta' Stat Membru wieħed jiskopru permezz ta' kwalunkwe mezz, li l-fatti li huma s-suġġett ta' proċedimenti pendenti jew antiċipati f'dak l-Istat Membru kienu s-suġġett ta' proċedimenti li ġew trattati b'mod definittiv fi Stat Membru ieħor, l-awtorità li qed tinnotifika tal-ewwel Stat Membru tista' tinforma lill-awtorità li qed twieġeb tat-tieni Stat Membru dwar din is-sitwazzjoni u titrażmettilha l-informazzjoni rilevanti kollha.

    2.   Jekk l-awtorità li qed twieġeb tiskopri, jew permezz ta' notifika jew bi kwalunkwe mezz ieħor, li fatti li kienu s-suġġett ta' proċedimenti li ġew trattati b'mod definittiv fl-Istat Membru tagħha huma s-suġġett ta' proċedimenti pendenti jew antiċipati fi Stat Membru ieħor, l-awtorità li qed twieġeb tista tikkunsidra jekk titlobx informazzjoni addizzjonali li tippermettiha tevalwa sew il-possibbiltà ta' ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti taħt il-liġi nazzjonali.

    KAPITOLU 6

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

    Artikolu 19

    Lingwi

    Kull Stat Membru għandu jiddikjara f'dikjarazzjoni depożitata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill il-lingwi li bihom hu ser jaċċetta n-notifika msemmija fl-Artikolu 5 u l-lingwi li ser juża biex iwieġeb għan-notifika.

    Artikolu 20

    Relazzjoni ma' strumenti legali u arranġamenti oħra

    1.   Sakemm strumenti legali oħra jew arranġamenti oħra jippermettu lill-objettivi ta' din id-Deċiżjoni Qafas jiġu estiżi jew jgħinu biex jissimplifikaw jew jiffaċilitaw il-proċedura li taħta l-awtoritajiet nazzjonali jiskambjaw informazzjoni dwar il-proċedimenti pendenti tagħhom, jidħlu f'konsultazzjonijiet diretti u jipprovaw jilħqu ftehim reċiproku dwar il-ġurisdizzjoni li tinsab fil-post l-aktar adatt għat-tmexxija tal-proċedimenti kriminali għall-fatti speċifiċi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' żewġ Stati Membri jew aktar, l-Istati Membri jistgħu:

    (a)

    ikomplu japplikaw ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali fis-seħħ meta din id-Deċiżjoni Qafas tiġi adottata;

    (b)

    jikkonkludu ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali wara li din id-Deċiżjoni Qafas tkun daħlet fis-seħħ.

    2.   Il-ftehim u l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 fl-ebda każ ma għandhom jinċidu fuq ir-relazzjonijiet mal-Istati Membri li mhumiex partijiet għalihom.

    3.   L-Istati Membri għandhom, fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni Qafas, jinnotifikaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni bil-ftehim u l-arranġamenti eżistenti msemmija fil-paragrafu 1(a) li huma jixtiequ jkomplu japplikaw.

    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ukoll lill-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni bi kwalunkwe ftehim jew arranġament ġdid kif imsemmi fil-paragrafu 1(b), fi żmien tliet xhur minn meta jiġi ffirmat kwalunkwe tali arranġament jew ftehim.

    4.   Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/…/ĠAI.

    Artikolu 21

    Implimentazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas sa …

    Sa l-istess data, l-Istati Membri għandhom jittrażmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom taħt din id-Deċiżjoni Qafas.

    Artikolu 22

    Rapport

    Il-Kummissjoni għandha, sa ..., tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta l-punt safejn l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni Qafas, jekk meħtieġ, flimkien ma' proposti leġislattivi.

    Artikolu 23

    Dħul fis-Seħħ

    Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, …

    Għall-Kunsill

    Il-President


    (1)  Opinjoni ta' …(għadha m'hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

    (3)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

    (4)  ĠU …(għadha m'hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (5)  ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.


    ANNESS

    Image

    Image

    Image

    Image

    Image

    Image


    Top