EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008XC0919(01)

Sommarju ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 30 ta' Jannar 2008 fi proċediment skond l-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 tal-Kunsill (Każ COMP/B-1/39.326 — E.ON Energie AG)

ĠU C 240, 19.9.2008, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 240/6


Sommarju ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-30 ta' Jannar 2008

fi proċediment skond l-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 tal-Kunsill

(Każ COMP/B-1/39.326 — E.ON Energie AG)

(It-test bil-Ġermaniż biss hu dak awtentiku)

(2008/C 240/06)

Fit-30 ta' Jannar 2008 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni fi proċediment skond l-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni kif imfissra fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat  (1). Verżjoni mhux kunfidenzjali bil-lingwa awtentika tat-test kollu tad-Deċiżjoni tal-kwistjoni dwar kompetizzjoni tinsab fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali f'dan l-indirizz:

http://ec.europa.eu/comm/competition/antitrust/cases

Id-Deċiżjoni hija dwar multa ta' EUR 38 miljun li kienet imposta fuq l-impriża E.ON Energie AG (EE) skond l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 tal-Kunsill, peress li EE, matul spezzjoni f'Mejju ta' l-2006, kienet kisret siġill magħmul mill-Kummissjoni. EE għandha l-kwartieri tagħha fi Munich, il-Ġermanja u hija proprjetà tal-E.ON Gruppe. Din hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni imponiet multa lil impriża skond l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 tal-Kunsill.

1.   SOMMARJU TAL-KWISTJONI

Fid-29 ta' Mejju 2006 il-Kummissjoni bdiet verifika mingħajr avviż minn qabel fl-uffiċċji ta' EE, kif ukoll membri oħra tal-E.ON Gruppe, peress li kien hemm x'juri li l-E.ON Gruppe kien involut fi prattiċi anti-kompetittivi. Fil-għaxija ta' l-ewwel ġurnata tal-verifika it-tim li kien qed imexxiha poġġa għadd kbir ta' dokumenti, li ma kinux ikkupjati u ma kinux kollha katalogati, f'kamra li EE poġġiet għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni apposta għal dan il-għan. Il-kap tat-tim ta' spetturi sakkar il-kamra permezz ta' ċavetta mogħtija lilu minn EE, u mal-bieb u ma' l-aperturi tiegħu poġġa siġill ta' sigurtà tal-Kummissjoni, dan sabiex fil-kamra ma jkun jista' jidħol ħadd mingħajr permess. EE ġiet infurmata dwar xi jfisser is-siġill kif ukoll xi jkunu l-konsegwenzi li dan jinkiser.

Meta rritorna fil-għodwa tat-30 ta' Mejju 2006, għall-ħabta tad-8.45, it-tim ta' spetturi ra, fil-preżenza ta' rappreżentanti ta' l-impriża kif ukoll ta' avukati li jirrappreżentaw lill EE, li fuq il-wiċċ kollu tas-siġill imqiegħed fil-għaxija ta' qabel, kien hemm il-marka VOID. Barra minn dan, is-siġill kien imressaq b'xi żewġ millimetri 'l fuq u lejn il-ġenb, ħaġa li nkixfet bil-preżenza ta' kolla mal-bieb kif ukoll ma' l-aperturi. Barra minn dan, wara li s-siġill tneħħa, instabu fdalijiet ta' kolla (fdalijiet tal-marka VOID), fuq in-naħa ta' wara tas-siġill, li ukoll kien jindika ksur tas-siġill.

Wara li nfetaħ il-bieb tal-kamra, it-tim ta' verifika ma setax jikkonferma li l-fajls li kien hemm fiha kienu kollha għadhom hemm.

2.   KIF MEXA L-PROĊESS

Sabiex jiġi ċċarat dak li tassew seħħ, il-Kummissjoni talbet informazzjoni (1) mingħand EE, (2) mingħand il-manifattur tas-siġilli mhux użati, il-kumpanija 3M Europe SA/NV (3M), (3) mingħand il-kumpanija li tagħmel it-tindif għand EE, u (4) mingħand il-kumpanija li EE tafdaha bis-sikurezza tal-bini. Bħala spjegazzjoni possibbli għat-tibdil li kien hemm fis-siġill, EE ressqet il-possibbiltà, li minħabba “twaħħil ħażin tas-siġill fuq il-bażi” (pereż. minħabba l-materjal ta' bini użat), seta ġara li “is-siġill f'xi partijiet ma kienx ġie mwaħħal sew”. Barra minn dan, EE ressqet il-possibbiltà li waħda mill-impjegati tal-kumpanija tat-tindif mesħet is-siġill b'biċċa ta' l-imsieħ imxarrba b'likwidu tat-tindif, u b'hekk is-siġill seta' żelaq xi ftit. Fl-aħħarnett, EE saħqet li fil-lejl in kwistjoni ma deher li kien hemm l-ebda dħul mhux awtorizzat fil-bini, anki jekk barra ċ-ċavetta li ngħatat lill-kap tat-tim ta' spetturi kien hemm oħrajn fiċ-ċirkolazzjoni li huma ta' din l-istess kamra.

Fit-2 ta' Ottubru 2006 il-Kummissjoni għaddiet lil EE l-istqarrija ta' l-oġġezzjonijiet. Hawnhekk il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li s-siġill ġie miksur u li r-responsabbiltà ta' dan għandu jinġarr minn EE bħala dik li għandha l-awtorità fil-bini in kwistjoni. Barra minn dan, il-Kummissjoni rrimarkat li l-funzjonament tajjeb tas-siġill ma kienx affettwat mill-fatt li kien skada l-perjodu tal-garanzija (l-hekk imsejħa shelf-life). B'mod speċjali mhux possibbli li fuq siġill difettuż tidher il-kitba VOID (l-hekk imsejħa “reazzjoni pożittiva ta' difett”). Jekk xejn, siġill difettuż fil-fatt jiġġenera reazzjoni negattiva ta' difett, jiġifieri fil-każ ta' ksur tas-siġill, ma jkun jidher l-ebda sinjal VOID.

Il-Kummissjoni tat lil EE l-aċċess għall-fajl. EE wieġbet, fit-13 ta' Novembru 2006, għall-istqarrija ta' oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni, u ressqet l-argument li s-suspett tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq elementi li għal raġunijiet tekniċi u xjentifiċi li mhumiex sostanzjati u huma skorretti. Fis-seduta orali tas-6 ta' Diċembru 2006, EE uriet filmati miġbuda minnha stess li skond hi juru li s-sinjal VOID jista' jidher anki minħabba effetti esterni, bħal pereżempju ċaqliq fil-ħajt ta' l-uffiċċju (pereż. ikkawżat meta jitriegħed il-bieb magħluq), possibbilment flimkien ma' fatturi oħra (pereż. nuqqas ta' tindif minn qabel ta' fejn ikun twaħħal is-siġill). Madankollu ta' min jenfasizza li l-filmat bl-ebda mod ma juri sinjali li dehru fuq il-medda kollha, bħal dak li deher fit-30 ta' Mejju 2006, iżda biss mat-truf bejn il-bieb u l-apertura tiegħu, fejn is-siġill kellu ċertu ammont ta' laxk. EE issuġġeriet li tagħmel aktar tests dwar kemm is-siġill kien tajjeb għall-iskop li għalih ġie użat.

F'Marzu 2007 EE għaddiet lill-Kummissjoni rapport magħmul minn Istitut Xjentifiku dwar “Investigazzjoni dwar ir-reazzjoni tal-materjal li minnu magħmul is-siġill għal effetti ta' forza u ta' tqaxxir”. Tliet xhur wara EE ippreżentat rapport ieħor dwar “Investigazzjoni dwar ir-reazzjoni tal-materjal li minnu magħmul is-siġill għal forzi ġejjin mit-tiġbid, mill-pressjoni u mit-tqaxxir, wara li jkun espost għas-Synto”. Iż-żewġ rapporti huma bbażati fuq investigazzjoni fuq il-materjal għas-siġilli 7866 ta' 3M, li ta' spiss jintuża f'dan is-settur, u li ntuża għas-siġill li użat il-Kummissjoni u li bħalu jinstabu għall-bejgħ. Ir-rapporti waslu għall-konklużjoni li ċ-ċaqliq tal-ħajt flimkien mal-prodott għat-tindif u fatturi oħra setgħu wasslu għal “reazzjoni posittiva falza” (dehra limitata tas-sinjal VOID, u fdalijiet ta' kolla mad-dawra tas-siġill). Il-Kummissjoni madankollu stabbiliet li t-testijiet saru abbażi ta' kundizzjonijiet differenti minn dawk li kienu prevalenti waqt li kienet qed issir il-verifika, fuq il-post. Ġie stabbilit ukoll li bl-ebda mod ma ġiet ippruvata d-dehra tas-sinjal VOID mal-wiċċ kollu tas-siġill. Barra minn dan, 3M ikkonfermat li s-siġill tal-Kummissjoni kien seta' jibqa' jintuża għal ħafna aktar żmien mit-tul tal-garanzija u li s-sinjal VOID kien sa ċertu punt il-prova li s-siġill kien qed jaqdi l-funzjoni tiegħu.

Fid-Deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni serrħet il-pożizzjoni tagħha wkoll fuq rapport magħmul minn espert tagħha stess. F'April 2006, dan l-esperti wettaq investigazzjonijiet b'xi siġilli fl-uffiċċji ta' EE fi Munich fil-preżenza ta' rappreżentanti ta' EE u ta' żewġ esperti esterni li kienu qed jaħdmu għal EE. Dawn l-investigazzjonijiet saru ma' l-istess bieb li miegħu twaħħal is-siġill fid-29 ta' Mejju 2006. Barra minn dan l-espert għamel testijiet oħrajn fil-laboratorju tiegħu. Fir-rapport tiegħu ta' Mejju 2007, l-espert ikkonferma li l-funzjonament tajjeb tas-siġill ma kien imtellef la għaliex iż-żmien ta' garanzija mogħti mill-manifattur kien għadda u lanqas minħabba li t-tim li kien qed jagħmel il-verifika naqas li jittestja s-siġill jew li jnaddaf il-bieb in kwistjoni. Huwa kkonferma wkoll li ma kienx realistiku li wieħed jispjega d-dehra ta' reazzjoni ta' difett, li bih is-sinjal VOID jidher, bħala l-effett ta' xi materjal tat-tindif fl-uffiċċju u minħabba c-caqlieq tal-ħitan, mingħajr ma nfetaħ is-siġill. Il-konklużjoni kienet li d-dehra tas-sinjal VOID, realistikament, tista' tiġi spjegata biss permezz ta' ksur tas-siġill, jiġifieri li s-siġill kien tneħħa, imbagħad reġa' tpoġġa.

F'“letter of facts” tas-6 ta' Ġunju 2007, li magħha kien mehmuż ir-rapport, il-Kummissjoni infurmat lil EE dwar dawn il-fatti ġodda skoperti, kif ukoll tar-riżultati konsegwenti. EE wieġbet permezz ta' ittra bid-data tas-6 ta' Lulju 2007 u kompliet tesprimi dubji dwar kemm is-siġilli kienu tajbin għall-iskop li ntużaw. EE ressqet l-argument li l-Kummissjoni ma tistax teskludi għal kollox spjegazzjonijiet oħra għall-istat imbagħbas tas-siġilli. EE argumentat ukoll li l-għadd ta' siġilli eżaminati fir-rapport tal-Kummissjoni kien żgħir wisq. Minħabba r-raġunijiet miġjuba hawn fuq, dawn l-argumenti baqgħu ma kkonvinċewx lill-Kummissjoni.

F'Ottubru 2007 EE ppreżentat rapport ieħor u stqarret li l-kundizzjoni tas-siġill setgħet tiġi spjegata bħala riżultat ta' l-effett fuq is-siġill ta' umdità fl-arja, jew inkella taħlita ta' fatturi differenti (iż-żmien tas-siġill, l-effetti tal-mezzi ta' tindif, eċċ). L-espert tal-Kummissjoni madankollu sostna, fi studju ieħor f'Novembru 2007, li l-umdità fl-arja jew inkella taħlita ta' umdità ma' fatturi oħra ma setgħu kkaġunaw l-ebda telf fil-funzjonament tajjeb tas-siġill. Huwa espona wkoll diversi punti mhux konvinċenti fir-rapporti ta' EE, li t-testijiet tagħhom saru f'ċirkostanzi differenti ħafna minn dawk effettivament preżenti fuq il-post. EE ġiet infurmata bil-konklużjonijiet tar-rapport permezz ta' “letter of facts” oħra u wara dan ma ressqet l-ebda argumenti oħra li setgħu jitfgħu dubji fuq il-konklużjoni finali tal-Kummisjoni. Id-dikjarazzjoni bil-ġurament ta' min kien responsabbli miċ-ċwievet li ma kienx hu li fetaħ il-bieb, ippreżentata minn EE f'Jannar 2008, ma setgħetx tbiddel il-pożizzjoni.

3.   KONKLUŻJONI

Huwa stabbilit li s-siġill li tqiegħed fl-ewwel ġurnata wara l-verifki fl-uffiċċji ta' EE inkiser skond it-tifsira l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Din id-dispożizzjoni ma titlobx prova dwar jekk il-bieb fil-fatt infetaħx, jew jekk mil-kamra ssiġillata naqsux xi dokumenti li kienu maħżna fiha. Realistikament wieħed jista' jissopponi li s-siġill inkiser apposta. Min-naħa l-oħra, wieħed jista' jaċċetta li kien hemm ksur tas-siġill minħabba traskuraġni, peress li kien fir-responsabbiltà ġenerali ta' EE li torganizza l-uffiċċji tagħha b'tali mod li tara li żżomm mal-projbizzjoni li s-siġill ma jinkisirx. Minħabba f'hekk, il-Kummissjoni stabbiliet ukoll li EE ma nfurmatx bis-siġill u b'dak li dan ifisser lil dawk kollha li kellhom awtorità jidħlu fil-bini — bħal pereż. l-ħaddiema tat-tindif. Il-Kummissjoni ma setgħet issib, meta wieħed iqis li dan kien l-ewwel każ ta' ksur ta' siġill li fiha l-Kummissjoni kellha timponi multa, l-ebda ċirkostanza li tnaqqas is-serjetà taċ-ċirkostanzi. B'mod speċjali, l-EE ma kkoperatx mal-Kummissjoni aktar minn sa fejn jaslu l-obbligi legali ta' kooperazzjoni.

4.   KONSEGWENZI LEGALI

Meta jkun hemm il-kundizzjonijiet ta' ksur ta' siġill skond it-tifsira ta' l-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista' timponi multa sa massimu ta' 1 % tal-fatturat. Indipendentement mill-każ preżenti, il-ksur ta' siġill jikkostitwixxi ksur tal-liġi serju. Irid għalhekk ikun żgurat, li l-multa jkollha effett deterrenti. Impriża li tkun qed issir verifika dwarha trid tara li ma jkunx jaqblilha li tikser siġill. Min-naħa l-oħra, meta kienet qed tqis kemm għandha tkun il-multa, il-Kummissjoni qieset ukoll iċ-ċirkostanza li dan kien l-ewwel każ li fih kienet qed tintuża din id-dispożizjzoni l-ġdida fir-Regolament (KE) Nru 1/2003. Il-Kummissjoni għalhekk qed timponi multa ta' EUR 38 miljun.

5.   IL-KUMITAT KONSULTATTIV

Fil-25 ta' Jannar 2008, il-Kumitat Konsultattiv dwar kwistjonijiet ta' kartelli u monopolji esprima opinjoni favorevoli għall-abbozz ta' deċiżjoni.


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.


Top