Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TN0160

    Kawża T-160/08 P: Appell ippreżentat fil- 5 ta' Mejju 2008 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mis-sentenza mogħtija fil- 21 ta' Frar 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-31/07, Putterie-De-Beukelaer vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 183, 19.7.2008, p. 23–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.7.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 183/23


    Appell ippreżentat fil-5 ta' Mejju 2008 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mis-sentenza mogħtija fil-21 ta' Frar 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-31/07, Putterie-De-Beukelaer vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-160/08 P)

    (2008/C 183/45)

    Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

    Partijiet

    Appellanti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: C. Berardis-Kayser u K. Herrmann, aġenti)

    Appellata: Françoise Putterie-De-Beukelaer (Brussell, il-Belgju)

    Talbiet ta' l-appellanti

    tannulla s-sentenza appellata;

    tirrinvija l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

    tirriżerva l-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Permezz tal-preżenti appell, il-Kummissjoni talbet l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tal-21 ta' Frar 2008, mogħtija fil-kawża Putterie-De-Beukelaer vs Il-Kummissjoni, F-31/07, li biha t-TSP annulla r-rapport ta' żvilupp tal-karriera ta' F. Putterie-De-Beukelaer li jirrigwarda l-perijodu mill-1 ta' Jannar 2005 sal-31 ta' Diċembru 2005 safejn il-potenzjal tagħha li teżerċita funzjonijiet li jaqgħu fil-kategorija B* ma ġiex rikonoxxut.

    In sostenn ta' l-appell tagħha, il-Kummissjoni invokat aggravju wieħed ibbażat, minn naħa, fuq ksur mit-TSP tal-prinċipji dwar il-portata ta' l-istħarriġ imwettaq ex ufficio mill-qorti Komunitarja u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-projbizzjoni li tingħata deċiżjoni ultra petita.

    Il-Kummissjoni tqis li t-TSP ma kellux dritt li jqajjem ex ufficio motiv dwar il-legalità fil-mertu ta' l-att ikkontestat ibbażat fuq interpetazzjoni żbaljata tal-kampi ta' applikazzjoni rispettivi ta' l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej u ta' l-Artikolu 10(3) ta' l-Anness XIII ta' l-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, safejn il-motivi dwar il-mertu ma jikkostitwixxux eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà għal raġunijiet ta' ordni pubbliku.

    B'mod sussidjarju, il-Kummissjoni ssostni li, safejn il-motivi 75 u 76 tas-sentenza appellata jistgħu jitqiesu bħala skonnessi mill-motiv ibbażat fuq il-legalità fil-mertu ta' l-att ikkontestat u jistgħu jiġu kkunsidrati bħala motiv distint ibbażat fuq in-nuqqas ta' kompetenza ta' l-awtur ta' l-att ikkontestat, it-TSP kiser id-drittijiet ta' difiża tal-Kummissjoni, peress li din ma nstemgħetx fuq dan l-aspett skond l-Artikolu 77 tar-Regoli tal-Proċedura tat-TSP.


    Top