Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC0214(05)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 dwar il-ħarsien ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    ĠU C 37, 14.2.2009, p. 28–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.2.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 37/28


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 dwar il-ħarsien ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    (2009/C 37/09)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

    SOMMARJU

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “FABA DE LOURENZÁ”

    Nru tal-KE: ES-PGI-005-0480-05.07.2005

    DPO ( ) IĠP ( X )

    Dan is-sommarju jippreżenta l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott b'finijiet ta' informazzjoni biss.

    1.   Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

    Isem:

    Subdirección General de Calidad Agroalimentaria y Agricultura Ecológica. Dirección General de Industrias y Mercados Agroalimentarios. Secretaría General de Medio Rural del Ministerio de Medio Ambiente, y Medio Rural y Marino. España

    Indirizz:

    Paseo Infanta Isabel, 1

    E-28071 Madrid

    Tel.

    (34) 913 47 53 94

    Faks

    (34) 913 47 54 10

    Posta elettronika:

    sgcaae@mapa.es

    2.   Grupp:

    Isem:

    Asociación Cosecheros Asociados de Faba (COAFA) y otros

    Indirizz:

    Masma — Mondoñedo (Lugo)

    Tel.

    (34) 982 12 10 06

    Faks

    (34) 982 12 15 52

    Posta elettronika:

    Kompożizzjoni: P

    rodutturi/proċessuri (x) oħrajn ( )

    3.   Tip ta' prodott:

    Klassi 1.6 — Frott, ħaxix u ċereali fl-istat oriġinali jew ipproċessati

    4.   Speċifikazzjoni:

    (Sinteżi tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    4.1.   Isem il-prodott: “Faba de Lourenzá”

    4.2.   Deskrizzjoni: Il-prodott li jibbenefika mill-PGI “Faba de Lourenzá” huwa fażola niexfa mneħħija mill-miżwed, mill-familja tal-fażola jew legumi tal-ispeċi “Phaseolus vulgaris”, L, idderivata mill-varjetà lokali magħrufa bl-isem “Faba Galaica”; din il-fażola hija b'saħħitha, sħiħa, nadifa u maħsuba għall-konsum mill-bniedem.

    Mil-lat ġenetiku, il-“Faba Galaica” tagħmel parti mill-patrimonju Andin tal-ispeċi “Phaseolus vulgaris” Mil-lat tat-tipoloġija taż-żerriegħa, tappartjeni għall-klassi kummerċjali internazzjonali “Favada”.

    Il-karatteristiċi prinċipali taż-żerriegħa huma kif ġej:

    mingħajr irħamar, ta' kulur abjad uniformi,

    daqs: kbir ħafna (80-120 gr/100 żerriegħa),

    kejlijiet: tul-19-26 mm, wisgħa 9-11 mm, ħxuna 7-8 mm,

    forma: f'forma ta' kilwa, mtawla, nofsha mimlija,

    umdità: 14-17 %.

    Il-“Faba Galaica” għandha karatteristiċi kwalitattivi li jiddifferenzjawha minn fażola oħra u li jagħmluha prezzjuża ferm għall-konsumaturi minħabba l-kwalità eċċezzjonali tagħha għat-tisjir, minħabba l-proporzjon żgħira ta' ġilda (bejn 8 u 10 %), mal-kapaċità kbira tagħha biex tassorbi l-ilma (ogħla minn 100 %) u l-imġiba tagħha fit-tisjir, li tippermetti li fl-aħħar tal-proċess tinkiseb żerriegħa sħiħa mhux miksura, bil-polpa ratba, mingħajr biċċiet magħquda u ftit li xejn differenzjata mill-ġilda tagħha.

    4.3.   Żona ġeografika: Iż-żona tal-produzzjoni, li tikkoinċidi maż-żona tal-ipproċessar u tal-ippakkjar, tinkorpora t-territorju kostali tal-provinċja ta' Lugo, reġjun naturali magħruf bl-isem ta' A Mariña Luguesa, maqsum fi tliet reġjuni amminsitrattivi: A Mariña Occidental, A Mariña Central u A Mariña Oriental, li jinkorporaw il-lokalitajiet li ġejjin: Alfoz, Barreiros, Burela, Cervo, Foz, Lourenzá, Mondoñedo, Ourol, Pontenova (A), Ribadeo, Trabada, Valadouro (O), Vicedo (O), Viveiro u Xove.

    Din iż-żona tinkorpora sensiela ta' widien weqfin li jestendu mit-Tramuntana lejn in-Nofsinhar u li huma karatterizzati minn ħamriji rikki, fondi, li jiskulaw tajjeb u b'konsistenza medja u bi klima influwenzata ferm mit-topografija u mill-qrubija tal-baħar.

    4.4.   Prova tal-oriġini: It-traċċabilità tal-prodott huwa ggarantit mill-identifikazzjoni tiegħu f'kull wieħed mill-istadji tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni.

    Għall-finijiet ta' verifika tal-konformità mal-kundizzjonijiet ipprovduti fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, il-korp regolatorju jżomm reġistru tal-mixtliet u reġistru ieħor ta' stabbilimenti u stallazzjonijiet tal-ipproċessar, dejjem aġġornati.

    Hija biss il-fażola mnixxfa kkultivata fil-mixtliet, u mill-produtturi mdaħħla fir-reġistru korrispondenti f'konformità mar-rekwiżiti inklużi fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott u standards oħra ta' applikazzjoni, u li tinkorpora fiha l-kundizzjonijiet li għandhom jikkaratterizzawha, li tista' tibbenefika mill-PGI “Faba de Lourenzá”.

    Barra minn hekk, hija biss il-fażola mnixxfa, immanipulata u/jew ikkondizzjonata f'installazzjonijiet miktuba fir-reġistru korrispondenti li tista' tibbenefika mill-PGI “Faba de Lourenzá”.

    Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li huma sidien ta' assi mniżżla fir-reġistri, kif ukoll il-mixtliet, l-istabbilimenti, l-impjanti u l-prodotti, huma soġġetti għal spezzjonijiet u kontrolli magħmula mill-korp regolatorju bil-għan li jiġi vverifikat li l-prodotti li jgawdu mill-PGI “Faba de Lourenzá” jissodisfawx l-esiġenzi tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u d-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli.

    Il-personi mniżżla fih, huma marbuta jiddikjaraw il-kwantità ta' “Faba de Lourenzá” li tibbenefika minn IĠP li fil-fatt tiġi prodotta u kkumerċjalizzata, permezz ta' annotazzjonijiet fir-reġistri stabbiliti għal dan l-għan. Il-korp ta' spezzjoni għandu jivverifika l-korrispondenza bejn il-kwantitajiet kummerċjalizzati mill-kumpaniji tal-ipproċessar u l-produzzjoni mill-bdiewa li jfornuhom, kif ukoll il-produzzjoni tal-bdiewa mqabbla mar-rendiment agronomiku tat-taqsimijiet tar-raba' rreġistrati.

    Il-produzzjoni kollha tiġi kkumerċjalizzata f'kontenituri bit-tikketta enumerata karatteristika tal-IĠP.

    4.5.   Metodu ta' ksib: Il-fażola mnixxfa biss, isseparata mill-miżwed, tal-ispeċi “Phaseolus vulgaris, L,” prodotti mill-varjetà lokali “Faba Galaica”, u li ġejja minn żerriegħa ċertifikata, bl-użu mill-ġdid ikkontrollat ta' żrieragħ tal-azjenda, inkella ta' żrieragħ prodotti minn mixtliet oħra mniżżla fir-reġistri tal-korp ta' spezzjoni, jistgħu jintużaw għall-ksib ta' fażola li tibbenefika mill-IĠP“Faba de Lourenzá”.

    Biex il-ħamrija titħejja għaż-żrigħ u titħalla fl-aqwa kundizzjonijiet, jeħtieġ li l-art tinħadem darbtejn jew tliet darbiet permezz ta' moħriet, xatba jew ta' magna tal-ħrit u tad-dris, billi jitwaħħal it-tagħmir meħtieġ. Huwa xieraq li tiġi enfasizzata l-importanza li għadha tingħata lid-demel li jiġi mill-irziezet fiż-żona. Iż-żrigħ iseħħ bejn Mejju u Ġunju, u ż-żerriegħa tiddaħħal fil-ħamrija f'fond ta' bejn 2 u 5 ċm.

    Għall-kultivazzjoni tal-“Faba Galaica” (imxebilka), jeħtieġ li l-art titħejja bit-tħawwil ta' bsaten ta' gwida, li jippermettu l-iżvilupp adegwat tal-pjanta. Din l-istruttura ta' sostenn tiġi żviluppata b'mod differenti skont is-sistema ta' koltivazzjoni magħżula:

    monokultura: zkuk tal-injam, jew materjali oħra, marbuta bil-fildiferru stirat, jew spag, u bejniethom jitqiegħdu ħbula jew xbieki,

    koltivazzjoni: qamħirrum u fażola: iz-zokk tal-qamħirrum iservi ta' zokk ta' sostenn għax-xitla.

    Biex jiġu miġġielda l-parassiti u/jew il-mard, jintużaw il-metodi ta' koltivazzjoni li ġejjin:

    diżinfezzjoni tal-istrutturi u tal-art qabel iż-żrigħ fuq ir-raba' li kienet infestata bil-brimb aħmar,

    il-qrid ta' ħaxix ħażin u fdalijiet ta' prodotti oħra,

    sorveljanza tal-mixtliet matul l-ewwel fażijiet tal-iżvilupp,

    l-użu ta' densitajiet ta' koltivazzjoni adegwati, li jippermettu l-arjazzjoni,

    l-użu ta' żrieragħ b'saħħithom u ta' kwalità ta' rimi tajba,

    iż-żamma ta' artijiet imdemmla tajjeb u mogħtija l-ġir, filwaqt li jiġi evitat in-nitroġenu żejjed,

    l-evitar ta' ħamrija mifqugħa bl-ilma u l-kompatta żżejjed,

    iż-żrigħ mhux fil-fond,

    l-istabbiliment ta' tinwib bejn tiġi evitata l-proliferazzjoni ta' mard li jkun diffiċli li jiġi kkontrollat,

    l-evitar ta' żrigħ kmieni wisq.

    Fil-każ tal-applikazzjoni ta' kwalunkwe trattament fil-mixtla, huwa xieraq li ġeneralment jiġu rispettati l-istandards li ġejjin:

    jiġu applikati l-inqas trattamenti possibbli, filwaqt li jiġu rispettati dejjem id-dożi rakkomandati mill-produttur,

    ma jsirux aktar minn żewġ applikazzjonijiet wara xulxin tal-istess prodott mingħajr ma tinkiseb konformità minn qabel tar-rakkomandazzjonijiet tekniċi,

    jiġu rispettati l-perjodi ta' sikurezza bejn it-trattamenti applikati u l-ħsad.

    It-tisqija għandha tkun frekwenti, b'dożi żgħar biex il-ħamrija ma tistagħdarx u għandu jiġi żgurat li t-tisqija tkun uniformi. Fil-każijiet kollha, it-tisqija għandha ssir billi jiġu evitati kemm jista' jkun ir-riskji sanitarji.

    Il-ħsad iseħħ bejn il-bidu tax-xahar ta' Awwissu u tmiem Novembru, meta l-imżiewed ikunu nixfu u dan jista' jsir bl-idejn, direttament fuq il-pjanta fil-mixtliet, miżwed miżwed, inkella billi l-pjanti jinqalgħu mill-għeruq biex jiġu pproċessati f'postijiet adegwati. Wara dan l-istadju, il-fażola tinqala' mill-miżwed, mekkanikament jew bl-idejn.

    Il-ħżin u l-preservazzjoni jseħħu f'posijiet friski u xotti, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet iġjeniċi u sanitarji adegwati.

    Il-fażola trid tiġi pproċessata fiż-żona ġeografika ddeżinjata, skont dak li huwa previst għat-taqsima partikolari skont l-użu aħħari, u huwa hemmekk li tradizzjonalment iseħħ l-ipproċessar. Iż-żerriegħa, qabel l-ipproċessar, titnaddaf, tingħarbel u tintagħżel qabel ma titqiegħed fi kmamar tal-friża għal perjodu ta' mhux inqas minn 48, f'temperatura ta' taħt l-20 °C jew inqas, biex jinqered il-bumunqar (weevils). Ma jintuża l-ebda trattament kimiku għall-preżervazzjoni tal-prodott.

    Il-fażola kkumerċjalizzata tappartjeni għall-kategoriji “extra” jew “tal-ewwel”, definiti fl-istandard tal-kwalità għall-ħxejjex nexfin, approvati bid-deċiżjoni tas-16 ta' Novembru 1983 (BOE Nru 275 tas-17 ta' Novembru). Il-kontenituri għandhom ikunu ġodda, nodfa u ta' materjali adegwati biex jiffaċilitaw l-ventilazzjoni, il-konservazzjoni u t-trasport tal-prodott kif inhu xieraq. B'mod ġenerali, il-kapaċità tagħhom hija ta' bejn 0,5 u 1 kg.

    4.6.   Rabta: Il-kultura tal-fażola għandha rwol importanti ferm f'din iż-żona, u għadd kbir ta' xogħlijiet bibljografiċi jaffermaw kemm din hija magħrufa, bħalma huma “Descripción económica del Reyno de Galicia” (Lucas Labrada, 1804), “Historia fin de siglo. Descripción geográfica e historia de la provincia de Lugo” (Antonio Correa Fernández, 1900) ou “Geografía del Reino de Galicia” (Carreras y Candi, 1936). Fl-arkivji lokali ta' Vilanova de Lourenzá, tinsab informazzjoni dwar is-suq ta' kull ġimgħa u l-fiera ta' kull xahar li juru l-importanza ta' din il-koltivazzjoni fir-reġjun. Fil-bidu tas-snin 1960, żdiedet ferm il-produzzjoni tal-fażola fir-reġjun ta' La Mariña Luguesa, u l-aktar fil-lokalità ta' Vilanova de Lourenzá u huwa minn dan iż-żmien li d-denominazzjoni Fabas de Lourenzá ġiet żviluppata fis-suq, u dan il-prodott deher taħt dan l-isem f'diversi gwidi gastronomiċi. Minħabba l-importanza u l-popolarità ta' din il-koltivazzjoni fiż-żona, mill-1991 'l hawn, fi tmiem l-ewwel ġimgħa ta' Ottubru ta' kull sena, tiġi ċċelebrata l-festa tal-“Faba de Lourenzá” (“Festa da faba de Lourenzá”), li l-Xunta de Galicia, iddikjarata bħala avveniment ta' interess turistiku.

    Il-widien li fihom tiġi prodotta l-“Faba de Lourenzá” jikkostitwixxu l-aqwa ambjent naturali għall-koltivazzjoni tal-fażola b'mod ġenerali, u b'mod partikolari għall-varjetà “Faba Galaica”. Dawn huma karatterizzati minn ħamrija fonda, rikka, bi skulatura, u ta' konsistenza medja (tal-franka jew franka bil-materja organika) u l-klima hija partikolarment tajba għalihom: sajf umdu u mhux qalil (f'Lourenzá, it-temperatura medja f'Mejju tkun ta' 13,6 °C f'Mejju u 17,0 °C f'Settembru) b'varjazzjonijiet termiċi ħfief bejn il-lejl u n-nhar u bejn jum u ieħor. Dawn il-kundizzjonijiet jinfluwenzaw b'mod fundamentali il-kwalità tal-prodott u jippermettu li jinkisbu żrieragħ ileqqu, bil-ġilda fina u l-polpa ratba, karatteristiċi li magħhom huwa xieraq li nżidu konsistenza tajba u togħma bnina, li jispjegaw kif dan il-prodott japprezzawh ferm il-konsumaturi u li huwa jikseb prezzijiet ogħla fis-suq minn dawk tal-fażola minn postijiet oħra.

    Barra minn hekk, din hija varjetà lokali kkultivata minn żmien ilu mill-bdiewa tar-reġjun ta' A Mariña Luguesa, li għażluha billi żammew l-aqwa żrieragħ minn kull ħsad. Il-bdiewa lokali żammew il-prattiki ta' missirijiethom billi żammew u għażlu l-aqwa xtieli u adattaw il-produzzjoni għall-kundizzjonijiet tat-territorju, biex b'hekk kisbu prodott li huwa marbut ferm mal-post, u li għandu karatteristiċi organolettiċi eċċellenti.

    Ir-rabta stretta bejn il-varjetà “Faba Galaica” u ż-żona ta' produzzjoni delimitata ġiet ikkonfermata fi studju tal-Superior de Investigaciones Científicas (CSIC) li kkonkluda li l-imġiba ta' din il-varjetà f'dak li jirrigwarda l-kwalità kummerċjali taż-żerriegħa (partikolarment il-proporzjon tal-ġilda u l-assorbiment tal-umdità) huwa ferm aħjar meta din tkun ikkoltivata fiż-żona ta' produzzjoni ddeżinjata milli meta din tiġi kkoltivata f'żoni oħra fil-viċin, li wkoll jipproduċu l-fażola.

    4.7.   Korp ta' spezzjoni:

    Isem:

    Instituto Galego da Calidade Alimentaria (Ingacal)

    Indirizz:

    Rúa Fonte dos Concheiros 11, bajo

    E-15703 Santiago de Compostela

    Tel.

    (34) 981 54 00 55

    Faks

    (34) 981 54 00 18

    Posta elettronika:

    sxca.agri@xunta.es

    4.8.   Tikkettar: It-tikketta kummerċjali li tikkorrispondi għall-marka partikolari ta' kull produttur/kumpanija tal-ipproċessar, għandha titwaħħal, wara ċ-ċertifikazzjoni, fuq il-fażola mnixxfa kkummerċjalizzata bl-indikazzjoni ġeografika protetta “Faba de Lourenzá” u għandha titwaħħal ukoll tikketta speċifika għall-IĠP, b'kodiċi alfanumeriku b'numru korrispondenti, awtorizzata u maħruġa mill-korp ta' spezzjoni u li jinkorpora l-marka uffiċjali tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Faba de Lourenzá”.

    Il-kliem bl-indikazzjoni ġeografika protetta “Faba de Lourenzá” għandu jidher bilfors fuq it-tikketta kummerċjali u fuq it-tikketta speċifika tad-denominazzjoni.


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 1


    Top